28.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 353/5


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2013/61/UE

tas-17 ta’ Diċembru 2013

li temenda d-Direttivi 2006/112/KE u 2008/118/KE fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi u b'mod partikolari l-Majott

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artrikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2012/419/EU li temenda l-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (3), il-Kunsill Ewropew iddeċieda li, mill-1 ta' Jannar 2014, l-istatus tal-Majott ikun dak ta' reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) minflok ta' pajjiż jew territorju extra-Ewropew (OCT) fit-tifsira tal-Artikolu 355(2) TFUE. Id-dispożizzjonijiet fiskali tal-Unjoni ser japplikaw għall-Majott wara din il-bidla tal-istatus.

(2)

Fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u d-dazji tas-sisa, il-Majott jinsab f'sitwazzjoni simili bħar-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi l-oħrajn (il-Gwadelup, il-Gujana Franċiża, Martinique, Réunion u Saint-Martin), li ma jaqgħux taħt l-ambitu territorjali tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (4), u d-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE (5), u għandu jiġi eskluż mill-ambitu territorjali ta' dawk id-Direttivi mid-data tal-bidla fl-istatus tiegħu taħt it-TFUE. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2006/112/KE u tad-Direttiva 2008/118/KE għandhom konsegwentement jiġu adattati u l-applikazzjoni tagħhom għat-territorji extra-Ewropej Franċiżi jiġu fl-istess ħin iċċarati fir-rigward.

(3)

Sabiex ikun magħmul ċar li l-Majott u r-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi l-oħra huma esklużi mill-ambitu tad-Direttivi 2006/112/KE u 2008/118/KE irrispettivament minn kwalunkwe bidla fl-istatus tagħhom skont il-liġi Franċiża, għandha ssir referenza f'dawk id-Direttivi għall-Artikoli 349 u 355(1) tat-TFUE fir-rigward ta' dawk ir-reġjuni kollha.

(4)

Id-Direttivi 2006/112/KE u 2008/118/KE għandhom għaldaqstant jiġu emendati skont dan.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-punt (c) tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/112/KE huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

it-territorji Franċiżi msemmijin fl-Artikoli 349 u 355(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;”.

Artikolu 2

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/118/KE huwa b'dan emendat kif ġej:

(a)

Il-punt (b) tal-paragrafu (2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

it-territorji Franċiżi msemmijin fl-Artikoli 349 u 355(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;”.

(b)

Il-paragrafu (5) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Franza tista' tagħti notifika, permezz ta' dikjarazzjoni, li din id-Direttiva u d-Direttivi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 japplikaw għat-territorji li hemm referenza għalihom fil-punt (b) tal-paragrafu (2) — suġġett għall-miżuri sabiex jadattaw minħabba d-distanza ultraperiferika tagħhom — fir-rigward ta' xi oġġetti jew l-oġġetti kollha tas-sisa msemmijin fl-Artikolu 1, mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-depożitu ta' tali dikjarazzjoni.”.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva b’effett mill- 1 ta’ Jannar 2014. Huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet qabel l-1 ta' Jannar 2015.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)  Opinjoni tat-12 ta' Diċembru 2013 (għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tas-16 ta' Ottubru 2013 (għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2012/419/EU li temenda l-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 204, 31.7.2012, p. 131).

(4)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(5)  Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazji tas-sisa u li tħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12).