12.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 209/2013

tal-11 ta’ Marzu 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2073/2005 fir-rigward tal-kriterji mikrobijoloġiċi għan-nibet u r-regoli tal-kampjunar għall-karkassi tat-tjur u l-laħam frisk tat-tjur

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel (1), u partikolarment l-Artikoli 4(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 jistabbilixxi regoli ġenerali għall-operaturi kummerċjali tal-ikel dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel, b’kunsiderazzjoni partikolari għall-proċeduri msejsa fuq l-analiżi tal-prinċipji tal-analiżi tal-perikli u l-punti kritiċi ta’ kontroll (HACCP). L-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament jistipula li l-operaturi kummerċjali tal-ikel għandhom jadottaw miżuri speċifiċi tal-iġjene fir-rigward, fost oħrajn, tal-konformità mal-kriterji mikrobijoloġiċi għall-prodotti tal-ikel u r-rekwiżiti tal-kampjunar u l-analiżi tar-rekwiżiti.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi għall-prodotti tal-ikel (2) jistipula l-kriterji mikrobijoloġiċi għal ċerti mikroorganiżmi u r-regoli ta’ implimentazzjoni li jridu jikkonformaw magħhom l-operaturi kummerċjali tal-ikel fl-implimentazzjoni tal-miżuri ġenerali u speċifiċi tal-iġjene msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004.

(3)

Il-Kapitolu 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005 jistipula l-kriterji tas-sikurezza tal-ikel li ċerti kategoriji tal-ikel għandhom jikkonformaw magħhom, inklużi pjanijiet ta’ kampjunar, metodi analitiċi ta’ referenza u limiti għall-mikroorganiżmi jew it-tossini u l-metaboliti tagħhom. Dak il-Kapitolu jelenka l-kriterji tas-sikurezza tal-ikel għal żerriegħa mnibbta, fir-rigward tas-Salmonella.

(4)

Wara t-tifqigħa tal-E. coli li jipproduċi t-tossina Shiga (STEC) f’Mejju 2011 fl-Unjoni, il-konsum tan-nibet ġie identifikat bħala l-aktar oriġini probabbli tat-tifqigħat.

(5)

Fl-20 ta’ Ottubru 2011, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“EFSA”) adottat Opinjoni Xjentifika dwar ir-riskju li jippreżenta l-Escherichia coli li jipproduċi t-tossina Shiga u batterji patoġenika oħra fiż-żerriegħa u ż-żerriegħa mnibbta (3). Fl-Opinjoni tagħha, l-EFSA tikkonkludi li l-kontaminazzjoni taż-żerriegħa niexfa bil-patoġeni batterjoloġiċi hija l-iktar sors inizjali probabbli tat-tifqigħat assoċjati man-nibet. Barra minn hekk, l-Opinjoni tiddikjara li, minħabba l-livell għoli ta’ umdità u t-temperatura favorevoli waqt it-tnibbit, il-patoġeni batterjoloġiċi preżenti fuq iż-żerriegħa niexfa jistgħu jimmultiplikaw waqt it-tnibbit u dan jirriżulta f’riskju għas-saħħa pubblika.

(6)

Fl-opinjoni tagħha, l-EFSA tirrakkomanda, fost l-oħrajn, li l-kriterji mikrobijoloġiċi għandhom jissaħħu bħala wieħed mill-komponenti ta’ xi sistema tal-immaniġġjar tas-sikurezza tal-ikel għaż-żerriegħa mnibbta fil-katina tal-produzzjoni. Dik ir-rakkomandazzjoni tikkonċerna kriterji mikrobijoloġiċi eżistenti dwar is-Salmonella għal żerriegħa mnibbta u l-kunsiderazzjoni tal-kriterji mikrobijoloġiċi fuq patoġeni oħra. L-EFSA tiddikjara wkoll li d-dejta disponibbli tindika riskju ogħla għal nebbieta meta mqabbla ma’ żerriegħa mnibbta oħra.

(7)

Fl-Opinjoni tagħha, l-EFSA tikkunsidra għażliet differenti għall-kriterji mikrobijoloġiċi għall-E. coli patoġenika għaż-żrieragħ: qabel ma jinbeda l-proċess tal-produzzjoni, matul it-tnibbit u fil-prodott finali. F’dak il-kuntest, l-EFSA tiddikjara li l-individwazzjoni u l-mitigazzjoni aktar bikrija ta’ problema ta’ kontaminazzjoni fil-katina tal-produzzjoni ta’ żerriegħa mnibbta jista’ jkollha vantaġġi minħabba li tevita li l-kontaminazzjoni tkun amplifikat matul il-proċess tat-tnibbit. Hija tirrikonoxxi wkoll li l-ittestjar taż-żrieragħ waħdu ma jippermettix l-individwazzjoni tal-kontaminazzjoni li tista’ sseħħ fi stadju aktar avvanzat tal-proċess tal-produzzjoni. L-EFSA għaldaqstant tikkonkludi li l-kriterji mikrobijoloġiċi jistgħu jkunu utli matul il-proċess tat-tnibbit u/jew għall-prodott finali. Meta jitqiesu l-kriterji mikrobijoloġiċi għaż-żerriegħa mnibbta finali, l-EFSA tinnota li l-ħin meħtieġ għal metodi ta’ individwazzjoni ta’ batterji patoġeniċi flimkien mal-konservabilità qasira jistgħu ma jippermettux l-irtirar tal-prodott f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Fl-opinjoni tagħha l-EFSA tikkunsidra li bħalissa mhuwiex possibbli li tivvaluta l-estent tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika mogħtija permezz ta’ kriterji mikrobijoloġiċi speċifiċi għal żrieragħ u żrieragħ imnibbta. Dan jenfasizza l-ħtieġa ta’ ġbir ta’ dejta għat-twettiq ta’ valutazzjoni kwantitattiva tar-riskju. Għalhekk, dan il-kriterju għandu jiġi rivedut sabiex jitqies l-progress fix-xjenza, it-teknoloġija u l-metodoloġija, il-mikroorganiżmi patoġeniċi li qed jitfaċċaw fil-prodotti tal-ikel, u l-informazzjoni mill-valutazzjoni tar-riskju.

(8)

Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa pubblika fl-Unjoni u fid-dawl ta’ dik l-opinjoni tal-EFSA, ġew adottati r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 211/2013 tal-11 ta’ Marzu 2013 dwar ir-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ nebbieta u żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni ta’ nebbieta (4) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 208/2013 tal-11 ta’ Marzu 2013 dwar ir-rekwiżiti ta’ traċċabilità għal nebbieta u żrieragħ maħsuba għall-produzzjoni ta’ nebbieta (5).

(9)

Minbarra l-miżuri stabbiliti f’dawk l-atti u meta jitqies ir-riskju potenzjali ewlieni għas-saħħa li ġġib magħha l-preżenza possibbli ta’ patoġeni fin-nebbieta, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar kriterji mikrobijoloġiċi addizzjonali wara r-rakkomandazzjonijiet tal-EFSA, b’mod partikolari dwar is-serogruppi STEC li huma kkunsidrati bħala l-aktar sors importanti ta’ tħassib dwar is-saħħa pubblika.

(10)

Il-kriterji mikrobijoloġiċi huma waħda minn diversi għażliet ta’ kontroll fl-oqsma tas-sikurezza tal-ikel u għandhom jintużaw mill-operaturi kummerċjali tal-ikel bħala mezz ta’ verifika tal-implimentazzjoni effettiva tas-sistema tal-immaniġġjar tas-sikurezza tal-ikel. Madankollu, minħabba l-prevalenza baxxa u d-distribuzzjoni eteroġenja ta’ xi patoġeni fiż-żrieragħ u ż-żrieragħ imnibbta, il-limitazzjonijiet tal-istatistika ta’ pjanijiet għall-kampjunar u n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ prattiki agrikoli tajbin fil-produzzjoni taż-żrieragħ, hemm bżonn li jiġu ttestjat il-lottijiet kollha taż-żrieragħ għall-preżenza ta’ patoġeni f’każijiet fejn l-operaturi kummerċjali tal-ikel ma jkunux ħejjew sistemi ta’ ġestjoni tas-sikurezza tal-ikel, inklużi passi li jnaqqsu r-riskju mikrobijoloġiku. Jekk ikunu fis-seħħ sistemi tal-immaniġġar tal-ikel u jekk l-effettività tagħhom tkun ikkonfermata permezz ta’ dejta storika, ikun jista’ jiġi kkunsidrat tnaqqis fil-frekwenza tal-kampjunar. Madankollu, tali frekwenza ma għandha qatt tkun anqas minn darba fix-xahar.

(11)

Meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-kriterji mikrobijoloġiċi għan-nebbieta, għandha tingħata flessibbiltà fir-rigward tal-istadji tal-kampjunar u t-tip ta’ kampjuni li għandhom jittieħdu, sabiex dawn ikunu jqisu d-diversità tas-sistemi tal-produzzjoni, filwaqt li jinżammu standards ekwivalenti ta’ sikurezza alimentari. B’mod partikolari, huwa xieraq li wieħed jipprovdi alternattivi għall-kampjuni ta’ nebbieta f’każijiet fejn il-kampjunar ikun teknikament diffiċli. L-ittestjar tal-ilma tat-tisqija użat għall-batterji patoġeniċi ġiet proposta bħala strateġija alternattiva, għaliex jidher li hija indikatur tajjeb tat-tipi ta’ mikroorganiżmi fin-nebbieta stess. Minħabba l-inċertezzi fir-rigward tas-sensittività ta’ din l-istrateġija, huwa meħtieġ li l-operaturi kummerċjali tal-ikel li jużaw din l-alternattiva, jistabbilixxu pjan ta’ kampjunar, inklużi proċeduri tal-kampjunar u punti tal-ilma tat-tisqija użat.

(12)

Ċerti serogruppi STEC (jiġifieri O157, O26, O103, O111, O145 u O104:H4) huma rikonoxxuti bħala l-kaġun tal-maġġoranza tal-każijiet tas-Sindromu Uremiku Emolitiku (Haemolytic Uremic Syndrome, HUS) li jseħħu fl-UE. Barra minn hekk, is-serogrupp O104:H4 kkawża t-tifqigħa f’Mejju 2011 fl-Unjoni. Għalhekk il-kriterji mikrobijoloġiċi għandhom jiġu kkunsidrati għal dawn is-sitt serogruppi. Ma jistax jiġi eskluż li serogruppi STEC oħra jistgħu jkunu patoġeniċi għall-bnedmin ukoll. Tabilħaqq, it-tali STEC jistgħu jikkawżaw forom inqas gravi tal-mard bħad-dijarea u/jew id-dijarea bid-demm jew jistgħu jikkawżaw ukoll il-HUS u għalhekk jippreżentaw periklu għas-saħħa tal-konsumatur.

(13)

In-nebbieta għandhom ikunu meqjusa bħala ikel lest biex jittiekel, minħabba li dawn jistgħu jiġu kkonsmati mingħajr ma jissajru jew jiġu pproċessati mod ieħor, li li kieku jkunu effettivi biex jeliminaw jew inaqqsu l-mikroorganiżmi patoġeniċi għal livell aċċettabbli. L-operaturi kummerċjali tal-ikel li jipproduċu n-nebbieta għandhom għalhekk jikkonformaw mal-kriterji tas-sikurezza tal-ikel għal ikel lest biex jittiekel stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, inkluż il-kampjunar ta’ żoni tal-ipproċessar u tagħmir bħala parti mill-iskema tagħhom tal-kampjunar.

(14)

Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 fuq il-kontroll tas-Salmonella u aġenti Zoonotiċi oħra speċifiċi li jkun hemm ġewwa l-ikel (6), għandu l-għan li jiżgura li jittieħdu miżuri xierqa u effettivi biex tinstab u tiġi kkontrollata s-Salmonella u aġenti żoonotiċi oħra fl-istadji kollha rilevanti tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni sabiex titnaqqas il-prevalenza tagħhom u r-riskju li jippreżentaw għas-saħħa pubblika.

(15)

Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1086/2011 (7), jistabbilixxi regoli dettaljati dwar kriterju tas-sikurezza tal-ikel tas-Salmonella għal-laħam frisk tat-tjur. Bħala konsegwenza tal-emendi li saru għar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, ir-Regolament (KE) Nru 2073/2005 ġie wkoll emendat bir-Regolament (UE) Nru 1086/2011. Madankollu, b’dik l-emenda, ċerti ambigwitajiet terminoloġiċi ġew introdotti fit-test tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005. Dawk l-ambigwitajiet għandhom, fl-interess taċ-ċarezza u l-konsistenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jiġu ċċarati.

(16)

Ir-Regolament (KE) Nru 2073/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(17)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2073/2005 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2 jiżdied il-punt (m) li ġej:

“(m)

id-definizzjoni ta’ ‘nebbieta’ fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 208/2013 tal-11 ta’ Marzu 2013 dwar ir-rekwiżiti ta’ traċċabilità għal nebbieta u żrieragħ intiżi għall-produzzjoni ta’ nebbieta (*);

(*)  Ara paġna 16 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.”"

(2)

L-Anness I huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1.

(3)  EFSA Journal 2011;9(11):2424.

(4)  Ara paġna 26 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  Ara paġna 16 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1.

(7)  ĠU L 281, 28.10.2011, p. 7.


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005, huwa emendat b’dan li ġej:

(1)

Il-Kapitolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

titħassar in-nota tal-qiegħ Nru 12;

(b)

fir-ringiela 1.18 ir-referenza għan-nota tal-qiegħ Nru 12 tinbidel b’referenza għan-nota tal-qiegħ Nru 23;

(c)

jiżdiedu r-ringiela li ġejja 1.29 u n-noti tal-qiegħ korrispondenti Nri 22 u 23:

“1.29

Nebbieta (1)

It-tossina Shiga li tipproduċi l-E. coli (STEC) O157, O26, O111, O103, O145 u O104:H4

5

0

Assenza f’25 gramma

CEN/ISO TS 13136 (22)

Prodotti mqiegħda fis-suq matul il-konservabilità tagħhom

(2)

Il-Kapitolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-Taqsima 3.2, il-parti li tikkonċerna “Regoli tal-kampjunar għal karkassi tat-tjur u laħam frisk tat-tjur” hija emendata kif ġej:

(i)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-biċċeriji għandhom jieħdu kampjuni ta’ karkassi sħaħ tat-tjur bil-ġilda tal-għonq għall-analiżi tas-Salmonella. Stabbilimenti tal-qtugħ u tal-ipproċessar ħlief dawk ħdejn biċċerija li tqatta’ u tipproċessal-laħam irċevuti biss minn din il-biċċerija, għandhom ukoll jieħdu kampjuni għall-analiżi tas-Salmonella. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jagħtu prijorità lill-karkassi sħaħ tat-tjur bil-ġilda tal-għonq, jekk disponibbli, iżda billi jiżguraw li anke porzjonijiet tat-tjur bil-ġilda u/jew porzjonijiet tat-tjur mingħajr ġilda jew b’ammont żgħir ta’ ġilda, u dik l-għażla għandha tkun ibbażata fuq ir-riskju.”

(ii)

ir-raba’ paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għall-analiżi tas-Salmonella għal-laħam frisk tat-tjur apparti mill-karkassi tat-tjur, għandhom jinġabru ħames kampjuni ta’ mill-inqas 25 g tal-istess lott. Il-kampjun meħud mill-porzjonijiet tat-tiġieġ bil-ġilda għandu jinkludi l-ġilda u porzjon irqiq ta’ muskolu tas-superfiċe f’każ li l-ammont ta’ ġilda mhuwiex biżżejjed biex jifforma unità ta’ kampjun. Il-kampjun meħud mill-porzjonijiet tat-tiġieġ mingħajr ġilda jew b’ammont żgħir ta’ ġilda għandu jinkludi porzjon jew porzjonijiet irqaq ta’ muskolu tas-superfiċe miżjuda ma’ kwalunkwe ġilda preżenti biex jagħmel unità suffiċjenti ta’ kampjun. Il-porzjonijiet tal-laħam għandhom jittieħdu b’tali mod li jinkludu kemm jista’ jkun is-superfiċe tal-laħam.”

(b)

tiżdied it-Taqsima 3.3 li ġejja:

“3.3.   Regoli tal-kampjunar għan-nebbieta

Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, se tapplika d-definizzjoni ta’ lott fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 208/2013.

A.   Regoli ġenerali għall-kampjunar u l-ittestjar

1.   Ittestjar preliminari ta’ lott ta’ żrieragħ

L-operaturi kummerċjali tal-ikel li jipproduċu n-nebbieta għandhom iwettqu valutazzjoni preliminari tal-ittestjar ta’ kampjun rappreżentattiv tal-lottijiet kollha ta’ żrieragħ. Kampjun rappreżentattiv għandu jinkludi mill-inqas 0,5 % tal-piż tal-lott taż-żrieragħ f’sottokampjuni ta’ 50 g jew jintgħażlu abbażi ta’ strateġija ta’ kampjunar strutturat statistikament ekwivalenti ivverifikat mill-awtorità kompetenti.

Għall-finijiet tal-ittestjar preliminari, l-operatur kummerċjali tal-ikel għandu jnibbet iż-żerriegħa fil-kampjun rappreżentattiv taħt l-istess kondizzjonijiet bħall-bqija tal-lott taż-żrieragħ li għandhom jitnibbtu.

2.   Il-kampjunar u l-ittestjar tan-nebbieta u tal-ilma tat-tisqija użat

L-operaturi kummerċjali tal-ikel li jipproduċu nebbieta għandhom jieħdu kampjuni għal testijiet mikrobijoloġiċi fl-istadju fejn huwa aktar probabbli li tinstab t-tossina Shiga li tipproduċi l-E. coli (STEC) u s-Salmonella spp, fi kwalunkwe każ mhux qabel 48 siegħa wara l-bidu tal-proċess tat-tnibbit.

Il-kampjuni tan-nebbieta għandhom jiġu analizzati skont ir-rekwiżiti fir-ringieli 1.18 u 1.29 tal-Kapitolu 1.

Madankollu, jekk operatur kummerċjali tal-ikel li jipproduċi n-nebbieta għandu pjan tal-kampjunar, inklużi l-proċeduri tal-kampjunar u punti tal-kampjunar tal-ilma tat-tisqija użat, dawn jistgħu jissostitwixxu r-rekwiżit skont il-pjanijiet tal-kampjunar stabbiliti fir-ringieli 1.18 u 1.29 tal-Kapitolu 1 bl-analiżi ta’ 5 kampjuni ta’ 200 ml tal-ilma li ġie użat għat-tisqija tan-nebbieta.

F’dak il-każ ir-rekwiżiti stabbiliti fir-ringieli 1.18 u 1.29 tal-Kapitolu 1 għandhom japplikaw għall-analiżi tal-ilma li kien użat għat-tisqija tan-nebbieta, bil-limitu ta’ assenza f’200 ml.

Meta lott ta’ żrieragħ jiġi ttestjat għall-ewwel darba, l-operaturi kummerċjali tal-ikel jistgħu jqiegħdu n-nebbieta fis-suq jekk ir-riżultati ta’ analiżi mikrobijoloġika jikkonformaw mar-ringieli 1.18 u 1.29 tal-Kapitolu 1, jew il-limitu ta’ assenza f’200 ml ilma jekk huma janalizzaw l-ilma użat għat-tisqija.

3.   Il-frekwenza tal-kampjunar

L-operaturi kummerċjali tal-ikel li jipproduċu n-nebbieta għandhom jieħdu kampjuni għal analiżi mikrobijoloġika tal-inqas darba kull xahar fl-istadju fejn huwa aktar probabbli li tinstab it-tossina Shiga li tipproduċi l-E. coli (STEC) u s-Salmonella spp, fi kwalunkwe każ mhux qabel 48 siegħa wara l-bidu tal-proċess tat-tnibbit.

B.   Deroga għall-ittestjar preliminari tal-lottijiet kollha taż-żrieragħ stipulati fil-punt A.1 ta’ din it-Taqsima

Meta ġġustifikati fuq il-bażi ta’ dawn il-kundizzjonijiet u awtorizzati mill-awtorità kompetenti, l-operaturi kummerċjali tal-ikel li jipproduċu n-nebbieta jistgħu jiġu eżentati mill-kampjunar stipulat fil-punt A.1 ta’ din it-Taqsima:

(a)

l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta li l-operatur kummerċjali tal-ikel jimplimenta sistema ta’ mmaniġġar tas-sikurezza tal-ikel f’dak l-istabbiliment, li tista’ tinkludi passi fil-proċess tal-produzzjoni, li jnaqqsu r-riskju mikrobijoloġiku; kif ukoll,

(b)

dejta storika tikkonferma li matul mill-inqas 6 xhur konsekuttivi qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni, il-lottijiet kollha tat-tipi differenti ta’ nebbieta prodotti fl-istabbiliment jikkonformaw mal-kriterji tas-sikurezza tal-ikel stabbiliti fir-ringieli 1.18 u 1.29 tal-Kapitolu 1.”


(22)  Meta wieħed iqis l-iktar adattament riċenti mil-laboratorju ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għall-Escherichia coli, inkluż l-E. Coli Veratossiġenika (VTEC), għall-individwazzjoni ta’ STEC O104:H4;

(1)  Esklużi nebbieta li rċevew trattament effettiv biex tiġi eliminata s-Salmonella spp. u STEC.”