28.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/28


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2013/12/UE

tat-13 ta’ Mejju 2013

li tadatta d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-effiċjenza tal-enerġija, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja, u partikolarment l-Artikolu 3(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja, u b’mod partikolari l-Artikolu 50 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 50 tal-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja, fejn atti tal-istituzzjonijiet adottati qabel l-adeżjoni jeħtieġu adattament minħabba l-adeżjoni, u l-adattamenti neċessarji ma ġewx previsti f’dak l-Att tal-Adeżjoni jew fl-Annessi għalih, il-Kunsill li jaġixxi permezz ta’ maġġoranza kkwalifikata rigward proposta mill-Kummissjoni, għandu, għal dan il-għan, jadotta l-atti neċessarji, jekk l-att oriġinali ma jkunx ġie adottat mill-Kummissjoni.

(2)

L-Att Finali tal-Konferenza li fasslet u adottat it-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja indika li l-Partijiet Kontraenti Għolja kienu laħqu qbil politiku dwar sett ta’ adattamenti għal atti adottati mill-istituzzjonijiet meħtieġa minħabba l-adeżjoni u stiednet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jadottaw dawn l-adattamenti qabel l-adeżjoni, imlestija u aġġornati fejn neċessarju sabiex jittieħed kont tal-evoluzzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

(3)

Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) titlob lill-Istati Membri biex jistabbilixxu miri indikattivi nazzjonali għall-effiċjenza tal-enerġija u b’dan l-Istati Membri għandhom jieħdu inkonsiderazzjoni l-konsum tal-enerġija tal-Unjoni sal-2020.

(4)

Minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja huwa neċessarju li teknikament jiġu adattati ċ-ċifri tal-konsum tal-enerġija għall-Unjoni fl-2020 biex jirriflettu l-konsum fi 28 Stat Membru. Il-proġettazzjonijiet li saru fl-2007 wrew konsum tal-enerġija primarja ta’ 1 842 Mtoe fl-2020 għas-27 Stat Membru. L-istess proġettazzjonijiet juru konsum tal-enerġija primarja ta’ 1 853 Mtoe fl-2020 għat-28 Stat Membru inkluż il-Kroazja. Tnaqqis ta’ 20 % jirriżulta f’1 483 Mtoe fl-2020, jiġifieri tnaqqis ta’ 370 Mtoe meta pparagunat mal-proġettazzjonijiet. Dan l-adattament tekniku huwa neċessarju biex jippermetti lid-Direttiva 2012/27/UE biex tkun applikabbli fil-Kroazja.

(5)

Id-Direttiva 2012/27/UE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2012/27/UE hija emendata kif stabbilit fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-emendi stabbiliti fl-Anness għal din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-limitu ta’ żmien previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2012/27/UE.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ soġġetta għat-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja u mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

S. COVENEY


(1)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.


ANNESS

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/27/UE huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

li l-konsum tal-enerġija tal-Unjoni sal-2020 għandu jkun ta’ mhux aktar minn 1 483 Mtoe ta’ enerġija primarja jew mhux aktar minn 1 086 Mtoe ta’ enerġija finali;”;

(b)

il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Sat-30 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-progress miksub u jekk hux probabbli li l-Unjoni tikseb konsum tal-enerġija ta’ mhux aktar minn 1 483 Mtoe ta’ enerġija primarja u/jew mhux aktar minn 1 086 Mtoe ta’ enerġija finali fl-2020.”;

(c)

il-punt (d) tal-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“(d)

qabbel ir-riżultati taħt il-punti (a) sa (c) mal-kwantità tal-konsum tal-enerġija li tinħtieġ biex jintlaħaq konsum tal-enerġija ta’ mhux aktar minn 1 483 Mtoe ta’ enerġija primarja u/jew mhux aktar minn 1 086 ta’ enerġija finali fl-2020.”.