2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 59/5


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta' Frar 2013

L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ

(2013/112/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-rispett għad-dinjità umana huwa valur bażiku tal-Unjoni Ewropea, li l-miri tagħha jinkludu li tpoġġi fuq quddiem il-benessri ta' niesha; jeħtieġ li l-Unjoni tħares id-drittijiet tat-tfal, tiġġieled l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, iġġib 'il quddiem il-ġustizzja soċjali u l-ħarsien;

(2)

Fil-maġġoranza l-kbira tal-pajjiżi tal-UE t-tfal (1) qegħdin f'iżjed riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali mill-popolazzjoni ġenerali; it-tfal li jitrabbew fil-faqar jew fl-esklużjoni soċjali għandhom inqas probabbiltà mill-pari tagħhom li jkunu aktar għonja, li jmorru tajjeb fl-iskola, ikunu f’saħħithom u jirrealizzaw il-potenzjal sħiħ tagħhom aktar 'il quddiem;

(3)

Il-prevenzjoni tat-trażmissjoni tal-iżvantaġġi minn ġenerazzjoni għal oħra hija investiment kruċjali fil-futur tal-Ewropa, kif ukoll kontribut dirett għall-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, b'benefiċċji fit-tul għat-tfal, għall-ekonomija u għas-soċjetà b'mod ġenerali;

(4)

L-intervent u l-prevenzjoni bikrija huma essenzjali għall-iżvilupp ta' politiki aktar effettivi u effiċjenti, minħabba li l-infiq pubbliku biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-faqar u l-esklużjoni soċjali tat-tfal ikun iżjed minn dak li jinħtieġ għall-intervent f'età żgħira;

(5)

Li nieħdu ħsieb l-iżvantaġġi għaż-żgħar huwa mezz importanti biex inżidu l-isforzi tagħna biex nindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali b'mod ġenerali. Il-prevenzjoni hija miksuba bl-aktar mod effettiv permezz ta' strateġiji integrati li jlaqqgħu flimkien is-sostenn tal-ġenituri fl-aċċess għas-suq tax-xogħol u d-dħul issusidjat mal-aċċess għal servizzi li huma essenzjali għar-riżultat aħħari fit-tfal, bħal edukazzjoni (ta' qabel l-iskola proprja) ta' kwalità, is-saħħa, l-akkomodazzjoni u s-servizzi soċjali, kif ukoll opportunitajiet ta' parteċipazzjoni u biex jutilizzaw id-drittijiet tagħhom, li jgħinu lit-tfal biex jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom u jikkontribwixxu għar-reżiljenza tagħhom;

(6)

L-iżjed strateġiji li jirnexxilhom jindirizzaw il-faqar tat-tfulija nstab li kienu dawk mirfuda minn politiki li jtejbu l-benessri tat-tfal kollha, filwaqt li jieħdu ħsieb b’mod speċjali lit-tfal li jkunu f'sitwazzjonijiet partikolarment vulnerabbli;

(7)

Il-promozjoni tal-ugwaljanza tas-sessi, l-integrazzjoni tas-sessi u l-opportunitajiet ugwali, kif ukoll il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni li jiffaċċjaw it-tfal u l-familji tagħhom għar-raġunijiet kollha (b'mod partikolari dawk marbutin ma' sess, ma' oriġini razjali jew etnika, mar-reliġjon jew it-twemmin, mad-diżabbiltajiet, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali) għandhom jirfdu kull sforz li jsir biex nindirizzaw il-faqar fit-tfulija u l-esklużjoni soċjali;

(8)

Il-kriżi kurrenti finanzjarja u ekonomika qed ikollha impatt serju fuq it-tfal u l-familji, u hemm żieda fil-proporzjon ta’ dawk li qed jgħixu fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali f'għadd ta' pajjiżi;

(9)

L-isforzi lejn il-konsolidazzjoni tal-baġit minħabba diffikultajiet fiskali f'għadd ta' pajjiżi jippreżentaw sfidi sinifikanti biex jiġi żgurat li l-politiki soċjali jibqgħu adegwati u effettivi kemm fuq medda ta' żmien twil, kif ukoll fuq medda ta’ żmien qasir;

(10)

Il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE li ilha għaddejja aktar minn għaxar snin wasslet għal fehim komuni tad-determinanti tal-faqar fit-tfulija permezz ta' ħidma sostanzjali fl-iżvilupp ta' indikaturi xierqa ta' monitoraġġ, fl-identifikazzjoni tal-isfidi komuni u f'approċċi politiċi li jirnexxu, u dan ta spinta politika lill-kwistjoni; sussegwentement, il-Kummissjoni ħabbret l-adozzjoni ta' Rakkomandazzjoni dwar il-Faqar fit-Tfulija fil-Komunikazzjoni dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2);

(11)

L-Istrateġija Ewropa 2020 tat-spinta ġdida lill-isforzi biex jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-UE billi ffissat mira komuni Ewropea biex jitnaqqsu n-nies fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali b'minn tal-inqas 20 miljun sal-2020, minbarra li qed iżżid l-isforzi biex tindirizza t-tluq bikri mill-iskola. L-indirizzar u l-prevenzjoni tal-faqar fit-tfulija huma parti essenzjali tal-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri f'dan ir-rigward, u jiffurmaw parti mill-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali;

(12)

Il-governanza kurrenti skont is-Semestru Ewropew isservi biex tiżgura l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi rilevanti biex jiġi miġġieled il-faqar fit-tfulija u jittejjeb il-benessri tat-tfal;

(13)

L-Istati Membri kollha tal-UE rratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (United Nations Convention on the Rights of the Child — UNCRC). L-istandards u l-prinċipji tal-UNCRC iridu jibqgħu jiggwidaw il-politiki u l-azzjonijiet tal-UE li għandhom impatt fuq id-drittijiet tat-tfal;

(14)

Permezz tar-rapport ta' konsulenza u l-messaġġi ewlenin tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ta' Ġunju 2012, kif ukoll tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-EPSCO (Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur) "Preventing and tackling child poverty and social exclusion and promoting children’s well-being" (3), l-Istati Membri affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom u laqgħu l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tadotta Rakkomandazzjoni dwar din il-kwistjoni;

(15)

Diversi politiki tal-UE indirizzaw kwistjonijiet marbutin mal-faqar fit-tfulija u t-trażmissjoni tal-iżvantaġġi minn ġenerazzjoni għal oħra, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, tas-saħħa, tad-drittijiet tat-tfal u tal-ugwaljanza bejn is-sessi (4);

(16)

Filwaqt li l-politiki li jindirizzaw il-faqar fit-tfulija huma primarjament kompetenza tal-Istati Membri, qafas komuni Ewropew jista' jsaħħaħ is-sinerġiji fuq firxa ta' oqsma politiċi rilevanti, jgħin lill-Istati Membri biex jirrevedu l-politiki tagħhom u jitgħallmu mill-esperjenzi ta' xulxin, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet diversi fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

(17)

Fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali li ġej, din il-gwida tista' tipprovdi wkoll bażi għal aktar kooperazzjoni u fokus għall-użu tal-istrumenti finanzjarji rilevanti, b'mod partikolari l-Fondi Strutturali, biex jinkiseb l-għan propost ta' “Promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar”.

TIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI: Jorganizzaw u jimplimentaw il-politiki biex jindirizzaw il-faqar fit-tfulija u l-esklużjoni soċjali, filwaqt li jippromwovu l-benessri tat-tfal, permezz ta' strateġiji multidimensjonali, skont il-linji gwida li ġejjin:

1.   JIGGWIDAW RUĦHOM B'DAWN IL-PRINĊIPJI ORIZZONTALI

Jindirizzaw il-faqar fit-tfulija u l-esklużjoni soċjali permezz ta' strateġiji integrati li jmorru lil hinn milli jiżguraw is-sigurtà materjali u jippromwovu l-opportunitajiet indaqs biex it-tfal kollha jkunu jistgħu jirrealizzaw il-potenzjal sħiħ tagħhom;

Jindirizzaw il-faqar fit-tfulija u l-esklużjoni soċjali min-naħa tad-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari billi jirreferu għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u jiżguraw li dawn id-drittijiet jiġu rispettati, imħarsa u mwettqa;

Dejjem iqisu l-ewwel l-aħjar interessi tat-tfal u jirrikonoxxu li t-tfal huma detenturi tad-drittijiet indipendenti, filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza li jsostnu l-familji li huma l-ewwel nies li jindukraw lit-tfal;

Iżommu bilanċ xieraq bejn il-politiki universali, li jkunu mmirati biex jippromwovu l-benessri tat-tfal kollha, u approċċi ffokati li jimmiraw li jsostnu lil dawk li huma l-aktar żvantaġġati;

Jiżguraw attenzjoni fuq dawk it-tfal li qegħdin f'riskju akbar minħabba ħafna żvantaġġi, bħal tfal Roma, tfal migranti jew ta' minorità etnika, tfal bi bżonnijiet speċjali jew b'diżabbiltajiet, tfal taħt trobbija alternattiva u tfal tat-triq, tfal ta' ġenituri li qegħdin il-ħabs, kif ukoll tfal ta' familji li qegħdin f'riskju partikolari ta' faqar, bħalma huma familji b'ġenitur wieħed jew familji kbar;

Ikomplu tul iż-żmien bl-investiment fit-tfal u fil-familji, billi jipprevedu l-kontinwità tal-politiki u l-ippjanar fuq medda ta' żmien twil; jivvalutaw il-mod li bih ir-riformi tal-politiki jaffettwaw lil min hu l-aktar żvantaġġat u jieħdu l-passi biex itaffu kull effett negattiv.

2.   JIŻVILUPPAW STRATEĠIJI INTEGRATI BBAŻATI FUQ TLIET PILASTRI EWLENIN

2.1.   L-aċċess għal riżorsi adegwati

Isostnu l-parteċipazzjoni tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol — Jirrikonoxxu r-rabta qawwija bejn il-parteċipazzjoni tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tat-tfal, u skont il-prinċipji mniżżlin fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Inklużjoni Attiva (5) u l-miri ta' Barċellona (6), iwettqu l-miżuri kollha possibbli biex jappoġġaw il-parteċipazzjoni tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari għal dawk li qegħdin 'il bogħod mis-suq tax-xogħol u li qegħdin f'familji f'riskju partikolari:

Jiżguraw li f'għajnejn in-nies, ix-xogħol jagħti frott tajjeb billi jidentifikaw u jieħdu ħsieb id-disinċentivi li jiffaċċaw il-ġenituri meta jkunu se jidħlu fis-suq tax-xogħol, jew jibqgħu fih jew jipprogressaw fih, inklużi dawk marbutin mat-tfassil u l-interazzjoni ta' sistemi ta' taxxi u benefiċċji;

Isostnu l-impjegabbiltà u l-parteċipazzjoni fix-xogħol li jitħallas tal-ġenituri li jkunu waħedhom u ta' membri tal-familji li jkunu t-tieni sors ta' dħul, billi jippromwovu l-ugwaljanza tas-sessi fis-suq tax-xogħol u fir-responsabbiltajiet tal-familja;

Jipprovdu sostenn aħjar għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol wara li jkunu ħadu l-liv tal-ġenituri permezz ta' miżuri dwar taħriġ u appoġġ fit-tfittxija ta' impjieg, u jiffukaw speċifikament fuq dawk li jkunu f'riskju partikolari;

Iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-familji kollha, inklużi dawk li jinstabu f'qagħda vulnerabbli u dawk li joqogħdu f'żoni żvantaġġati, ikollhom aċċess effettiv għall-edukazzjoni u l-kura tat-tfal żgħar ta' kwalità li jkunu għal but ta’ kulħadd;

Jaddattaw it-tfassil u l-kriterji tal-eliġibbiltà tas-servizzi għall-indukrar tat-tfal għal mudelli dejjem iżjed diversi ta' ħinijiet tax-xogħol, b'hekk ikunu qed jgħinu lill-ġenituri jżommu l-impenji tax-xogħol jew isibu impjieg filwaqt li jkunu qed iżommu fil-mira l-aħjar interessi tat-tfal;

Jippromwovu l-impjieg inklużiv ta' kwalità u ambjent ta' xogħol li jippermetti lill-ġenituri jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol u r-rwol ta' ġenitur, anki permezz ta' liv tal-ġenituri, appoġġ fuq il-post tax-xogħol u arranġamenti tax-xogħol flessibbli.

Jipprovdu standards tal-għajxien xierqa permezz ta' għadd ta' benefiċċji – Jagħmluha possibbli li t-tfal igawdu standards ta' għajxien xierqa li jkunu kompatibbli ma' ħajja dinjituża permezz tal-aħjar taħlita ta' għotjiet ta' flus kontanti u in natura:

Isostnu d-dħul tal-familji permezz ta' benefiċċji adegwati, koerenti u effiċjenti li jinkludu inċentivi fiskali, benefiċċji tal-familja u tat-tfal, benefiċċji fuq l-akkomodazzjoni u skemi tad-dħul minimu;

Jikkumplementaw l-iskemi ta' dħul kontanti b'benefiċċji in natura marbutin b'mod partikolari man-nutrizzjoni, l-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-akkomodazzjoni, it-trasport u l-aċċess għal attivitajiet sportivi jew soċjokulturali;

Jiżguraw li t-tfassil tas-sostenn finanzjarju għat-tfal u l-eliġibbiltà għalih jirriflettu l-iżvilupp tal-arranġamenti għall-għajxien u jipprovdu distribuzzjoni xierqa fost il-faxex kollha tad-dħul;

Joħolqu aċċess aktar effettiv għall-benefiċċji li għalihom ikunu intitolati t-tfal jew il-familji tagħhom billi jiffaċilitaw l-użu u jiżviluppaw servizzi li jilħqu lill-benefiċjarji

Jipprovdu benefiċċji skont il-mezzi jew benefiċċji oħrajn aktar immirati b'mod li jevita l-istigmatizzar, jagħraf id-differenzi bejn il-bżonnijiet ta' tfal differenti u jnaqqas ir-riskju ta' nasbiet ta' faqar filwaqt li jevita l-ħolqien ta' diżinċentivi għax-xogħol għal dawk li jistgħu jkunu t-tieni sors ta' dħul u l-ġenituri li qed irabbu t-tfal mingħajr sieħeb/sieħba;

Jużaw id-diskrezzjoni meta jagħmlu l-benefiċċji tal-familja jiddependu fuq l-imġieba tal-ġenituri jew l-attendenza tat-tfal fl-iskola, u jivvalutaw l-impatt potenzjalment negattiv ta' miżuri bħal dawn;

Jistabbilixxu mekkaniżmi tal-provvista tal-benefiċċji li jkunu regolari u responsivi li jagħtu koperta massima u li jkunu l-aktar ta' benefiċċju għat-tfal, bħal pagamenti bil-quddiem.

2.2.   Aċċess għal servizzi ta' kwalità għall-but ta' kulħadd

Inaqqsu l-inugwaljanza minn età żgħira billi jinvestu fl-edukazzjoni u l-indukrar tat-tfal żgħar — Ikomplu jiżviluppaw l-inklużjoni soċjali u l-potenzjal tal-iżvilupp tal-edukazzjoni u l-indukrar tat-tfal iż-żgħar, u jużawhom bħala investiment soċjali biex jindirizzaw l-inugwaljanza u l-isfidi li jridu jiffaċċjaw it-tfal żvantaġġati permezz ta' intervent bikri:

Jipprovdu aċċess għal edukazzjoni u indukrament tat-tfal żgħar li tkun ta' kwalità tajba u inklużiva; jiżguraw li din tkun affordabbli u jaddattaw il-provvista skont il-bżonnijiet tal-familji;

Jinċentivaw il-parteċipazzjoni tat-tfal li jkunu minn familji żvantaġġati (b'mod speċjali dawk ta' taħt l-età ta' tliet snin), tkun xi tkun il-qagħda tal-ġenituri rigward is-suq tax-xogħol, filwaqt li jevitaw l-istigmatizzar u s-segregazzjoni;

Jappoġġjaw lill-ġenituri fir-rwol tagħhom bħala edukaturi ewlenin tat-tfal tagħhom fis-snin bikrin u jħeġġu lis-servizzi tal-edukazzjoni u l-indukrar tat-tfal biex jaħdmu mill-qrib mal-ġenituri u atturi komunitarji li jkunu involuti fit-trobbija tat-tfal (bħas-servizzi ta' sostenn tas-saħħa u tat-trobbija tat-tfal);

Jissensibilizzaw aktar lill-ġenituri dwar il-benefiċċji tal-parteċipazzjoni fi programmi tal-edukazzjoni u l-indukrar għat-tfal u għalihom stess; Jużaw is-servizzi tal-edukazzjoni u l-indukrar tat-tfal iż-żgħar bħala sistema ta' twissija bikrija biex jidentifikaw problemi fiżiċi jew psikoloġiċi marbutin mal-familja jew mal-iskola, bżonnijiet speċjali jew każi ta' abbuż.

Itejbu l-impatt tas-sistema edukattiva fuq l-opportunitajiet indaqs – Iżidu l-abbiltà tas-sistemi tal-edukazzjoni li jiksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ, u jiżguraw li jkunu jistgħu jibbenefikaw it-tfal kollha minn edukazzjoni inklużiva ta' kwalità għolja li ġġib 'il quddiem l-iżvilupp emozzjonali, soċjali, konjittiv u fiżiku tagħhom:

Jipprevedu l-inklużjoni tal-istudenti kollha, fejn hemm bżonn billi jimmiraw għal riżorsi u opportunitajiet għal dawk li huma aktar żvantaġġati, u jissorveljaw ir-riżultati b'mod xieraq;

Jirrikonoxxu u jindirizzaw id-disparitajiet spazjali fid-disponibbiltà u l-kwalità tal-edukazzjoni offruta u fl-eżiti edukattivi; irawmu l-politiki li jneħħu s-segregazzjoni u li jsaħħu l-edukazzjoni komprensiva;

Joħolqu ambjent ta' tagħlim inklużiv billi jsaħħu l-għaqda bejn l-iskejjel u l-ġenituri, u fejn hemm bżonn jipprovdu appoġġ personalizzat li jikkumpensa l-iżvantaġġi, pereżempju permezz ta' taħriġ għall-ġenituri ta' tfal migranti u tfal ġejjin minn minoritajiet etniċi;

Jindirizzaw l-ostakli li jwaqqfu jew ifixklu lit-tfal b'mod serju milli jattendu jew ikomplu l-iskola (bħalma huma drittijiet finanzjarji addizzjonali fl-edukazzjoni obbligatorja) billi jipprovdu l-għajnuna edukattiva mmirata f'ambjent ta' tagħlim li jkun ta' sostenn;

Itejbu l-prestazzjoni tal-istudenti li jkollhom ħiliet bażiċi batuti billi jirrinfurzaw it-tagħlim tal-qari u l-kitba, l-għadd u l-matematika u x-xjenza bażiċi, u jiżguraw li dawk li huma batuti fit-tagħlim jiġu identifikati b'mod bikri;

Jiżviluppaw u jimplimentaw politiki komprensivi li jipprevedu miżuri preventivi, interventivi u kompensatorji biex inaqqsu l-għadd ta' studenti li jabbandunaw l-iskola qabel il-waqt; jiżguraw li dawn il-politiki jinkludu l-miżuri għal dawk li huma fir-riskju li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt;

Isaħħu l-leġiżlazzjoni favur l-ugwaljanza u jiggarantixxu d-dritt bażiku lill-istudenti l-aktar marġinalizzati li jiksbu kwalifika minima ta' kwalità;

Jirrevedu u jsaħħu l-profil professjonali tal-għalliema kollha u jippreparaw lill-għalliema għad-diversità soċjali; iħaddmu medjaturi kulturali speċjali u mudelli ta' eżempju biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tar-Roma u ta' tfal ġejjin minn kuntest ta’ immigrazzjoni.

Itejbu r-rispons tas-sistemi tal-kura tas-saħħa biex jindirizzaw il-bżonnijiet ta' tfal żvantaġġati — Jiżguraw li t-tfal kollha jkunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mid-dritt universali tagħhom għall-kura tas-saħħa, anki permezz ta' prevenzjoni ta' mard u l-promozzjoni tas-saħħa, kif ukoll permezz tal-aċċess għal servizzi tas-saħħa ta' kwalità:

Jindirizzaw it-tfixkil għall-aċċess għall-kura tas-saħħa li jiffaċċjaw tfal u familji f'qagħdiet vulnerabbli, li jinkludu l-ispejjeż, l-ostakli kulturali u lingwistiċi u n-nuqqas ta' informazzjoni; itejbu t-taħriġ ta' min jagħti l-kura tas-saħħa f'dan ir-rigward;

Jinvestu fil-prevenzjoni, b'mod partikolari matul is-snin bikrin tat-tfulija, billi jistabbilixxu politiki komprensivi li jikkumbinaw in-nutrizzjoni, is-saħħa, l-edukazzjoni u miżuri soċjali;

Jindirizzaw it-tendenzi ħżiena ta' min ikollu stil ta' ħajja li ma tippromwovix is-saħħa u min jabbuża mis-sustanzi billi jagħtu aċċess lit-tfal kollha għal dieta bilanċjata u attività fiżika;

Jagħtu attenzjoni speċjali lil tfal b'diżabbiltajiet jew bi problemi mentali, lil-tfal mingħajr dokumenti jew tfal mhux reġistrati, lil adolexxenti li jkunu se jkollhom it-trabi u lil tfal ġejjin minn familji li jkollhom storja ta' abbuż ta' sustanzi.

Jipprovdu akkomodazzjoni u ambjent ta' għajxien siguri, u xierqa — Jippermettu lit-tfal li jgħixu u jitrabbew f'ambjent sigur, san u favur it-tfal li jsostni l-bżonnijiet tagħhom ta' żvilupp u ta' tagħlim:

Joffru l-possibbiltà lill-familji bit-tfal li jgħixu f'akkomodazzjoni li jistgħu jaffordjaw u ta' kwalità tajba (anki akkomodazzjoni soċjali), jindirizzaw sitwazzjonijiet ta' esponiment għal perikli ambjentali, iffullar żejjed u skarsezza ta' enerġija;

Isostnu l-familji u t-tfal fir-riskju li jispiċċaw mingħajr dar billi jevitaw l-iżgumbrament, il-ġarr bla bżonn minn post għal ieħor, is-separazzjoni mill-familji kif ukoll jipprovdu protezzjoni temporanja u soluzzjonijiet ta' akkomodazzjoni iktar fit-tul;

Waqt l-ippjanar lokali, jagħtu attenzjoni lill-aħjar interessi tat-tfal; jevitaw il-formazzjoni ta' gettos u s-segregazzjoni billi jippromwovu taħlita soċjali fl-akkomodazzjoni kif ukoll aċċess adegwat għat-trasport pubbliku;

Inaqqsu l-esponiment dannuż għat-tfal ta' ambjent ta' għajxien u soċjali li qed jiddeterjora, biex dawn ma jisfawx vittmi ta' vjolenza u abbuż.

Itejbu s-sostenn tal-familji u l-kwalità ta' kuntesti ta' kura alternattiva — Isaħħu l-protezzjoni tat-tfal u s-servizzi soċjali fil-qasam tal-prevenzjoni; jgħinu lill-familji biex jiżviluppaw ħiliet tat-trobbija b'mod li ma jistigmatizzahomx, filwaqt li jiżguraw li t-tfal li jinħarġu minn taħt l-indukrar tal-ġenituri jitrabbew f'ambjent li jissodisfa l-bżonnijiet tagħhom:

Jiżguraw li l-faqar qatt ma jkun l-unika ġustifikazzjoni biex it-tfal jinħarġu mill-indukrar tal-ġenituri; jimmiraw li jgħinu lit-tfal li jibqgħu taħt l-indukrar tal-ġenituri tagħhom jew li jirritornaw lura għalih billi, pereżempju, jieħdu azzjoni kontra l-privazzjoni materjali;

Jiżguraw kontroll xieraq ta' aċċess biex jevitaw li t-tfal jiddaħħlu f'istituzzjonijiet, u jistipulaw li jkun hemm reviżjonijiet regolari meta dan isir;

Iwaqqfu t-twessiegħ ta' kuntesti ta' indukrar istituzzjonalizzat għat-tfal li mhumiex indukrati mill-ġenituri tagħhom; minflok dan, jippromwovu l-indukrar ibbażat fuq il-komunità u fi ħdan il-familji, fejn leħen it-tfal jingħata widen;

Jiżguraw li t-tfal li ma jkunux indukrati mill-ġenituri tagħhom ikollhom aċċess għal servizzi ta' kwalità (kemm dawk ġenerali kif ukoll dawk aktar speċifiċi) fejn għandu x'jaqsam mas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg, l-assistenza soċjali, is-sigurtà u l-akkomodazzjoni tagħhom, anki waqt li jkunu qed jipprogressaw mill-istat tat-tfulija għal dak tal-adulti;

Jipprovdu sostenn xieraq għat tfal li jibqgħu fil-pajjiż meta ġenitur wieħed jew it-tnejn li huma jemigraw lejn pajjiż ieħor biex jaħdmu, kif ukoll għal min ikun qed jieħu ħsiebhom minflok il-ġenituri.

2.3.   Id-dritt tat-tfal li jipparteċipaw

Jappoġġaw il-parteċipazzjoni tat-tfal kollha fil-logħob, fir-rikreazzjoni, u f'attivitajiet sportivi u kulturali — Jirrikonoxxu l-influwenza tat-tfal stess fuq il-benessri tagħhom u r-reżiljenza tagħhom biex jegħlbu sitwazzjonijiet ħżiena, b'mod partikolari billi jipprovdulhom l-opportunitajiet li jipparteċipaw f'attivitajiet ta' tagħlim informali li jseħħu barra mid-dar u wara l-ħinijiet tal-iskola:

Jindirizzaw id-diffikultajiet bħalma huma spejjeż, aċċess u differenzi kulturali biex jiżguraw li t-tfal kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-logħob, fir-rikreazzjoni, u f'attivitajiet sportivi u kulturali barra mill-iskola;

Jipprovdu postijiet siguri fl-ambjent tat-tfal u jsostnu lill-komunitajiet żvantaġġati permezz ta' inċentivi speċifiċi;

Jinkoraġġixxu lill-iskejjel, lill-atturi komunitarji u lill-awtoritajiet lokali biex joħolqu attivitajiet ta' wara l-iskola u faċilitajiet aħjar għat-tfal kollha, mingħajr differenzi minħabba l-qagħda tax-xogħol u l-kuntest tal-ġenituri;

Jippermettu li l-familji kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw f'attivitajiet soċjali li jtejbu l-ħiliet ta' trobbija tagħhom u jrawmu l-komunikazzjoni pożittiva fil-familja;

Jippromwovu approċċi għall-parteċipazzjoni li jkomplu jibnu fuq il-potenzjal tal-volontarjat komunitarju u jrawmu s-solidarjetà fost il-ġenerazzjonijiet.

Jistabbilixxu mekkaniżmi li jippromwovu l-parteċipazzjoni tat-tfal fit-teħid ta' deċiżjonijiet li jaffettwawlhom ħajjithom — jagħtu l-opportunità u jinkoraġġixxu lit-tfal biex jesprimu l-fehmiet tagħhom ibbażati fuq l-għarfien, filwaqt li jiżguraw li dawn il-fehmiet jitqiesu b'mod xieraq u jkunu riflessi fid-deċiżjonijiet ewlenin li jaffettwawhom:

Jużaw l-għodda eżistenti biex jinvolvu lit-tfal fit-twettiq ta' servizzi bħall-indukrar, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll biex jikkonsultawhom fl-ippjanar ta' politiki permezz ta' mekkaniżmi addattati għall-età tagħhom, u jkomplu jiżviluppaw din l-għodda;

Jappoġġaw l-involviment tat-tfal kollha fi strutturi eżistenti ta' parteċipazzjoni; jilħqu lit-tfal minn kuntesti żvantaġġati u jappoġġaw il-parteċipazzjoni tagħhom;

Jinkoraġġixxu lill-professjonisti li jaħdmu mat-tfal u għat-tfal biex jinvolvuhom b'mod attiv, filwaqt li jqajmu sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi relatati;

Jimplimentaw id-dritt tat-tfal li jinstemgħu fid-deċiżjonijiet marbutin mal-ġustizzja u jippromwovu ġustizzja favur it-tfal, b'mod partikolari billi lit-tfal ituhom aċċess effettiv għall-proċeduri fil-qrati u ġudizzjarji.

3.   IKOMPLU JIŻVILUPPAW L-ARRANĠAMENTI MEĦTIEĠA TA' GOVERNANZA, IMPLIMENTAZZJONI U MONITORAĠĠ

Isaħħu s-sinerġiji bejn settur u ieħor u jtejbu l-arranġamenti ta' governanza — Jiżguraw li l-politiki jindirizzaw b'mod effettiv il-faqar fit-tfulija u l-esklużjoni soċjali permezz ta' tfassil komprensiv u jtejbu l-koordinazzjoni fost l-atturi ewlenin:

Jiżviluppaw rabtiet regolari u sistematiċi bejn l-oqsma politiċi ta' rilevanza għolja għall-inklużjoni soċjali tat-tfal u jsaħħu s-sinerġiji fost l-atturi ewlenin, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjieg, is-saħħa, l-ugwaljanza u d-drittijiet tat-tfal;

Jaħdmu biex idaħħlu l-politiki dwar it-tfal u d-drittijiet tagħhom f'politiki ewlenin, pereżempju permezz ta' arranġamenti istituzzjonali speċifiċi;

Jippromwovu kooperazzjoni mill-qrib u djalogu regolari bejn l-awtoritajiet pubbliċi f'kull livell, l-imsieħba soċjali, il-komunitajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

Jappoġġaw u jkomplu jiżviluppaw l-involviment tat-tfal, anki fl-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

Isaħħu l-użu ta' approċċi empiriċi — isaħħu l-iżvilupp ta' politiki u tal-innovazzjoni tal-politika soċjali bbażati fuq il-provi, filwaqt li jiżguraw li jqisu l-impatt potenzjali tal-politiki fuq it-tfal:

Jużaw bis-sħiħ l-istatistika u d-dejta amministrattiva eżistenti biex jissorveljaw l-impatt tal-politiki fuq it-tfal u l-familji tagħhom; jirrinfurzaw il-kapaċità statistika (anki permezz ta' diżaggregazzjoni skont il-ġens) fejn ikun meħtieġ u jista' jsir, partikolarment fejn jikkonċerna l-privazzjoni tat-tfal, l-aċċess għall-kwalità u l-indukrar tat-tfal affordabbli, is-saħħa tat-tfal u l-qagħda tat-tfal l-iżjed vulnerabbli;

Itejbu l-puntwalità tad-disponibbiltà tad-dejta biex jissorveljaw il-qagħda tat-tfal, u jippromwovu l-użu ta' metodi u mudelli bħall-mikrosimulazzjoni biex isostnu valutazzjoni ex ante aktar sistematika tal-impatt potenzjali tal-politiki fuq it-tfal;

Isaħħu r-rabtiet bejn il-komunitajiet politiċi u tar-riċerka u jittestjaw l-innovazzjonijiet politiċi rilevanti; jinkoraġġixxu evalwazzjoni bbażata fuq il-provi tar-riżultati tal-programm, anki fuq medda ta' żmien twil b'għodda bħalma hu l-istħarriġ lonġitudinali; jippromwovu l-viżibbiltà u l-kondiviżjoni tar-riżultati;

Jippromwovu l-iskambju tal-prattika tajba u tal-għarfien, l-użu ta' mudelli li ġew ippruvati, miżuri li jrawmu s-solidarjetà fil-komunità inġenerali u jagħtu s-setgħa lill-komunitajiet lokali biex jaħdmu id f'id;

Jevalwaw l-impatt tal-politiki temporanji introdotti b'reazzjoni għall-kriżi ekonomika qabel ma jiddeċiedu li jdaħħlu lil dawn il-politiki bħala parti mir-riformi strutturali.

4.   JUTILIZZAW BIS-SĦIĦ L-ISTRUMENTI RILEVANTI TAL-UE

Jindirizzaw il-faqar fit-tfulija u l-esklużjoni soċjali bħala kwistjoni ewlenija fl-Istrateġija Ewropa 2020 — Jimmobilizzaw is-sensiela ta' għodda u indikaturi disponibbli fl-Istrateġija Ewropa 2020 biex jagħtu impetu ġdid lill-isforzi konġunti biex jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni soċjali:

Jistabblixxu l-faqar fit-tfulija u l-esklużjoni soċjali bħala kwistjonijiet ewlenin fl-Istrateġija Ewropa 2020 u fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, bħala parti mill-isforz ġenerali biex jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, filwaqt li jqisu r-Rakkomandazzjonijiet rilevanti Speċifiċi għall-Pajjiż adottati mill-Kunsill Ewropew;

Jikkunsidraw, fejn jixraq, il-valur miżjud li jistabbilixxu miri nazzjonali biex jitnaqqsu l-faqar fit-tfulija u l-esklużjoni soċjali, filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali;

Jutilizzaw bis-sħiħ l-għodda li joffru l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Metodu Miftuħ tal-Koordinazzjoni Soċjali biex itejbu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki li jindirizzaw il-faqar fit-tfulija u l-benessri tat-tfal, filwaqt li jużaw bis-sħiħ il-qafas ta' monitoraġġ propost ibbażat fuq l-indikaturi li huwa anness ma' din ir-Rakkomandazzjoni;

Isaħħu s-sinerġiji mal-politiki tal-UE li huma rilevanti, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, tas-saħħa, tal-ugwaljanza tas-sessi u tad-drittijiet tat-tfal.

Jimmobilizzaw l-istrumenti finanzjarji rilevanti tal-UE — Jutilizzaw b’mod xieraq l-opportunitajiet li jipprovdu l-istrumenti finanzjarji tal-UE biex jappoġġaw il-prijoritajiet politiċi deskritti hawn fuq:

Jappoġġaw l-iżvilupp ta' aktar politiki li jkunu bbażati fuq il-provi u l-innovazzjoni soċjali permezz tal-Programm għat-Tibdil u l-Innovazzjoni Soċjali, il-Fond Soċjali Ewropew u Orizzont 2020, u jużaw dawn il-programmi biex jittestjaw, jevalwaw u jżidu l-innovazzjonijiet politiċi possibbli;

Jagħmlu użu sħiħ tal-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (filwaqt li jieħdu ħsieb il-privazzjoni tal-ikel u materjali tat-tfal), l-Iskemi tal-Ħalib u l-Frott fl-Iskejjel Ewropej (li jipprovdu prodotti b'valur nutrittiv pożittiv u jinkoraġġixxu drawwiet tal-ikel tajbin) u l-Programm Erasmus għal Kulħadd (li jippromwovi l-aċċess tat-tfal għall-edukazzjoni, għat-tagħlim informali u għall-isport);

Jutilizzaw l-opportunitajiet li jipprovdu l-Fondi Strutturali biex isostnu lit-tfal u lill-familji fit-tfassil tal-Fond Soċjali Ewropew u l-Programmi Operattivi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-2014-2020, skont ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi;

Jutilizzaw l-obbjettivi tematiċi marbutin mal-promozzjoni tal-impjiegi u l-appoġġ tal-mobbiltà tal-ħaddiema, mal-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, billi jinvestu fl-edukazzjoni, fil-ħiliet u fit-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll il-prijoritajiet tal-investiment fi ħdanhom. Dawn b'mod partikolari jinkludu l-edukazzjoni bikrija tat-tfal iż-żgħar; it-tnaqqis tat-tluq qabel il-waqt mill-iskola; il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; l-aċċess għas-servizzi, inklużi dawk tal-kura tas-saħħa u soċjali; strateġiji għall-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità; sostenn tar-riġenerazzjoni taż-żoni pprivati u t-tranżizzjoni minn servizzi istituzzjonali għal servizzi bbażati fil-komunità;

Biex jiżguraw li l-interventi tal-Fondi Strutturali 2014-2020 ikunu effettivi, isegwu strateġiji bbażati fuq il-provi biex inaqqsu t-tluq qabel il-waqt mill-iskejjel billi jinvolvu lill-partijiet interessati rilevanti u miżuri li jappoġġaw il-bidla minn kura istituzzjonali għal waħda bbażata fil-komunità;

Jippromwovu l-isħubija fl-ipprogrammar u fl-aċċess għall-Fondi Strutturali billi jinvolvu l-partijiet interessati rilevanti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, b'mod partikolari, l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, biex jimmobilizzaw l-azzjonijiet li jikkumbattu l-faqar fit-tfulija.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2013.

Għall-Kummissjoni

László ANDOR

Membru tal-Kummissjoni


(1)  B'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, f'dan il-kuntest huwa mifgħum li t-tfal huma persuni taħt l-età ta' 18-il sena.

(2)  COM(2010) 758 finali.

(3)  Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, rapport ta' konsulenza tal-KPS għall-Kummissjoni Ewropea dwar l-indirizzar u l-prevenzjoni tal-faqar fit-tfulija, u l-promozzjoni tal-benessri tat-tfal, 27 ta' Ġunju 2012.

(4)  Ara b’mod partikulari: Qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ, COM(2008) 865 finali; is-Solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE, COM(2009) 567 finali; Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, COM(2011) 60 finali; Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015, COM(2010) 491 finali.

(5)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/867/KE tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol.

(6)  Il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona, 15-16 ta' Marzu 2002, SN 100/1/02 REV 1.


ANNESS

Qafas għall-monitoraġġ ibbażat fuq l-indikaturi

Il-qafas għall-monitoraġġ propost jenfasizza l-indikaturi li huma rilevanti għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni. Il-proposti għal aktar żvilupp qegħdin enfasizzati fl-annessi tal-Pakkett tal-Investiment Soċjali.

L-għan ġenerali li nikkumbattu l-faqar fit-tfulija u l-esklużjoni soċjali u nippromwovu l-benessri tat-tfal

Ewropa 2020

Definizzjoni

Tqassim

Sors

kuntest primarju/sekondarju (1)

Kummenti

Fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali tat-tfal (disaggregazzjoni tal-mira ewlenija dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali ta’ Ewropa 2020)

It-total tat-tfal li jgħixu f’unità domestika li hija fir-riskju tal-faqar u/jew hija pprivata mill-affarijiet materjali b’mod serju u/jew unità domestika b’intensità ta’ xogħol baxxa ħafna (ara taħt għad-definizzjoni ta’ dawn it-tliet indikaturi)

Skont l-età (0-17, 0-5, 6-11, 12-17)

Eurostat, UE-SILC

primarju

Huwa rakkomandat tqabbil mal-popolazzjoni tal-età tax-xogħol (18-64) u mal-popolazzjoni anzjana (65+)

Indikatur

Definizzjoni

Tqassim

Sors

kuntest primarju/sekondarju

Kummenti

Ir-rata tar-riskju tal-faqar għat-tfal (li għandha tiġi analizzata flimkien mal-valur tal-limitu tal-faqar fl-istandards tal-poter tal-akkwist għal unità domestika magħmula minn żewġ adulti u żewġt itfal taħt l-14-il sena)

Il-proporzjon ta’ tfal li jgħixu f’unità domestika b’introjtu disponibbli ekwivalizzat ta’ inqas minn 60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali

Skont l-età (0-17, 0-5, 6-11, 12-17) u t-tip ta’ unità domestika

Eurostat, UE-SILC

primarju

Huwa rakkomandat tqabbil mal-popolazzjoni tal-età tax-xogħol (18-64) u mal-popolazzjoni anzjana (65+)

Rata ta’ privazzjoni materjali serja

Il-proporzjon ta’ tfal li jgħixu f’unità domestika li l-kundizzjonijiet ta’ għajxien tagħha huma restritti serjament minn nuqqas ta’ riżorsi, jiġifieri li għandhom mill-inqas erba’ minn disa’ ta’ dan l-elenku ta’ privazzjoni: persuni li ma jistgħux i) iħallsu l-kera jew il-kontijiet tas-servizzi bażiċi, ii) iżommu darhom sħuna biżżejjed, iii) iħallsu spejjeż mhux previsti, iv) jieklu laħam, ħut, jew l-ekwivalenti għal dawn fir-rigward ta’ proteini darba iva u oħra le, v) jieħdu vaganza ta’ ġimgħa ’l bogħod mid-dar, vi) jixtru karozza, vii) jixtru magna tal-ħasil, viii) jixtru televixin tal-kulur, jew ix) jaffordjaw telefown.

Skont l-età (0-17, 0-5, 6-11, 12-17)

Eurostat, UE-SILC

primarju

Huwa rakkomandat tqabbil mal-popolazzjoni tal-età tax-xogħol (18-64) u mal-popolazzjoni anzjana (65+)

Proporzjon ta’ tfal li jgħixu f’unitajiet domestiċi b’intensità baxxa ħafna ta’ xogħol

Il-proporzjon ta’ tfal li jgħixu f’unità domestika fejn l-adulti fl-età tax-xogħol (18-59) ħadmu inqas minn 20 % tal-potenzjal totali tagħhom matul l-aħħar sena (jiġifieri fil-perjodu ta’ referenza tal-introjtu)

Skont l-età (0-17, 0-5, 6-11, 12-17)

Eurostat, UE-SILC

primarju

Huwa rakkomandat tqabbil mal-popolazzjoni tal-età tax-xogħol (18-64) u mal-popolazzjoni anzjana (65+)

Indikatur tal-privazzjoni tat-tfal

Qed jiġi diskuss

 

Eurostat, UE-SILC

m.a.

Qed jiġi żviluppat

Varjazzjoni tar-riskju tal-faqar tat-tfal madwar il-limitu tar-riskju tal-faqar: Ir-rata tar-riskju tal-faqar ikkalkulata b’limiti ta’ 50 % u 70 %

Il-proporzjon ta’ tfal li jgħixu f’unità domestika b’introjtu disponibbli ekwivalizzat ta’ inqas minn 50 % u inqas minn 70 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali

Skont l-età (0-17, 0-5, 6-11, 12-17)

Eurostat, UE-SILC

sekondarju

Huwa rakkomandat tqabbil mal-popolazzjoni tal-età tax-xogħol (18-64) u mal-popolazzjoni anzjana (65+)

Rata persistenti tar-riskju tal-faqar għat-tfal

Proporzjon ta’ tfal li jgħixu f’unità domestika b’introjtu disponibbli ekwivalizzat li qiegħed taħt il-limitu għall-faqar fis-sena kurrenti u f’mill-inqas tnejn mill-aħħar tliet snin

0-17

Eurostat, UE-SILC(lonġitudinali)

sekondarju

Huwa rakkomandat tqabbil mal-popolazzjoni tal-età tax-xogħol (18-64) u mal-popolazzjoni anzjana (65+)

Ir-rata tar-riskju tal-faqar għat-tfal iffissat għal mument ta’ żmien fiss

Il-proporzjon ta’ tfal li jgħixu f’unità domestika b’introjtu disponibbli ekwivalizzat ta’ inqas minn 60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali, fejn il-limitu huwa ffissat għal mument ta’ żmien fiss

0-17

Eurostat, UE-SILC

kuntest

Huwa rakkomandat tqabbil mal-popolazzjoni tal-età tax-xogħol (18-64) u mal-popolazzjoni anzjana (65+)


L-aċċess għal riżorsi adegwati

Indikatur

Definizzjoni

Tqassim

Sors

kuntest primarju/sekondarju

Kummenti

Ir-rata tal-faqar għal dawk li qegħdin jaħdmu u jgħixu f’unitajiet domestiċi fejn hemm tfal dipendenti

Il-proporzjon ta’ individwi (bi tfal dipendenti) li huma ddefiniti li għandhom ix-xogħol u għandhom introjtu inqas mil-limitu għall-faqar (60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali)

Skont l-età (0-17, 18-64, 0-64); skont it-tip ta’ unità domestika (ġenitur wieħed, żewġ adulti bit-tfal dipendenti)

Eurostat, UE-SILC

primarju

 

Ir-rata tar-riskju tal-faqar għat-tfal skont l-intensità tax-xogħol tal-unità domestika

Il-proporzjon ta’ tfal li jgħixu f’unità domestika b’introjtu disponibbli ekwivalizzat ta’ inqas minn 60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali skont l-intensità tax-xogħol fl-unità domestika

0-17, intensità tax-xogħol tal-unità domestika (għolja ħafna [0.85 – 1], għolja [0.85 – 1], medja [0.45 – 0.55], baxxa [0.2 – 0.45])

Eurostat, UE-SILC

primarju

 

Ir-rata tar-riskju tal-faqar għat-tfal f’unitàjiet domestiċi li għandhom xogħol

Il-proporzjon tat-tfal li jgħixu f'unitajiet domestiċi b'introjtu inqas mil-limitu għall-faqar (60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali b'intensità ta' xogħol 'il fuq minn 0,2

Skont it-tip ta’ familja

Eurostat, UE-SILC

primarju

 

Id-distakk medjan relattiv għall-faqar tat-tfal

Id-differenza bejn l-introjtu medjan ekwivalizzat tal-persuni li qegħdin taħt il-limitu tar-riskju tal-faqar u dawk li qegħdin fil-limitu tar-riskju tal-faqar, espressa bħala perċentwal tal-limitu tar-riskju tal-faqar

0-17

Eurostat, UE-SILC

primarju

Huwa rakkomandat tqabbil mal-popolazzjoni tal-età tax-xogħol (18-64) u mal-popolazzjoni anzjana (65+)

L-indukrar tat-tfal

It-tfal li huma indukrati (b’arranġament formali minn persuna li mhijiex tal-familja) bħala proporzjon tat-tfal kollha tal-istess età

Taħt it-tliet snin, bejn it-tliet snin u l-età tal-iskola obbligatorja; Inqas minn 30 siegħa, 30 siegħa jew iżjed fil-ġimgħa

Eurostat, UE-SILC

sekondarju

Ir-rilevanza tat-tqassim skont il-kwintil tal-introjtu għadu jrid jiġi vvalutat

L-impatt fuq l-impjieg meta wieħed ikun ġenitur

Differenza fil-punti perċentwali (pp) bejn

ir-rata tal-impjieg ta’ nies ta’ bejn l-20 u d-49 li jgħixu f’unitajiet domestiċi fejn mhemmx tfal ta’ taħt is-sitt snin u

ir-rata tal-impjieg ta’ nies ta’ bejn l-20 u d-49 li jgħixu f’unitajiet domestiċi fejn hemm almenu tifel/tifla ta’ taħt is-sitt snin

Total, skont il-ġens

Eurostat - LFS

kuntest

Huwa rakkomandat li t-tfal ta’ tliet snin jew inqas u dawk ta’ bejn it-tlieta u s-sitt snin jittieħdu b’mod separat

Impjieg part-time minħabba responsabbiltajiet ta’ indukrar

Persuni impjegati part-time minħabba li jieħdu ħsieb it-tfal jew adulti inkapaċitati, bħala perċentwal tat-total tal-persuni impjegati

Total, skont il-ġens

Eurostat - LFS

kuntest

 

L-impatt tat-trasferimenti soċjali (minbarra l-pensjonijiet) fuq it-tnaqqis tal-faqar tat-tfal

Id-differenza bejn ir-rati tat-tfal li huma fir-riskju tal-faqar qabel u wara t-trasferimenti soċjali (minbarra l-pensjonijiet)

 

Eurostat, UE-SILC

sekondarju

Huwa rakkomandat tqabbil mal-popolazzjoni tal-età tax-xogħol (18-64) u mal-popolazzjoni anzjana (65+)

L-ispiża żejda tal-akkomodazzjoni

Il-perċentwal tal-popolazzjoni li jgħixu f’unità domestika fejn l-ispejjeż totali tal-akkomodazzjoni (nett tas-sussidji fuq l-akkomodazzjoni) jirrappreżentaw aktar minn 40 % tal-introjtu disponibbli totali tal-unità domestika (nett tas-sussidji fuq l-akkomodazzjoni)

Skont l-età (0-17, 0-5, 6-11, 12-17), l-istatus tal-faqar (’il fuq jew taħt il-limitu tar-riskju tal-faqar)

Eurostat, UE-SILC

sekondarju

Huwa rakkomandat tqabbil mal-popolazzjoni tal-età tax-xogħol (18-64) u mal-popolazzjoni anzjana (65+)


Aċċess għal servizzi ta’ kwalità

Indikatur

Definizzjoni

Tqassim

Sors

primarju/sekondarju

Kummenti

L-edukazzjoni f’età żgħira

Il-proporzjon tat-tfal ta’ bejn l-erba’ snin u l-bidu tal-edukazzjoni obbligatorja li qegħdin fl-edukazzjoni bikrija taż-żgħar

Skont is-Sess

UOE (2)

primarju

 

Profiċjenza fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza

Il-proporzjon ta’ tfal ta’ 15-il sena li għandhom marka ta’ 1 jew inqas (fuq skala ta’ bejn 1 (l-inqas) u 5 (l-ogħla)) fit-testijiet PISA

Skont il-kuntest tal-ġenituri (il-livell tal-edukazzjoni, il-pajjiż tat-twelid)

OECD - PISA (3)

primarju

Ma hemmx dejta disponibbli għal CY u l-MT fil-ġabriet tad-dejta kurrenti.

Ir-rata (NEET) taż-żgħażagħ mhux impjegati, mhux fl-edukazzjoni jew f’taħriġ

Ir-rata (NEET) taż-żgħażagħ mhux impjegati, mhux fl-edukazzjoni jew f’taħriġ

Skont il-ġens, 15-19

Eurostat - LFS

primarju

 

Żgħażagħ li jitilqu mill-iskola u t-taħriġ qabel il-waqt

Il-popolazzjoni ta’ bejn it-18 u l-24 b’massimu ta’ edukazzjoni sekondarja li mhumiex jieħdu sehem f’edukazzjoni għolja jew f’taħriġ

Skont il-ġens, l-ogħla livell edukattiv komplut

Eurostat - LFS

sekondarju

 

Bżonn ta’ kura medika mhux sodisfatt iddikjarat mill-persuna

Il-proporzjon ta’ nies bejn l-etajiet ta’ 16 u 25 li rrappurtaw li ma setgħux jieħdu servizzi mediċi minħabba l-ispejjeż, id-distanza jew l-għadd ta’ nies jistennew il-kura

 

Eurostat, UE-SILC

 

 

Imwiet tat-trabi

Il-proporzjon ta’ matul is-sena tal-għadd ta’ mwiet ta’ trabi ta’ inqas minn sena mkejjel mal-għadd ta’ trabi li twieldu ħajjin f’dik is-sena (espress għal kull 1 000 twelid ta’ trabi ħajjin)

Skont l-SES tal-ġenituri (qed jiġi żviluppat)

L-Eurostat

primarju

 

Il-mortalità tat-tfal ta’ bejn is-sena u l-14-il sena

Rata tal-imwiet għal kull 100 000 ta’ popolazzjoni

 

L-Eurostat

 

 

Piż baxx mat-twelid

Piż mat-twelid ta’ inqas minn 2 500 grammi (5,5 libbri)

 

WHO-OECD

primarju

 

Is-Saħħa Mentali

Żgħażagħ ta' bejn il-15 u l-24 sena b'sindromu ta' depressjoni

Skont il-ġens

Eurostat - EHIS

kuntest

Qed jiġi żviluppat

Kopertura ta’ tilqim

Il-perċentwal tat-trabi li, sakemm jaslu biex jagħlqu sena fis-sena kalendarja kkonċernata, ħadu t-tilqim kollu kontra l-pertosse (is-sogħla konvulsiva), id-diftirja, it-tetnu (DPT) u l-poljomelite. U l-perċentwal tat-trabi li, sakemm jaslu biex jagħlqu sentejn fis-sena kalendarja kkonċernata, ħadu t-tilqim kollu kontra l-ħożba, il-gattone, u l-ħożba Ġermaniża (MMR).

 

WHO

kuntest

 

L-obeżità

Żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena b’indiċi tal-massa ta’ xaħam fil-ġisem ta’ 30 jew aktar

Skont il-ġens u l-SES tal-ġenituri

Eurostat - EHIS (4)

kuntest

 

Dawk li jpejpu b’mod regolari

Il-proporzjon tal-popolazzjoni minn dawk li għandhom età bejn il-15 u l-24 li jpejpu s-sigarretti kuljum

Skont il-ġens u l-SES tal-ġenituri

Eurostat - EHIS

kuntest

 

Kawżi tal-imwiet ta’ żgħażagħ — suwiċidju

Imwiet ikkawżati mis-suwiċidju għal kull 100 000 abitant ta’ bejn il-15 u l-24 sena

Skont il-ġens

Eurostat – statistika dwar il-kawżi tal-imwiet

kuntest

 

Privazzjoni mill-akkomodazzjoni

Il-perċentwal tal-popolazzjoni pprivata minn kull oġġett ta’ privazzjoni tal-akkomodazzjoni. L-oġġetti inkwistjoni huma:

1) saqaf inixxi, ħitan/art/pedamenti nidjin, jew l-art jew it-twieqi (tal-injam) qed jitmermru; 2) nuqqas ta’ banju jew xawer fid-dar 3) nuqqas ta’ tojlit li jifflaxxja għall-użu biss tal-abitanti tad-dar; 4) problemi tad-dar: mudlama, m'hemmx biżżejjed dawl

Skont l-età (0-17, 0-5, 6-11, 12-17), l-istatus tar-riskju tal-faqar (’il fuq mil-limitu jew taħtu)

Eurostat, UE-SILC

primarju

 

Affollament eċċessiv

Il-perċentwal tal-popolazzjoni li jgħixu f’dar iffullata ż-żejjed. Persuna tkun meqjusa li qiegħda tgħix f’dar li hi ffullata ż-żejjed jekk f’din id-dar m'hemmx għadd minimu ta’ kmamar ekwivalenti għal:

kamra waħda għall-familja;

kamra waħda għal kull koppja;

kamra waħda għal kull persuna waħedha li jkollha 18-il sena jew iżjed

kamra waħda għal tnejn min-nies waħedhom tal-istess sess u ta’ etajiet bejn it-12 u s-17-il sena;

kamra waħda għal kull persuna waħedha ta’ sess differenti u ta’ età bejn it-12 u s-17-il sena;

kamra waħda għal tnejn minn nies li għandhom inqas minn 12-il sena.

Skont l-età (0-17, 0-5, 6-11, 12-17), l-istatus tar-riskju tal-faqar (’il fuq mil-limitu jew taħtu)

Eurostat, UE-SILC

primarju

 


(1)  L-indikaturi primarji huma l-indikaturi ewlenin li jkopru l-oqsma ġenerali li tqiesu li huma l-elementi l-aktar importanti, filwaqt li l-indikaturi sekondarji jsostnu lill-indikaturi ewlenin billi jiddeskrivu f’aktar dettall in-natura tal-problema jew billi jiddeskrivu dimensjonijiet oħrajn tal-problema. L-indikaturi tal-kuntest jipprovdu aktar dettall u informazzjoni kuntestwali: il-lista proposta hija indikattiva u tħalli lok għal informazzjoni kuntestwali oħra li hija meqjusa bħala rilevanti biex tpinġi u tfiehem aħjar il-kuntest nazzjonali..

(2)  Il-bażi tad-dejta tal-UNESCO/OECD/EUROSTAT dwar l-istatistika tal-edukazzjoni.

(3)  http://www.oecd.org/statisticsdata/03381,en_2649_35845621_1_119656_1_1_1.00.html.

(4)  EHIS huwa l-Istħarriġ b’Intervisti dwar is-Saħħa tal-Ewropej, (‘European Health Interview Survey’)