28.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 353/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Nru 1413/2013/UE

tas-17 ta’ Diċembru 2013

li temenda d-Deċiżjoni 2002/546/KE fir-rigward tal-perjodu ta' applikazzjoni tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/546/KE (2) tawtorizza lil Spanja biex tapplika eżenzjonijiet mit-taxxa magħrufa bħala “Arbitrio sobre Importaciones y Entregas de Mercancías en las Islas Canarias” (minn hawn 'il quddiem “AIEM”) jew tnaqqasha għal ċerti oġġetti li huma prodotti fil-Gżejjer Kanarji. L-Anness għal dik id-Deċiżjoni fih l-lista ta' prodotti li għalihom jistgħu jiġu applikati eżenzjonijiet jew tnaqqis fit-taxxa. Id-differenza bejn it-taxxa fuq prodotti li jiġu prodotti fil-Gżejjer Kanarji u dik fuq prodotti oħra ma għandhiex taqbeż il-5, il-15 jew il-25 punt ta' perċentwali, skont il-prodott.

(2)

L-eżenzjonijiet mill-AIEM u t-tnaqqis fl-AIEM jistabbilixxu tassazzjoni differenzjata, li tibbenefika l-produzzjoni lokali ta’ ċerti prodotti. Din tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li teħtieġ l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/546/KE oriġinarjament kienet applikabbli sal-31 ta' Diċembru 2011. Fi tmiem l-2011, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 895/2011/UE (3) emendat id-Deċiżjoni 2002/546/KE, billi estendiet il-perjodu tal-applikazzjoni tagħha sal-31 ta' Diċembru 2013, abbażi tal-konferma mill-Kummissjoni li s-sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika speċifika tal-Gżejjer Kanarji, li hi aggravata mir-restrizzjonijiet speċjali msemmijin fl-Artikolu 349 TFUE li ġġustifikaw l-awtorizzazzjoni tal-eżenzjonijiet totali u t-tnaqqis parzjali tat-taxxa AIEM għal lista ta' prodotti manifatturati f'dan ir-reġjun ultraperiferiku, għadha tippersisti. Peress li s-sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika speċifika fil-Gżejjer Kanarji għadha fis-seħħ, huwa neċessarju li l-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2002/546/KE jiġi estiż ulterjorment.

(4)

Fit-28 ta’ Ġunju 2013 il-Kummissjoni adottat il-Linji Gwida tagħha dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-perjodu 2014-2020, li jispjegaw kif l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna lill-kumpaniji sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ reġjuni żvantaġġati fl-Unjoni bejn l-2014 u l-2020. Dawn il-Linji Gwida, li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2014, jiffurmaw parti minn strateġija usa’ biex jiġi mmodernizzat il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, li għandha l-għan li trawwem it-tkabbir fis-suq uniku billi jiġu nkoraġġiti miżuri ta' għajnuna aktar effettivi u l-infurzar tal-Kummissjoni jkun iffokat fuq il-każijiet li għandhom l-ikbar impatt fuq il-kompetizzjoni.

(5)

Huwa għalhekk xieraq li l-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2002/546/KE jiġi estiż b'sitt xhur, biex b’hekk id-data tal-iskadenza tikkoinċidi mad-data tad-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020.

(6)

Id-Deċiżjoni 2002/546/KE għandha tiġi emendata skont dan,

(7)

Minħabba l-ħtieġa urġenti li l-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2002/546/KE jiġi estiż qabel tmien l-2013, għandha tapplika eċċezzjoni għall-perijodu ta' tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2002/546/KE, id-data “31 ta’ Diċembru 2013” hija sostitwita bi “30 ta’ Ġunju 2014”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)  Opinjoni ta' 11 ta’ Diċembru 2013 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/546/KE tal-20 ta' Ġunju 2002 dwar it-taxxa AIEM applikabbli għall-Gżejjer Kanarji (ĠU L 179,9.7.2002, p. 22).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 895/2011/UE tad-19 ta’ Diċembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2002/546/KE fir-rigward tal-perijodu tal-applikazzjoni tagħha (ĠU L 345, 29.12.2011, p. 17).