20.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/20


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2013/10/UE

tad-19 ta’ Marzu 2013

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 75/324/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-aerosol dispensers biex id-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-ittikkettar jiġu adattati għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 75/324/KEE tal-20 ta’ Mejju 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-aerosol dispensers (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 75/324/KEE tipprovdi għall-klassifikazzjoni tal-aerosol dispensers bħala “mhux fjammabbli”, “fjammabbli” jew “estremament fjammabbli”, skont il-kriterji ta’ klassifikazzjoni stipulati fl-Anness tagħha. Fejn aerosol dispenser huwa kklassifikat bħala “fjammabbli” jew “estremament fjammabbli”, għandu jkollu s-simbolu tal-fjamma u l-frażijiet tas-sigurtà S2 u S16 stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (2).

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (3) jipprevedi l-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u t-tikkettar tas-sustanzi u t-taħlitiet fl-Unjoni. Dan jinkorpora fil-livell tal-Unjoni, il-kriterji għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta’ sustanzi u taħlitiet stipulati bis-Sistema Globalment Armonizzata tal-Klassifikazzjoni u l-Ittikkettar ta’ Sustanzi Kimiċi li ġiet adottata fuq livell internazzjonali, fi ħdan l-istruttura tan-Nazzjonijiet Uniti.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 se jħassar u jissostitwixxi d-Direttiva 67/548/KEE u d-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikettar tal-preparazzjonjijiet perikolużi (4) sa mill-1 ta’ Ġunju 2015. Għalhekk jeħtieġ li jiġu adattati d-dispożizzjonijiet dwar l-ittikkettjar tad-Direttiva 75/324/KEE għal dak ir-Regolament.

(4)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, għandha ssir distinzjoni bejn d-data tal-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-traspożizzjoni nazzjonali għall-aerosol dispensers li jkun fihom sustanza waħda u d-data tal-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-traspożizzjoni nazzjonali għall-aerosol dispensers li jkun fihom taħlitiet. Madankollu, il-manifatturi tal-aerosol dispensers li jkun fihom taħlitiet għandhom jitħallew japplikaw ir-rekwiżiti tal-ittikkettjar ta’ din id-Direttiva minn qabel, fuq bażi volontarja.

(5)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u biex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ piżijiet żejda fuq l-intrapriżi, hemm dispożizzjoni għal perjodu tranżizzjonali għall-aerosol dispensers li jkun fihom taħlitiet, ittikkettati skont id-dispożizzjonijiet applikabbli qabel l-1 ta’ Ġunju 2015 u li jitqiegħdu fis-suq sa dik id-data, li jippermettilhom jitqiegħdu fis-suq mingħajr ittikkettar mill-ġdid.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Addattament għall-Progress Tekniku tad-Direttiva dwar l-aerosol dispensers;

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 75/324/KEE

Id-Direttiva 75/324/KEE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

Is-sentenza ta’ introduzzjoni tinbidel b’dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), kull aerosol dispenser jew, fejn id-dettalji ma jistgħux jitpoġġew fuq l-aerosol dispenser minħabba qisien żgħar (kapaċità massima ta’ 150 ml jew inqas) it-tikketta mwaħħla miegħu għandu jkollha d-dettalji li ġejjin f’karattri li jidhru, jinqraw u ma jitħassrux:

(*)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.”"

(b)

Il-punt (d) jinbidel b’dan li ġej:

“(d)

id-dettalji li għalihom hemm riferenza fil-punt 2.2 tal-Anness,”.

(2)

L-Anness huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-punt 1, jidħlu l-punti li ġejjin 1.7a u 1.7b:

“1.7a.   Sustanza

‘Sustanza’ tfisser sustanza kif iddefinita fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

1.7b.   Taħlita

‘Taħlita’ tfisser taħlita kif iddefinita fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008”.

(b)

Fil-punt 2, il-punti 2.2 sa 2.4 jinbidlu f’dan li ġej:

“2.2.   Ittikkettar

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, kull aerosol dispenser għandu juri b’mod viżibbli l-immarkar li ġej b’mod leġibbli u li ma jitħassarx:

(a)

Ikun xi jkun il-kontenut tiegħu:

(i)

id-dikjarazzjoni dwar il-periklu H229: ‘Kontenitur taħt pressjoni: Jista’ jfaqqa’ bit-tisħin’,

(ii)

id-dikjarazzjonijiet ta’ prekawzjoni P210 u P251 stipulati fil-Parti 1, it-Tabella 6.2 tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

(iii)

id-dikjarazzjonijiet ta’ prekawzjoni P410 u P412 stipulati fil-Parti 1, it-Tabella 6.4 tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

(iv)

id-dikjarazzjoni ta’ prekawzjoni P102 stipulata fil-Parti 1, Tabella 6.1 tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, fejn l-aerosol dispenser huwa prodott tal-konsumatur;

(v)

kwalunkwe prekawzjoni operattiva addizzjonali li twissi lill-konsumaturi għall-perikli speċifiċi tal-prodott; jekk l-aerosol dispenser ikun akkumpanjat minn istruzzjonijiet għall-użu separati, dawn tal-aħħar iridu jirriflettu wkoll dawn il-prekawzjonijiet operattivi.

(b)

Fejn l-aerosol huwa kklassifikat bħala ‘mhux fjammabbli’ skont il-kriterji tal-punt 1.9, il-kelma bħala sinjal ‘Twissija’.

(c)

Fejn l-aerosol huwa kklassifikat bħala ‘fjammabbli’ skont il-kriterji tal-punt 1.9, il-kelma bħala sinjal ‘Twissija’ u l-elementi l-oħra tat-tikketta għal ‘Aerosols Fjammabbli tal-Kategorija 2’ stipulati fit-Tabella 2.3.2 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(d)

Fejn l-aerosol huwa kklassifikat bħala ‘estremament fjammabbli’ skont il-kriterji tal-punt 1.9, il-kelma bħala sinjal ‘Periklu’ u l-elementi l-oħra tat-tikketta għal ‘Aerosols Fjammabbli tal-Kategorija 1’ stipulati fit-Tabella 2.3.2 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

2.3.   Volum tal-fażi likwida

Il-volum tal-fażi likwida b’50 °C ma għandux jaqbeż 90 % tal-kapaċità netta”.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   B’deroga mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1), l-aerosol dispensers li jkun fihom taħlitiet jistgħu jiġu ttikkettjati skont l-Artikolu 1 qabel l-1 ta’ Ġunju 2015.

2.   B’deroga mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1), l-aerosol dispensers li jkun fihom taħlitiet u jitqegħdu fis-suq qabel l-1 ta’ Ġunju 2015 mhumiex meħtieġa li jiġu tikkettjati mill-ġdid skont l-Artikolu 1 sal-1 ta’ Ġunju 2017.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mid-19 ta’ Marzu 2014, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mid-19 ta’ Ġunju 2013, fir-rigward tal-aerosol dispensers li jkun fihom sustanza.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Ġunju 2015 fir-rigward tal-aerosol dispensers li jkun fihom taħlitiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 147, 9.6.1975, p. 40.

(2)  ĠU 196, 16.8.1967, p. 1.

(3)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(4)  ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1.