18.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/4


DEĊIZJONI Nru 1351/2013/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Diċembru 2013

li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (“il-Ġordan”) qegħdin jiżviluppaw fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV). Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom minn naħa, u l-Ġordan min-naħa l-oħra (2) (minn issa ’l quddiem “il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Ġordan”), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2002. Id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni ekonomika bilaterali komplew jiżviluppaw fi ħdan il-qafas tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-PEV, li l-aktar reċenti jkopri l-perjodu 2010–15. Fl-2010, l-Unjoni tat lill-Ġordan sħubija ta’ “Status Avvanzat”, li tkopri ambitu wiesa’ ta’ kooperazzjoni ta’ bejn iż-żewġ pajjiżi. Fl-2013, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Ġordan ġie kkumplimentat minn Ftehim Qafas bejn l-Unjoni u l-Ġordan dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ġordan fi programmi tal-Unjoni, b’kooperazzjoni ulterjuri bejn l-Unjoni u l-Ġordan.

(2)

L-ekonomija tal-Ġordan kienet affettwata b’mod sinifikanti minn avvenimenti domestiċi relatati ma’ avvenimenti fin-Nofsinhar tal-Mediterran sa minn tmiem l-2010, magħrufa bħala “r-Rebbiegħa Għarbija”, kif ukoll mill-inkwiet reġjonali li ma jaqtax, b’mod partikolari fl-Eġittu u s-Sirja, il-pajjiżi ġirien. B’mod partikolari, l-influss kbir ta’ rifuġjati mis-Sirja li fittxew rifuġju fil-Ġordan qed ikollu impatt qawwi fuq l-ekonomija tal-Ġordan. Fil-kuntest ta’ ambjent ekonomiku globali ħafna aktar dgħajjef, it-tfixkil ripetut fil-fluss tal-gass naturali mill-Eġittu, li wassal biex il-Ġordan jissostitwixxi l-importazzjonijiet tal-gass mill-Eġittu għal fjuwils aktar għoljin għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, u r-riżorsi finanzjarji sinifikanti meħtieġa biex jipprovdu assistenza umanitarja lir-rifuġjati mis-Sirja li huma preżenti fit-territorju tal-Ġordan, irriżultaw f’diskrepanzi finanzjarji importanti esterni kif ukoll baġitarji.

(3)

Mindu bdiet ir-Rebbiegħa Għarbija, l-Unjoni ddikjarat, f’diversi okkażjonijiet, l-impenn tagħha li tappoġġa lill-Ġordan fi proċess ta’ riforma ekonomika u politika tiegħu. Dak l-impenn ġie affermat, f’ Diċembru 2012, mill-ġdid fil-konklużjonijiet tal-għaxar laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ġordan.

(4)

Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu, il-Ġordan huwa pajjiż strateġiku għall-istabbilità u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani, kif ukoll vulnerabbli b’mod partikolari għax-xokkijiet esterni, kemm f’termini politiċi kif ukoll ekonomiċi. Għalhekk huwa importanti li l-Ġordan jingħata appoġġ adegwat u li jkompli jikber id-djalogu politiku u ekonomiku bejn l-Unjoni u l-Ġordan.

(5)

Il-Ġordan beda sensiela ta’ riformi politiċi, li b’mod partikolari wasslu għall-adozzjoni mill-Parlament tal-Ġordan, f’Settembru 2011, ta’ aktar minn 40 emenda kostituzzjonali, li jirrappreżentaw pass sinifikanti lejn sistema demokratika b’mod sħiħ. L-appoġġ politiku u ekonomiku mill-Unjoni lill-proċess ta’ riforma tal-Ġordan huwa konsistenti mal-politika tal-Unjoni għan-Nofsinhar tar-reġjun Mediterranju, kif stabbilit fil-kuntest tal-PEV.

(6)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata flimkien mad-Deċiżjoni Nru 778/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta’ għajnuna mingħajr irbit u mhux speċifikata għall-bilanċ tal-pagamenti, li għandu l-għan jerġa’ jġib sitwazzjoni finanzjarja esterna sostenibbli għall-benefiċjarju u għandu jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ politika li jkun fih miżuri ta’ aġġustament u ta’ riforma strutturali b’saħħithom intiżi biex itejbu s-sitwazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti, partikolarment matul il-perjodu tal-programm, u jsaħħaħ l-implimentazzjoni tal-ftehimiet u tal-programmi rilevanti mal-Unjoni.

(7)

F’Awwissu tal-2012, l-awtoritajiet tal-Ġordan u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) ftiehmu fuq Arranġament ta’ Riżerva mhux ta’ prekawzjoni għal tliet snin (“il-programm tal-FMI”) tal-SDR (drittijiet speċjali ta’ prelevament) ta’ 1 364 miljun bħala appoġġ għall-programm ta’ aġġustamenti u riformi ekonomiċi. L-objettivi tal-programm tal-FMI huma konsistenti mal-fini tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, partikolarment biex jittaffew diffikultajiet fil-bilanċ tal-pagamenti fuq perjodu ta’ żmien qasir, u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ aġġustament b’saħħithom tkun konsistenti mal-għan tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

(8)

L-Unjoni għamlet disponibbli EUR 293 miljun f’għotjiet għall-perjodu 2011–13 taħt il-programm ta’ kooperazzjoni regolari tagħha, biex tappoġġa l-aġenda ta’ riforma ekonomika u politika tal-Ġordan. Barra minn hekk, EUR 70 miljun ġew allokati għall-Ġordan fl-2012 taħt il-programm “Sostenn għas-Sħubija, ir-riformi u t-tkabbir inklużiv” (SPRING), u EUR 10 miljun f’għajnuna umanitarja tal-Unjoni biex jiġu megħjuna r-rifuġjati Sirjani.

(9)

F’Diċembru tal-2012, fid-dawl tas-sitwazzjoni u l-prospettivi ekonomiċi li dejjem qed jeħżienu, il-Ġordan talab assistenza makrofinanzjarja lill-Unjoni.

(10)

Minħabba l-fatt li l-Ġordan huwa pajjiż kopert mill-PEV, għandu jitqies eliġibbli biex jirċievi l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

(11)

Minħabba li, għad hemm differenza residwa sinifikanti fil-finanzjament estern fil-bilanċ tal-pagamenti tal-Ġordan lil hinn mir-riżorsi pprovduti mill-FMI u istituzzjonijiet multilaterali oħrajn, u minkejja l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ stabilizzazzjoni ekonomika u ta’ riforma b’saħħithom min-naħa tal-Ġordan, u minħabba l-vulnerabbiltà tal-pożizzjoni finanzjarja esterna tal-Ġordan għax-xokkijiet eżoġeni, li teħtieġ li jinżamm livell xieraq ta’ riservi tal-kambju barrani, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni li trid tiġi pprovduta lill-Ġordan (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”) qed titqies, fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali, bħala tweġiba adattata għat-talba tal-Ġordan biex tiġi appoġġata l-istabilizzazzjoni ekonomika flimkien mal-programm tal-FMI. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tappoġġa l-aġenda tal-istabbilizzazzjoni ekonomika u tar-riforma strutturali tal-Ġordan, filwaqt li tissuplimenta r-riżorsi li huma disponibbli taħt l-arranġament finanzjarju tal-FMI.

(12)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkollha l-għan li tappoġġa l-ħolqien mill-ġdid ta’ sitwazzjoni finanzjarja esterna sostenibbli għall-Ġordan, u b’hekk tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tiegħu.

(13)

Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija bbażata fuq valutazzjoni kwantitattiva kompleta tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern residwu tal-Ġordan u tqis il-kapaċità tiegħu li jiffinanzja lilu nnifsu bir-riżorsi proprji tiegħu, partikolarment ir-riżervi internazzjonali li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tikkomplimenta l-programmi u r-riżorsi pprovduti mill-FMI u mill-Bank Dinji. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza tqis ukoll kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi multilaterali u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-utilizzazzjoni diġà eżistenti ta’ strumenti ta’ finanzjament estern oħrajn tal-Unjoni fil-Ġordan u l-valur miżjud tal-involviment ġenerali tal-Unjoni.

(14)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-prinċipji, l-objettivi u l-miżuri ewlenin meħuda fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna u politiki oħrajn rilevanti tal-Unjoni.

(15)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni rigward il-Ġordan. Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jaħdmu mill-qrib matul l-operazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja kollha bil-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u jiggarantixxu l-konsistenza tagħha.

(16)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tappoġġa l-impenn tal-Ġordan fir-rigward tal-valuri kondiviżi mal-Unjoni, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis fil-faqar, kif ukoll l-impenn tiegħu għall-prinċipji ta’ kummerċ miftuħ, ibbażat fuq ir-regoli u b’mod ġust.

(17)

Prekundizzjoni għall-għoti ta’ assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li l-Ġordan jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi s-sistema parlamentari b’diversi partijiet u l-istat tad-dritt, u jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, l-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà fis-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Ġordan, u jippromwovu r-riformi strutturali li għandhom l-għan li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklussiv, il-ħolqien tax-xogħol u l-konsolidazzjoni fiskali. Il-Kummissjoni għandha tagħmel monitoraġġ regolari kemm tat-twettiq tal-prekundizzjoni, u kemm tal-kisba ta’ dawk l-objettivi.

(18)

Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Ġordan għandu jadotta l-miżuri xierqa relatati mal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u kull irregolarità oħra marbuta ma’ din l-assistenza, u l-ġlieda kontrihom. Barra minn hekk, għandu jsir provvediment biex il-Kummissjoni tagħmel kontrolli u biex il-Qorti Ewropea tal-Awdituri twettaq awditi.

(19)

Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(20)

L-ammonti tal-provvediment meħtieġ għal assistenza makrofinanzjarja għandhom ikunu konsistenti mal-approprjazzjonijiet baġitarji previsti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

(21)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tinfurmahom regolarment bl-iżviluppi marbutin mal-assistenza u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

(22)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(23)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għal kundizzjonijiet ta’ politika ekonomika, li għandhom jiġu stabbiliti f’Memorandum ta’ Qbil. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni u għal raġunijiet ta’ effiċjenza, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tinnegozja tali kundizzjonijiet mal-awtoritajiet tal-Ġordan taħt is-superviżjoni tal-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Skont dak ir-Regolament, il-proċedura konsultattiva għandha, bħala regola ġenerali, tapplika fil-każijiet kollha għajr kif previst f’dak ir-Regolament. Meta jiġi kkunsidrat l-impatt potenzjalment importanti tal-assistenza ta’ aktar minn EUR 90 miljun, huwa adatt li l-proċedura ta’ eżami tintuża għal operazzjonijiet li jaqbżu dak il-limitu. Meta jitqies l-ammont ta’ assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Ġordan, il-proċedura ta’ eżami għandha tapplika għall-adozzjoni tal-Memorandum ta’ Qbil, u għal kwalunkwe tnaqqis, sospensjoni jew tħassir tal-assistenza.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tagħmel assistenza makrofinanzjarja disponibbli lill-Ġordan (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”) b’ammont massimu ta’ EUR 180 miljun, sabiex jiġu appoġġati l-istabbiltà u r-riformi ekonomiċi tal-Ġordan. L-assistenza għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet tal-Ġordan għall-bilanċ tal-pagamenti kif inhuma identifikati fil-programm tal-FMI.

2.   L-ammont sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkun ipprovdut lill-Ġordan fil-forma ta’ self. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’isem l-Unjoni, biex tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji, u ssellifhom lill-Ġordan. Is-self għandu jkollu maturità massima ta’ 15-il sena.

3.   Ir-rilaxx tal-assistenza makroekonomika tal-Unjoni għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni b’mod li jkun konsistenti mal-ftehimiet jew l-akkordji li ntlaħqu bejn l-FMI u l-Ġordan, u mal-prinċipji ewlenin u l-objettivi tar-riformi ekonomiċi stipulati fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġordan u l-Pjan ta’ Azzjoni bejn l-UE u l-Ġordan għall-2010–2015 miftehmin skont il-PEV. Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż il-ħlas tagħha, u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet bid-dokumenti rilevanti fi żmien xieraq.

4.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha issir disponibbli għal perjodu ta’ sentejn li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta’ Qbil imsemmi fl-Artikolu 3(1).

5.   Fejn il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ġordan jonqsu b’mod fundamentali matul il-perjodu ta’ ħlas tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni meta mqabbel mal-previżjonijiet inizjali, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tnaqqas l-ammont tal-assistenza jew tissospendiha jew tħassarha.

Artikolu 2

Prekundizzjoni għall-għoti ta’ assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li l-Ġordan jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi s-sistema parlamentari b’diversi partijiet u l-istat tad-dritt u jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja t-twettiq ta’ din il-prekundizzjoni matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Dan l-Artikolu għandu jiġi applikat f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (5).

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni, skont il-proċedura ta’ eżami li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 7(2), għandha tiftiehem mal-awtoritajiet tal-Ġordan dwar politika ekonomika u kundizzjonijiet finanzjarji definiti b’mod ċar, ikkonċentrati fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għalihom, li għandhom jiġu stabbiliti f’Memorandum ta’ Qbil (“il-Memorandum ta’ Qbil”). Il-Memorandum ta’ Qbil għandu jinkludi perjodu ta’ żmien għat-twettiq ta’ dawk il-kundizzjonijiet. Il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta’ Qbil għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew l-akkordji msemmija fl-Artikolu 1(3), inklużi l-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku ta’ riforma strutturali implimentati mill-Ġordan, bl-appoġġ tal-FMI.

2.   Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jimmiraw, b’mod partikolari, li jtejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Ġordan, inkluż għall-użu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Il-progress rigward il-ftuħ reċiproku tas-suq, l-iżvilupp ta’ kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli u prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni għandhom ukoll jitqiesu b’mod debitu fit-tfassil tal-miżuri ta’ politika. Il-Kummissjoni għandha tagħmel monitoraġġ regolari biex tara li qed isir progress fl-ilħuq ta’ dawk l-objettivi.

3.   It-termini finanzjarji ddettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stipulati fi Ftehim tas-Self li għandu jintlaħaq bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Ġordan.

4.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika f’intervalli regolari li l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 4(3) ikomplu jiġu sodisfatti, inkluż jekk il-politiki ekonomiċi tal-Ġordan jkunux skont l-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Hija u tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, fejn ikun meħtieġ, mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Artikolu 4

1.   Suġġett għall-kundizzjonijiet fil-paragrafu 3, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun disponibbli mill-Kummissjoni f’żewġ pagamenti parzjali. Id-daqs ta’ kull pagament parzjali għandu jiġi stabbilit fil-Memorandum ta’ Qbil.

2.   L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom ikunu pprovduti, fejn meħtieġ, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (6).

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali, suġġett għall-ilħuq tal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2;

(b)

rekord sodisfaċenti kontinwu fl-implimentazzjoni ta’ programm ta’ politika li fih miżuri ta’ aġġustament u ta’ riforma strutturali b’saħħithom appoġġat minn arranġament ta’ kreditu tal-FMI mhux prekawzjonarju; u

(c)

l-implimentazzjoni, f’perjodu ta’ żmien speċifiku, tal-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-Memorandum ta’ Qbil.

Il-ħlas tat-tieni pagament parzjali m’għandux iseħħ qabel ma jgħaddu tliet xhur mill-ħruġ tal-ewwel pagament parzjali.

4.   Meta l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 3 ma jiġux sodisfatti, il-Kummissjoni għandha temporanjament tissospendi jew tħassar il-ħlas tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. F’tali każijiet, għandha tikkomunika r-raġunijiet għal dik is-sospensjoni jew tħassir lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha titħallas lill-Bank Ċentrali tal-Ġordan. Suġġett għad-dispożizzjonijiet li għandu jintlaħaq ftehim dwarhom fil-Memorandum ta’ Qbil, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu trasferiti lill-Ministeru tal-Finanzi tal-Ġordan bħala l-benefiċjarju aħħari.

Artikolu 5

1.   L-operazzjonijiet ta’ teħid u għoti b’self relatati mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jsiru fil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur, u m’għandhomx jinvolvu lill-Unjoni fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, jew jesponuha għal kwalunkwe riskju fir-rata tal-kambju jew tal-imgħax, jew għal kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.

2.   Fejn ikunu jippermettu ċ-ċirkostanzi, u jekk il-Ġordan jitlob dan, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-passi neċessarji sabiex tiżgura li klawsola dwar ħlas lura qabel iż-żmien tkun inkluża fit-termini u l-kundizzjonijiet ta’ self u li tkun akkumpanjata minn klawsola korrispondenti dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ self.

3.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self u jekk il-Ġordan jitlob dan, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirrifinanzja s-self inizjali kollu tal-Ġordan jew parti minnu, jew tista’ tirristruttura l-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament jew ta’ ristrutturar għandhom isiru skont il-pargrafi 1 u 4 u ma jkollhomx l-effett li jestendu l-maturità tas-self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont ta’ kapital pendenti fid-data ta’ rifinanzjament jew tar-ristrutturar.

4.   L-ispejjeż kollha mġarrba mill-Unjoni li huma marbutin mal-operazzjonijiet tal-għoti jew ta’ teħid ta’ self skont din id-Deċiżjoni, għandhom jitħallsu mill-Ġordan.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 6

1.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (8).

2.   L-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun taħt ġestjoni diretta.

3.   Il-Memorandum ta’ Qbil u l-Ftehim ta’ Self li għandu jintlaħaq qbil dwarhom mal-awtoritajiet tal-Ġordan, għandhom jinkludu dispożizzjonijiet:

(a)

li jiżguraw li l-Ġordan jivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut mill-baġit ġenerali tal-Unjoni ntuża kif suppost, jieħu miżuri xierqa biex jipprevjeni l-irregolaritajiet u l-frodi u, jekk ikun meħtieġ, jieħu azzjoni legali biex jirkupra kwalunkwe fondi pprovduti skont din id-Deċiżjoni li ġew approprjati bla dritt;

(b)

jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari jipprovdu miżuri speċifiċi marbutin mal-prevenzjoni ta’ u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni, u kull irregolarità oħra li tinfluwenza l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (9), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (10) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11);

(c)

jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni, inkluż lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, jew lir-rappreżentanti tagħha, biex jagħmlu kontrolli u ispezzjonijiet fuq il-post;

(d)

jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri jagħmlu awditjar matul u wara l-perjodu ta’ disponibbiltà tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż awditjar ta’ dokumenti u awditjar fuq il-post, bħal pereżempju valutazzjonijiet operazzjonali;

(e)

jiżguraw li l-Unjoni hija intitolata għal ħlas lura bikri tas-self fejn ikun stabbilit li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Ġordan wettaq kwalunkwe att ta’ frodi jew ta’ korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali li hija ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

4.   Matul l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha timmonitorja, permezz ta’ valutazzjonijiet operazzjonali, kemm l-arranġamenti finanzjarji, il-proċeduri amministrattivi, u l-mekkaniżmi ta’ kontroll interni u esterni tal-Ġordan li huma relevanti għall-assistenza, huma b’saħħithom, kif ukoll kemm il-Ġordan qed jirrispetta l-perjodu ta’ żmien li jkun intlaħaq ftehim dwaru.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

1.   Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena ta’ qabel, inkluża evalwazzjoni ta’ dik l-implimentazzjoni. Ir-rapport għandu:

(a)

jeżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni;

(b)

jevalwa s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tal-Ġordan, kif ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ politika msemmija fl-Artikolu 3(1);

(c)

jindika r-rabta bejn il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika stipulati fil-Memorandum ta’ Qbil, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tal-Ġordan u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagamenti parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

2.   Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perjodu ta’ disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni ex post, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni kkompletata u sa liema punt din ikkontribwixxiet għall-għanijiet tal-assistenza.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Novembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Diċembru 2013.

(2)  Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra (ĠU L 129, 15.5.2002, p. 3).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 778/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 li tipprovdi assistenza makro-finanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja (ĠU L 218, 14.8.2013, p. 15).

(4)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).

(7)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(8)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(9)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(10)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(11)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).