14.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 335/32


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-2 ta’ Diċembru 2013

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jimplimentaw ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern

(2013/756/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

In-negozjati dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern (GPA tal-1994) ġew imnedija f’Jannar 1999 skont l-Artikolu XXIV:7(b) u (c) tal-GPA tal-1994.

(2)

In-negozjati tmexxew mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-Kumitat Speċjali stabbilit bl-Artikolu 207(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Fil-kuntest ta’ dawk in-negozjati, fit-30 ta’ Marzu 2012 in-negozjaturi laħqu ftehim dwar Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern (“il-Protokoll”) kif ukoll dwar seba’ deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat dwar l-akkwist pubbliku mill-Gvern li jibdew l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll immedjatament mad-dħul fis-seħħ tagħhom. Dawk id-deċiżjonijiet huma dawn li ġejjin: i) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar ir-rekwiżiti ta’ notifika skont l-Artikoli XIX u XXII tal-Ftehim; ii) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-akkwist pubbliku mill-Gvern dwar l-adozzjoni ta’ programmi ta’ ħidma; iii) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-akkwist pubbliku mill-Gvern dwar programm ta’ Ħidma fuq l-SMEs; iv) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar programm ta’ ħidma dwar il-ġbir u r-rappurtar ta’ dejta tal-istatistika; v) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar programm ta’ ħidma dwar l-akkwist pubbliku sostenibbli; vi) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar programm ta’ ħidma dwar l-esklużjonijiet u r-restrizzjoni fl-Annessi tal-partijiet; vii) Id-Deċiżjoni dwar programm ta’ ħidma dwar l-istandards tas-sikurezza fl-Akkwist Pubbliku Internazzjonali; (minn hawn ‘il quddiem imsejħa kollettivament “id-Deċiżjonijiet”).

(4)

Il-proċedura biex jngħata effett għall-ftehim milħuq fit-30 ta’ Marzu 2012 tirrikjedi li l-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern, matul l-ewwel laqgħa tagħha wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll, jieħu deċiżjoni li tikkonferma l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet u d-dħul tagħhom fis-seħħ mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll.

(5)

Safejn id-Deċiżjonijiet jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-GPA tal-1994 bħala riveduti, u jikkontribwixxu għall-eliminazzjoni ta’ prassi diskriminatorji, l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet se tiffaċilita aktar ftuħ ta’ akkwist pubbliku mill-gvern.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern fir-rigward tad-Deċiżjonijiet li jimplimentaw ċerti dispożizzjonijiet tal-Protokoll.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern huwa li jikkonferma l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li ġejjin:

(i)

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar ir-rekwiżiti ta’ notifika skont l-Artikolu XIX u XXII tal-Ftehim;

(ii)

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar l-adozzjoni ta’ programmi ta’ ħidma;

(iii)

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-akkwist pubbliku mill-Gvern dwar programm ta’ Ħidma fuq l-SMEs;

(iv)

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar programm ta’ ħidma dwar il-ġbir u r-rappurtar ta’ dejta tal-istatistika;

(v)

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar programm ta’ ħidma dwar l-akkwist pubbliku sostenibbli;

(vi)

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern dwar programm ta’ ħidma dwar l-esklużjonijiet u r-restrizzjoni fl-Annessi tal-partijiet;

(vii)

Id-Deċiżjoni dwar programm ta’ ħidma dwar l-istandards tas-sikurezza fl-Akkwist Pubbliku Internazzjonali;

u li taqbel mad-dħul fis-seħħ ta’ dawk id-deċiżjonijiet mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll li jemenda l-GPA tal-1994.

Din il-pożizzjoni għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni.

It-test tad-deċiżjonijiet huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

E. GUSTAS


ANNESS

Anness A

Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar ir-Rekwiżiti ta’ Notifika skont l-Artikoli XIX u XXII tal-Ftehim … 35

Anness B

Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar l-Adozzjoni ta’ Programmi ta’ Ħidma … 36

Anness C

Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar Programm ta’ Ħidma dwar l-SMEs … 37

Anness D

Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar Programm ta’ Ħidma għall-Ġbir u r-Rapportar ta’ Dejta Statistika … 39

Anness E

Deċżijoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar Programm ta’ Ħidma dwar l-Akkwist Sostenibbli… 41

Anness F

Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar Programm ta’ Ħidma dwar l-Esklużjonijiet u r-Restrizzjonijiet fl-Annessi tal-Partijiet … 42

Anness G

Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar Programm ta' Ħidma dwar l-Istandards tas-Sikurezza fl-Akkwist Internazzjonali … 44

ANNESS A

Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar ir-Rekwiżiti ta’ Notifika skont l-Artikoli XIX u XXII tal-Ftehim

Deċiżjoni tat-30 ta' Marzu 2012

IL-KUMITAT DWAR L-AKKWIST PUBBLIKU,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRA l-importanza tat-trasparenza tal-liġijiet u r-regolamenti rilevanti għal dan il-Ftehim, inklużi l-bidliet għalih kif meħtieġ mill-Artikolu XXII:5 tal-Ftehim;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRA l-importanza taż-żamma ta’ listi preċiżi ta’ entitajiet koperti taħt l-Annessi ta' Parti tal-Appendiċi I tal-Ftehim, skont l-Artikolu XIX tal-Ftehim;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXI l-isfidi għall-Partijiet biex jissottomettu notifiki f'waqthom lill-Kumitat fir-rigward tal-bidliet għal-liġijiet u r-regolamenti tagħhom li huma rilevanti għall-Ftehim, kif meħtieġ mill-Artikolu XXII:5 tal-Ftehim, u tar-rettifiki proposti għall-Annessi tiegħu tal-Appendiċi I, kif meħtieġ mill-Artikolu XIX:1 tal-Ftehim;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRA li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu XIX tal-Ftehim jiddistingwu bejn in-notifiki ta’ rettifiki proposti li ma jbiddlux il-kopertura miftehma b’mod reċiproku prevista fil-Ftehim u tipi oħra ta' modifiki proposti tal-Annessi tiegħu tal-Appendiċi I;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXI li permezz tat-tibdiliet teknoloġiċi bosta Partijiet setgħu jagħmlu użu minn mezzi elettroniċi biex jipprovdu informazzjoni dwar ir-reġimi ta’ akkwist pubbliku tagħhom u biex jinnotifikaw il-Partijiet tal-bidliet għal dak ir-reġim;

HAWNHEKK JIDDEĊIEDU KIF ĠEJ:

Notifiki Annwali ta' Bidliet fil-Liġijiet u r-Regolamenti

1.

Meta Parti żżomm midja elettronika uffiċjalment deżinjata li tipprovdi ħoloq għal-liġijiet u r-regolamenti attwali tagħha li huma rilevanti għal dan il-Ftehim u l-liġijiet u r-regolamenti tagħha huma disponibbli f'waħda mil-lingwi uffiċjali tad-WTO, u tali midja hija elenkata fl-Appendiċi II, il-Parti tista’ tissodisfa r-rekwiżit fl-Artikolu XXII:5 billi tinnotifika lill-Kumitat darba fis-sena, fi tmiem is-sena, dwar kwalunkwe bidla sakemm dawn il-bidliet huma sostantivi, jiġifieri, jistgħu jaffettwaw l-obbligi tal-Parti taħt il-Ftehim; u f'każijiet bħal dawn, għandha ssir minnufih notifika.

2.

Il-Partijiet għandu jkollhom opportunità biex jiddiskutu n-notifika annwali ta’ Parti matul l-ewwel laqgħa informali tal-Kumitat fis-sena ta' wara.

Rettifiki Proposti għall-Annessi ta’ Parti tal-Appendiċi 1

3.

Il-bidliet li ġejjin għall-Annessi ta’ Parti tal-Appendiċi I għandhom jitqiesu bħala rettifika skont l-Artikolu XIX tal-Ftehim:

(a)

bidla fl-isem ta’ entità;

(b)

fużjoni ta’ żewġ entitajiet jew aktar elenkati f'Anness; kif ukoll

(ċ)

is-separazzjoni ta' entità elenkata f’Anness f’żewġ entitajiet jew aktar li huma kollha miżjuda mal-entitajiet elenkati fl-istess Anness.

4.

Fil-każ ta' rettifiki proposti għall-Annessi ta’ Parti taħt l-Appendiċi I koperti taħt il-paragrafu 3, il-Parti għandha tinnotifika lill-Kumitat kull sentejn, b’bidu mid-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta’ Emenda għall-Ftehim Eżistenti (tal-1994).

5.

Parti tista’ tinnotifika lill-Kumitat dwar oġġezzjoni għal rettifika proposta fi żmien 45 ġurnata mid-data taċ-ċirkolazzjoni tan-notifika lill-Partijiet. Skont l-Artikolu XIX:2, meta Parti tressaq oġġezzjoni, għandha tistipula r-raġunijiet għall-oġġezzjoni, inklużi r-raġunijiet għaliex temmen li r-rettifika proposta tkun tista’ taffettwa l-kopertura miftiehma b’mod reċiproku taħt il-Ftehim u għalhekk ir-rettifika mhijiex suġġetta għall-paragrafu 3. Jekk ma jkun hemm ebda oġġezzjoni bil-miktub, ir-rettifiki proposti jsiru effettivi 45 ġurnata wara ċ-ċirkolazzjoni tan-notifika, kif previst fl-Artikolu XIX:5(a).

6.

Fi żmien erba' snin mill-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Partijiet għandhom jirrevedu l-operat u l-effettività tagħha, u jagħmlu kull aġġustament meħtieġ.

ANNESS B

Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar l-Adozzjoni ta’ Programmi ta’ Ħidma

Deċiżjoni tat-30 ta' Marzu 2012

IL-KUMITAT DWAR L-AKKWIST PUBBLIKU,

FILWAQT LI JINNOTA li skont l-Artikolu XXII:8(b), il-Kumitat jista’ jadotta deċiżjoni li telenka programmi ta' ħidma addizzjonali, li l-Kumitat għandu jimpenja ruħu li jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Ftehim u n-negozjati stipulati fl-Artikolu XXII:7 tal-Ftehim;

JIDDEĊIEDI KIF ĠEJ:

1.

Il-programmi ta' ħidma li ġejjin huma miżjuda mal-lista ta’ programmi ta’ ħidma li abbażi tagħhom il-Kumitat għandu jwettaq ħidma futura:

(a)

reviżjoni tal-użu, it-trasparenza u l-oqfsa legali ta' sħubiji pubbliċi-privati, u r-relazzjoni tagħhom mal-akkwist kopert;

(b)

il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-iżvilupp ta’ nomenklatura komuni għal prodotti u servizzi; kif ukoll

(c)

il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-iżvilupp ta’ avviżi standardizzati.

2.

Il-Kumitat għandu jiżviluppa l-ambitu u l-iskeda ta’ żmien għal kull programm ta’ ħidma bħal dan f’data aktar ’il quddiem.

3.

Il-Kumitat għandu perjodikament jirrevedi din il-lista ta’ programmi u jagħmel aġġustamenti xierqa.

ANNESS C

Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar Programm ta’ Ħidma dwar l-SMEs

Deċiżjoni tat-30 ta' Marzu 2012.

IL-KUMITAT DWAR L-AKKWIST PUBBLIKU,

FILWAQT LI JINNOTA li l-Artikolu XXII:8(a) tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku (il-Ftehim) jipprovdi li l-Partijiet għandhom jadottaw u jirrevedu perjodikament programm ta' ħidma, inkluż programm ta’ ħidma dwar impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);

FILWAQT LI JIRRIKONOXXI l-importanza li jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist pubbliku; kif ukoll

FILWAQT LI JIRRIKONOXXI li l-Partijiet ftiehmu fl-Artikolu XXII:6 li jippruvaw jevitaw li jintroduċu jew jissoktaw miżuri diskriminatorji li jwasslu għal distorsjoni fl-akkwist miftuh;

HAWNHEKK JADOTTA L-PROGRAMM TA' ĦIDMA LI ĠEJ FIR-RIGWARD TAL-SMES:

1.   Tnedija ta’ Programm ta’ Ħidma dwar l-SMEs

Fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta’ Emenda għall-Ftehim Eżistenti (tal-1994), il-Kumitat għandu jniedi Programm ta’ Ħidma dwar l-SMEs. Il-Kumitat għandu jirrevedi l-miżuri u l-politiki għall-SMEs li l-Partijiet jużaw biex jassistu, jippromwovu, jinkoraġġixxu, jew jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni mill-SMEs fl-akkwist pubbliku u jipprepara rapport tar-riżultati tar-reviżjoni.

2.   Evitar ta' Miżuri Diskriminatorji għall-SMEs

Il-Partijiet għandhom jevitaw l-introduzzjoni ta' miżuri diskriminatorji li jiffavorixxu biss lill-SMEs domestiċi u għandhom jiskoraġġixxu l-introduzzjoni ta’ miżuri u politiki bħal dawn mill-Partijiet aderenti.

3.   Programm ta’ Trasparenza u Stħarriġ tal-SMEs

3.1   Programm ta' Trasparenza

Mad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta’ Emenda għall-Ftehim Eżistenti (tal-1994), il-Partijiet li fl-Appendiċi I tagħhom għandhom dispożizzjonijiet speċifiċi għall-SMEs, inkluż twarrib, għandhom jinnotifikaw lill-Kumitat dwar dawn il-miżuri u politiki. In-notfika għandha tinkludi deskrizzjoni sħiħa tal-miżuri u politiki, il-qafas legali rilevanti tagħhom flimkien mal-operat tagħhom u l-valur tal-akkwist soġġett għal tali miżuri. Barra minn hekk, dawk il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lill-Kumitat dwar kull bidla sostanzjali f’tali miżuri u politiki, skont l-Artikolu XXII:5 tal-Ftehim.

3.2   Stħarriġ tal-SMEs

(a)

Il-Kumitat għandu jistħarreġ dwar il-Partijiet, permezz tal-użu ta' kwestjonarju li jikseb informazzjoni rigward il-miżuri u l-politiki użati biex jassistu, jippromwovu, jinkoraġġixxu, jew jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni mill-SMEs fl-akkwist pubbliku. Il-kwestjonarju għandu jipprova jikseb informazzjoni minn kull Parti rigward:

(i)

deskrizzjoni tal-miżuri u l-politiki użati mill-Parti, inklużi l-miri ekonomiċi, soċjali, u oħrajn tal-miżuri u l-politiki u kif dawn huma amministrati;

(ii)

kif il-Parti tiddefinixxi l-SMEs;

(iii)

sa liema livell il-Parti jkollha aġenziji jew istituzzjonijiet speċjalizzati li jassistu lill-SMEs fir-rigward tal-akkwist pubbliku;

(iv)

il-livell ta' parteċipazzjoni fl-akkwist pubbliku kemm f'termini ta' valur kif ukoll ta’ għadd ta’ kuntratti mogħtija lill-SMEs;

(v)

deskrizzjoni ta’ miżuri u politiki għas-sottokuntrattar lill-SMEs, inklużi l-miri, garanziji, u inċentivi tas-sottokuntrattar;

(vi)

l-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni tal-SMEs f’offerti konġunti (b’fornituri kbar jew żgħar oħra);

(vii)

mizuri u politiki ffukati fuq li jingħataw opportunitajiet lill-SMEs biex jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku (bħal trasparenza u disponibbiltà akbar tal-informazzjoni dwar l-akkwist pubbliku għall-SMEs; semplifikazzjoni tal-kwalifiki għall-parteċipazzjoni fl-offerti; tnaqqis fid-daqs tal-kuntratti; u l-iżgurar ta’ pagamenti f’waqthom għall-fornimenti ta’ prodotti u servizzi); kif ukoll

(viii)

l-użu ta' miżuri u politiki ta’ akkwist pubbliku li jistimulaw l-innovazzjoni tal-SMEs.

(b)

Il-ġabra ta’ Stħarriġ tal-SMEs mis-Segretarjat tad-WTO:

Is-Segretarjat tad-WTO għandu jiffissa limitu ta' żmien għat-trażmissjoni tat-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-Partijiet kollha tas-Segretarjat tad-WTO. Malli jaslu t-tweġibiet, is-Segretarjat għandu jipprepara ġabra tat-tweġibiet u jiċċirkola t-tweġibiet u l-ġabra lill-Partijiet. Is-Segretarjat għandu jinkludi lista ta' Partijiet bi tweġibiet pendenti.

(c)

Skambji fost il-Partijiet dwar it-Tweġibiet għall-Kwestjonarji tal-SMEs:

Abbażi tad-dokument imħejji mis-Segretarjat tad-WTO, il-Kumitat għandu jistabbilixxi perjodu għall-iskambju tal-mistoqsijiet, talbiet għal informazzjoni addizzjonali, u kummenti dwar it-tweġibiet tal-Partijiet l-oħra.

4.   Valutazzjoni tar-Riżultati tal-Istħarriġ tal-SMEs u l-Implimentazzjoni tal-Eżiti tiegħu

4.1   Valutazzjoni tar-Riżultati tal-Istħarriġ tal-SMEs

Il-Kumitat għandu jidentifika l-miżuri u l-politiki li jqis bħala l-aħjar prattiki għall-promozzjoni u l-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni tal-SMEs tal-Partijiet fl-akkwist pubbliku u jħejji rapport li jinkludi l-aħjar prattiki tal-miżuri u politiki u lista tal-miżuri l-oħra.

4.2   Implimentazzjoni tal-Eżitu tal-Istħarriġ tal-SMEs

(a)

Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-adozzjoni tal-aħjar prattiki identifikati fil-valutazzjoni tal-istħarriġ biex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-SMEs tal-Partijiet fl-akkwist pubbliku.

(b)

Fir-rigward ta' miżuri oħra, il-Kumitat għandu jinkoraġġixxi lill-Partijiet li għandhom tali miżuri biex jirreveduhom bil-ħsieb li jeliminawhom jew japplikawhom għall-SMEs tal-Partijiet l-oħra. Dawn il-partijiet għandhom jinfurmaw lill-Kumitat dwar l-eżitu tar-reviżjoni.

(c)

Il-Partijiet li għandhom miżuri oħra għandhom jinkludu l-valur tal-akkwist soġġett għal tali miżuri fl-istatistika li dawn jissottomettu lill-Kumitat skont l-Artikolu XVI:4 tal-Ftehim.

(d)

Il-Partijiet jistgħu jitolbu l-inklużjoni ta’ tali miżuri oħra fin-negozjati futuri taħt l-Artikolu XXII:7 tal-Ftehim, u tali talbiet għandhom jitqiesu b'mod favorevoli mill-Parti li jkollha tali miżuri.

5.   Reviżjoni

Sentejn wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta’ Emenda tal-Ftehim Eżistenti (tal-1994), il-Kumitat għandu jirrevedi l-effett tal-aħjar prattiki fuq l-espansjoni tal-parteċipazzjoni tal-SMEs tal-Partijiet fl-akkwist pubbliku, u jikkunsidra jekk prattiki oħrajn jistgħux isaħħu ulterjurment il-parteċipazzjoni mill-SMEs. Il-Kunsill jista' wkoll jikkunsidra l-effett ta' miżuri oħra fuq il-parteċipazzjoni tal-SMEs tal-Partijiet l-oħra fl-akkwist pubbliku tal-Partijiet li għandhom tali miżuri.

ANNESS D

Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar Programm ta’ Ħidma għall-Ġbir u r-Rapportar ta’ Dejta Statistika

Deċiżjoni tat-30 ta' Marzu 2012.

IL-KUMITAT DWAR L-AKKWIST PUBBLIKU,

FILWAQT LI JINNOTA li l-Artikolu XXII:8(a) tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku (il-Ftehim) jipprovdi li l-Partijiet għandhom jadottaw u jirrevedu perjodikament programm ta' ħidma, inkluż programm ta’ ħidma dwar il-ġbir u r-rapportar tad-dejta statistika;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRA l-importanza tal-ġbir u r-rapportar tad-dejta statistika, kif mitlub mill-Artikolu XVI:4 tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku (il-Ftehim), meta tiġi pprovduta trasparenza fl-akkwist kopert taħt il-Ftehim;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRA l-fatt li dejta statistika li turi sa liema livell il-Partijiet jiksbu prodotti u servizzi koperti mill-Ftehim minn Partijiet oħra tal-Ftehim tista’ tkun għodda importanti fl-inkoraġġiment ta’ Membri oħra tad-WTO biex jaderixxu mal-Ftehim;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXI l-isfidi kumplessivi tal-Partijiet tal-Ftehim fil-ġbir tad-dejta fil-qasam tal-akkwist pubbliku u b'mod partikolari biex jiġi determinat il-pajjiż ta' oriġini tal-prodotti u servizzi li jakkwistaw taħt il-Ftehim; kif ukoll

FILWAQT LI JIRRIKONOXXI li l-Partijiet jużaw metodoloġiji differenti fil-ġbir tagħhom tal-istatistika sabiex ikunu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ rapportar fl-Artikolu XVI:4 tal-Ftehim, u jistgħu jużaw metodoloġiji differenti fil-ġbir ta' dejta għal entitajiet tal-gvern ċentrali u entitajiet tal-gvern subċentrali;

HAWNHEKK JADOTTA L-PROGRAMM TA' ĦIDMA LI ĠEJ FIR-RIGWARD TAL-ĠBIR U R-RAPPORTAR TA’ DEJTA STATISTIKA:

1.   Tnedija ta’ Programm ta’ Ħidma dwar il-Ġbir u r-Rapportar ta’ Dejta Statistika

Fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta' Emenda tal-Ftehim Eżistenti (tal-1994), il-Kumitat għandu jniedi Programm ta’ Ħidma dwar il-Ġbir u r-Rapportar ta’ Dejta Statistika. Il-Kumitat għandu jirrevedi l-ġbir u r-rapportar ta’ dejta statistika mill-Partijiet, jikkunsidra l-potenzjal tal-armonizzazzjoni tagħhom, u jħejji rapport dwar ir-riżultati.

2.   Sottomissjoni tad-Dejta mill-Partijiet

Il-Kumitat għandu jiftiehem dwar data sa meta kull Parti għandha tissottometti lill-Kumitat l-informazzjoni li ġejja rigward dejta statistika dwar l-akkwist kopert b’dan il-Ftehim:

(a)

deskrizzjoni tal-metodoloġija li tuża biex tiġbor, tevalwa, u tirrapporta dejta statistika, li tissupera jew hija taħt il-limiti stabbiliti tal-Ftehim u għall-akkwist deskritt fil-paragrafu 4.2(c) tal-Programm ta' Ħidma dwar l-SMEs, inkluż jekk din tibbażax id-dejta dwar l-akkwist kopert mill-Ftehim fuq il-valur sħiħ tal-kuntratti mogħtija jew in-nefqa totali għal akkwist f'perjodu ta’ żmien partikolari;

(b)

jekk id-dejta statistika miġbura minnha tinkludix il-pajjiż ta’ oriġini tal-prodotti jew servizzi li huma akkwistati, u jekk iva, kif tiddetermina jew tistma l-pajjiż ta' oriġini, u l-ostakli tekniċi fil-ġbir tad-dejta dwar il-pajjiż ta’ oriġini;

(c)

spjegazzjoni tal-klassifikazzjonijiet użati f'rapporti statistiċi; kif ukoll

(d)

deskrizzjoni tas-sorsi tad-dejta.

3.   Ġabra tas-sottomissjonijiet

Is-Segretarjat għandu jipprepara ġabra tas-sottomissjonijiet u jiċċirkola s-sottomissjonijiet u l-ġabra lill-Partijiet. Is-Segretarjat għandu jinkludi lista ta' Partijiet b'sottomissjonijiet pendenti.

4.   Rakkomandazzjonijiet

Il-Kumitat għandu jirrevedi s-sottomissjonijiet tal-Partijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar:

(a)

jekk il-Partijiet għandhomx jadottaw metodu komuni għall-ġbir ta' statistika;

(b)

jekk il-Partijiet ikunux jistgħu jistandardizzaw il-klassifikazzjonijiet fid-dejta statistika rrapportata lill-Kumitat;

(c)

mezzi għall-iffaċilitar tal-ġbir tal-pajjiż ta' oriġini ta' prodotti u servizzi koperti minn dan il-Ftehim; kif ukoll

(d)

kwistjonijiet tekniċi oħra fid-dejta dwar l-akkwist pubbliku rrapportata mqajma minn kwalunkwe Parti.

5.   Il-Kumitat għandu jiżviluppa, kif xieraq, rakkomandazzjonijiet relatati ma’:

(a)

l-armonizzazzjoni potenzjali tar-rapportar statistiku bil-għan li tiġi inkluża l-istatistika dwar l-akkwist pubbliku fir-rapportar annwali tad-WTO;

(b)

il-forniment ta’ assistenza mis-Segretarjat relatat mar-rapportar statistiku lill-Membri tad-WTO li huma fil-proċess li jaderixxu mal-Ftehim; kif ukoll

(c)

mezzi li jiżguraw li l-Membri tad-WTO li qed jaderixxu mal-Ftehim ikollhom il-mezzi xierqa biex jikkonformaw ma' ġbir ta' dejta statistika u rekwiżiti ta' rappurtar.

6.   Analiżi tad-dejta

Il-Kumitat għandu jikkunsidra kif id-dejta statistika sottomessa lis-Segretarjat kull sena mill-Partijiet tista’ tintuża għal analiżi ulterjuri biex tiffaċilita aktar l-fehim tal-importanza ekonomika tal-Ftehim, inkluż l-impatt tal-limiti fuq il-prestazzjoni tal-Ftehim.

ANNESS E

Deċżijoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar Programm ta’ Ħidma dwar l-Akkwist Sostenibbli

Deċiżjoni tat-30 ta' Marzu 2012.

IL-KUMITAT DWAR L-AKKWIST PUBBLIKU,

FILWAQT LI JINNOTA li l-Artikolu XXII:8(a) tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku (il-Ftehim) jipprovdi li l-Partijiet għandhom jadottaw u jirrevedu perjodikament programm ta' ħidma, inkluż programm ta’ ħidma dwar l-akkwist sostenibbli;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXI li bosta Partijiet żviluppaw politiki nazzjonali u sottonazzjonali ta’ akkwist sostenibbli;

FILWAQT LI JISĦAQ fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-akkwist kollu jitwettaq skont il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u trasparenza kif riflessi fil-Ftehim;

HAWNHEKK JADOTTA PROGRAMM TA' ĦIDMA FIR-RIGWARD TAL-AKKWIST SOSTENIBBLI:

1.   Tnedija ta’ Programm ta' Ħidma dwar l-Akkwist Sostenibbli:

Fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta' Emenda tal-Ftehim Eżistenti (tal-1994), il-Kumitat għandu jniedi Programm ta’ Ħidma dwar l-Akkwist Sostenibbli.

2.   Il-programm ta' ħidma għandu jeżamina temi li jinkludu:

(a)

l-għanijiet tal-akkwist sostenibbli;

(b)

il-modi li permezz tagħhom il-kunċett tal-akkwist sostenibbli huwa integrat f’politiki nazzjonali u sottonazzjonali tal-akkwist;

(c)

il-modi li permezz tagħhom l-akkwist sostenibbli jkun jista’ jiġi prattikat b’mod konsistenti mal-prinċipju ta' “l-aħjar valur għall-flus”; kif ukoll

(d)

il-modi li permezz tagħhom l-akkwist sostenibbli jkun jista’ jiġi pprattikat b'mod konsistenti mal-obbligi kummerċjali internazzjonali tal-Partijiet.

3.   Il-Kumitat għandu jidentifika miżuri u politiki li huwa jqis bħala li jikkostitwixxu akkwist sostenibbli pprattikat b’mod konsistenti mal-prinċipju ta’ “l-aħjar valur għall-flus” u mal-obbligi kummerċjali internazzjonali tal-Partijiet u jħejji rapport li jelenka l-aħjar prattiki tal-miżuri u l-politiki.

ANNESS F

Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar Programm ta’ Ħidma dwar l-Esklużjonijiet u r-Restrizzjonijiet fl-Annessi tal-Partijiet

Deċiżjoni tat-30 ta' Marzu 2012.

IL-KUMITAT DWAR L-AKKWIST PUBBLIKU,

FILWAQT LI JINNOTA li l-Artikolu XXII:8(a) tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku (il-Ftehim) jipprovdi li l-Partijiet għandhom jadottaw u jirrevedu perjodikament programm ta' ħidma, inkluż programm ta’ ħidma dwar l-esklużjonijiet u r-restrizzjonijiet fl-Annessi tal-Partijiet;

FILWAQT LI JIRRKONOXXU li l-Partijiet inkludew esklużjonijiet u restrizzjonijiet fl-Annessi rispettivi tagħhom tal-Appendiċi I tal-Ftehim (esklużjonijiet u restrizzjonijiet);

FILWAQT LI JIRRKONOXXI l-importanza ta' miżuri trasparenti dwar l-akkwist pubbliku; kif ukoll

FILWAQT LI JIKKUNSIDRA l-importanza ta' tnaqqis u eliminazzjoni progressivi ta' esklużjonijiet u restrizzjonijiet f'negozjati fil-ġejjieni kif previst fl-Artikolu XXII:7 tal-Ftehim;

HAWNHEKK JADOTTA L-PROGRAMM TA' ĦIDMA LI ĠEJ FIR-RIGWARD TAL-ESKLUŻJONIJIET U R-RESTRIZZJONIJIET FL-ANNESSI TAL-PARTIJIET:

1.   Tnedija tal-Programm ta' Ħidma dwar l-Esklużjonijiet u r-Restrizzjonijiet:

Fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta' Emenda tal-Ftehim Eżistenti (tal-1994), il-Kumitat għandu jniedi Programm ta' Ħidma dwar l-Esklużjonijiet u r-Restrizzjonijiet fl-Annessi tal-Partijiet bl-għanijiet ta':

(a)

tisħiħ tat-trasparenza fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u l-effett tal-esklużjonijiet u r-restrizzjonijiet speċifikati fl-Annessi tal-Partijiet għall-Appendiċi I tal-Ftehim; u; kif ukoll

(b)

għoti ta’ informazzjoni relatata mal-esklużjonijiet u r-restrizzjonijiet biex jiġu ffaċilitati n-negozjati previsti fl-Artikolu XXII:7 tal-Ftehim.

2.   Programm ta' Trasparenza:

Kull Parti għandha tissottometti lill-Kumitat, sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara t-tnedija tal-Programm ta' Ħidma, lista ta':

(a)

esklużjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li għandha fl-Annessi tagħha għall-Appendiċi I tal-Ftehim; u; kif ukoll

(b)

kwalunkwe esklużjoni jew restrizzjoni oħra speċifikata fl-Annessi tagħha tal-Appendiċi I għall-Ftehim li taqa' fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu II:2(e) tal-Ftehim, minbarra esklużjonijiet jew restrizzjonijiet li jkunu qed jiġu riveduti fil-Programm ta' Ħidma dwar l-SMEs jew meta Parti tkun ħadet impenn li telimina progressivament esklużjoni jew restrizzjoni f'Anness tal-Appendiċi I għall-Ftehim.

3.   Ġabra tas-Sottomissjonijiet:

Is-Segretarjat għandu jħejji ġabra tas-sottomissjonijiet u jiċċirkola s-sottomissjonijiet u l-kumpilazzjoni lill-Partijiet. Is-Segretarjat għandu jinkludi lista tal-Partijiet b'sottomissjonijiet pendenti.

4.   Talbiet għal Informazzjoni Addizzjonali:

Kwalunkwe Parti tista' titlob informazzjoni addizzjonali b'mod perjodiku dwar kwalunkwe esklużjoni jew restrizzjoni li taqa' fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-paragrafu 2(a) u (b), inklużi miżuri li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' kwalunkwe esklużjoni jew restrizzjoni, il-qafas legali tagħhom, il-politiki u l-prattiki ta' implimentazzjoni u l-valur tal-akkwist soġġett għal tali miżuri. Parti li tirċievi talba bħal din għandha tipprovdi l-informazzjoni miftluba minnufih.

5.   Ġabra ta' Informazzjoni Addizzjonali:

Is-Segretarjat għandu jħejji ġabra tal-informazzjoni addizzjonali fir-rigward ta' kwalunkwe Parti u għandu jiċċirkolaha lill-Partijiet.

6.   Reviżjoni mill-Kumitat:

Fil-laqgħa annwali prevista fl-Artikolu XXI:3(a) tal-Ftehim, il-Kumitat għandu jirrevedi l-informazzjoni ippreżentata mill-Partijiet bil-għan li jiddetermina jekk tipprovdix:

(a)

l-ogħla grad possibbli ta' trasparenza fir-rigward tal-esklużjonijiet u r-restrizzjonijiet speċifikati fl-Annessi tal-Partijiet tal-Appendiċi I għall-Ftehim; kif ukoll

(b)

informazzjoni sodisfaċenti biex jiġu ffaċilitati n-negozjati previsti fl-Artikolu XXII:7 tal-Ftehim.

7.   Parti Ġdida Aderenti għall-Ftehim:

Parti ġdida li taderixxi mal-Ftehim għandha tippreżenta lill-Kumitat il-lista fil-paragrafu 2 fi żmien sitt xhur mill-adeżjoni tagħha.

ANNESS G

Deċiżjoni tal-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar Programm ta' Ħidma dwar l-Istandards tas-Sikurezza fl-Akkwist Internazzjonali

Deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2012

IL-KUMITAT DWAR L-AKKWIST PUBBLIKU,

FILWAQT LI JINNOTA li l-Artikolu XXII:8(a) tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku (il-Ftehim) jistipula li l-Partijiet għandhom jadottaw u jirrevedu perjodikament programm ta' ħidma, inkluż programm ta' ħidma dwar l-istandards tas-sikurezza fl-akkwist internazzjonali;

FILWAQT LI JINNOTA li l-Artikolu X:1 tal-Ftehim jistipula li l-entitajiet akkwirenti “ma għandhomx iħejju, jadottaw jew japplikaw xi speċifikazzjoni teknika bil-għan jew bl-effett li joħolqu xkiel żejjed għall-kummerċ internazzjonali”;

FILWAQT LI JINNOTA li l-Artikolu III:2(a) tal-Ftehim ma jżommx lill-Partijiet milli jimponu jew jinfurzaw miżuri neċessarji biex jipproteġu s-sikurezza pubblika, bil-kundizzjoni li tali miżuri ma jiġux applikati b'mod li jkun jikkostitwixxi mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux iġġustifikata jew restrizzjoni moħbija fuq kummerċ internazzjonali;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXI l-ħtieġa ta’ approċċ ibbilanċjat bejn is-sikurezza pubblika u l-ostakli żejda għall-kummerċ internazzjonali;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXI li l-prattiki diverġenti bejn il-Partijiet fir-rigward tas-sikurezza pubblika jista' jkollhom effett negattiv fuq il-prestazzjoni tal-Ftehim;

HAWNHEKK JADOTTA L-PROGRAMM TA' ĦIDMA LI ĠEJ FIR-RIGWARD TAL-ISTANDARDS TAS-SIKUREZZA:

1.

Tnedija tal-Programm ta' Ħidma dwar l-Istandards tas-Sikurezza fl-Akkwist Internazzjonali: Fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta' Emenda għall-Ftehim Eżistenti (tal-1994), il-Kumitat għandu jniedi Programm ta' Ħidma dwar l-Istandards tas-Sikurezza fl-Akkwist Internazzjonali.

2.

Il-Programm ta' Ħidma għandu jeżamina t-temi bil-għan li jaqsam l-aħjar prattiki fuq affarijiet li jinkludu:

(a)

Il-mod li bih it-tħassib dwar is-sikurezza pubblika huwa indirizzat fil-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti u l-prattiki tal-Partijiet u linji gwida relatati mal-implimentazzjoni tal-Ftehim mill-entitajiet akkwirenti;

(b)

Ir-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fl-Artikolu X u l-ħarsien tas-sikurezza pubblika fl-Artikolu III tal-Ftehim u fl-Annessi tal-Partijiet għall-Appendiċi 1;

(c)

L-aħjar prattiki li jistgħu jiġu adottati għall-protezzjoni tas-sikurezza pubblika fid-dawl tad-dispożizzjonijiet fuq l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u d-dokumentazzjoni tal-offerta fl-Artikolu X.

3.

Il-Kumitat għandu jiżviluppa l-kamp ta' applikazzjoni u l-iskeda ta' żmien għall-eżami ta' kull tema identifikata fil-paragrafu 2. Il-Kumitat għandu jħejji rapport li jiġbor fil-qosor l-eżitu tal-eżami tiegħu ta' dawn il-kwistjonijiet u jelenka l-aħjar prattiki identifikati fil-paragrafu 2(c).