27.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/1


DIRETTIVA 2013/37/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Ġunju 2013

li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li ġie trażmess l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-dokumenti pprovduti mill-entitajiet tas-settur pubbliku tal-Istati Membri jikkostitwixxu ġabra vasta, varjata u siewja ta’ riżorsi li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-ekonomija tal-għarfien.

(2)

Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (3) tistabbilixxi sett minimu ta’ regoli li jiggvernaw l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku u l-mezzi prattiċi biex jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti eżistenti miżmuma minn entitajiet tas-settur pubbliku tal-Istati Membri.

(3)

Il-politiki tad-dejta miftuħa li jinkoraġġixxu d-disponibbiltà wiesgħa u l-użu mill-ġdid mifrux tal-informazzjoni tas-settur pubbliku għal finijiet privati jew kummerċjali, bl-ebda restrizzjoni legali, teknika jew finanzjarja, u li jippromwovu ċ-ċirkolazzjoni ta’ informazzjoni mhux biss għall-operaturi ekonomiċi iżda anke għall-pubbliku, jistgħu jiżvolġu rwol importanti fit-tqabbid tal-iżvilupp ta’ servizzi ġodda msejsa fuq mezzi ġodda biex tiġi kkombinata u użata l-informazzjoni msemmija, jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku u jiġi promoss l-impenn soċjali. Madankollu, dan ikun jirrikjedi kundizzjonijiet indaqs fuq il-livell tal-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni tal-użu mill-ġdid ta’ dokumenti, u dawn il-kundizzjonijiet indaqs ma jistgħux jinkisbu billi jitħallew soġġetti għar-regoli u l-prattiki differenti tal-Istati Membri, jew tal-entitajiet tas-settur pubbliku kkonċernati.

(4)

L-awtorizzazzjoni tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti miżmuma minn entità tas-settur pubbliku żżid il-valur għal min juża mill-ġdid l-informazzjoni, għall-utenti aħħarija u għas-soċjetà b’mod ġenerali, u f’ħafna każijiet, għall-entità pubblika nnifisha, bil-promozzjoni tat-trasparenza u tar-responsabbiltà u billi l-utenti mill-ġdid u l-utenti aħħarija jibagħtu l-kummenti tagħhom li jippermetti lill-entità tas-settur pubbliku kkonċernata ttejjeb il-kwalità tal-informazzjoni miġbura.

(5)

Mindu ġiet adottata l-ewwel sensiela ta’ regoli dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku fl-2003, l-ammont ta’ dejta fid-dinja, inkluża d-dejta pubblika, żdied b’mod esponenzjali u qed jiġu ġġenerati u miġbura tipi ġodda ta’ dejta. B’mod parallel, qed nixhdu evoluzzjoni kontinwa fit-teknoloġiji għall-analiżi, l-isfruttar u l-ipproċessar tad-dejta. Din l-evoluzzjoni teknoloġika mgħaġġla tippermetti l-ħolqien ta’ servizzi u applikazzjonijiet ġodda, mibnija fuq l-użu, l-aggregazzjoni u l-kombinazzjoni tad-dejta. Ir-regoli adottati fl-2003 m’għadhomx jimxu pari passu ma’ dawn il-bidliet mgħaġġlin, u għaldaqstant hemm il-periklu li jintilfu l-opportunitajiet ekonomiċi u soċjali offruti mill-użu mill-ġdid tad-dejta pubblika.

(6)

Fl-istess nifs, l-Istati Membri stabbilew politiki dwar l-użu mill-ġdid skont id-Direttiva 2003/98/KE, u wħud mill-Istati Membri ilhom jadottaw approċċi ambizzjużi lejn id-dejta miftuħa, bil-għan li jitħaffef l-użu mill-ġdid tad-dejta pubblika aċċessibbli miċ-ċittadini u mill-kumpanniji, lil hinn mil-livell minimu stipulat minn dik id-Direttiva. Biex jiġi evitat li regoli differenti fi Stat Membri differenti jkunu ta’ xkiel għall-offerta transkonfinali tal-prodotti u s-servizzi, u biex settijiet ta’ dejta komparabbli jkunu jistgħu jintużaw mill-ġdid għal applikazzjonijiet pan-Ewropej imsejsa fuqhom, tinħtieġ armonizzazzjoni minima biex jiġi determinat x’tip ta’ dejta pubblika tkun disponibbli għall-użu mill-ġdid fis-suq intern tal-informazzjoni, konsistenti mar-reġim rilevanti tal-aċċess.

(7)

Id-Direttiva 2003/98/KE ma fihiex obbligu li jikkonċerna l-aċċess għad-dokumenti jew obbligu li jiġi awtorizzat l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti. Id-deċiżjoni dwar jekk l-użu mill-ġdid jiġix awtorizzat jew le tibqa’ f’idejn l-Istati Membri jew l-entità tas-settur pubbliku kkonċernata. Fl-istess nifs, id-Direttiva 2003/98/KE tibni fuq regoli nazzjonali dwar l-aċċess għad-dokumenti u l-awtorizzazzjoni tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti mhijiex għaldaqstant meħtieġa skont dik id-Direttiva meta l-aċċess ikun limitat (pereżempju, ir-regoli nazzjonali jirrestrinġu l-aċċess għaċ-ċittadini jew għall-kumpaniji li jippruvaw li għandhom interess partikolari fil-ksib ta’ aċċess għad-dokumenti) jew eskluż (pereżempju, ir-regoli nazzjonali jeskludu l-aċċess minħabba n-natura sensittiva tad-dokumenti għal raġunijiet, inter alia, ta’ sigurtà nazzjonali, difiża u sigurtà pubblika). Ċerti Stati Membri rabtu espressament id-dritt tal-użu mill-ġdid ma’ dan id-dritt ta’ aċċess, b’mod li d-dokumenti kollha ġeneralment aċċessibbli jistgħu jintużaw mill-ġdid. Fi Stati Membri oħra, ir-rabta bejn iż-żewġ settijiet ta’ regoli hija inqas ċara, u dan huwa sors ta’ inċertezza.

(8)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2003/98/KE għandha tiġi emendata biex tistipula l-obbligu ċar li l-Istati Membri joffru d-dokumenti kollha għall-użu mill-ġdid tagħhom sakemm l-aċċess ma jkunx ristrett jew eskluż skont regoli nazzjonali dwar l-aċċess għad-dokumenti u suġġett għall-eċċezzjonijiet l-oħra stipulati f’din id-Direttiva. L-emendi magħmula minn din id-Direttiva m’għandhomx l-għan li jiddefinixxu jew ibiddlu ir-reġimi tal-aċċess fl-Istati Membri, li jibqgħu r-responsabbiltà tagħhom.

(9)

Fid-dawl tal-liġi tal-Unjoni u tal-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri u tal-Unjoni, b’mod partikolari skont il-Konvenzjoni ta’ Bern għall-Protezzjoni tax-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi u l-Ftehim dwar l-Aspetti Marbutin mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, id-dokumenti li għalihom partijiet terzi jżommu drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/98/KE. Fil-każ li parti terza kien is-sid inizjali tad-dritt tal-proprjeta’ intellettwali għal dokument miżmum minn libreriji, inklużi libreriji universitarji, mużewijiet u arkivji u t-terminu ta’ protezzjoni ta’ dawk id-drittijiet ma skadiex, dak id-dokument għandu, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jitqies bħala dokument li għalih partijiet terzi jżommu drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

(10)

Id-Direttiva 2003/98/KE għandha tapplika għal dawk id-dokumenti li l-provvista tagħhom hija parti mill-kompiti pubbliċi tal-entitajiet tas-settur pubbliku kkonċernati, kif definit mil-liġi jew minn regoli vinkolanti oħra tal-Istati Membri. Fin-nuqqas ta’ tali regoli l-kompiti pubbliċi għandhom jiġu definiti skont il-prattika amministrattiva komuni fl-Istat Membru, sakemm il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompitu pubbliku jkun trasparenti u suġġett għal rieżami. Il-kompiti pubbliċi jistgħu jkunu definiti b’mod ġenerali jew fuq il-bażi ta’ każ b’każ għall-entitajiet individwali tas-settur pubbliku.

(11)

Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata u applikata f’konformità sħiħa mal-prinċipji relatati tal-protezzjoni tad-dejta personali skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (4). B’mod partikulari, ta’ min wieħed jinnota li, skont dik id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li skonthom l-ipproċessar tad-dejta personali tkun legali. Barra minn hekk, wieħed mill-prinċpiji ta’ dik id-Direttiva huwa li d-dejta personali m’għandhiex tiġi pproċessata wara l-ġbir b’mod li jkun inkompatibbli mal-iskopijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi stabbiliti li għalihom dik id-dejta tkun inġabret.

(12)

Id-Direttiva 2003/98/KE għandha tkun bla ħsara għad-drittijiet, inklużi d-drittijiet ekonomiċi u morali, li jistgħu jgawdu l-impjegati tal-entitajiet tas-settur pubbliku skont ir-regoli nazzjonali.

(13)

Barra minn hekk, fejn dokument isir disponibbli għall-użu mill-ġdid tiegħu, l-entità tas-settur pubbliku kkonċernata għandha żżomm id-dritt li tisfrutta d-dokument.

(14)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/98/KE għandu jitwessa’ għal-libreriji (inklużi l-libreriji universitarji), għall-mużewijiet u għall-arkivji.

(15)

Waħda mill-miri prinċipali tal-istabbiliment tas-suq intern hija l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet li jwasslu għall-iżvilupp ta’ servizzi fl-Unjoni kollha. Il-libreriji, il-mużewijiet u l-arkivji fihom ammont sinifikanti ta’ riżorsi siewja ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku, b’mod partikulari mindu l-proġetti ta’ diġitalizzazzjoni mmultiplikaw l-ammont ta’ materjal diġitali tas-settur pubbliku. Dawn il-kollezzjonijiet ta’ wirt kulturali u l-metadejta relatata huma bażi potenzjali għal prodotti u servizzi b’kontenut diġitali u għandhom potenzjal enormi għal użu mill-ġdid innovattiv f’setturi bħat-tagħlim u t-turiżmu. Possibbiltajiet usa’ ta’ użu mill-ġdid ta’ materjal kulturali pubbliku għandhom, inter alia, jippermettu lil kumpaniji tal-Unjoni jisfruttaw il-potenzal tiegħu u jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impiegi.

(16)

Hemm differenzi konsiderevoli fir-regoli u l-prattiki fl-Istati Membri fir-rigward tal-isfruttar tar-riżorsi kulturali pubbliċi, li jikkostitwixxu ostakli għat-twettiq tal-potenzal ekonomiku ta’ dawk ir-riżorsi. Hekk kif il-libreriji, il-mużewijiet u l-arkivji jkomplu jinvestu fid-diġitalizzazzjoni, ħafna minnhom diġà jqiegħdu għad-dispożizzjoni l-kontenut tas-settur pubbliku tagħhom għall-użu mill-ġdid u ħafna minnhom qed ifittxu attivament opportunitajiet biex jerġgħu jużaw il-kontenut tagħhom mill-ġdid. Madankollu, billi joperaw f’ambjenti regolatorji u kulturali differenti ħafna, il-prattiki tal-istabbilimenti kulturali fl-isfruttrar tal-kontenut żviluppaw b’modi diversi ħafna.

(17)

Billi d-differenzi fir-regoli u l-prattiki nazzjonali jew in-nuqqas ta’ ċarezza jfixklu l-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern u l-iżvilupp xieraq tas-soċjetà tal-informazzjoni fl-Unjoni, għandha titwettaq armonizzazzjoni minima tar-regoli u l-prattiki nazzjonali dwar l-użu mill-ġdid ta’ materjal kulturali pubbliku fil-libreriji, il-mużewijiet u l-arkivji.

(18)

L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/98/KE għandha tkun limitata għal tliet tipi ta’ stabbilimenti kulturali – libreriji, inklużi libreriji universitarji, mużewijiet u arkivji, għaliex il-kollezzjonijiet tagħhom huma, u se jsiru dejjem aktar, materja siewja għall-użu mill-ġdid f’ħafna prodotti bħall-applikazzjonijiet tal-mowbajls. Tipi oħra ta’ stabbilimenti kulturali (bħall-orkestri, l-opri, il-ballets u t-teatri), inklużi l-arkivji li huma parti minn dawk l-istabbilimenti, għandhom jibqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni minħabba l-ispeċifiċità tagħhom bħala “arti tal-ispettaklu”. Peress li kważi l-materjal kollu tagħhom huwa kopert mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ partijiet terzi u għalhekk jibqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva, l-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni ftit ikollha effett.

(19)

Id-diġitalizzazzjoni hija mezz importanti biex jiġi żgurat aċċess akbar għall-materjal kulturali u użu mill-ġdid akbar tiegħu għall-edukazzjoni, ix-xogħol jew id-divertiment. Toffri wkoll opportunitajiet ekonomiċi konsiderevoli, billi tippermetti integrazzjoni aktar faċli tal-materjal kulturali fil-prodotti u s-servizzi diġitali, u b’hekk tappoġġa t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Dawn l-aspetti ġew sottolinjati, inter alia, fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar “Europeana – il-passi li jmiss” (5), fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/711/UE tas-27 ta’ Ottubru 2011 dwar id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet ta’ materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali (6), u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2012 dwar id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-Internet ta’ materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali (7). Dawn id-dokumenti jiddefinixxu t-triq ‘il quddiem biex jiġu ttrattati l-aspetti legali, finanzjarji u organizzattivi tad-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali Ewropew u tat-tqegħid tiegħu fl-Internet.

(20)

Biex jiġi ffaċilitat l-użu mill-ġdid, l-entitajiet tas-settur pubbliku għandhom, fejn possibbli u xieraq, iqiegħdu dokumenti għad-dispożizzjoni permezz ta’ formati miftuħa u li jinqraw elettronikament, u flimkiem mal-metadejta tagħhom, fl-aqwa livell ta’ preċiżjoni u granularità, f’format li jiżgura l-interoperabbiltà eċċ., billi jipproċessawhom b’mod konsistenti mal-prinċipji tar-rekwiżiti ta’ kompatibbiltà u ta’ użu għall-informazzjoni spazjali skont id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (8).

(21)

Dokument għandu jitqies li huwa f’format li jinqara elettronikament jekk ikun f’format ta’ fajl li jkun strutturat b’mod li l-applikazzjonijiet tas-softwer jistgħu faċilment jidentifikaw, jirrikonoxxu u jieħdu dejta minnu. Dejta kkodifikata f’fajls li jkollhom struttura li tista’ tinqara elettronikament hija dejta li tista’ tinqara elettronikament. Formati li jinqraw elettronikament jistgħu jkunu miftuħa jew riżervati; jistgħu jkunu standards formali jew le. Dokumenti kkodifikati f’format ta’ fajl li jillimita dan l-ipproċessar awtomatiku, minħabba li d-dejta ma tistax tittieħed jew ma tistax tittieħed faċilment minn dawn id-dokumenti, m’għandhomx jitqiesu bħala dokumenti li għandhom format li jinqara elettronikament. L-Istati Membri, fejn xieraq, għandhom jinkoraġġixxu l-użu ta’ formati miftuħa li jinqraw elettronikament.

(22)

Fejn jiġu imposti tariffi mill-entitajiet tas-settur pubbliku għall-użu mill-ġdid ta’ dokumenti, dawk it-tariffi, fil-prinċipju, għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż marġinali. Madankollu, għandha titqies b’mod partikulari l-ħtieġa li ma jitfixkilx il-funzjonament normali ta’ dawk l-entitajiet tas-settur pubbliku li huma meħtieġa jiġġeneraw dħul biex ikopru parti sostanzjali tal-ispejjeż tagħhom imnissla mill-qadi tal-kompitu pubbliku tagħhom jew tal-ispejjeż marbuta mal-ġbir, il-produzzjoni, ir-riproduzzjoni u t-tixrid ta’ ċerti dokumenti li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti. F’tali każijiet, l-entitajiet tas-settur pubbliku għandhom ikunu jistgħu jimponu tariffi ‘l fuq mill-ispejjeż marġinali. Dawk it-tariffi għandhom ikunu stabbiliti skont kriterji oġġettivi, trasparenti u verifikabbli u l-introjtu totali mill-provvista u l-awtorizzazzjoni tal-użu mill-ġdid ta’ dokumenti m’għandux jisboq l-ispiża tal-ġbir, il-produzzjoni, ir-riproduzzjoni u t-tixrid, flimkien ma’ redditu raġonevoli fuq l-investiment. Ir-rekwiżit li jiġġeneraw dħul biex ikopru parti sostanzjali mill-ispejjeż tal-entitajiet tas-settur pubbliku marbuta mal-qadi tal-kompiti pubbliċi tagħhom jew tal-ispejjeż marbuta mal-ġbir, il-produzzjoni, ir-riproduzzjoni u t-tixrid ta’ ċerti dokumenti, m’għandux ikun rekwiżit legali u jista’ jirriżulta, pereżempju, minn prattiki amministrattivi fl-Istati Membri. Tali rekwiżit għandu jiġi rieżaminat regolarment mill-Istati Membri.

(23)

Il-libreriji, il-mużewijiet u l-arkivji għandhom ikunu jistgħu wkoll jimponu tariffi ‘l fuq mill-ispejjeż marġinali sabiex ma jiġix imfixkel il-funzjonament normali tagħhom. Fil-każ ta’ tali entitajiet tas-settur pubbliku, l-introjtu totali mill-provvista u l-awtorizzazzjoni tal-użu mill-ġdid ta’ dokumenti matul il-perjodu ta’ kontabbiltà m’għandux jisboq l-ispiża tal-ġbir, il-produzzjoni, ir-riproduzzjoni u t-tixrid, flimkien ma’ redditu raġonevoli fuq l-investiment. Fil-każ ta’ libreriji, mużewijiet u arkivji, u filwaqt li jitqiesu l-partikularitajiet tagħhom, il-prezzijiet iċċarġjati mis-settur privat għall-użu mill-ġdid ta’ dokumenti identiċi jew simili jistgħu jitqiesu meta jiġi kkalkulat ir-redditu raġonevoli fuq l-investiment.

(24)

Il-limiti ta’ fuq għat-tariffi stabbiliti f’din id-Direttiva huma bla ħsara għad-dritt tal-Istat Membru li japplika tariffi aktar baxxi jew li ma japplikaw l-ebda tariffa.

(25)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kriterji għall-iċċarġjar ‘il fuq mill-ispejjeż marġinali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri, pereżempju, jistgħu jistabbilixxu tali kriterji direttament fir-regoli nazzjonali jew jistgħu jaħtru l-entità xierqa jew l-entitajiet xierqa, għajr l-entità tas-settur pubbliku nnifsha, kompetenti biex jistabbilixxu tali kriterji. Dik l-entità għandha tkun organizzata skont is-sistemi kostituzzjonali u legali tal-Istati Membri. Tista’ tkun entità eżistenti b’setgħat eżekuttivi baġitarji u taħt responsabbiltà politika.

(26)

B’rabta ma’ kwalunkwe użu mill-ġdid li jsir mid-dokument, l-entitajiet tas-settur pubbliku jistgħu jimponu kundizzjonijiet, fejn ikun xieraq permezz ta’ liċenzja, pereżempju r-rikonoxximent tas-sors u r-rikonoxximent ta’ jekk id-dokument ġiex modifikat b’xi mod mill-utent mill-ġdid. Fi kwalunkwe każ, kull liċenzja għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku għandha tqiegħed l-inqas restrizzjonijiet possibbli fuq l-użu mill-ġdid, pereżempju tillimitahom għal indikazzjoni tas-sors. Il-liċenzji miftuħin disponibbli fuq l-Internet, li jagħtu drittijiet usa’ tal-użu mill-ġdid mingħajr restrizzjonijiet teknoloġiċi, finanzjarji jew ġeografiċi, u li jistrieħu fuq formati ta’ dejta miftuħin, għandhom jiżvolġu rwol importanti f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom iħeġġu l-użu tal-liċenzji miftuħa li għandhom eventwalment isiru prattika komuni fl-Unjoni kollha.

(27)

Il-Kummissjoni appoġġat l-iżvilupp ta’ tabella ta’ valutazzjoni fl-Internet tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku b’indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti għall-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku fl-Istati Membri kollha. Aġġornament regolari ta’ din it-tabella ta’ valutazzjoni jikkontribwixxi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u għad-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar politiki u prattiki fl-Unjoni kollha.

(28)

Il-mezzi ta’ rikors għandhom jinkludu l-possibbiltà ta’ rieżami minn entità imparzjali ta’ rieżami. Dik l-entità tista’ tkun awtorità nazzjonali diġà eżistenti, bħall-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-awtorità nazzjonali tal-aċċess għad-dokumenti jew awtorità ġudizzjarja nazzjonali. Dik l-entità għandha tkun organizzata skont is-sistemi kostituzzjonali u legali tal-Istati Membri u m’għandhiex tiġġudika minn qabel xi mezz ta’ rikors li jkun altrimenti disponibbli għall-applikanti għal użu mill-ġdid. Madankollu, għandha tkun indipendenti mill-mekkaniżmu tal-Istat Membru li jistabbilixxi l-kriterji għall-iċċarġjar ‘il fuq mill-ispejjeż marġinali. Il-mezzi ta’ rikors għandhom jinkludu l-possibbiltà ta’ rieżami ta’ deċiżjonijiet negattivi iżda anke ta’ deċiżjonijiet li, għalkemm jippermettu l-użu mill-ġdid, xorta jistgħu jaffettwaw lill-applikanti għal raġunijiet oħra, partikolarment bir-regoli applikati dwar l-iċċarġjar. Il-proċess ta’ rieżami għandu jsir malajr, b’konformita’ mal-ħtiġijiet ta’ suq li jinbidel rapidament.

(29)

Ir-regoli tal-kompetizzjoni għandhom jitħarsu meta jiġu stabbiliti l-prinċipji għall-użu mill-ġdid ta’ dokumenti, bl-evitar sa fejn hu possibblita’ ftehmiet esklussivi bejn entitajiet tas-settur pubbliku u sħab privati. Madankollu, sabiex jingħata servizz fl-interess pubbliku, jista’ kultant ikun meħtieġ dritt esklussiv għall-użu mill-ġdid ta’ dokumenti speċifiċi tas-settur pubbliku. Dan jista’ jkun il-każ, inter alia, jekk ebda pubblikatur kummerċjali ma jippubblika l-informazzjoni mingħajr tali dritt esklussiv. Sabiex din il-preokkupazzjoni titqies, id-Direttiva 2003/98/KE tawtorizza, suġġetti għal rieżami regolari, arranġamenti esklussivi meta dritt esklussiv ikun meħtieġ għall-forniment ta’ servizz fl-interess pubbliku.

(30)

Wara l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/98/KE għal-libreriji (inklużi l-libreriji universitarji), il-mużewijiet u l-arkivji, ikun xieraq li jitqiesu d-diverġenzi attwali fl-Istati Membri fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali, li ma jistgħux jiġu effettivament akkomodati bir-regoli attwali ta’ dik id-Direttiva dwar arranġamenti esklussivi. Hemm għadd ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni bejn libreriji, inklużi libreriji universitarji, mużewijiet, arkivji u sħab privati li jinvolvu d-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali li jagħtu drittijiet esklussivi lil sħab privati. Il-prattika wriet li dawn is-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jiffaċilitaw l-użu sinifikanti tal-kollezzjonijiet kulturali u fl-istess waqt iżidu l-aċċess tal-pubbliku għall-wirt kulturali.

(31)

Meta dritt esklussiv jirrigwarda d-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali, jista’ jinħtieġ ċertu perjodu ta’ esklussivita’ sabiex is-sieħeb privat jingħata l-possibbiltà jirkupra l-investiment tiegħu. Dak il-perjodu, madankollu, għandu jkun limitat u qasir kemm jista’ jkun, sabiex jitħares il-prinċipju li l-materjal fis-settur pubbliku għandu jibqa’ fis-settur pubbliku ladarba jkun ġie diġitalizzat. Il-perjodu ta’ dritt esklussiv għad-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali m’għandux ġeneralment jaqbeż l-għaxar snin. Il-perjodu ta’ esklussivita’ itwal minn għaxar snin għandu jkun suġġett għal rieżami, filwaqt li jitqiesu l-bidliet teknoloġiċi, finanzjarji u amministrattivi fl-ambjent mindu jkun sar l-arranġament. Barra minn hekk, kull sħubija pubblika-privata għad-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali għandha tagħti lill-istituzzjoni kulturali msieħba drittijiet sħaħ fir-rigward tal-użu wara t-terminazzjoni ta’ riżorsi kulturali diġitalizzat.

(32)

Sabiex jitqiesu l-kuntratti u arranġamenti oħra li jagħtu drittijiet esklussivi u li ġew konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu stabbiliti miżuri tranżitorji xierqa biex jitħarsu l-interessi tal-partijiet konċernati meta d-drittijiet esklussivi tagħhom ma jikkwalifikawx għall-eċċezzjonijiet awtorizzati skont din id-Direttiva. Dawk il-miżuri tranżitorji għandhom jipprevedu li d-drittijiet esklussivi tal-partijiet jibqgħu jeżistu sa tmiem il-kuntratt jew, għal kuntratti indefiniti jew kuntratti ta’ terminu twil ħafna, jibqgħu jeżistu għal perjodu ta’ żmien twil biżżejjed biex il-partijiet ikunu jistgħu jieħdu miżuri xierqa. Dawk il-miżuri tranżitorji m’għandhomx japplikaw għal kuntratti jew arranġamenti oħra konklużi wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva iżda qabel l-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet li permezz tagħhom kuntratti jew arranġamenti oħra ta’ terminu twil li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva jiġu konklużi sabiex tiġi evitata l-adozzjoni ta’ miżuri futuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Kuntratti u arranġamenti oħra konklużi wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva iżda qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali ta’ trasposizzjoni għandhom għalhekk jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mid-data ta’ applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

(33)

Billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, speċifikament l-iffaċilitar tal-ħolqien ta’ prodotti u servizzi ta’ informazzjoni bbażati fuq dokumenti tas-settur pubbliku, l-iżgurar tal-użu transkonfinali effiċjenti tad-dokumenti tas-settur pubbliku minn naħa waħda mill-kumpaniji privati, partikolarment minn impriżi żgħar u ta’ daqs medju, għal prodotti u servizzi ta’ informazzjoni b’valur miżjud, u min-naħa l-oħra miċ-ċittadini sabiex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni libera tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, ma jistgħux jintlaħqu kif xieraq mill-Istati Membri u, għaldaqstant, minħabba l-ambitu intrinsikament pan-Ewropew tal-azzjoni proposta, jistgħu jintlaħqu aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(34)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti partikularment mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-protezzjoni tad-dejta personali (l-Artikolu 8) u d-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17). Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jiġi interpretat jew implimentat b’mod li jkun inkonsistenti mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.

(35)

Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni rigward l-ammont ta’ użu mill-ġdid li jsir mill-informazzjoni tas-settur pubbliku, il-kundizzjonijiet li skonthom issir disponibbli u l-prattiki ta’ rikors.

(36)

Il-Kummissjoni għandha tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw din id-Direttiva b’mod konsistenti billi toħroġ linji gwida, partikolarment dwar liċenzji standard rakkomandati, datasets u ċċarġjar għall-użu mill-ġdid ta’ dokumenti, wara li tkun ikkonsultat mal-partijiet interessati.

(37)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2003/98/KE għandha tiġi emendata f’dan is-sens,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2003/98/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) jinbidel b’li ġej:

“(a)

dokumenti li l-provvista tagħhom hija attività li taqa’ barra mill-ambitu tal-kompitu pubbliku tal-entitajiet tas-settur pubbliku kkonċernati, kif iddefinit mil-liġi jew minn regoli vinkolanti oħra fl-Istat Membru, jew fin-nuqqas ta’ tali regoli, kif definit skont il-prattika amministrattiva komuni fl-Istat Membru inkwistjoni sakemm il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompiti pubbliċi jkun trasparenti u jkun suġġett għal rieżami;”;

(ii)

il-punt (c) jinbidel b’li ġej:

“(c)

dokumenti li huma esklużi mill-aċċess minħabba r-reġimi ta’ aċċess fl-Istati Membri, fosthom minħabba raġunijiet ta’:

protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali (jiġifieri s-sigurtà tal-Istat), id-difiża jew is-sigurtà pubblika,

kunfidenzjalità tal-istatistika,

kunfidenzjalità kummerċjali (eż. sigrieti kummerċjali, professjonali jew tal-kumpaniji);”;

(iii)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(ca)

dokumenti li l-aċċess għalihom huwa ristrett minħabba r-reġimi ta’ aċċess fl-Istati Membri, inklużi każijiet li fihom iċ-ċittadini jew il-kumpaniji jridu jippruvaw interess partikulari biex jiksbu aċċess għad-dokumenti;

(cb)

partijiet ta’ dokumenti li fihom biss logos, armi u insinja;

(cc)

dokumenti li l-aċċess għalihom huwa eskluż jew ristrett minħabba r-reġimi ta’ aċċess għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-dejta personali, u partijiet ta’ dokumenti aċċessibbli minħabba dawk ir-reġimi li fihom dejta personali li l-użu mill-ġdid tagħha ġie definit mill-liġi bħala inkompatibbli mal-liġi rigward il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali;”;

(iv)

il-punt (e) jinbidel b’li ġej:

“(e)

id-dokumenti miżmuma minn stabbilimenti tat-tagħlim jew tar-riċerka, inklużi organizzazzjonijiet imwaqqfa għat-trasferiment ta’ riżultati tar-riċerka, skejjel u universitajiet, għajr il-libreriji universitarji u”;

(v)

il-punt (f) jinbidel b’li ġej:

“(f)

dokumenti miżmuma minn stabbiliment kulturali, li ma jkunux libreriji, mużewijiet jew arkiviji;”;

(b)

il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Din id-Direttiva tibni fuq u hija bla ħsara għar-reġimi ta’ aċċess fl-Istati Membri.”;

(c)

fil-paragrafu 4, il-kelma “il-Komunità” tinbidel bil-kelma “l-Unjoni”.

(2)

Il-punti li ġejjin jiżdiedu mal-Artikolu 2:

“6.

“format li jinqara elettronikament” tfisser format ta’ fajl strutturat biex applikazzjonijiet tas-softwer ikunu jistgħu jidentifikaw, jirrikonoxxu u jieħdu faċilment dejta speċifika, inklużi dikjarazzjonijiet tal-fatti individwali, u l-istruttura interna tagħhom;

7.

“format miftuħ” tfisser format ta’ fajl li huwa indipendenti mill-pjattaforma u jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr xi restrizzjoni li tostakola l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti;

8.

“standard formali miftuħ” tfisser standard li ġie stabbilit f’forma miktuba, li jiddeskrivi fid-dettall l-ispeċifikazzjonijiet għar-rekwiżiti dwar kif tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-softwer;

9.

“università” tfisser entità tas-settur pubbliku li tipprovdi edukazzjoni ogħla ta’ skola postsekondarja li twassal għal lawrji akkademiċi.”.

(3)

L-Artikolu 3 jinbidel b’li ġej:

“Artikolu 3

Il-prinċipju ġenerali

1.   Soġġett għall-paragrafu (2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti li din id-Direttiva tapplika għalihom skont l-Artikolu 1 ikunu jistgħu jintużaw mill-ġdid għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitoli III u IV.

2.   Għad-dokumenti li fihom il-libreriji, inklużi l-libreriji universitarji, il-mużewijiet u l-arkivji jżommu d-drittjiet tal-proprjetà intellettwali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun permess l-użu mill-ġdid ta’ tali dokumenti, dawn id-dokumenti jkunu jistgħu jintużaw għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitoli III u IV.”.

(4)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafi 3 u 4 jinbidlu b’li ġej:

“3.   Fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva, l-entitajiet tas-settur pubbliku għandhom jikkomunikaw ir-raġunijiet għar-rifjut lill-applikant fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet relevanti tar-reġim ta’ aċċess f’dak l-Istat Membru jew tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, b’mod partikulari l-punti (a) sa (cc) tal-Artikolu 1(2) jew l-Artikolu 3. Fejn deċiżjoni negattiva tkun ibbażata fuq l-Artikolu 1(2)(b), l-entità tas-settur pubbliku għandha tinkludi referenza għall-persuna fiżika jew ġuridika li tkun id-detentur tad-dritt, fejn magħrufa, jew alternattivament lil min joħroġ il-liċenzja li mingħandu l-entità tas-settur pubbliku tkun kisbet il-materjal relevanti. Il-libreriji, inklużi l-libreriji universitarji, il-mużewijiet u l-arkivji ma għandhomx l-obbligu li jinkludu tali referenza.

4.   Kwalunkwe deċiżjoni rigward l-użu mill-ġdid għandha tinkludi referenza għall-mezz ta’ rikors f’każ li l-applikant ikun jixtieq jappella kontra d-deċiżjoni. Il-miżuri ta’ rikors għandhom jinkludu l-possibbiltà ta’ rieżami minn entita’ ta’ rieżami imparzjali bil-kompetenzi xierqa, bħall-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali, l-awtorità nazzjonali tal-aċċess għad-dokumenti jew awtorità ġudizzjarja nazzjonali, li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu vinkolanti għall-entità tas-settur pubbliku kkonċernata.”.

(5)

L-Artikolu 5 jinbidel b’li ġej:

“Artikolu 5

Il-formati disponibbli

1.   L-entitajiet tas-settur pubbliku għandhom jagħmlu d-dokumenti tagħhom disponibbli fi kwalunkwe format jew lingwa eżistenti qabel u, fejn possibbli u xieraq, f’format miftuħ u li jinqara elettronikament, flimkien mal-metadejta tagħhom. Kemm il-format u l-metadata għandhom, sa fejn hu possibbli, jikkonformaw ma’ standards miftuħa formali.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux jimplika obbligu għall-entitajiet tas-settur pubbliku li joħolqu jew jadattaw dokumenti jew jipprovdu siltiet sabiex jikkonformaw ma’ dak il-paragrafu meta dan ikun jinvolvi sforz sproporzjonat, li jmur lil hinn minn sempliċi operazzjoni.

3.   Fuq il-bażi ta’ din id-Direttiva, l-entitajiet tas-settur pubbliku ma jistgħux ikunu meħtieġa jkomplu l-produzzjoni u l-ħżin ta’ ċertu tip ta’ dokumenti bil-ħsieb tal-użu mill-ġdid ta’ tali dokumenti minn organizzazzjoni privata jew tas-settur pubbliku.”.

(6)

L-Artikolu 6 jinbidel b’li ġej:

“Artikolu 6

Il-prinċipji li jirregolaw l-iċċarġjar

1.   Fejn jiġu imposti tariffi għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti, dawk it-tariffi għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż marġinali mġarrba bir-riproduzzjoni, il-forniment u t-tixrid.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal dawn li ġejjin:

(a)

entitajiet tas-settur pubbliku li huma mitluba jiġġeneraw dħul biex ikopru parti sostanzjali mill-ispejjeż tagħhom marbuta mal-qadi tal-kompiti pubbliċi tagħhom;

(b)

b’deroga, dokumenti li għalihom l-entità tas-settur pubbliku hija meħtieġa tiġġenera dħul biżżejjed biex tkopri parti sostanzjali mill-ispejjeż marbuta mal-ġbir, il-produzzjoni, ir-riproduzzjoni u t-tixrid tagħhom. Dawk ir-rekwiżiti għandhom jiġu definiti bil-liġi jew b’regoli vinkolanti oħra fl-Istat Membru. Fin-nuqqas ta’ tali regoli, għandhom jiġi definiti rekwiżiti f’konformità mal-prassi amministrattiva komuni fl-Istat Membru;

(c)

libreriji, inklużi libreriji universitarji, mużewijiet u arkivji.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2, l-entitatjiet tas-settur pubbliku kkonċernati għandhom jikkalkulaw it-tariffi totali skont kriterji oġġettivi, trasparenti u verifikabbli li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. L-introjtu totali ta’ dawn l-entitajiet mill-provvista u l-awtorizzazzjoni tal-użu mill-ġdid ta’ dokumenti matul il-perjodu ta’ kontabbiltà ma għandux jisboq l-ispiża tal-ġbir, il-produzzjoni, ir-riproduzzjoni u t-tixrid, flimkien ma’ redditu raġonevoli fuq l-investiment. It-tariffi għandhom ikunu kkalkulati skont il-prinċipji tal-kontabbiltà applikabbli għall-entitajiet tas-settur pubbliku involuti.

4.   Meta jiġu imposti tariffi mill-entitajiet tas-settur pubbliku msemmija fil-punt (c) tal-pararafu 2, l-introjtu totali mill-provvista u l-awtorizzazzjoni tal-użu mill-ġdid ta’ dokumenti matul il-perjodu ta’ kontabbiltà xieraq m’għandux jisboq l-ispiża tal-ġbir, il-produzzjoni, ir-riproduzzjoni, it-tixrid, il-konservazzjoni u l-ikklerjar tad-drittijiet, flimkien ma’ redditu raġonevoli fuq l-investiment. It-tariffi għandhom ikunu kkalkulati skont il-prinċipji tal-kontabbiltà applikabbli għall-entitajiet tas-settur pubbliku involuti.”.

(7)

L-Artikolu 7 jinbidel b’li ġej:

“Artikolu 7

It-trasparenza

1.   Fil-każ ta’ tariffi standard għall-użu mill-ġdid ta’ dokumenti miżmuma minn entitajiet tas-settur pubbliku, kwalunkwe kundizzjoni applikabbli u l-ammont attwali ta’ dawk it-tariffi, inkluża l-bażi ta’ kalkolu għal tali tariffi, għandhom jiġu prestabbiliti u ppubblikati, b’mezzi elettroniċi meta jkun possibbli u xieraq.

2.   Fil-każ ta’ tariffi għall-użu mill-ġdid għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, l-entità tas-settur pubbliku inkwistjoni għandha tindika mill-bidu liema fatturi tqiesu fil-kalkolu ta’ dawk it-tariffi. Fuq talba, l-entità tas-settur pubbliku inkwistjoni għandha tindika wkoll il-mod li bih tali tariffi ġew ikkalkulati fir-rigward tat-talba speċifika ta’ użu mill-ġdid.

3.   Il-kriterji msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 6(2) għandhom jiġu stabbiliti minn qabel. Għandhom jiġu ppubblikati b’mezzi elettroniċi, meta jkun possibbli u xieraq.

4.   L-entitajiet tas-settur pubbliku għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-użu mill-ġdid ta’ dokumenti jkunu infurmati bil-mezzi disponibbli għar-rikors fir-rigward ta’ deċiżjonijiet jew prattiki li jaffettwawhom.”.

(8)

Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 jinbidel b’li ġej:

“1.   L-entitajiet tas-settur pubbliku jistgħu jippermettu l-użu mill-ġdid mingħajr kundizzjonijiet jew jistgħu jimponu kundizzjonijiet, fejn xieraq permezz ta’ liċenzja. Dawn il-kundizzjonijiet ma għandhomx jirrestrinġu bla bżonn il-possibbiltajiet għall-użu mill-ġdid, u ma għandhomx jintużaw biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni.”.

(9)

L-Artikolu 9 jinbidel b’li ġej:

“Artikolu 9

Arranġamenti prattiċi

L-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti prattiċi li jiffaċilitaw it-tiftix għad-dokumenti disponibbli għall-użu mill-ġdid, bħal listi ta’ dokumenti ewlenin bil-metadejta rilevanti, aċċessibbli meta jkun possibbli u xieraq fuq l-Internet u f’format li jinqara elettronikament, u siti u portali li jkollhom ħolqa għal-listi ta’ assi. Meta jkun possibbli, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-tiftix interlingwistiku għal dokumenti.”.

(10)

L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

is-subparagrafu li ġej jiżdied mal-paragrafu 2:

“Dan il-paragrafu m’għandux japplika għad-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“2a.   Minkejja l-paragrafu 1, meta dritt esklussiv jirrigwarda d-diġitalizzazzjoni tar-riżorsi kulturali, il-perjodu ta’ esklussivita’ ġeneralment m’għandux jisboq l-għaxar snin. F’każ li dak il-perjodu jisboq l-għaxar snin, id-durata tiegħu għandha tkun suġġetta għal rieżami matul il-ħdax-il sena u, jekk applikabbli, kull seba’ snin wara dan.

L-arranġamenti li jagħtu drittijiet esklussivi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu trasparenti u għandhom isiru pubbliċi.

Fil-każ ta’ dritt esklussiv mseemi fl-ewwel subparagrafu, l-entità tas-settur pubbliku kkonċernata għandha tingħata b’xejn kopja tar-riżorsi kulturali diġitalizzati bħala parti minn dawk l-arranġamenti. Dik il-kopja għandha tkun disponibbli għal użu mill-ġdid fi tmiem il-perjodu ta’ esklussività.”;

(c)

il-paragrafu 3 jinbidel b’li ġej:

“3.   Arranġamenti esklussivi eżistenti fl-1 ta’ Lulju 2005 li ma jikkwalifikawx għall-eċċezzjonijiet skont il-paragrafu 2 għandhom jiġu terminati fl-aħħar tal-kuntratt jew, f’kull każ, mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2008.”;

(d)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Bla ħsara għall-paragrafu 3, l-arranġamenti esklussivi eżistenti fis-17 ta’ Lulju 2013 li ma jikkwalifikawx għall-eċċezzjonijiet skont il-paragrafi 2 u 2a għandhom ikunu terminati fl-aħħar tal-kuntratt u f’kull każ mhux aktar tard mit-18 ta’ Lulju 2043.”.

(11)

L-Artikolu 13 jinbidel b’li ġej:

“Artikolu 13

Rieżami

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva qabel it-18 ta’ Lulju 2018 u għandha tikkomunika r-riżultati ta’ dak ir-rieżami, flimkien ma’ xi proposti għal modifiki ta’ din id-Direttiva, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.   L-Istati Membri għandhom iressqu rapport kull 3 snin lill-Kummissjoni dwar id-disponibbiltà ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku għal użu mill-ġdid u l-kundizzjonijiet li skonthom issir disponibbli u l-prattiki ta’ rikors. Abbażi ta’ dan ir-rapport, li għandu jsir pubbliku, l-Istati Membri għandhom iwettqu rieżami tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 6, b’mod partikulari fir-rigward tal-iċċarġjar ‘il fuq mill-ispejjeż marġinali.

3.   Ir-rieżami, imsemmi fil-paragrafu 1, għandu b’mod partikulari jindirizza l-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt ta’ din id-Direttiva, inklużi d-daqs taż-żieda fl-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tas-settur pubbliku, l-effetti tal-prinċipji applikati għall-iċċarġjar u l-użu mill-ġdid ta’ testi uffiċjali ta’ natura leġiżlattiva u amministrattiva, kif ukoll possibbiltajiet oħra għat-titjib tal-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-iżvilupp tal-industrija tal-kontenut Ewropew.”.

Artikolu 2

1.   Sat-18 ta’ Lulju 2015, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippublikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mit-18 ta’ Lulju 2015.

2.   Fejn l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza simili fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir tali referenza.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A. SHATTER


(1)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 129.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Ġunju 2013 (għadha ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-20 ta’ Ġunju 2013.

(3)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90.

(4)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(5)  ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 16.

(6)  ĠU L 283, 29.10.2011, p. 39.

(7)  ĠU C 169, 15.6.2012, p. 5.

(8)  ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1.