20.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 78/41


REGOLAMENT (UE) Nru 229/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Marzu 2013

li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ġew stabbiliti miżuri speċifiċi fil-qasam agrikolu biex jiġu rrimedjati d-diffikultajiet b’riżultat tas-sitwazzjoni ġeografika partikolari f’uħud mill-ġżejjer minuri fil-Baħar Eġew permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (3). Dawn il-miżuri ġew implimentati permezz tal-programm ta’ appoġġ li jikkonsisti f’għodda essenzjali għall-provvista ta’ prodotti agrikoli lil dawn il-gżejjer u għall-appoġġ fil-produzzjoni agrikola lokali. Fid-dawl tal-ħtieġa tal-aġġornament tal-miżuri attwali, anke bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, huwa meħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1405/2006 jitħassar u jiġi sostitwit b’Regolament ġdid.

(2)

Jeħtieġ li jiġu speċifikati l-objettivi fundamentali li l-kisba tagħhom tista’ sseħħ bl-għajnuna tal-iskema li tippromwovi l-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew.

(3)

Jeħtieġ ukoll li jiġi speċifikat il-kontenut tal-programm ta’ appoġġ għall-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew (minn hawn ’il quddiem “il-programm tal-appoġġ”), li l-Greċja għandha tistabbilixxi fil-livell ġeografiku l-aktar xieraq, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u għandha tippreżentah lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.

(4)

Sabiex l-objettivi tal-iskema favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew jinkisbu b’mod aktar effettiv, il-programm ta’ appoġġ għandu jinkludi miżuri li jiggarantixxu l-provvista ta’ prodotti agrikoli u l-preservazzjoni u l-iżvilupp tal-produzzjoni agrikola lokali. Jeħtieġ li l-livell tal-programmazzjoni jkun armonizzat u li jkun hemm approċċ sistematiku ta’ sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Greċja. Il-Kummissjoni għandha tadotta proċeduri u indikaturi biex tiżgura l-implimentazzjoni mingħajr xkiel u l-monitoraġġ adegwat tal-programm.

(5)

B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u sabiex tkun żgurata l-flessibbiltà, bħala l-prinċipji li huma l-bażi tal-approċċ tal-programmazzjoni adottat għall-arranġamenti favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew, l-awtoritajiet maħtura mill-Ġreċja jistgħu jipproponu emendi fil-programm sabiex jadattawh għar-realtà ta’ dawn il-gżejjer. Għal dak il-għan, involviment aktar sinifikanti min-naħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti u minn partijiet interessati oħra, għandu jiġi mħeġġeġ. Fl-istess spirtu, il-proċedura tal-emendi tal-programm għandha tkun adattata għal-livell ta’ rilevanza ta’ kull tip ta’ emenda.

(6)

Is-sitwazzjoni ġeografika partikolari ta’ uħud mill-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew, timponi spejjeż ta’ trasport addizzjonali fil-provvista ta’ prodotti essenzjali għall-konsum tal-bniedem, għall-ipproċessar jew bħala inputs agrikoli. Barra minn hekk, fatturi oġġettivi oħrajn li jirriżultaw mill-insularità u mid-distanza mis-swieq jimponu aktar xkiel għall-operaturi ekonomiċi u l-produtturi ta’ dawn il-gżejjer fil-Baħar Eġew li jolqtu l-attivitajiet tagħhom b’mod negattiv. F’ċerti każijiet, l-operaturi u l-produtturi jbatu minn “insularità doppja”, li tikkonsisti fil-fatt li l-provvista tkun qed issir permezz ta’ gżejjer oħrajn. Dawk in-nuqqasijiet jistgħu jitranġaw billi jitbaxxew il-prezzijiet ta’ dawk il-prodotti essenzjali. Għaldaqstant jaqbel li jiġu introdotti arranġamenti speċifiċi ta’ provvista biex jiggarantixxu l-provvista tal-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u jikkumpensaw għall-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-insularità u ċ-ċokon tagħhom, u mid-distanza tagħhom mis-swieq.

(7)

Il-problemi tal-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew huma aċċentwati biċ-ċokon tal-gżejjer. Sabiex tkun garantita l-effettività tal-miżuri previsti, dawn il-miżuri għandhom japplikaw għall-Gżejjer Eġej kollha minbarra Kreta u Euboea.

(8)

Sabiex jintlaħaq l-għan li jitbaxxew il-prezzijiet fil-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u jitnaqqsu l-ispejjeż żejda minħabba l-insularità u ċ-ċokon tagħhom, u d-distanza tagħhom mis-swieq filwaqt li tinżamm il-kompetittività tal-prodotti tal-Unjoni, għandha tingħata għajnuna għall-provvista ta’ prodotti tal-Unjoni fil-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew. Din l-għajnuna għandha tqis l-ispejjeż żejda tat-trasport lejn il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew, u fil-każ ta’ inputs agrikoli u prodotti intenzjonati għall-ipproċessar, għandhom jitqiesu l-ispejjeż minħabba l-insularità, iċ-ċokon u d-distanza mis-swieq.

(9)

Sabiex ikunu evitati l-ispekulazzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-utenti finali fil-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew, jeħtieġ ikun speċifikat li l-prodotti ta’ kwalità tajba, ġusta u kummerċjabbli biss jistgħu jibbenefikaw mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista.

(10)

Ladarba l-kwantitajiet koperti bl-arranġamenti ta’ provvisti speċifiċi huma limitati għall-ħtiġijiet tal-provvista tal-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew, dawk l-arranġamenti ma għandhomx ifixklu l-funzjonament korrett tas-suq intern. Lanqas ma għandhom il-vantaġġi ekonomiċi tal-arranġamenti speċifiċi tal-provvista iwasslu għal devjazzjonijiet fil-kummerċ tal-prodotti konċernati. Għaldaqstant il-ħruġ jew l-esportazzjoni ta’ dawn il-prodotti mill-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew għandhom ikunu pprojbiti. Madankollu, il-ħruġ jew l-esportazzjoni ta’ dawn il-prodotti għandhom ikunu awtorizzati meta l-vantaġġ li jirriżulta mill-arranġamenti speċifiċi tal-provvista jkun rimborsat.

(11)

Fil-każ tal-prodotti pproċessati, għandu jkun awtorizzat il-kummerċ bejn il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u l-ispejjeż tat-trasport fir-rigward ta’ dawn il-prodotti għandhom jitnaqqsu, biex ikun possibbli l-kummerċ bejn dawn il-gżejjer. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-flussi kummerċjali fi ħdan il-kummerċ reġjonali u l-esportazzjonijiet u l-ħruġ tradizzjonali mal-bqija tal-Unjoni jew il-pajjiżi terzi u l-esportazzjonijiet ta’ prodotti pproċessati li jikkorrispondu għall-flussi ta’ skambji tradizzjonali, għandha tkun awtorizzata.

(12)

Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-arranġamenti speċifiċi ta’ forniment, il-vantaġġi ekonomiċi tal-arranġamenti għandhom ikunu riflessi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni u għandhom ibaxxu l-prezzijiet sal-istadju tal-utent aħħari. Għalhekk huma għandhom jingħataw biss bil-kondizzjoni li fil-fatt jibqgħu għaddejjin minn stadju għall-ieħor, u li jsiru kontrolli adegwati.

(13)

Jeħtieġ li jiġu introdotti regoli għall-funzjonament tal-iskema, b’ mod partikolari dawk dwar il-ħolqien ta’ reġistru tal-operaturi u ta’ sistema ta’ ċertifikati mfassla fuq iċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 161 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (4).

(14)

Il-politika tal-Unjoni favur il-produzzjoni lokali fil-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew, stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1405/2006 tikkonċerna diversi prodotti u miżuri favur il-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar tagħhom. Dawk il-miżuri wrew li huma effettivi u żguraw li nżammu u ġew żviluppati l-attivitajiet agrikoli. L-Unjoni għandha tkompli tgħin lil din il-produzzjoni, li hija fattur ewlieni fil-bilanċ ambjentali, soċjali u ekonomiku tal-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew. L-esperjenza wriet li, bħal fil-każ tal-politika dwar l-iżvilupp rurali, l-isħubija aktar mill-qrib mal-awtoritajiet lokali tista’ tgħin biex jiġu indirizzati aktar direttament il-problemi speċifiċi tal-gżejjer milquta. Għalhekk għandu jitkompla l-appoġġ lill-produzzjonijiet lokali permezz tal-programm ta’ appoġġ, stabbilit għall-ewwel darba permezz tar-Regolament (KE) Nru 1405/2006. F’dak ir-rigward għandha ssir enfasi fuq l-ippreservar tal-wirt agrikolu tradizzjonali u l-karatteristiċi tradizzjonali ta’ metodi ta’ produzzjoni u ta’ prodotti lokali u organiċi.

(15)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-elementi minimi li għandhom jingħataw fil-programm ta’ għajnuna biex ikunu definiti l-miżuri li jappoġġaw il-produzzjoni agrikola lokali, b’mod partikolari d-deskrizzjoni tal-post, tal-istrateġija proposta, tal-għanijiet u tal-miżuri. Il-prinċipji li huma sottostanti għall-konsistenza ta’ dawk il-miżuri ma’ linji politiċi oħrajn tal-Unjoni għandhom jiġu ddikjarati ukoll sabiex ikunu evitati kwalunkwe inkompatibbiltà u d-duplikazzjoni tal-għajnuna.

(16)

Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandu jkun possibbli li l-programm ta’ appoġġ jinkludi miżuri għall-finanzjament ta’ studji, ta’ proġetti dimostrattivi, ta’ taħriġ u ta’ assistenza teknika.

(17)

Il-bdiewa fuq il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew għandhom jiġu mħeġġa jfornu prodotti ta’ kwalità, u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti għandha tiġi megħjuna.

(18)

Tista’ tingħata deroga mill-politika konsistenti tal-Kummissjoni li ma jiġux awtorizzati għajnuniet operattivi mill-Istat għall-produzzjoni, ipproċessar, kummerċjalizzazzjoni u trasport ta’ prodotti agrikoli koperti mill-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) sabiex jittaffew ir-restrizzjonijiet speċifiċi fuq il-produzzjoni agrikola tal-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew minħabba l-insularità, iċ-ċokon, it-terren muntanjuż u l-klima tagħhom, id-dipendenza ekonomika tagħhom minn għadd żgħir ta’ prodotti u d-distanza tagħhom mis-swieq.

(19)

L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma għandhiex tipperikola l-livell ta’ appoġġ speċifiku li s’issa bbenefikaw minnu l-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew. Għal din ir-raġuni, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-miżuri li jixirqu, il-Greċja għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha ammonti ekwivalenti għall-appoġġ diġà mogħti mill-Unjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 1405/2006.

(20)

Mill-2007, ir-rekwiżiti tal-prodotti essenzjali kibru fil-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew minħabba t-tkabbir tal-merħliet u tal-pressjoni demografika. Jeħtieġ għalhekk li tiżdied il-parti tal-baġit li l-Greċja tista’ tuża għall-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista fil-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew.

(21)

Sabiex il-Greċja tkun tista’ tevalwa l-elementi kollha rigward l-implimentazzjoni tal-programm ta’ appoġġ għas-sena preċedenti u biex il-Kummissjoni tiġi ppreżentata b’rapport ta’ evalwazzjoni annwali kompluta, id-data għall-preżentazzjoni tar-rapport imsemmi għandha tkun posposta mit-30 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara s-sena ta’ referenza.

(22)

Il-Kummissjoni għandha tkun meħtieġa tressaq rapport ġenerali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2016, u sussegwentement kull ħames snin, dwar l-impatt tal-miżuri meħuda biex dan ir-Regolament jiġi implimentat, u skont il-każ, dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet xierqa.

(23)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tar-reġim introdott minn dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat, fir-rigward tas-supplimentar jew l-immodifikar ta’ ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qiegħda tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(24)

Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni uniformi għall-implimentazzjoni fil-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew b’relazzjoni ma’ skemi simili oħra u biex tkun evitata d-distorsjoni fil-kompetizzjoni jew diskriminazzjonijiet bejn l-operaturi, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (5).

(25)

Sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni fil-pront tal-miżuri previsti, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U OBJETTIVI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri agrikoli speċifiċi biex jiġu mitigati d-diffikultajiet li jirriżultaw mill-insularità, miċ-ċokon u mid-distanza mis-swieq tal-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew (“il-gżejjer minuri”).

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “il-gżejjer minuri” tfisser il-gżejjer kollha fil-Baħar Eġew ħlief il-gżejjer ta’ Kreta u Euboea.

Artikolu 2

Objettivi

1.   Il-miżuri speċifiċi previsti fl-Artikolu 1 għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi li ġejjin:

(a)

il-garanzija tal-provvista ta’ prodotti essenzjali lill-gżejjer minuri għall-konsum mill-bniedem jew għall-ipproċessar u bħala inputs agrikoli billi jittaffew l-ispejjeż żejda li jirriżultaw mill-insularità u ċ-ċokon tagħhom u mid-distanza tagħhom mis-swieq;

(b)

il-preservazzjoni u l-iżvilupp tal-attivitajiet agrikoli fil-gżejjer minuri, inklużi l-produzzjoni, ipproċessar, kummerċjalizzazzjoni u trasport tal-prodotti lokali kemm ipproċessati kif ukoll mhux ipproċessati.

2.   L-objettivi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu implimentati permezz tal-miżuri msemmija fil-Kapitoli III, IV u V.

KAPITOLU II

PROGRAMM TA’ APPOĠĠ

Artikolu 3

L-istabbiliment tal-programm ta’ appoġġ

1.   Il-miżuri previsti fl-Artikolu 1 għandhom ikunu definiti permezz ta’ programm ta’ appoġġ li jinkludi:

(a)

arranġamenti speċifiċi ta’ provvista kif previst fil-Kapitolu III, u

(b)

miżuri speċifiċi li jgħinu l-produzzjonijiet agrikoli lokali, kif previst fil-Kapitolu IV.

2.   Il-programm ta’ appoġġ għandu jiġi stabbilit fil-livell ġeografiku li l-Greċja tikkunsidra l-aktar xieraq. Dan għandu jitfassal mill-awtoritajiet kompetenti lokali u reġjonali maħtura mill-Greċja, li għandha tressqu quddiem il-Kummissjoni għall-approvazzjoni skont l-Artikolu 6 wara li tikkonsulta mal-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet kompetenti fil-livell territorjali xieraq.

Artikolu 4

Kompatibbiltà u konsistenza

1.   Il-miżuri meħuda fl-ambitu tal-programm ta’ appoġġ għandhom ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni. Dawn il-miżuri għandhom ikunu konsistenti ma’ kwalunkwe politika oħra tal-Unjoni u mal-miżuri meħuda taħt tali politika.

2.   Għandha tkun żgurata l-konsistenza tal-miżuri meħuda taħt il-programm ta’ appoġġ b’miżuri implimentati taħt strumenti oħrajn tal-politika agrikola komuni, u b’mod partikolari fl-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq, l-iżvilupp rurali, il-kwalità tal-prodotti, it-trattament xieraq tal-annimali u l-protezzjoni tal-ambjent.

B’mod partikolari, ebda miżura taħt dan ir-Regolament ma għandha tkun iffinanzjata bħala:

(a)

appoġġ addizzjonali għal skemi ta’ għotjiet jew skemi ta’ għajnuna fl-ambitu ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq ħlief f’każijiet eċċezzjonali ġġustifikati minn kriterji oġġettivi;

(b)

appoġġ għal proġetti ta’ riċerka, miżuri ta’ appoġġ għal proġetti ta’ riċerka u miżuri eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (6);

(c)

appoġġ għall-miżuri fl-ambitu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (7).

Artikolu 5

Il-kontenut tal-programm ta’ appoġġ

Il-programm ta’ appoġġ għandu jinkludi:

(a)

skeda għall-implimentazzjoni tal-miżuri u tabella finanzjarja ġenerali annwali indikattiva li turi r-riżorsi li għandhom jintużaw;

(b)

prova tal-kompatibbiltà u l-konsistenza bejn id-diversi miżuri tal-programmi kif ukoll id-definizzjoni tal-kriterji u l-indikaturi kwantitattivi li għandhom jintużaw għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni;

(c)

il-passi meħuda biex jiġi żgurat li l-programm jiġi implimentat b’mod effettiv u adegwat, inkluż l-arranġamenti għall-pubbliċità, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, u sett speċifiku ta’ indikaturi kwantifikati għall-użu fl-evalwazzjoni;

(d)

il-ħatra ta’ awtoritajiet kompetenti u korpi responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programm u l-ħatra ta’ awtoritajiet jew ta’ korpi assoċjati u msieħba soċjoekonomiċi fil-livelli xierqa, u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet li jkunu saru.

Artikolu 6

L-approvazzjoni u l-emendamenti tal-programm

1.   Il-programm ta’ appoġġ huwa stabbilit taħt ir-Regolament (KE) Nru 1405/2006 u huwa ffinanzjat fil-qafas tal-allokazzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 18(2) u (3).

Il-programm jinkludi bilanċ previst tal-provvista li jindika l-prodotti, il-kwantitajiet tagħhom u l-ammont ta’ għajnuna għall-provvista mill-Unjoni, flimkien ma’ abbozz tal-programm ta’ appoġġ għall-produzzjoni lokali.

2.   Abbażi tal-evalwazzjoni annwali tal-implimentazzjoni tal-miżuri inklużi fil-programm ta’ appoġġ, il-Greċja tista’ tippreżenta lill-Kummissjoni proposti debitament sostanzjati għall-emendament ta’ dawk il-miżuri, fil-qafas tal-allokazzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 18(2) u (3), sabiex jadattawhom aħjar għall-ħtiġijiet tal-gżejjer minuri u għall-istrateġija proposta. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità tal-emendi proposti mal-liġi tal-Unjoni u biex jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu approvati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).

3.   Il-proċeduri stipulati mill-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jieħdu kont tal-elementi li ġejjin: l-importanza tal-modifiki proposti mill-Ġreċja b’referenza għall-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda, jekk il-bidliet fil-baġit allokat għall-miżuri humiex sostanzjali, bidliet fil-kwantitajiet u fil-livell ta’ għajnuna għall-prodotti fil-bilanċi previsti tal-provvista, u kwalunkwe emenda tal-kodiċijiet u d-deskrizzjonijiet stipulati fil-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (8).

4.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiddeterminaw ukoll, għal kull proċedura, il-frekwenza li biha għandhom isiru t-talbiet għal emendi, kif ukoll l-iskadenzi li fihom għandhom jiġu implimentati l-emendi approvati.

Artikolu 7

Monitoraġġ u segwitu

Il-Greċja għandha twettaq kontrolli permezz ta’ kontrolli amministrattivi u dawk ta’ fuq il-post. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward il-karatteristiċi minimi tal-kontrolli magħmula mill-Greċja.

Il-Kummissjoni għandha wkoll tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward il-proċeduri u l-indikaturi fiżiċi u finanzjarji sabiex tiżgura monitoraġġ effikaċi tal-implimentazzjoni tal-programm.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).

KAPITOLU III

ARRANĠAMENTI SPEĊIFIĊI TA’ PROVVISTA

Artikolu 8

Bilanċ previst ta’ provvista

1.   B’dan huma stabbiliti arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għall-prodotti agrikoli tal-Unjoni elenkati fl-Anness I tat-Trattat (“il-prodotti agrikoli”) li huma essenzjali fil-gżejjer minuri għall-konsum mill-bniedem jew għall-manifattura ta’ prodotti oħrajn jew bħala inputs agrikoli.

2.   Il-Greċja għandha tistabbilixxi, fil-livell ġeografiku li hija tqis l-aktar adatt, bilanċ previst tal-provvista għall-kwantifikazzjoni tar-rekwiżiti annwali ta’ provvista fil-gżejjer minuri fir-rigward tal-prodotti agrikoli.

Tista’ ssir previżjoni separata tal-bilanċ għar-rekwiżiti tal-intrapriżi tal-ippakkjar jew l-ipproċessar ta’ prodotti maħsuba għas-suq lokali, għat-tqassim fil-bqija tal-Unjoni jew għal esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, bħala parti mill-kummerċ reġjonali f’konformità mal-Artikolu 13(2) u (3), jew fi ħdan il-kuntest tal-flussi tradizzjonali tal-kummerċ.

Artikolu 9

Il-funzjonament tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista

1.   Għandha tingħata għajnuna għall-finijiet tal-provvista ta’ prodotti agrikoli lill-gżejjer minuri.

L-ammont tal-għajnuna għandu jkun iffissat għal kull prodott konċernat, u għandu jieħu kont tal-ispejjeż addizzjonali tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti f’dawn il-gżejjer minuri, ikkalkulati mill-portijiet tal-Greċja kontinentali li minnhom normalment jitilqu il-provvisti, u mill-portijiet tal-gżejjer ta’ transitu jew tat-tagħbija ta’ prodotti għall-gżejjer tad-destinazzjoni finali. Fil-każ ta’ inputs agrikoli u ta’ prodotti intenzjonati għall-ipproċessar, id-determinazzjoni tal-għajnuna għandha tikkunsidra l-ispejjeż addizzjonali assoċjati mal-insularità, iċ-ċokon u d-distanza mis-swieq.

2.   L-arranġamenti speċifiċi tal-provvista għandhom japplikaw biss għall-prodotti ta’ kwalità tajba, ġusta u kummerċjabbli.

Artikolu 10

Implimentazzjoni

Fl-implimentazzjoni tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għandu jittieħed kont partikolarment ta’ dawn li ġejjin:

(a)

il-bżonnijiet speċifiċi tal-gżejjer minuri u r-rekwiżiti preċiżi ta’ kwalità;

(b)

il-flussi tradizzjonali tan-negozju mal-portijiet tal-Greċja kontinentali u bejn il-gżejjer fil-Baħar Eġew;

(c)

l-aspett ekonomiku tal-għajnuna proposta;

(d)

fejn applikabbli, il-ħtieġa li ma jiġix imfixkel l-iżvilupp tal-prodotti lokali.

Artikolu 11

Ċertifikati

1.   L-għajnuna prevista fl-Artikolu 9(1) għandha tingħata mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat.

Iċ-ċertifikati għandhom jinħarġu biss lil dawk l-operaturi mdaħħla f’reġistru miżmum mill-awtoritajiet kompetenti.

Dawk iċ-ċertifikati m’għandhomx ikunu trasferibbli.

2.   Ma għandha tkun meħtieġa l-ebda garanzija mal-applikazzjoni għal ċertifikat. Madankollu, sal-punt neċessarju biex tiġi żgurata applikazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tista’ tesiġi li tiġi stabbilita garanzija ugwali għall-ammont tal-vantaġġ imsemmi fl-Artikolu 12. F’dawn il-każijiet, għandu japplika l-Artikolu 34(1), (4), (5), (6), (7) u (8) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (9).

Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati taħt l-Artikolu 21, li jiddeterminaw l-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-operaturi fir-reġistru u li jipprovdu għall-eżerċizzju sħiħ mill-operaturi tad-drittijiet tagħhom li jieħdu sehem fl-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar il-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura l-applikazzjoni uniformi mill-Greċja ta’ dan l-Artikolu li speċifikament jirrigwarda l-introduzzjoni tal-iskema taċ-ċertifikati, u l-impenn meħud mill-operaturi meta jirreġistraw. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).

Artikolu 12

L-impatt tal-vantaġġ

1.   Il-benefiċċju tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista li jirriżulta mill-għoti tal-għajnuna għandu jkun soġġett għall-kondizzjoni li l-impatt tal-vantaġġ ekonomiku jiġi mgħoddi sal-utent finali li, skont il-każ, jista’ jkun il-konsumatur fil-każ ta’ prodotti maħsuba għall-konsum dirett, min jipproċessa jew jippakkja l-aħħar fil-każ ta’ prodotti maħsuba għall-industrija tal-ipproċessar jew tal-ippakkjar, jew il-bdiewa fil-każ tal-prodotti użati għall-għalf tal-annimali jew bħala inputs agrikoli.

Il-vantaġġ msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun ugwali għall-ammont tal-għajnuna.

2.   Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward l-applikazzjoni tar-regoli stipulati fil-paragrafu 1 u b’mod partikolari l-kondizzjonijiet għall-monitoraġġ mill-Istat Membru li l-vantaġġ ġie effettivament imgħoddi sal-utent aħħari. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).

Artikolu 13

L-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u l-ispedizzjoni lejn il-bqija tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti li f’konformità magħhom il-prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista jistgħu jkunu esportati lejn pajjiżi terzi jew jiġu spediti lejn il-bqija tal-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).

Dawk ir-rekwiżiti għandhom jinkludu b’mod partikolari r-rimborż tal-għajnuna riċevuta taħt l-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista.

L-esportazzjoni lejn il-pajjiżi terzi tal-prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi tal-provvista ma għandhiex tkun soġġetta għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat.

2.   L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-prodotti pproċessati fil-gżejjer minuri bl-użu ta’ prodotti li jkunu bbenefikaw minn arranġamenti speċifiċi ta’ provvista li huma:

(a)

esportati lejn pajjiżi terzi jew spediti lejn il-bqija tal-Unjoni fil-limiti tal-ispedizzjonijiet u l-esportazzjonijiet tradizzjonali;

(b)

esportati lejn pajjiżi terzi bħala parti mill-flussi reġjonali ta’ kummerċ f’konformità mad-destinazzjonijiet u d-dispożizzjonijiet dettaljati li għandhom jiġu determinati mill-Kummissjoni;

(c)

spediti bejn il-gżejjer minuri.

L-esportazzjoni lejn il-pajjiżi terzi tal-prodotti msemmija, il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, ma għandhiex tkun soġġetta għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat.

Ma għandux jingħata rimbors għall-prodotti esportati msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-limiti tal-kwantitajiet tal-prodotti msemmija fil-punt (a) u l-provvisti dettaljati msemmija fil-punt (b). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).

3.   L-operazzjonijiet ta’ pproċessar, li jistgħu jagħtu lok għal esportazzjonijiet ta’ negozju tradizzjonali jew spedizzjonijiet tradizzjonali għandhom jissodisfaw, mutatis mutandis, il-kondizzjonijiet ta’ pproċessar applikabbli taħt il-kontroll doganali previst mil-leġiżlazzjoni relevanti tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-forom abitwali kollha ta’ trattament.

Artikolu 14

Kontrolli u penalitajiet

1.   Il-prodotti agrikoli koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli amministrattivi meta jiġu introdotti fil-gżejjer minuri kif ukoll meta jiġu esportati jew spediti minnhom.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar il-karatteristiċi minimi tal-kontrolli magħmula mill-Greċja. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2):

2.   Ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri jew ta’ kondizzjonijiet klimatiċi straordinarji, jekk operatur, kif imsemmi fl-Artikolu 11, jonqos milli jkun konformi mal-impenji meħuda taħt dak l-Artikolu, l-awtorità kompetenti, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe sanzjoni applikabbli taħt il-liġi nazzjonali, għandha:

(a)

tirkupra l-vantaġġ mogħti lill-operatur;

(b)

tissospendi temporanjament jew tirrevoka r-reġistrazzjoni tal-operatur, skont il-gravità tan-nuqqas ta’ konformità.

3.   Ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri jew ta’ kondizzjonijiet klimatiċi straordinarji, fejn operaturi, kif imsemmi fl-Artikolu 11, ma jagħmlux l-entratura ppjanata, l-intitolament tagħhom li japplikaw għal ċertifikati għandu jiġi sospiż mill-awtorità kompetenti għal perjodu ta’ 60 jum wara li jkun skada dak iċ-ċertifikat. Wara l-perjodu tas-sospensjoni, il-ħruġ ta’ ċertifikati sussegwenti għandu jkun suġġett għad-depożitu ta’ garanzija ugwali għall-ammont tal-benefiċċju li għandu jingħata matul perjodu taż-żmien li jrid ikun stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti.

L-awtorità kompetenti għandha tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex tuża mill-ġdid kull kwantità ta’ prodotti magħmula disponibbi bħala riżultat tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, eżekuzzjoni parzjali jew il-kanċellament taċ-ċertifikati maħruġa jew l-irkupru tal-benefiċċju.

KAPITOLU IV

MIŻURI TA’ GĦAJNUNA GĦALL-PRODOTTI AGRIKOLI LOKALI

Artikolu 15

Miżuri

1.   Il-programm ta’ għajnuna jinkludi l-miżuri meħtieġa sabiex ikunu żgurati l-kontinwità u l-iżvilupp ta’ produzzjoni agrikola lokali fil-gżejjer minuri fl-ambitu tat-Titolu III tal-Parti 3 tat-Trattat.

2.   Il-parti tal-programm iddedikata għall-miżuri ta’ għajnuna għall-prodotti agrikoli lokali għandha tinkludi tal-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni kwantifikata tas-sitwazzjoni attwali ta’ din il-produzzjoni agrikola li tqis ir-riżultati tal-evalwazzjoni disponibbli, li turi d-differenzi, in-nuqqasijiet u l-potenzjali għall-iżvilupp u r-riżorsi finanzjarji użati;

(b)

deskrizzjoni tal-istrateġija proposta, il-prijoritajiet magħżula u l-għanijiet ġenerali u operattivi kwantifikati, u valutazzjoni li turi l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali mistenni, inklużi l-effetti fuq l-impjiegi;

(c)

deskrizzjoni tal-miżuri previsti, b’mod partikolari l-iskemi ta’ għajnuna għall-implimentazzjoni tagħhom, u, fejn ikun meħtieġ, tagħrif dwar il-ħtiġijiet għal kwalunkwe studju, proġett dimostrattiv, operazzjonijiet ta’ taħriġ jew ta’ assistenza teknika marbuta mat-tħejjija, l-implimentazzjoni jew l-adattament tal-miżuri kkonċernati;

(d)

il-lista tal-għajnuniet li jikkostitwixxu pagamenti diretti fis-sens tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa (10);

(e)

l-ammont ta’ għajnuna stabbilit għal kull miżura u l-ammont provviżorju għal kull azzjoni bl-għan li jintlaħaq għan wieħed jew aktar tal-programm.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar rekwiżiti għall-provvista tal-għajnuna msemmija fil-paragrafu 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).

4.   Il-programm jista’ jinkludi miżuri ta’ appoġġ għall-produzzjoni, l-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni u t-trasport tal-prodotti agrikoli pproċessati u mhumiex tal-gżejjer minuri.

Kull miżura tista’ tinqasam f’azzjonijiet. Għal kull azzjoni l-programm għandu jiddefinixxi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

il-benefiċjarji;

(b)

il-kondizzjonijiet ta’ eliġibbiltà;

(c)

l-ammont unitarju tal-għajnuna.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati taħt l-Artikolu 21 dwar il-kondizzjonijiet għall-istabbiliment tal-ammont tal-għajnuna mogħtija fir-rigward tal-appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni u t-trasport ta’ prodotti kemm ipproċessati kif ukoll mhux ipproċessati barra mir-reġjun tal-produzzjoni tagħhom u, fejn ikun il-każ, il-kondizzjonijiet għall-istabbiliment tal-kwantitajiet ta’ prodotti soġġetti għal dik l-għajnuna.

Artikolu 16

Kontrolli u pagamenti mhux dovuti

1.   Il-kontrolli tal-miżuri msemmija f’dan il-Kapitolu għandhom isiru permezz ta’ kontrolli amministrattivi u ta’ kontrolli fuq il-post.

2.   F’każ ta’ pagamenti mhux dovuti, il-benefiċjarju kkonċernat għandu l-obbligu li jħallas lura l-ammonti inkwistjoni. L-Artikolu 80 tar-regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kondizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kondizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (11) għandu japplika mutatis mutandis.

KAPITOLU V

MIŻURI TA’ AKKUMPANJAMENT

Artikolu 17

Għajnuna mill-Istat

1.   Għall-prodotti agrikoli koperti mill-Anness I tat-Trattat, li għalihom japplikaw l-Artikoli 107, 108 u 109 tiegħu, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza, skont it-termini tal-Artikolu 108 tat-Trattat, fis-setturi tal-produzzjoni, ipproċessar, kummerċjalizzazzjoni u trasport ta’ dawn il-prodotti, għajnuniet operattivi bil-għan li jittaffew ir-restrizzjonijiet speċifiċi li hemm fuq il-produzzjoni agrikola għall-gżejjer minuri li jirriżultaw mill-insularità u ċ-ċokon tagħhom, mit-terren muntanjuż u l-klima tagħhom u mid-dipendenza ekonomika tagħhom minn għadd żgħir ta’ prodotti u mid-distanza tagħhom mis-swieq.

2.   Il-Greċja tista’ tagħti finanzjament komplementari għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ appoġġ. F’dan il-każ, il-Greċja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-Kummissjoni tista’ tapprovaha b’konformità ma’ dan ir-Regolament tagħha bħala parti mill-programm ta’ appoġġ. L-għajnuna hekk notifikata għandha titqies bħala notifikata fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u b’deroga mill-Artikolu 180 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 tal-24 ta’ Lulju 2006 li japplika ċerti regoli ta’ kompetizzjoni għall-produzzjoni ta’, u l-kummerċ fi, prodotti agrikoli (12), l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat ma għandhomx japplikaw għall-pagamenti li jkunu saru mill-Greċja, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u bl-applikazzjoni tal-Kapitoli III u IV ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 18

Riżorsi finanzjarji

1.   Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom jikkostitwixxu interventi maħsuba għar-regolarizzazzjoni tas-swieq agrikoli fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (13).

2.   L-Unjoni għandha tiffinanzja l-miżuri previsti fil-Kapitoli III u IV sa ammont annwali massimu ta’ EUR 23,93 miljun.

3.   L-ammont allokat annwalment għall-finanzjament tal-arranġamenti speċifiċi tal-provvista msemmi fil-Kapitolu III m’għandux ikun ta’ aktar minn EUR 7,11 miljun.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti li f’konformità magħhom il-Greċja tista’ temenda l-allokazzjoni tar-riżorsi allokati kull sena għall-prodotti differenti li jibbenefikaw mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, taħt l-Artikolu 21, dwar il-kondizzjonijiet biex jiġi determinat l-ammont annwali massimu li jista’ jiġi allokat għall-miżuri ta’ finanzjament ta’ studji, ta’ proġetti dimostrattivi, ta’ taħriġ u ta’ assitenza teknika, sakemm tali allokazzjoni tkun raġonevoli u proporzjonata.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 19

Miżuri nazzjonali

Il-Greċja għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kontrolli u penalitajiet amministrattivi, u għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar dan.

Artikolu 20

Komunikazzjonijiet u rapporti

1.   Il-Greċja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mill-15 ta’ Frar ta’ kull sena, dwar il-krediti li jkunu saru disponibbli lilha u li jkollha l-ħsieb li tonfoq matul is-sena ta’ wara għall-implimentazzjoni tal-bilanċ previst tal-provvista u dwar kull miżura favur il-produzzjoni agrikola lokali inkluża fil-programm ta’ appoġġ.

2.   Il-Greċja għandha tippreżenta quddiem il-Kummissjoni, mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru ta’ kull sena, rapport dwar l-implimentazzjoni fis-sena preċedenti tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament.

3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2016, u sussegwentement kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ġenerali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li juri l-impatt tal-azzjoni meħuda skont dan ir-Regolament, flimkien ma’ proposti adegwati, fejn applikabbli.

Artikolu 21

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti ddelegati msemmija fl-Artikoli 11(2), 15(4) u 18(4) b’dan tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-21 ta’ Marzu 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal termini ta’ durata identika, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponix tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull terminu.

3.   Id-delegazzjoni tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 11(2), 15(4) u 18(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ revoka f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data ulterjuri stipulata minnha. Din ma għandhiex taffettwa il-validità ta’ kwalunkwe att delegat li huwa diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tinnotifikah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   L-atti delegati adottati taħt l-Artikoli 11(2), 15(4) u 18(4) għandhom jidħlu fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 22

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Pagamenti Diretti mwaqqaf permezz tal-Artikolu 141 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 23

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1405/2006 huwa b’dan imħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw b’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Marzu 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. CREIGHTON


(1)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 82.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Frar 2013 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Frar 2013.

(3)  ĠU L 265, 26.9.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(5)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(6)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(7)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

(8)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Volum 2, p. 382.

(9)  ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3.

(10)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

(11)  ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65.

(12)  ĠU L 214, 4.8.2006, p. 7.

(13)  ĠU L 286M, 4.11.2010, p. 1.


ANNESS

Tabella ta’ korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 1405/2006

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 3(1)

Artikolu 3

Artikolu 8

Artikolu 4(1)

Artikolu 9(1)

Artikolu 4(2)

Artikolu 10

Artikolu 4(3)

Artikolu 12(1)

Artikolu 5

Artikolu 13

Artikolu 7(1)

Artikolu 15(1)

Artikolu 7(2)

Artikolu 3(2)

Artikolu 8

Artikolu 4

Artikolu 9(a), (b)

Artikolu 15(2)

Artikolu 9(c), (d), (e) u (f)

Artikolu 5

Artikolu 10

Artikolu 7, it-tieni paragrafu

Artikolu 11

Artikolu 17

Artikolu 12

Artikolu 18

Artikolu 13

Artikolu 6(1)

Artikolu 14(a)

Artikolu 6(2) sa (4)

Artikolu 14(b)

Artikolu 7, l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu, (2) u (3)

Artikolu 16

Artikolu 19

Artikolu 17

Artikolu 20

Artikolu 18

Artikolu 23

Artikolu 21

Artikolu 24