28.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 353/7


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2013/62/UE

tas-17 ta’ Diċembru 2013

li temenda d-Direttiva 2010/18/UE li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC, wara l-emenda tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2012/419/UE (2), il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jemenda l-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni b'effett mill-1 ta' Jannar 2014. Minn dik id-data, il-Majott mhux ser tibqa' pajjiż jew territorju extra-Ewropew u ser issir reġjun ultraperiferiku tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 349 u l-Artikolu 355(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). B'segwitu għal din l-emenda tal-istatus legali tal-Majott, id-dritt tal-Unjoni ser japplika għall-Majott mill-1 ta' Jannar 2014. B'kont meħud tas-sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika partikolari tal-Majott, għandhom jiġu stabbiliti ċerti miżuri speċifiċi li jimmiraw li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

(2)

Filwaqt li titqies is-sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomikaspeċifika tal-Majott, b'mod partikolari l-fatt li s-suq tax-xogħol huwa sottożviluppat u li r-rata tal-impjiegi hi baxxa minħabba d-distanza, l-insularità, it-topografija diffiċli u l-klima tagħha, għandu jiġi previst perijodu addizzjonali għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (3) sabiex tiġi żgurata l-kisba progressiva tat-trattament indaqs fil-qasam partikolari tal-leave tal-ġenituri b'mod li ma jiġix destabilizzat l-iżvilupp ekonomiku gradwali tal-Majott. Dak il-perijodu addizzjonali ta' implimentazzjoni għandu jippermetti li titjieb is-sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika, żvantaġġata speċifika tal-Majott, bħala reġjun ultraperiferiku ġdid.

(3)

Id-Direttiva 2010/18/UE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2010/18/UE, is-subparagrafu li ġej huwa miżjud:

“B'deroga mill-ewwel subparagrafu, il-perijodu addizzjonali msemmi fih għandu jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2018 fir-rigward tal-Majott bħala reġjun ultraperiferiku tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 349 TFUE,.”.

Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)  Opinjoni tat-12 ta' Diċembru 2013 (għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2012/419/UE tal-11 ta’ Lulju 2012 li temenda l-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 204, 31.7.2012, p. 131).

(3)  Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, 18.3.2010, p. 13).