24.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 378/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta' Diċembru 2013

dwar miżuri ta’ integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri

2013/C 378/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikolu 19(1), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-ugwaljanza hija waħda mill-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE, l-Unjoni għandha tiġġieled l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u tippromwovi l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal.

(2)

Skont l-Artikolu 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet tagħha l-Unjoni għandha tfittex li tiġġieled kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika.

(3)

L-Artikolu 19(1) tat-TFUE jippermetti lill-Kunsill jieħu azzjoni adatta biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

(4)

L-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li kull diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa jew l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, għandha tkun projbita.

(5)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE (1) tistipula qafas għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' oriġini razzjali jew etnika fl-UE kollha b'rabta mal-impjiegi u t-taħriġ, l-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali (inklużi s-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa), il-vantaġġi soċjali u l-aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista tagħhom, inkluża l-akkomodazzjoni.

(6)

Għall-finijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni, it-terminu “Rom” jintuża, bl-istess mod ta’ dokumenti politiċi oħrajn tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew, bħala terminu umbrella li jinkludi gruppi ta' persuni li għandhom karatteristiċi kulturali pjuttost simili, bħas-Sinti, it-Travellers, il-Kalé, il-Gens du voyage, eċċ., kemm jekk huma sedentarji kif ukoll jekk le.

(7)

Ħafna Rom fl-Unjoni għadhom qed jiffaċċjaw faqar kbir, esklużjoni soċjali, diskriminazzjoni u ostakoli fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom, li jħallihom vulnerabbli għall-esplojtazzjoni, pereżempju permezz tat-traffikar tal-bnedmin. Għalhekk, għandhom jiġu kkunsidrati miżuri ta' inklużjoni soċjali aktar effettivi adattati għas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tagħhom.

(8)

Is-sitwazzjoni tat-tfal Rom fl-Unjoni hija partikolarment ta' tħassib, minħabba firxa ta' fatturi li jistgħu jagħmluhom speċjalment vulnerabbli u esposti, fost l-oħrajn, għal problemi ta' saħħa, problemi ta' akkomodazzjoni, alimentazzjoni ħażina, esklużjoni, diskriminazzjoni, razziżmu u vjolenza. L-esklużjoni soċjali tat-tfal Rom spiss tiġi marbuta man-nuqqas ta' reġistrazzjoni tat-twelid u dokumenti tal-identità, mal-parteċipazzjoni baxxa fl-edukazzjoni u fil-kura fil-bidu tat-tfulija kif ukoll fl-edukazzjoni għolja, u mar-rati għoljin ta' tfal li jitilqu mill-iskola. Is-segregazzjoni hija xkiel serju li jwaqqaf l-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità. Xi tfal Rom jisfaw ukoll vittmi ta' traffikar u sfruttament tax-xogħol.

(9)

Ir-Rom li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-Istati Membri jistgħu jitpoġġew ukoll f'pożizzjoni vulnerabbli, partikolarment meta jkollhom l-istess kondizzjonijiet ħżiena ta’ għajxien bħal ħafna Rom li huma ċittadini tal-Unjoni, filwaqt li jħabbtu wiċċhom ukoll mal-isfidi ta' bosta migranti li jkunu ġejjin minn barra l-Unjoni.

(10)

Fil-kuntest tal-mobbiltà fl-UE, huwa meħtieġ li jiġi rispettat id-dritt tal-moviment ħieles taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-kundizzjonijiet għat-tħaddim tiegħu, fost l-oħrajn il-pussess ta' biżżejjed riżorsi u ta' assigurazzjoni komprensiva għall-mard, f'konformità mad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), filwaqt li jsiru sforzi wkoll biex jittejbu l-kondizzjonijiet tal-għixien tar-Rom u jittieħdu miżuri li jippromwovu l-integrazzjoni ekonomika u soċjali tagħhom fl-Istati Membri ta' oriġini tagħhom kif ukoll fl-Istati Membri ta' residenza tagħhom.

(11)

Ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2010 dwar is-sitwazzjoni tar-Rom u dwar il-libertà ta' moviment fl-Unjoni Ewropea u tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Rom appellaw lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jimmobilizzaw strateġiji u strumenti eżistenti tal-Unjoni bil-ħsieb li tiġi żgurata l-inklużjoni soċjoekonomika tar-Rom.

(12)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-5 ta' April 2011 bit-titlu “Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020”, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri jadottaw jew jiżviluppaw aktar approċċ komprensiv u japprovaw għadd ta' għanijiet fl-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u d-djar sabiex titħaffef l-integrazzjoni tar-Rom.

(13)

Fid-19 ta' Mejju 2011, il-Kunsill adotta Konklużjonijiet intitolati “Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-ROM sal-2020”, li jesprimu l-impenn tal-Istati Membri li javvanzaw l-inklużjoni soċjali u ekonomika tar-Rom.

(14)

Il-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2011 appella għall-implimentazzjoni rapida tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2011, b’mod partikolari fir-rigward tat-tħejjija, l-aġġornament jew l-iżvilupp tal-istrateġiji nazzjonali tal-Istati Membri għall-integrazzjoni tar-Rom jew settijiet integrati ta’ miżuri ta’ politika fi ħdan il-politika usa' tagħhom ta' inklużjoni soċjali biex tittejjeb is-sitwazzjoni tar-Rom.

(15)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-21 ta' Mejju 2012 bit-titlu “Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE”, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati tal-ewwel valutazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali kollha għall-integrazzjoni tar-Rom u settijiet integrati ta’ miżuri ta’ politika u stiednet lill-Istati Membri jqisu għadd ta’ adattamenti bħala t-triq ’il quddiem.

(16)

Il-Kummissjoni tejbet id-djalogu tagħha mal-Istati Membri dwar l-integrazzjoni tar-Rom, b'mod partikolari billi f’Ottubru 2012 stabbiliet in-netwerk ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, sabiex jiġu diskussi soluzzjonijiet għall-isfidi identifikati. F’Novembru u Diċembru 2012, grupp ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom komplew jiddiskutu kif jistgħu jtejbu l-effettività ta’ miżuri biex tinkiseb l-integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri. Dak il-grupp sussegwentement irrapporta lura lin-netwerk ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom.

(17)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-26 ta' Ġunju 2013 bit-titlu “Passi 'l quddiem fl-implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom”, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa għal aktar azzjoni sabiex jiġu żgurati l-prekundizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ miżuri li għandhom l-għan li jitħaffef il-progress fuq l-integrazzjoni tar-Rom kemm jista’ jkun malajr.

(18)

Il-Komunikazzjoni tal-Kumissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu “Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” (l-“Istrateġija Ewropa 2020”) tat impetu ġdid lill-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali billi ffissat miri Ewropej komuni biex tnaqqas l-għadd ta’ persuni li qegħdin fir-riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali, tnaqqas ir-rata ta’ tluq bikri mill-iskola, u żżid il-livelli edukattivi milħuqa u l-impjiegi. L-integrazzjoni tar-Rom hija parti essenzjali mill-isforzi konverġenti tal-Unjoni u l-Istati Membri f'dan il-kuntest. Il-governanza attwali tas-Semestru Ewropew tippromwovi l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2013 bl-isem “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni” jipprovdu aktar gwida għall-isforzi biex jiġi żgurat it-tkabbir inklużiv.

(19)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq u tan-nuqqasijiet identifikati, l-effettività tal-miżuri għall-integrazzjoni tar-Rom għadha trid tittejjeb u tiġi sorveljata. Dan għandu jsir filwaqt li jiġi rispettat b'mod sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà u r-responsabbiltà primarja tal-Istati Membri f'dan il-qasam, b'kont meħud tal-fatt li l-ġbir ta' data għal raġunijiet etniċi jista' jkun kwistjoni sensittiva u filwaqt li jingħaraf il-fatt li l-Istati Membri għandhom jagħżlu l-metodi ta' sorveljanza tagħhom stess, fosthom metodi xierqa għal kull ġbir ta' data, u indikaturi possibbli.

(20)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tibni fuq id-diversi rakkomandazzjonijiet stipulati qabel fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-konklużjonijiet tal-Kunsill u l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni tar-Rom. Għandha l-għan li tikkumplementa l-leġislazzjoni eżistenti tal-Unjoni kontra d-diskriminazzjoni sabiex tgħin biex tagħmel l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħha aktar effettivi.

(21)

Din ir-Rakkomandazzjoni ma tkoprix differenzi ta’ trattament abbażi ta' nazzjonalità u hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet u l-kondizzjonijiet relatati mal-istatus legali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni bla stat fit-territorju tal-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali u dik tal-Unjoni jew tal-effetti legali ta’ dan l-istatus.

(22)

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jappella lill-Istati Membri, fejn adatt, biex jistabbilixxu approċċ integrat biex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ żoni ġeografiċi l-aktar milquta mill-faqar, jew ta’ gruppi fil-mira bl-ogħla riskju ta’ diskriminazzjoni jew esklużjoni soċjali, b’kunsiderazzjoni speċjali għall-komunitajiet emarġinati. Ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għall-perijodu ta' programmazzjoni 2014-2020 jinkludi prijorità ta’ investiment taħt il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) iffokata fuq l-integrazzjoni soċjoekonomika ta’ komunitajiet emarġinati bħar-Rom, li tikkomplementa l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej l-oħrajn (FSIE) (5),

FILWAQT LI JINNOTA LI:

GĦAN

L-għan ta' din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tiggwida lill-Istati Membri fit-titjib tal-effettività tal-miżuri tagħhom biex jiksbu l-integrazzjoni tar-Rom u jsaħħu l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Rom jew settijiet integrati ta’ miżuri ta’ politika fi ħdan politika usa' ta' inklużjoni soċjali bil-għan li ttejjeb is-sitwazzjoni tar-Rom u tneħħi kwalunkwe differenzi bejn ir-Rom u l-popolazzjoni ġenerali.

Id-daqs u s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tal-popolazzjoni Rom ivarjaw b'mod konsiderevoli bejn Stati Membri differenti. Għaldaqstant l-approċċi nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom għandhom jitfasslu skont iċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet speċifiċi fil-post, inkluż permezz tal-adozzjoni jew tat-tkomplija tas-segwitu ta' linji ta' politika li jindirizzaw lill-gruppi emarġinati u żvantaġġati, bħar-Rom, f'kuntest usa'.

Din ir-rakkomandazzjoni tiffoka b'mod espliċitu fuq miżuri biex tiġi promossa l-integrazzjoni tar-Rom mingħajr ma għandha l-għan li teskludi gruppi emarġinati u żvantaġġati oħra. Miżuri ta' integrazzjoni għandhom jiġu bbażati fuq l-istess prinċipji f'kondizzjonijiet komparabbli.

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

1.   KWISTJONIJIET TA' POLITIKA SOSTANTIVI

Miżuri ta’ politika effettivi

1.1.

Bil-ħsieb li tiġi promossa l-ugwaljanza sħiħa tar-Rom fil-prattika, jittieħdu miżuri ta' politika effettivi biex jiġi żgurat it-trattament ugwali tagħhom u r-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom, inkluż aċċess ugwali għall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni. Dan il-għan jista' jintlaħaq jew permezz ta' miżuri prinċipali jew permezz ta' miżuri mmirati, inklużi miżuri speċifiċi biex jevitaw jew jikkumpensaw għal żvantaġġi, jew b'kombinazzjoni tat-tnejn, b'attenzjoni speċjali għad-dimensjoni tas-sessi.

1.2.

Jiġu adottati miżuri li jistgħu jkunu bbażati fuq indikaturi soċjoekonomiċi, bħall-qgħad kbir fuq medda twila ta’ żmien, il-livell ta’ kisba edukattiva u l-parametri tas-saħħa, jew jistgħu jiffokaw fuq oqsma ġeografiċi li huma emarġinati u/jew segregati.

Aċċess għall-edukazzjoni

1.3.

Jieħdu miżuri effettivi biex jiżguraw it-trattament ugwali u l-aċċess sħiħ għal bniet u subien Rom għal edukazzjoni ta' kwalità tajba u prinċipali u biex jiġi żgurat li l-istudenti Rom kollha jlestu tal-anqas l-edukazzjoni obbligatorja (6). Dan il-għan jista' jintlaħaq permezz ta' miżuri bħal miżuri li:

(a)

jeliminaw kull segregazzjoni skolastika;

(b)

itemmu kull tqegħid mhux xieraq ta' studenti Rom fi skejjel ta’ bżonnijiet speċjali;

(c)

inaqqsu t-tluq bikri mill-iskejjel (7) fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, inkluż fil-livell sekondarju u t-taħriġ vokazzjonali;

(d)

iżidu l-aċċess għal u l-kwalità tal-edukazzjoni bikrija u l-kura tat-tfal, inkluż appoġġ immirat, kif meħtieġ;

(e)

iqisu l-ħtiġijiet ta' studenti individwali u jindirizzawhom kif xieraq, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-familji tagħhom;

(f)

jużaw metodi inklużivi u mfassla apposta, inklużi l-appoġġ għat-tagħlim għal studenti batuti, u miżuri li jikkumbattu l-illitteriżmu, u jippromwovu d-disponibbiltà u l-użu ta' attivitajiet barra l-kurrikulu;

(g)

iħeġġu aktar involviment mill-ġenituri u jtejbu it-taħriġ tal-għalliema, fejn rilevanti;

(h)

jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni u t-tkomplija tal-edukazzjoni sekondarja u terzjarja mir-Rom;

(i)

jestendu l-aċċess għall-edukazzjoni li tagħti t-tieni opportunità u t-tagħlim għall-adulti, u jagħtu appoġġ għat-transizzjoni bejn il-livelli edukattivi u appoġġ għall-kisba ta’ ħiliet li huma adattati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

Aċċess għall-impjiegi

1.4.

Jieħdu miżuri effettivi biex jiżguraw it-trattament ugwali tar-Rom fl-aċċess għas-suq tax-xogħol u għall-opportunitajiet ta' impjieg. Dan il-għan jista' jintlaħaq permezz ta' miżuri bħal miżuri li:

(a)

jappoġġaw l-ewwel esperjenza ta' xogħol, it-taħriġ vokazzjonali, it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol, it-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet;

(b)

jappoġġaw l-impjiegi indipendenti u l-intraprenditorija;

(c)

jagħtu aċċess ugwali lis-servizzi pubbliċi tal-impjieg prinċipali, flimkien ma’ servizzi li jappoġġaw lil individwi li jkunu qed ifittxu impjieg, li jiffokaw fuq gwida personalizzata u ppjanar ta' azzjoni individwali u, fejn adatt, jippromwovu opportunitajiet ta' impjieg fis-servizz ċivili;

(d)

jeliminaw ostakoli, inkluża d-diskriminazzjoni, għad-dħul (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol.

Aċċess għall-kura tas-saħħa

1.5.

Jieħdu miżuri effettivi biex jiġi żgurat it-trattament ugwali tar-Rom fl-aċċess għal servizzi tal-kura tas-saħħa (8) universalment disponibbli fuq il-bażi ta' kriterji ta' eliġibbiltà ġenerali. Dan il-għan jista' jintlaħaq permezz ta' miżuri bħal miżuri li:

(a)

ineħħu kull ostakolu għall-aċċess għas-sistema tal-kura tas-saħħa aċċessibbli għall-popolazzjoni ġenerali;

(b)

itejbu l-aċċess għal spezzjonijiet mediċi, kura qabel u wara t-twelid u ppjanar tal-familja, kif ukoll kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva, ġeneralment ipprovduti minn servizzi tal-kura tas-saħħa nazzjonali;

(c)

itejbu l-aċċess għal programmi ta’ tilqim bla ħlas immirati għat-tfal u programmi ta' tilqim immirati, b’mod partikolar,i għall-gruppi l-aktar fir-riskju u/jew dawk li jgħixu f’żoni emarġinati u/jew remoti;

(d)

jippromwovu s-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet ta' saħħa u kura tas-saħħa.

Aċċess għall-akkomodazzjoni

1.6.

Jieħdu miżuri effettivi biex jiżguraw it-trattament ugwali tar-Rom fl-aċċess għall-akkomodazzjoni. Dan il-għan jista' jintlaħaq permezz ta' miżuri bħal miżuri li:

(a)

jeliminaw is-segregazzjoni tal-ispazju u jippromwovu d-desegregazzjoni;

(b)

jippromwovu l-aċċess mhux diskriminatorju għall-akkomodazzjoni soċjali;

(c)

jipprovdu żoni ta' waqfien għal Rom mhux sedentarji, fi proporzjon mal-ħtiġijiet lokali;

(d)

jiżguraw l-aċċess għall-utilitajiet pubbliċi (bħall-ilma, l-elettriku u l-gass) u l-infrastruttura għall-akkomodazzjoni f'konformità mar-rekwiżiti legali nazzjonali.

1.7.

Kull fejn rilevanti, jiżguraw li l-applikazzjonijiet mill-awtoritajiet lokali għal proġetti ta’ riġenerazzjoni urbana jinkludu interventi għall-akkomodazzjoni integrati favur il-komunitajiet emarġinati.

1.8.

Jippromwovu żvilupp lokali mmexxi mill-komunità u/jew l-investimenti territorjali integrati appoġġati mill-FSIE.

Finanzjament

1.9.

Jallokaw fondi adegwati għall-implimentazzjoni u s-sorveljanza tal-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u lokali tagħhom minn kwalunkwe sors ta’ finanzjament disponibbli (lokali, nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali) fid-dawl tal-kisba tal-objettivi tal-inklużjoni tar-Rom permezz ta' miżuri prinċipali jew immirati.

1.10.

Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u kull diskriminazzjoni, inkluż, fost l-oħrajn, l-integrazzjoni soċjoekonomika ta' komunitajiet emarġinati bħar-Rom, għandha tiġi ffaċilitata mill-allokazzjoni ta' mill-inqas 20 % tar-riżorsi totali tal-FSE f'kull Stat Membru għall-investiment fin-nies kif jinsab fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (UE) Nru 1304/2013.

1.11.

Skont id-daqs u s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tal-komunitajiet tar-Rom tagħhom u d-distakk bejn il-popolazzjonijiet tar-Rom u dawk mhux tar-Rom, kif ukoll l-isfidi identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew għal għadd ta' Stati Membri, jittieħdu miżuri adatti biex l-integrazzjoni tar-Rom tiġi inkluża fost il-prijoritajiet fil-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar l-użu tal-FSIE (9) għall-perijodu 2014-2020.

1.12.

Itejbu l-kapaċitajiet tal-ġestjoni, is-sorveljanza u l-evalwazzjoni tagħhom bl-appoġġ tal-assistenza teknika mill-FSIE u jiffaċilitaw l-użu ta' fondi nazzjonali u tal-Unjoni biex jappoġġaw il-bini tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw il-proġetti b’mod effettiv.

1.13.

L-allokazzjoni tal-finanzjament pubbliku tiġi mmirata lejn l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom jew settijiet integrati ta’ miżuri ta’ politika għall-ħtiġijiet speċifiċi tar-Rom, jew għaż-żoni ġeografiċi l-aktar milquta mill-faqar u l-esklużjoni soċjali, u jqisu d-dimensjoni tas-sessi.

2.   MIŻURI TA' POLITIKA ORIZZONTALI

Antidiskriminazzjoni

2.1.

Ikomplu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw l-infurzar effettiv u prattiku tad-Direttiva 2000/43/KE, b'mod partikolari billi jiżguraw li r-regolamenti amministrattivi nazzjonali, reġjonali u lokali tagħhom mhumiex diskriminatorji u ma jirriżultawx fi prattiki ta' segregazzjoni. Il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għandha sservi ta' punt ta' referenza għall-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet u l-prattiki mad-drittijiet tal-bniedem f'dan il-kuntest.

2.2.

Jimplimentaw, fejn rilevanti, miżuri ta' desegregazzjoni fir-rigward tar-Rom kemm reġjonalment kif ukoll lokalment. Il-politiki u l-miżuri kontra s-segregazzjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn taħriġ xieraq u programmi ta’ informazzjoni, inklużi taħriġ u informazzjoni dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, indirizzati għall-ħaddiema taċ-ċivil lokali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u r-Rom infushom.

2.3.

Jiżguraw li evizzjonijiet sfurzati jkunu f'konformità sħiħa mal-liġi tal-Unjoni kif ukoll ma' obbligi internazzjonali oħra tad-drittijiet tal-bniedem, bħal dawk tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

2.4.

Jimplimentaw miżuri biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni u l-preġudizzju kontra r-Rom, xi drabi msejjaħ antiżingariżmu, fl-oqsma kollha tas-soċjetà. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu:

(a)

titqajjem kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-integrazzjoni tar-Rom kemm fil-komunitajiet tar-Rom kif ukoll fost il-pubbliku ġenerali;

(b)

titqajjem il-kuxjenza pubblika dwar in-natura differenti tas-soċjetajiet, u sensibilizzazzjoni tal-opinjoni pubblika għall-problemi ta' inklużjoni li jiffaċċaw ir-Rom, inkluż, fejn rilevanti, billi jiġu indirizzati dawk l-aspetti fil-kurrikuli tal-edukazzjoni pubblika u l-materjal tat-tagħlim;

(c)

jittieħdu miżuri effettivi għall-ġlieda kontra r-retorika u diskors ta' mibegħda kontra r-Rom, u jiġu indirizzati lingwa razzista, l-istereotipi jew li b'xi mod ieħor toħloq stigma jew imġiba oħra li tista' tikkostitwixxi tixwix għal diskriminazzjoni kontra r-Rom.

Protezzjoni ta' tfal u nisa Rom

2.5.

Jiġġieldu l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni multipla, li jħabbtu wiċċhom magħhom t-tfal u n-nisa Rom, u jiġġieldu kontra l-vjolenza, inkluża l-vjolenza domestika fuq in-nisa u l-bniet, it-traffikar tal-bnedmin, żwiġijiet taħt l-età u sfurzati, u tallaba li jinvolvu t-tfal, b'mod partikolari permezz tal-infurzar tal-leġislazzjoni. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-involviment f'dan l-eżerċizzju tal-atturi rilevanti kollha inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, is-soċjetà ċivili u l-komunitajiet tar-Rom. F'dan il-kuntest, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri hija mħeġġa f'sitwazzjonijiet b'dimensjoni transkonfinali.

It-tnaqqis tal-faqar permezz tal-investiment soċjali

2.6.

Jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali li jaffettwaw lil persuni żvantaġġati, inklużi r-Rom, permezz ta’ investiment fil-kapital uman u l-politiki ta’ koeżjoni soċjali. Dan il-għan jista' jintlaħaq permezz ta' miżuri bħal miżuri li:

(a)

jiappoġġaw ir-Rom fl-istadji kollha ta' ħajjithom, minn kemm jista' jkun kmieni u jittrattaw b'mod sistematiku r-riskji li jiffaċċjaw, inkluż permezz ta' investiment f'edukazzjoni bikrija inklużiva ta' kwalità tajba għat-tfal, skemi ta’ garanziji mmirati għaż-żgħażagħ, tagħlim tul il-ħajja u miżuri ta' tixjiħ attiv;

(b)

jsegwu politiki ta' attivazzjoni u tal-għoti ta' possibbiltajiet permezz ta' appoġġ għad-dħul (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol permezz ta' skemi ta' appoġġ għall-impjiegi immirati jew prinċipali, u l-promozzjoni ta' suq tax-xogħol inklużiv billi tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol;

(c)

jagħmlu l-benefiċċji u s-servizzi soċjali mogħtija lil persuni żvantaġġati, fosthom ir-Rom, f'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali, aktar adatti u sostenibbli permezz ta’ politika soċjali aktar koordinati, permezz tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri, u permezz tal-ġlieda kontra l-frodi u l-iżbalji; jiżguraw it-tħaddim ta' skemi ta’ assistenza soċjali; u jipprovdu appoġġ xieraq għad-dħul lil dawk eliġibbli.

2.7.

Skont id-daqs u s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tal-popolazzjonijiet Rom tagħhom, jikkunsidraw li jagħmlu l-integrazzjoni tar-Rom kwistjoni importanti fil-programmi nazzjonali ta' riforma tagħhom jew ir-rapporti soċjali nazzjonali tagħhom fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020.

L-għoti ta’ setgħa

2.8.

Jappoġġaw iċ-ċittadinanza attiva tar-Rom billi jippromwovu l-parteċipazzjoni soċjali, ekonomika, politika u kulturali tagħhom fis-soċjetà, inkluż fil-livell lokali, billi l-involviment attiv u l-parteċipazzjoni tar-Rom infushom, fost l-oħrajn permezz tar-rappreżentanti u l-organizzazzjonijiet tagħhom, hija kruċjali għat-titjib tal-kondizzjonijiet tal-għixien tagħhom, kif ukoll għall-avvanz tal-inklużjoni soċjali tagħhom.

2.9.

Fejn adatt għal approċċi lokali għall-integrazzjoni, jippromwovu t-taħriġ u l-impjiegi ta' medjaturi kwalifikati dedikati għar-Rom u jużaw l-medjazzjoni bħala waħda mill-miżuri biex jiġu trattati l-inugwaljanzi li jiffaċċjaw ir-Rom fir-rigward tal-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità, impjiegi, kura tas-saħħa u akkomodazzjoni.

2.10.

Iwettqu attivitajiet ta’ informazzjoni biex tkompli titqajjem kuxjenza fost ir-Rom dwar id-drittijiet tagħhom (speċjalment fir-rigward tad-diskriminazzjoni u l-possibbiltajiet li jfittxu rimedju) u tad-drittijiet ċivili tagħhom.

3.   MIŻURI STRUTTURALI

Azzjoni lokali

3.1.

Filwaqt li jirrispettaw il-kompetenzi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, iħeġġu lil dawk l-awtoritajiet biex jiżviluppaw pjanijiet jew strateġiji ta' azzjoni lokali, jew settijiet ta' miżuri ta' politika lokali fi ħdan politiki ta' inklużjoni soċjali usa', li jistgħu jinkludu linji ta' referenza, punti ta’ riferiment u objettivi li jistgħu jitkejlu għall-integrazzjoni tar-Rom kif ukoll finanzjament xieraq.

3.2.

Jinvolvu r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili lokali fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u s-sorveljanza tal-istrateġiji nazzjonali jew settijiet integrati ta' miżuri ta' politika tagħhom fi ħdan politiki ta' inklużjoni soċjali usa'. Ir-rappreżentanti u l-partijiet interessati rilevanti għandhom ikunu involuti fir-rigward tal-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operattivi kkofinanzjati mill-FSIE. L-awtoritajiet ċentrali u lokali għandhom jikkooperaw fl-implimentazzjoni ta' dawk l-istrateġiji.

Għal dan il-għan, jappoġġaw l-awtoritajiet pubbliċi lokali biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ settijiet ta’ miżuri ta' politika fil-livell lokali.

3.3.

Iħabirku fil-livell lokali għal approċċ integrat li jikkonċerna familji bi sfond ta' Rom li qed jiffaċċjaw diversi problemi bħal li ma jkomplux l-iskola, id-dejn, il-faqar u problemi ta' saħħa. Għal dan il-għan, il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali tista' tissaħħaħ, filwaqt li tiġi rispettata d-diviżjoni tar-responsabbiltajiet f'kull Stat Membru, sabiex tippermettilhom jaħdmu b'mod effettiv f'kooperazzjoni mal-familji kkonċernati u wkoll, pereżempju, ma' skejjel, organizzazzjonijiet tal-kura taż-żgħażagħ, il-pulizija, organizzazzjonijiet tas-saħħa pubblika, organizzazzjonijiet tas-servizzi soċjali u korporazzjonijiet tad-djar.

Sorveljanza u evalwazzjoni tal-oqsma ta’ politika

3.4.

Jagħmlu sorveljanza u evalwazzjoni kif xieraq tal-effettività tal-istrateġiji nazzjonali jew is-settijiet integrati ta’ miżuri ta’ politika tagħhom fi ħdan il-politiki usa' tagħhom għall-inklużjoni soċjali. Dan jista' jsir permezz ta' miżuri bħall-ħolqien ta' linji ta' referenza u miri li jistgħu jitkejlu jew bil-ġbir ta’ data kwalitattiva jew kwantitattiva dwar l-effetti soċjali u ekonomiċi tali strateġiji jew miżuri, f'konformità mal-liġi applikabbli nazzjonali u tal-Unjoni, partikolarment fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali.

3.5.

Jagħmlu użu minn kwalunkwe indikatur ewlieni rilevanti jew metodu ta' riċerka empirika soċjali jew ġbir ta' data għas-sorveljanza u l-evalwazzjoni tal-progress fuq bażi regolari, partikolarment fil-livell lokali, li jippermetti rappurtar effiċjenti dwar is-sitwazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri bl-appoġġ fakultattiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

Korpi għall-promozzjoni ta’ trattament ugwali

3.6.

Jappoġġaw ix-xogħol u l-kapaċità istituzzjonali tal-korpi għall-promozzjoni tat-trattament ugwali billi jingħatawlhom riżorsi xierqa sabiex ir-Rom li jkunu vittmi ta' diskriminazzjoni jkunu jistgħu jibbenefikaw b'mod effettiv mill-assistenza ġuridika u ġudizzjarja li jipprovdu.

3.7.

Jippromwovu djalogu regolari bejn il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom u l-korpi nazzjonali għall-promozzjoni tat-trattament ugwali tagħhom.

Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom

3.8.

Jipprovdu l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom tagħhom b’mandat xieraq u riżorsi adatti għar-rwol tagħhom sabiex ikunu jistgħu jikkoordinaw b’mod effettiv s-sorveljanza transsettorjali ta’ politika għall-integrazzjoni tar-Rom bi ħsieb li tiġi implimentata, filwaqt li jirrispettaw il-qsim tar-responsabbiltajiet f'kull Stat Membru.

3.9.

Jinvolvu l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom tagħhom fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet rigward l-iżvilupp, il-finanzjament u l-implimentazzjoni ta’ linji ta’ politika rilevanti. Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom għandhom jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni u l-involviment tas-soċjetà ċivili tar-Rom fl-implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom u l-pjanijiet ta’ azzjoni lokali.

Kooperazzjoni transnazzjonali

3.10.

Iħeġġu l-iżvilupp ta' forom transnazzjonali ta’ kooperazzjoni u l-parteċipazzjoni attiva fihom fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, permezz ta’ inizjattivi ta’ politika, b’mod partikulari proġetti u ftehimiet bilaterali jew multilaterali, sabiex:

(a)

jikkoordinaw dwar kwistjonijiet relatati mal-mobbilità transkonfinali tar-Rom fi ħdan l-Unjoni; u

(b)

jappoġġaw it-tagħlim reċiproku u l-multiplikazzjoni tal-prattiki tajba, pereżempju permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet li jiġġestixxu l-fondi strutturali bil-għan li jitfasslu interventi effettivi għall-inklużjoni tar-Rom.

3.11.

Il-kooperazzjoni transnazzjonali msemmija f'punt 3.10 għandha tissupplimenta l-miżuri meħudin fi ħdan strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom u settijiet integrati ta' miżuri ta' politika fi ħdan il-politiki usa' tagħhom għall-inklużjoni soċjali u fil-qafas ta' kwalunkwe ftehim ta' kooperazzjoni eżistenti bejn l-Istati Membri għall-Istrateġija tad-Danubju, u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

4.   RAPPURTAR U SEGWITU

4.1.

Jikkomunikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe miżura li tittieħed skont din ir-Rakkomandazzjoni mhux aktar tard minn 1 ta’ Jannar 2016.

4.2.

Minn hemm 'il quddiem, jikkomunikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe miżura ġdida meħuda fuq bażi annwali, fl-aħħar ta' kull sena, flimkien ma' informazzjoni dwar il-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Rom jew settijiet integrati ta’ miżuri ta’ politika fi ħdan politika usa' għall-inklużjoni soċjali.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

5.1.

Tiżgura li l-informazzjoni provduta mill-Istati Membri ser isservi ta' bażi għat-tħejjija tar-rapporti annwali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom u ser tikkontribwixxi għas-Semestru Ewropew tal-Istrateġija Ewropa 2020 permezz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

5.2.

Fuq din il-bażi, tissorvelja s-sitwazzjoni mill-qrib u, mhux aktar tard minn 1 ta’ Jannar 2019, tivvaluta l-ħtieġa għar-reviżjoni u l-aġġornament ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

A. PABEDINSKIENĖ


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22).

(2)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(3)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(4)  Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470).

(5)  Il-FSIE huma l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta' Koeżjoni (FK), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).

(6)  Id-dritt tat-tfal għall-edukazzjoni huwa mnaqqax fl-Artikolu 28 tal-Konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

(7)  Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel (ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1). Waħda mill-miri ewlenin tal-Istrateġija ta' Ewropa 2020 miftiehma mill-Kunsill Ewropew hija li jitnaqqas il-proporzjon ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola għal inqas minn 10 % u li jkun żgurat li tal-anqas 40 % tal-ġenerazzjoni żagħżugħa jkollha kwalifika terzjarja jew ekwivalenti.

(8)  Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE, li titlob li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu fl-Unjoni jkollhom “biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta' piż fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu tagħhom ta' residenza u għandhom assigurazzjoni ta' mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti”.

(9)  Il-FEŻR jista' jintuża biex jappoġġa proġetti infrastrutturali fis-setturi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-akkomodazzjoni.