11.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 332/19


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/730/PESK

tad-9 ta' Diċembru 2013

b'appoġġ għall-attivitajiet ta' SEESAC ta' diżarm u ta' kontroll ta' armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra l-Akkumulazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta’ SALW u l-Munizzjon tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 26(2) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-13 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta Strateġija Ewropea ta' Sigurtà li tidentifika ħames sfidi prinċipali li trid tiffaċċa l-Unjoni: it-terroriżmu, il-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa, il-konflitti reġjonali, il-falliment tal-Istat u l-kriminalità organizzata. Il-konsegwenzi tal-manifatturar, it-trasferiment u ċ-ċirkolazzjoni illeċiti ta' armi konvenzjonali, inklużi armi ħfief u ta' kalibru żgħir (minn hawn 'il quddiem “SALW”), u l-akkumulazzjoni eċċessiva u t-tixrid mingħajr kontroll tagħhom huma ċentrali għal erbgħa minn dawn il-ħames sfidi. Huma jintensifikaw l-insigurtà fix-Xlokk tal-Ewropa, fir-reġjuni tal-viċinat u ħafna partijiet oħra tad-dinja, billi jiggravaw il-konflitt u jfixklu l-bini ta' paċi wara l-konflitt, u b'hekk joħolqu theddida serja għall-paċi u s-sigurtà.

(2)

Fil-15 u s-16 ta' Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjon tagħhom (minn hawn 'il quddiem l-“Istrateġija”), li tistabbilixxi l-linji gwida għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-SALW. L-Istrateġija tidentifika lill-Balkani u x-Xlokk tal-Ewropa bħala reġjuni partikolarment milquta mill-akkumulazzjoni eċċessiva u t-tixrid tas-SALW. Hija tiddikjara li l-Unjoni ser tagħti attenzjoni prijoritarja lill-Ewropa Ċentrali u l-Lvant tal-Ewropa u tissottolinja, b'referenza speċifika għall-Balkani, li appoġġ għal multilateralismu effettiv kif ukoll għal inizjattivi reġjonali rilevanti ser jipprovdi strument effettiv għall-implimentazzjoni tagħha. Hija tippromwovi wkoll b'mod speċifiku l-ħtieġa tas-sehem fl-isforzi biex jitnaqqsu l-ħażniet żejda tas-SALW fil-Lvant tal-Ewropa li ġejjin mill-Gwerra Bierda.

(3)

Fit-Tieni Konferenza ta' Rieżami tal-2012 dwar il-Programm ta' Azzjoni tan-NU sabiex Jipprevjeni, Jikkumbatti, u Jeqred il-Kummerċ Illeċitu fis-SALW fl-Aspetti Kollha Tiegħu (minn hawn 'il quddiem il-“Programm ta' Azzjoni tan-NU”), li ġie adottat fl-20 ta' Lulju 2001, l-Istati Membri kollha tan-NU affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom fil-prevenzjoni tat-traffikar illeċitu fis-SALW u ħeġġu miżuri biex ikomplu jsaħħu r-rwol effettiv li jista' jkollhom organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali fl-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU u l-Istrument Internazzjonali li Jippermetti lill-Istati Jidentifikaw u Jittraċċaw, b’Mod f’Waqtu u Affidabbli, Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir Illeċiti (minn hawn 'il quddiem l-“Istrument Internazzjonali tat-Traċċar”).

(4)

Iċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SEESAC), imwaqqaf fl-2002 f'Belgrad u li jiffunzjona taħt il-mandat konġunt tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) u l-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (suċċessur għall-Patt ta' Stabbiltà għax-Xlokk tal-Ewropa) jassisti lill-partijiet interessati nazzjonali u reġjonali fil-kontroll u t-tnaqqis tal-firxa u l-użu ħażin ta' SALW u munizzjon, u b'hekk jikkontribwixxi għal stabbiltà, sigurtà u żvilupp msaħħa fix-Xlokk u fil-Lvant tal-Ewropa. SEESAC jagħmel enfasi partikolari fuq l-iżvilupp ta’ proġetti reġjonali biex tiġi indirizzata r-realtà tal-flussi transkonfinali tal-armi.

(5)

L-Unjoni preċedentement appoġġat lil SEESAC permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/842/PESK, estiża u emendata bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2003/807/PESK (1) u 2004/791/PESK (2). Aktar reċentement, l-Unjoni appoġġat l-attivitajiet ta' SEESAC ta' kontroll tal-armi permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK (3).

(6)

L-UE tixtieq tiffinanzja Proġett ulterjuri ta' SEESAC dwar it-Tnaqqis tat-Theddida tat-Tixrid u t-Traffikar Illeċiti tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir (SALW) u l-Munizzjon tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa, biex tkompli l-kontribut tagħha fit-tnaqqis tar-riskju tal-kummerċ illeċitu tagħhom sabiex tikseb l-għanijiet imsemmija hawn fuq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir u l-munizzjon tagħhom u l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, l-attivitajiet tal-proġett dwar it-Tnaqqis tat-Theddida tat-Tixrid u t-Traffikar Illeċiti tas-SALW u l-Munizzjon tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa li għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni għandu jkollhom l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

li tiżdied is-sigurtà ta' ħażniet ta' SALW u l-munizzjon tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa,

li jitnaqqsu l-ħażniet disponibbli ta' SALW u l-munizzjon tagħhom permezz ta' attivitajiet tal-qerda fix-Xlokk tal-Ewropa,

li jkun hemm titjib fl-identifikazzjoni u t-traċċar permezz tal-għoti ta' appoġġ għall-istabbiliment jew it-titjib tas-sistemi elettroniċi għar-reġistrazzjoni u ż-żamma ta’ rekords tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa,

li jissaħħu l-kontrolli fuq is-SALW u l-munizzjon tagħhom permezz tat-trawwim u l-iffaċilitar tal-kondiviżjoni tal-għarfien, l-iskambju tal-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni permezz ta' kooperazzjoni reġjonali eqreb fix-Xlokk tal-Ewropa,

li jingħata appoġġ għall-ġbir ta' SALW, tagħmir splussiv, artillerija u munizzjon assoċjat illegali miżmuma mill-popolazzjoni tal-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa.

L-Unjoni għandha tiffinanzja l-proġett, li tiegħu tidher deskrizzjoni dettaljata fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“RGħ”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq minn SEESAC.

3.   SEESAC għandu jwettaq il-kompitu tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan l-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-UNDP, li jaġixxi f'isem SEESAC.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni li jissemma fl-Artikolu 1 għandu jkun ta' EUR 5 127 650. Il-baġit totali stmat għall-programm kollu għandu jkun ta’ EUR 14 335 403. Il-programm għandu jkun ikkofinanzjat mill-Unjoni, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju tan-Norveġja u l-benefiċjarju.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont ta' referenza li jinsab fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni adatta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hi għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-UNDP, li jaġixxi f’isem SEESAC. Il-ftehim għandu jistipula li SEESAC għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribut tal-UE, xierqa skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun malajr wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari kull tliet xhur imħejjija minn SEESAC. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jiġi konkluż l-ebda ftehim f'dak il-perijodu.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

A. PABEDINSKIENĖ


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/807/PESK tas-17 ta' Novembru 2003 li testendi u temenda d-Deċiżjoni 2002/842/PESK li tikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK sabiex l-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u l-firxa ta' armamenti żgħar fix-Xlokk ta' l-Ewropa (ĠU L 302, 20.11.2003, p. 39).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/791/PESK tat- 22 ta' Novembru 2004 li testendi u temenda d-Deċiżjoni 2002/842/PESK li timplimenta l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK bil-ħsieb ta' kontribut tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabbilizzanti ta' armi żgħar u armamenti ħfief fl-Ewropa tax-Xlokk (ĠU L 348, 24.11.2004, p. 46).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK tal-11 ta’ Marzu 2010 b’appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC fil-kontroll ta’ armi fil-Balkani tal-Punent, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u tal-munizzjon tagħhom (ĠU L 80, 26.3.2010, p. 48).


ANNESS

Il-kontribut tal-Unjoni Ewropea għall-Proġett ta' SEESAC dwar it-Tnaqqis tat-Theddida tat-Tixrid u t-Traffikar Illeċiti ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SALW) u l-Munizzjon tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa

1.   Introduzzjoni u objettivi

L-istorja tal-akkumulazzjoni fuq skala kbira ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir u l-ħażniet ta' munizzjon fix-Xlokk tal-Ewropa (SEE), għadd insuffiċjenti ta' postijiet siguri ta' ħażniet u n-nuqqas persistenti ta' kapaċitajiet suffiċjenti biex dawn ikunu kompletament siguri qanqal tħassib partikolari lill-pajjiżi fir-reġjun kif ukoll sfida importanti fl-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon tagħhom. Għalhekk, il-kontinwazzjoni tal-appoġġ preċedenti tal-Unjoni għall-ġlieda kontra t-theddida kkawżata mit-tixrid u t-traffikar illeċitu fis-SALW fi u mix-Xlokk tal-Ewropa jifforma parti essenzjali fl-isforzi tagħha biex tikseb l-għanijiet tal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW.

L-objettiv globali tal-proġett huwa li jippromwovi l-paċi u s-sigurtà internazzjonali permezz tal-appoġġ kontinwu għall-isforzi biex titnaqqas it-theddida kkawżata mill-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti fuq firxa wiesgħa ta' SALW u l-munizzjon tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa. B'mod speċifiku, il-proġett ser inaqqas id-disponibbiltà ta’ SALW żejda u l-munizzjon tagħhom, itejjeb is-sigurtà faċilitajiet ta' ħażniet; itejjeb it-traċċar tal-armi permezz ta' reġistrazzjoni u mmarkar imtejjeb, kif ukoll iżid it-trasferimenti tal-informazzjoni u tal-għarfien u s-sensibilizzazzjoni dwar it-theddida kkawżata mis-SALW. Barra minn hekk, il-programm ser jikkontribwixxi għall-istabbilità fix-Xlokk tal-Ewropa permezz tal-qafas tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR).

Waqt li jibni fuq l-implimentazzjoni b'suċċess tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK b'mod partikolari, u f'konformità tal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, dan il-proġett ta' segwitu għalhekk għandu l-għan li jsaħħaħ aktar is-sistemi nazzjonali tal-kontroll u li jkompli jrawwem il-multilateraliżmu, li jsawwar mekkaniżmi reġjonali kontra l-forniment u t-tixrid destabbilizzanti tas-SALW u tal-munizzjon tagħhom. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata dimensjoni reġjonali aktar komprensiva, dan il-proġett ta' segwitu ser jinkludi wkoll ir-Repubblika tal-Moldova u l-Kosovo (*) fil-proċessi reġjonali tal-kontroll tas-SALW sabiex jiżgura approċċ verament olistiku u reġjonali b'impatt fit-tul u sostenibbli.

2.   Għażla tal-aġenzija ta' implimentazzjoni u koordinazzjoni ma' inizjattivi ta' finanzjament oħra rilevanti

SEESAC huwa inizjattiva konġunta tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR; suċċessur tal-Patt ta' Stabbiltà għax-Xlokk tal-Ewropa), u għalhekk huwa l-punt fokali għall-attivitajiet relatati mas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa. Bħala l-fergħa eżekuttiva tal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali tax-Xlokk tal-Ewropa dwar il-Ġlieda Kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi Żgħar u Ħfief (SALW), SEESAC ilu jaħdem għal aktar minn 11-il sena mal-partijiet interessati nazzjonali fix-Xlokk tal-Ewropa dwar l-implimentazzjoni ta' approċċ olisitiku għall-kontroll tas-SALW permezz tat-twettiq ta' spettru wiesa' ta' attivitajiet inklużi: kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ġbir tas-SALW, ġestjoni tal-kumulu ta’ ħażniet; tnaqqis ta' ħażniet żejda, titjib tal-kapaċitajiet ta' immarkar u traċċar, kif ukoll kontroll imtejjeb tal-esportazzjoni tal-armi. B'dan il-mod, SEESAC kiseb kapaċità u esperjenza unika fl-implimentazzjoni ta' interventi reġjonali ta' diversi partijiet interessati fl-isfond politiku u ekonomiku kondiviż tal-pajjiżi fir-reġjun, waqt li jiżgura sjieda nazzjonali u reġjonali u sostenibbiltà fit-tul tal-azzjonijiet tiegħu u jistabbilixxi lilu nnifisu bħala l-awtorità reġjonali primarja fil-qasam tal-kontroll tas-SALW.

SEESAC għandu kanali miftuħa ta' komunikazzjoni bilaterali u multilaterali mal-atturi u l-organizzazzjonijiet rilevanti kollha. SEESAC huwa wkoll is-Segretarjat tal-Grupp Reġjonali ta' Tmexxija tax-Xlokk tal-Ewropa għall-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir (RSG). Barra minn hekk, SEESAC huwa membru u President preċedenti tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Inizjattiva għall-Approċċ Reġjonali għat-Tnaqqis ta' ħażniet (RASR). SEESAC huwa regolarment mistieden jieħu sehem fil-fora reġjonali rilevanti kollha bħal-laqgħat annwali tal-ministri tal-ġustizzja u tal-affarijiet barranin bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent; il-Proċess Strutturali ta' Skambju ta' Informazzjoni dwar is-SALW tan-NATO, il-Proċess Ministerjali ta' Difiża tax-Xlokk tal-Ewropa (SEDM). Huwa għandu netwerk wiesa' ta' sħubijiet formali u informali ma' organizzazzjonijiet bħal RACVIAC (iċ-Ċentru Reġjonali ta' Assistenza għall-Implimentazzjoni u l-Verifika tal-Kontroll tal-Armi) – iċ-Ċentru għall-Kooperazzjoni fis-Sigurtà, il-Forum tal-OSKE għall-Kooperazzjoni fis-Sigurtà (FSC). Laqgħat regolari ta' koordinazzjoni ma' aġenziji oħra tan-NU bħall-UNODC u l-UNODA jseħħu permezz tal-Azzjoni ta' Koordinazzjoni tan-NU dwar Armi Ħfief (CASA) kif ukoll mekkaniżmi oħra. SEESAC b'hekk żviluppa f'ċentru reġjonali għal spettru wiesa' ta' kwistjonijiet relatati mar-riforma tas-settur tas-sigurtà, b'attenzjoni partikolari fuq il-kontroll tas-SALW u l-ġestjoni tal-kumulu ta’ ħażniet. Ibbażat f'Belgrad, SEESAC fil-preżent jopera fix-Xlokk tal-Ewropa kollu, b'attivitajiet fl-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM). Is-sjieda reġjonali hija żgurata permezz tal-KKR kif ukoll il-Grupp Reġjonali ta' Tmexxija dwar is-SALW, fejn ir-rappreżentanti tal-istati kollha fis-SEE jipprovdu l-gwida strateġika, l-inizjattivi u t-talbiet għall-attivitajiet ta' SEESAC.

L-ittrattar ta' problemi kondiviżi permezz ta' inizjattivi reġjonali ta' prova li huwa ta' benefiċċju fix-Xlokk tal-Ewropa mhux biss minħabba l-kondiviżjoni kruċjali tal-informazzjoni u l-promozzjoni ta' kompetizzjoni reġjonali b'saħħitha li jqanqal, iżda wkoll għax jgħin biex jinkisbu riżultati konsistenti u li faċli jitkejlu permezz ta' implimentazzjoni olisitika. Il-parteċipazzjoni minn SEESAC fil-proċessi u l-inizjattivi reġjonali rilevanti kollha (bħal SEDM, RASR u RACVIAC) tipprovdi skambju ta' informazzjoni f'waqtu u espliċitu, għarfien tas-sitwazzjoni b'saħħtu u t-tbassir meħtieġ biex tiġi żgurata implimentazzjoni mhux suxxettibbli li tirkeb fuq u f'konformità mal-ħtiġijiet attwali tal-Gvernijiet u r-reġjuni, kif ukoll ix-xejriet ta' żvilupp.

SEESAC jibbaża l-attivitajiet kollha tagħha fuq data bażika miġbura, jassigura l-approvazzjoni u l-appoġġ politiku minn partijiet interessati nazzjonali bħala prekondizzjoni għall-azzjoni. Hu implimenta l-proġetti preċedenti tiegħu ffinanzjati mill-UE b'rata għolja ħafna ta' rendiment tal-attivitajiet previsti, billi kiseb riżultati sostenibbli għall-proġett billi żviluppa u rawwem sjieda nazzjonali tal-proġetti u l-attivitajiet tiegħu, promwova koordinazzjoni reġjonali, esperjenza u l-aħjar prassi ta' kondiviżjoni kif ukoll riċerka reġjonali. L-għarfien espert tiegħu dwar is-SALW u l-għarfien profond tal-affarijiet reġjonali u l-partijiet interessati rilevanti tagħmlu l-aktar sieħeb ta' implimentazzjoni addatt f'din l-azzjoni partikolari.

Il-proġett jikkomplementa wkoll inizjattiva parallela ta' SEESAC dwar il-kontroll tat-trasferiment tal-armi li tfittex li żżid il-kapaċità tal-kontroll tal-kummerċ tal-armi permezz ta' trasparenza u kooperazzjoni reġjonali mtejba (1). Barra minn hekk, fir-rigward, b'mod partikolari, tal-Bosnja-Ħerzegovina, il-proġett huwa komplementari għal żewġ proġetti oħra, speċifikament:

il-proġett EXPLODE, iffinanzjat mill-komponent fuq perijodu qasir tal-Istrument tal-UE għall-Istabbiltà u implimentat mill-Uffiċċju tal-UNDP f'Sarajevo fi sħubija mal-Missjoni tal-OSKE għall-Bosnja-Ħerzegovina, biex tissaħħaħ is-sikurezza tan-nies tal-Bosnja-Ħerzegovina billi jitnaqqsu l-ħażniet ta' munizzjon instabbli u tissaħħaħ is-sikurezza tal-ħażniet,

il-proġett SECUP Bosnja-Ħerzegovina għal titjib fis-siġurtà tas-siti ta' ħażniet tal-munizzjon u l-armi, li huwa implimentat konġuntement mill-Missjoni tal-OSKE għall-Bosnja-Ħerzegovina u l-Ministeru tad-Difiża tal-Bosnja-Ħerzegovina, filwaqt li l-EUFOR jipprovdu pariri esperti tekniċi u monitoraġġ tal-aspetti ta' sikurezza u sigurtà tal-implimentazzjoni tal-proġett, SEESSAC ser iżomm kuntatt regolari mal-EUFOR Althea, il-Missjoni tal-OSKE għall-Bosnja-Ħerzegovina u l-Uffiċċju tal-UNDP f'Sarajevo biex jiżgura koordinazzjoni u komplementarjetà kontinwi ma' dawk il-proġetti kif ukoll mal-isforzi li għaddejjin tal-komunità internazzjonali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar ħażniet żejda ta' munizzjon konvenzjonali miżmuma mill-Ministeru tad-Difiża tal-Bosnja-Ħerzegovina u fid-dawl ta' kwalunkwe possibbiltà ta' pjanijiet futuri għal kampanja biex jinġabru armi konvenzjonali illegali fil-Bosnja-Ħerzegovina.

Fir-rigward ta' pajjiżi oħra koperti mill-proġett, SEESAC ser jaħdem f'koordinazzjoni mal-isforzi internazzjonali ta' assistenza li ġejjin:

Fil-Montenegro, il-proġett MONDEM, amministrat mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti fi sħubija mal-OSKE huwa mfassal biex jaħdem dwar it-tnaqqis tar-riskji tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni permezz tal-iżvilupp ta' infrastruttura għall-ħażna tal-munizzjon konvenzjonali u sistemi ta' ġestjoni siguri u mingħajr periklu, it-tnaqqis tar-riskju ta' splussivi għall-komunitajiet permezz tad-demilitarizzazzjoni favur l-ambjent, il-qerda ta' skart tossiku perikoluż (propellant likwidu tar-rokit) u appoġġ għar-riforma ta' difiża permezz tal-qerda ta' kwantità limitata ta' sistemi ta' armi tqal imfassla mill-Minsiteru tad-Difiża għall-Montenegro.

Fil-Kosovo (*), il-Proġett KOSSAC, inizjalment imfassal biex inaqqas il-vjolenza tal-armi fil-Kosovo u jżid is-sigurtà tal-komunità, il-KOSSAC, matul is-snin, evolva fi proġett komprensiv ta' prevenzjoni mill-vjolenza bl-armi b'attenzjoni partikolari fuq is-settur ta' riforma tas-sigurtà u l-iżvilupp tal-kapaċità.

Fis-Serbja, il-proġett CASM, iffinanzjat mill-Programm tal-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, huwa mfassal biex itejjeb is-sikurezza u s-sigurtà ta' siti predefiniti għall-ħażniet ta' munizzjon konvenzjonali u r-rimi ta' munizzjon żejjed irrapportat.

SEESAC iżomm ukoll kuntatt regolari mal-OSKE, in-NATO u man-Norwegian Peoples Aid kif ukoll ma' atturi oħra rilevanti sabiex jiżgura l-komplementaritajiet tal-azzjoni, l-iskedi taż-żmien tal-interventi u l-kosteffettività fl-użu tar-riżorsi.

3.   Deskrizzjoni tal-Proġett

L-implimentazzjoni tal-proġett ser tirriżulta f'aktar sigurtà u stabbiltà fix-Xlokk tal-Ewropa u lil hinn permezz tal-ġlieda kontra l-firxa u t-traffikar illeċitu tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. Il-proġett ser jagħti kontribut dirett għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Sigurtà, l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, il-Programm tan-NU ta’ Azzjoni, l-Istrument Internazzjonali ta’ Traċċar u l-Protokoll tan-NU ta’ Armi tan-Nar u ser itejjeb b'mod speċifiku l-kooperazzjoni reġjonali fil-ġlieda kontra t-theddida kkawżata mill-firxa tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. B'mod partikolari, il-proġett ser jirrizulta fi:

Sigurtà u ġestjoni tal-kumulu ta’ ħażniet tas-SALW imtejba permezz tat-tisħiħ tas-siti ta' ħażniet;

Tnaqqis ta' ħażniet żejda u konfiskati tas-SALW u l-munizzjon tagħhom permezz tal-qerda;

Kapaċitajiet imtejba għall-immarkar, it-traċċar u ż-żamma ta’ rekords tas-SALW;

Kooperazzjoni reġjonali u kondiviżjoni tal-informazzjoni imsaħħa;

Għadd imnaqqas ta' armi illeċiti miżmuma mill-popolazzjoni permezz tal-implimentazzjoni tal-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ġbir tal-armi.

L-ambitu ġeografiku tal-proġett huwa x-Xlokk tal-Ewropa, fejn il-benfiċċjarji diretti tal-proġett huma l-Albanija, l-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kosovo (*), ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja u l-FYROM.

3.1.   Żieda fis-Sigurtà tal-Kumulu ta’ Ħażniet permezz ta' Titjib fl-Infrastruttura u l-Iżvilupp tal-Kapaċità

Objettiv

Din l-attività ser tnaqqas it-theddida tal-firxa u t-traffikar illeċitu tas-SALW u l-munizzjon tagħhom permezz ta' titjib fid-dispożizzjonijiet ta' sigurtà u fil-ġestjoni tal-kumulu ta' ħażniet ta' armi konvenzjonali u l-ħażniet ta' munizzjon fil-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kosovo (*), ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja u FYROM.

Deskrizzjoni

L-implimentazzjoni b'suċċess tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK b'approċċ fuq żewġ binarji għal (1) titjib fis-sigurtà tas-siti ta' ħażniet fi tliet pajjiżi (2) u (2) bini ta' kapaċità tal-persunal inkarigat mill-ġestjoni tal-kumulu ta' ħażniet (3), b'mod sinifikanti żied id-dispożizzjonijiet ta' sigurtà u naqqas ir-riskju tal proliferazzjoni mhux mixtieqa tal-kumulu ta' ħażniet tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. Filwaqt li tkompli tibni fuq dawn il-kisbiet, it-tieni fażi tal-proġett ser tkompli ttejjeb is-sigurtà ta' ħażniet tal-armi u l-munizzjon fix-Xlokk tal-Ewropa billi tipprovdi assistenza teknika u infrastrutturali speċifika ulterjuri f'konformità mal-aħjar prassi u standards internazzjonali. L-attivitajiet tal-proġett ser jagħtu appoġġ lill-Ministeri tad-Difiża fil-Bosnja-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro u FYROM kif ukoll lill-Ministeri tal-Intern għar-Repubblika ta-Serbja, FYROM u l-Kosovo (*) permezz tal-akkwist u l-installazzjoni tat-tagħmir meħtieġ biex jiġi żgurat il-kumulu ta’ ħażniet tal-armi u l-munizzjon. Barra minn hekk, fejn meħtieġ, ser jingħata taħriġ lill-persunal responsabbli għall-ġestjoni tal-kumulu ta’ ħażniet. Is-siti li fihom ser tiġi mtejba s-sigurtà ser jintgħażlu abbażi ta' valutazzjoni tal-prijoritajiet kif ukoll tar-riskji għas-sigurtà li jikkawżaw.

B'mod speċifiku, il-proġett jipprevedi l-attivitajiet li ġejjin:

Bosnja-Ħerzegovina: titjib tas-sigurtà fis-siti ta' ħażniet tal-munizzjon u l-armi konvenzjonali tal-Ministeru tad-Difiża inkluż permezz tat-tqegħid u/jew ir-rinnovazzjoni taċ-ċint u d-dwal tal-perimetri, sistemi ta' kxif ta' intrużi, kameras ta' sigurtà close circuit (CCTV) u tagħmir tat-telekomunikazzjoni, li jikkomplementaw il-ħidma dwar is-sigurtà fuq il-kumuli ta' ħażniet magħmula mill-UNDP u l-OSKE.

Kosovo (*): titjib tal-kapaċitajiet tal-ġestjoni tal-kumulu ta' ħażniet tad-Dipartiment tal-Pulizija permezz ta' taħriġ u valutar tas-sitwazzjoni attwali. Rinnovazzjoni ta' maħżen lokali żgħir tas-SALW u l-munizzjon.

FYROM: titjib tas-sigurtà ta' sit ċentrali ta' ħażniet tal-Ministeru tal-Intern (Orman) permezz tal-akkwist ta' tagħmir tas-sigurtà u l-implimentazzjoni ta' titjib fl-infrastruttura inkluż ir-rinnovazzjoni taċ-ċint mal-perimetru; tagħmir tas-CCTV u dwal; u bibien tas-sigurtà ġodda għall-binjiet ta' ħażniet. Titjib tas-sigurtà tas-sit ċentrali ta’ ħażniet tal-Forzi Armati ta' FYROM permezz tal-akkwist u l-installazzjoni ta' sorveljanza bil-video u titjib tas-sigurtà tal-perimetri u l-bini billi jiġu msewwija ċ-ċnut, jitwaħħlu kanċelli tad-dħul ġodda, u ssir rinnovazzjoni tal-bibien ta' sigurtà tal-maħżen.

Ir-Repubblika tal-Moldova: Titjib tas-sigurtà fid-Depożitu Ċentrali tal-Armi u l-Munizzjon (CAMD) tal-Ministeru tal-Affarijiet Interni, inkluż it-tqegħid ta' ċnut tas-sigurtà, sistemi ta' kontroll tad-dħul u akkwist ta' reġistru elettroniku tal-armi.

Montenegro: titjib fiżiku għas-sit tal-munizzjon ta' Brezovik inkluż t-titjib ġenerali għas-sigurtà tal-infrastruttura ta' ħażniet. Żvilupp ta' reġistru ċentrali ta' armi u munizzjon maħżuna.

Serbja: titjib tas-sigurtà fis-sit ewlieni ta' ħażniet tas-SALW tal-Ministeru tal-Intern, inklużi s-sorveljanza bil-video u l-kontroll tal-aċċess.

Taħriġ Reġjonali dwar il-Ġestjoni tal-Kumulu ta’ Ħażniet: għandu jiġi implimentat kemm fil-livell reġjonali (annwalment) kif ukoll fil-livell nazzjonali (meta meħtieġ).

Riżultati tal-proġett u indikaturi tal-implimentazzjoni:

Il-proġett ser jirriżulta f'sigurtà mtejba fix-Xlokk tal-Ewropa permezz tat-tnaqqis tar-riskju tal-kummerċ illeċitu permezz ta':

Żieda fis-sigurtà tas-siti ta' ħażniet tas-SALW fil-BiH (4), il-Kosovo (*) (1), ir-Repubblika tal-Moldova (2), il-Montenegro (1), is-Serbja (1) u FYROM (2) permezz ta' titjib fl-infrastruttura orjentat lejn is-sigurtà, li jista' jitkejjel.

Żieda fil-kapaċità tal-persunal li jħares l-kumulu ta' ħażniet billi jiġu mħarrġa tal-anqas 60 membru tal-persunal mill-pajjiżi benefiċjarji fi tliet sessjonijiet ta' ħidma u jingħata taħriġ immirat f'livell nazzjonali

3.2.   It-tnaqqis tal-kumulu ta’ ħażniet permezz tal-qerda tas-SALW u l-munizzjon

Objettiv

Iż-żieda u t-tnaqqis tar-riskju tal-proliferazzjoni billi jitnaqqas b'mod sinifikanti l-għadd ta' armi u munizzjon konvenzjonali żejda fil-ħażniet.

Deskrizzjoni

Waqt li jibni fuq l-implimentazzjoni b'suċċess tal-fażi preċendenti, li ħadet ħsieb il-qerda ta' total ta' 78,366 arma (45,275 fis-Serbja u 33,091 fil-Kroazja), u biex ikompli jnaqqas is-SALW żejjed miżmum mill-istituzzjonijiet statali u mill-persuni ċivili u b'hekk inaqqas ir-riskju tad-devjazzjoni jew il-kummerċ illeċitu f'dawn l-armi, il-proġett ser jarmi sa massimu ta' 165,000 SALW billi jwettaq diversi attivitajiet tal-qerda fi:

l-Albanija (sa massimu ta' 120,000 biċċa)

il-Bosnia-Herzegovina (sa massimu ta' 4,500 biċċa)

il-Kosovo (*) (sa massimu ta' 2,500 biċċa)

FYROM (sa massimu ta' 1,500 biċċa)

ir-Repubblika tal-Moldova (sa massimu ta' 2,500 biċċa)

il-Montenegro (sa massimu ta' 4,000 biċċa)

is-Serbja (sa massimu ta' 30,000 biċċa)

Fl-Albanija, id-dħul miksub mir-rimi tal-munizzjon żejjed imwettaq mill-Ministeru tad-Difiża jeħtieġ li jiġi mqabbel mal-qerda tas-SALW partikolarment billi jiġi kkunsidrat il-qies tal-kumulu ta' ħażniet żejda u l-isfida biex dawn jinżammu siguri. Fis-Serbja, jeħtieġ li t-titjib miksub permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK jiġi raffurzat b'aktar tneħħija ta' armi żejda u konfiskati, filwaqt li huwa essenzjali li jibdew azzjonijiet simili f'pajjiżi oħra sabiex jitnaqqas b'mod sinifikanti r-riskju tal-firxa u t-traffikar illeċitu ta' armi żejda. Barra minn hekk, il-proġett ser iwettaq il-qerda ta' splussivi konfiskati u munizzjon tas-SALW żejda miżmuma mill-Ministeri tal-Intern kif ukoll mill-Ministeri tad-Difiża.

Riżultati/indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett:

Il-proġett ser jirriżulta fi tnaqqis sinifikanti ta' vulnerabbiltajiet tal-proliferazzjoni tas-SALW permezz tat-tnaqqis tal-għadd ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir, splussivi u munizzjon żejda u kkonfiskati miżmuma fil-ħażniet tal-Albanija, il-Bosnia-Herzegovina, il-Kosovo (*), ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja, u FYROM:

għadd totali sa massimu ta' 165,000 biċċa ta' armi konvenzjonali meqruda;

għadd totali sa massimu ta' 12,442 biċċa ta' munizzjon u splussivi fir-riskju tal-proliferazzjoni demilitarizzati jew meqruda.

3.3.   Titjib fl-Immarkar, it-Traċċar u r-Reġistrazzjoni tas-SALW

Objettiv

It-titjib tal-kapaċitajiet tal-immarkar u t-traċċar permezz tad-dispożizzjoni ta' appoġġ għall-istabbiliment jew it-titjib tas-sistemi eżistenti ta' reġistrazzjoni tal-armi elettroniċi u żamma ta' rekords fix-Xlokk tal-Ewropa.

Deskrizzjoni

Din il-parti tal-proġett tappoġġa t-tisħiħ tal-istat tad-dritt effettiv, li jillimita, jirreġistra u jkejjel il-kwantitajiet ta' SALW u d-domanda għalihom. Il-proġett huwa mfassal f'konformità ma' u għalhekk ser itejjeb l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU, l-Istrument internazzjonali ta' Traċċar, il-Protokoll tan-NU ta’ Armi tan-Nar u d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE kif ukoll il-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK permezz tat-titjib tal-kapaċità tal-istati tax-Xlokk tal-Ewropa għall-immarkar, it-traċċar u ż-żamma ta' rekords tal-armi, b'attenzjoni partikolari fuq il-kapaċitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali fiż-żamma ta' rekords tal-armi legali fil-pussess tal-persuni ċivili billi jappoġġa t-titjib u d-diġitalizzazzjoni ta' tali sistemi. Fl-istess waqt, il-kapaċità ser tittejjeb għall-immarkar, it-traċċar u l-analiżi ballistika tal-armi.

Il-proġett ser jagħti attenzjoni biex tiġi żgurata l-koerenza u l-komplementarjetà tal-attivitajiet tan-NU u tal-UE, taħt programmi nazzjonali, reġjonali u tematiċi u l-attivitajiet kollha taħt dan l-objettiv ser isegwu livell għoli ta' sinerġija u komplementarjetà mal-inizjattivi f'dan il-qasam tal-Interpol (iARMS) u l-EUROPOL.

Il-proġett ser jappoġġa t-titjib tal-kapaċitajiet għall-immarkar, it-traċċar u ż-żamma ta' rekords tas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa permezz ta' taħlita ta' taħriġ u assistenza fil-livell tekniku, rinfurzati minn analiżi normativa u istituzzjonali:

Albanija: ser jipprovdi appoġġ għall-Pulizija tal-Istat Albaniż fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' reġistru ċentrali tal-armi elettroniċi billi jiżviluppa sistema, jakkwista u jinstalla l-hardware meħtieġ kif ukoll jipprovdi taħriġ għall-persunal.

Bosnia-Herzegovina: ser jappoġġa lill-Aġenzija Statali ta' Investigazzjoni u Protezzjoni (SIPA) fit-tkomplija tal-isforzi tagħha u r-riżultati fl-infurzar tan-nonproliferazzjoni tas-SALW permezz tat-titjib tal-kapaċitajiet tekniċi fl-investigazzjoni u l-infurzar tal-kontroll tas-SALW.

FYROM: ser jaħdem mal-awtoritajiet nazzjonali biex itejjeb aktar is-sistema eżistenti ta' reġistrazzjoni tal-armi billi jtejjeb is-software biex jinkludi l-armi fil-proprjetà tal-forzi tas-sigurtà u billi jħarreġ aktar lill-persunal biex iżomm rekords tal-armi tan-nar f'konformità mal-leġislazzjoni.

Kosovo (*): ser jaħdem mas-Servizz tal-Pulizija tal-Kosovo (*) biex jiġu żviluppati proċeduri operattivi standard u jingħata taħriġ mal-implimentazzjoni tagħhom. Fl-istess waqt ser ifittex li jidentifika l-istruttura tal-kummerċ illeċitu fis-SALW billi jaħdem mal-awtoritajiet rilevanti biex jiġu identifikati oqsma ta' riskju ewlenin.

Serbja: ser jappoġġa t-titjib tal-kapaċitajiet tekniċi, tal-laboratorju ballistiku tal-Ministeru tal-Intern, biex jiġu mmarkati u traċċati l-armi u l-munizzjon permezz tal-akkwist ta' tagħmir speċjalizzat u l-għoti ta' taħriġ.

Fil-livell reġjonali:

Il-proġett ser jappoġġa l-istabbiliment ta' netwerk ta' esperti tal-armi tan-nar reġjonali għax-Xlokk tal-Ewropa u ser jorganizza ta' sitt sessjonijiet ta' ħidma reġjonali sabiex iżid il-kondiviżjoni tal-għarfien;

In-Netwerk ser ikun appoġġat minn pjattaforma online biex jiffaċilita l-iskambju ta' għarfien u informazzjoni;

SEESAC ser iżomm kuntatt mill-qrib mal-Conflict Armament Research (CAR) biex jiffaċilita l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar l-armi illeċiti bejn SEESAC, in-Netwerk Reġjonali ta' Esperti dwar l-Armi tan-Nar u l-Proġett iTrace tal-CAR.

Ser jitwettaq studju ta' fattibbiltà li jidentifika l-possibiltajiet legali u tekniċi għal traċċar eqreb u aktar istituzzjonalizzat u kondiviżjoni ta' data ballistika.

Riżultati/indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett:

Introduzzjoni ta' reġistru ċentralizzat tal-armi elettroniċi fl-Albanija;

Kapaċitajiet tekniċi mtejba tal-Aġenzija Statali ta' Investigazzjoni u Protezzjoni fil-Bosnia-Herzegovina għat-traċċar u l-investigazzjoni tal-SALW u l-munizzjon;

Reġistru mtejjeb tal-armi elettroniċi fil-FYROM biex jinkludi l-armi fil-proprjetà tal-forzi tas-sigurtà; tal-inqas 25 membru tal-persunal imħarreġ f'dispożizzjonijiet ġodda;

Żvilupp ta' proċeduri operattivi standard dwar l-immarkar, it-traċċar u ż-żamma ta' rekords tas-SALW għall-Pulizija tal-Kosovo (*); tlestija tal-studju li jindika l-istruttura tal-kummerċ illeċitu;

Kapaċitajiet tekniċi tal-laboratorju ballistiku tal-Ministeru tal-Intern tas-Serbja għat-traċċar tal-armi u l-munizzjon imtejba;

Netwerk reġjonali ta' esperti tal-armi tan-nar stabbilit u funzjonali; twettiq ta' sitt sezzjonijiet ta' ħidma;

Pjattaforma online biex tiffaċilita l-iskambju ta' għarfien u informazzjoni tan-netwerk reġjonali tal-esperti tal-armi stabbilita;

Titjib fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn SEESAC, in-Netwerk Reġjonali ta' Esperti dwar l-Armi tan-Nar u l-Proġett iTrace.

Studju ta' fattibbiltà dwar ir-rabta ta' sistemi ta' reġistrazzjoni komplut.

3.4.   Kooperazzjoni Reġjonali dwar is-Sensibilizzazzjoni, il-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni u t-Trasferiment tal-Għarfien

Objettiv

Biex tittejjeb aktar il-kapaċità tal-glieda kontra t-theddida kkawżata mis-SALW u l-munizzjon tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa billi tiġi mrawma u ffaċilitata l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, l-iskambju tal-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni permezz ta' kooperazzjoni reġjonali eqreb.

Deskrizzjoni

Il-proġett ser iżid il-kapaċità tal-Kummissjonijiet Nazzjonali tas-SALW u l-istituzzjonijiet rilevanti impenjati fil-kontroll tal-armi billi jipprovdu assistenza teknika u żvilupp tal-kapaċità filwaqt li fl-istess ħin jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni. Il-proġett ser jaħdem mill-qrib mal-istituzzjonijiet biex jidentifika l-ħtiġijiet tagħhom u jiżviluppa l-għodod ta' appoġġ meħtieġa biex ikunu jistgħu jkomplu jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom biex jikkontrollaw l-armi konvenzjonali u l-munizzjon tagħhom. Fl-istess waqt, il-proġett ser jistabbilixxi u jiffaċilita proċess reġjonali ta' skambju ta' informazzjoni li jlaqqa' flimkien rappreżentanti ta' Kummissjonijiet Nazzjonali tas-SALW u istituzzjonijiet impenjati fil-kontroll tal-armi sabiex tiżdied l-kooperazzjoni reġjonali u l-kondiviżjoni tal-għarfien. Il-proċess reġjonali ta' skambju ta' informazzjoni ser jikkonsisti fi:

Laqgħat formali reġjonali tal-Kummissjonijiet Nazzjonali tas-SALW darbtejn fis-sena;

Ġbir ifformalizzat tal-lezzjonijiet miksuba dwar il-kontroll tas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa;

Żvilupp tal-kompendju tal-leġislazzjoni Nazzjonali tax-Xlokk tal-Ewropa dwar is-SLAW; noti ta' informazzjoni u prodotti oħra ta' għarfien meħtieġa għall-implementazzjoni effettiva ta' kontroll tas-SALW;

Żvilupp ta' studju reġjonali dwar l-impatt tas-SALW fuq vjolenza domestika u sessista;

Żvilupp ta' pjattaforma online għall-kondiviżjoni tal-għarfien u portal web li jippermetti kondiviżjoni regolari tal-għarfien u l-esperjenza dwar proġetti, attivitajiet, u interventi ta' kontroll tas-SALW;

Faċilitazzjoni ta' skambju ta' informazzjoni bilaterali permezz tal-organizzazzjoni ta' żjarat ta' studju u skambji ta' esperti.

Il-ġbir formalizzat tal-lezzjonijiet miksuba u l-ħolqien ta' bażi ta' għarfien ser ikomplu jtejbu l-kapaċità tal-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa biex ifasslu, jifformaw kunċetti u jimplimentaw attivitajiet ta' kontroll tas-SALW waqt li fl-istess ħin jagħmluhom esportaturi tal-għarfien għal reġjuni oħra. L-esperjenza konsiderevoli fix-Xlokk tal-Ewropa miġbura b’dan il-mod ser tkun ukoll ta' użu f'partijiet oħra tad-dinja.

Riżultati/indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett:

Żieda fil-kooperazzjoni reġjonali fil-ġlieda kontra t-theddida kkawżata mill-akkumulazzjoni mifruxa u t-traffikar illeċitu fis-SALW u l-munizzjon tagħhom:

Sa mhux aktar minn sitt laqgħat formali organizzati dwar Kummissjonijiet tas-SALW;

Kondiviżjoni ta' għarfien u skambju ta' informazzjoni bilaterali ffaċilitati;

Żvilupp ta' Strateġiji Nazzjonali dwar is-SALW fejn applikabbli;

Twettiq ta' taħriġ fil-livell nazzjonali u bini ta' kapaċità bbażat fuq il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet;

Żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar l-impatt tas-SALW fuq vjolenza domestika u bbażata fuq is-sess permezz tal-iżvilupp u l-promozzjoni ta' studju reġjonali.

Żieda fil-kapaċità ta' Kummissjonijiet Nazzjonali tas-SALW u istituzzjonijiet oħra impenjati fil-kontroll tal-armi permezz ta':

Pjattaforma għall-kondiviżjoni tal-għarfien stabbilita;

Kompendju tal-leġislazzjoni dwar il-kontroll tal-armi ppubblikat u ġabra ta' tagħlimiet miksuba dwar il-kontroll tas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa formalizzata;

Konsulenza teknika pprovduta.

3.5.   Kampanji ta' Ġbir u Sensibilizzazzjoni

Objettiv

Li tiżdied is-sigurtà u titnaqqas it-theddida ta' traffikar illeċitu tas-SALW u l-munizzjon tagħhom permezz ta':

Appoġġ għall-ġbir ta' armi illegali u mhux mixtieqa, tagħmir splussiv, artillerija u munizzjon assoċjat miżmuma mil-popolazzjoni tal-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa;

Assistenza fil-leġislazzjoni tal-armi fil-pussess ta' persuni ċivili permezz tar-reġistrazzjoni tagħhom;

Sensibilizzazzjoni dwar il-perikli kkawżati mill-pussess ta' armi illeċiti.

Deskrizzjoni

Matul l-ewwel fażi tal-proġett (Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK) fil-Kroazja twettqet kampanja ta' sena u nofs ta' ġbir u sensibilizzazzjoni li rriżultat fil-ġbir ta' 1,753 arma, 16,368 arma ta' frammentazzjoni illeċiti, 818,153 biċċa ta' munizzjon u 620 kilo ta' splussivi, u li rriżultat f'sensibilizzazzjoni ogħla pubblika. Fis-Serbja, kampanja innovattiva ta' sensibilizzazzjoni bl-użu ta' pjattaforma online għinet lil SEESAC tiġbor informazzjoni imprezzabbli dwar l-attitudnijiet prevalenti u dwar il-preżenza tas-SALW. Mgħammra bit-tagħlimiet miksuba minn dawk il-kampanji, it-tieni fażi tal-proġett ser tiffoka fuq tliet binarji reċiprokament rinforzati:

It-tfassil u l-implimentazzjoni ta' kampanji ta' ġbir li ser ikunu ibbażati fuq azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni immirati sabiex jixxerdu b’mod korrett id-dettalji tal-leġislazzjoni u r-rilaxx volontarju ta’ armi tan-nar illegali;

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni dwar il-perikli li jġib miegħu l-pussess ta' armi tan-nar, munizzjon u splussivi illeċiti;

L-użu ta' għodod innovattivi bħal crowdsourcing biex jiġi identifikat il-pussess illegali tal-armi tan-nar u s-sensibilizzazzjoni tal-popolazzjoni fir-rigward tat-theddida kkawżata minn armi illeċiti.

Riżultati/indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett:

Il-proġett ser itejjeb is-sigurtà fix-Xlokk tal-Ewropa billi jnaqqas il-pussess illeċitu tal-armi mill-popolazzjoni:

Tnaqqis fl-għadd ta' armi, artillerija, munizzjon u tagħmir splussiv fil-pussess tal-persuni ċivili;

Żieda fis-sensibilizzazzjoni permezz tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' kampanji f'tal-anqas sitt pajjiżi.

4.   Benefiċjarji

Il-benefiċjarji diretti tal-proġett ser ikunu l-istituzzjonijiet nazzjonali responsabbli mill-kontroll tas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa. Fir-rigward tal-ġestjoni tal-kumulu ta’ ħażniet, il-Ministeri tad-Difiża tal-Bosnia-Herzegovina, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, FYROM kif ukoll il-Ministeri tal-Intern tal-Kosovo (*), ir-Repubblika tal-Moldova, is-Serbja u FYROM ser jibbenefikaw mill-kapaċità tal-iżvilupp u infrastruttura mtejba fis-siti tal-ħażniet. Il-benefiċjarji diretti tal-isforzi għat-tnaqqis tal-kumulu ta' ħażniet ser ikunu l-Ministeri tal-Intern tal-Bosnia-Herzegovina, il-Kosovo (*), ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja u FYROM u l-Ministeri tad-Difiża fl-Albanija, il-Bosnia-Herzegovina, FYROM u r-Repubblika tal-Moldova. Il-benefiċjarji diretti tal-kapaċitajiet imtejba għall-immarkar, it-traċċar u ż-żamma ta' rekords tas-SALW ser ikunu l-Ministeri tal-Intern tal-Albanija, FYROM, il-Kosovo (*) u s-Serbja u l-Aġenzija Statali ta' Investigazzjoni u Protezzjoni fil-Bosnia-Herzegovina, filwaqt li l-Ministeri tal-Intern li jifdal ser igawdu mill-benefiċċji tan-netwerk reġjonali ta' esperti dwar l-armi tan-nar. Finalment, il-Kummissjonijiet Nazzjonali tas-SALW u istituzzjonijiet oħra responsabbli mill-kontroll ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir fix-Xlokk tal-Ewropa ser jibbenefikaw minn taħriġ u kondiviżjoni ta' informazzjoni kif ukoll kooperazzjoni reġjonali.

L-attivitajiet proposti huma f'konformità sħiħa mal-prijoritajiet nazzjonali dwar il-kontroll tas-SALW u ġew approvati mill-awtoritajiet nazzjonali dwar il-kontroll tas-SALW rilevanti, filwaqt li wrew ix-xiri sfurzat u l-impenn tagħhom fil-kisba tar-riżultati tal-proġett.

Il-popolazzjoni ġenerali tal-pajjiżi fix-Xlokk tal-Ewropa u fl-UE, fir-riskju tal-proliferazzjoni mifruxa tas-SALW, ser tibbenefika indirettament minn dan il-proġett mat-tnaqqis tar-riskju.

5.   Viżibbiltà tal-UE

SEESAC għandu jieħu l-miżuri kollha adatti biex jirreklama l-fatt li l-Azzjoni tkun ġiet iffinanzjata mill-Unjoni Ewropea. Tali miżuri ser jitwettqu f'konformità mal-Manwal tal-Kummissjoni għall-Komunikazzjonijiet u l-Viżibbiltà tal-Azzjonijiet Esterni tal-UE, stabbilit u ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea. Għaldaqstant, SEESAC ser tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-UE permezz ta' branding u pubbliċità adatti, li jenfasizzaw ir-rwol tal-Unjoni, jiżguraw it-trasparenza tal-azzjonijiet tagħha, u jwettqu sensibilizzazzjoni dwar ir-raġunijiet għad-Deċiżjoni kif ukoll l-appoġġ tal-Unjoni għad-Deċiżjoni u r-riżultati ta' dan l-appoġġ. Il-materjal prodott bil-proġett ser juri b'mod prominenti l-bandiera tal-Unjoni f'konformità mal-linji gwida tal-Unjoni għall-użu u r-riproduzzjoni preċiżi tal-bandiera.

Minħabba li l-attivitajiet ippjanati jvarjaw ħafna fl-ambitu u l-karattru, ser tintuża firxa ta' għodod promozzjonali, inklużi: il-mezzi ta' komunikazzjoni tradizzjonali, is-siti elettroniċi, il-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali, materjal informattiv u promozzjonali inklużi l-infografika, fuljetti, bullettini, stqarrijiet għall-istampa u oħrajn kif adattat. Pubblikazzjonijiet, avvenimenti pubbliċi, kampanji, tagħmir u xogħlijiet ta' kostruzzjoni akkwistati taħt il-proġett ser jiġu mmarkati kif xieraq. Biex jiġi amplifikat aktar l-impatt permezz tas-sensibilizzazzjoni ta' diversi gvernijiet nazzjonali u l-pubbliku, il-komunità internazzjonali, mezzi tal-komunikazzjoni lokali u internazzjonali, kull wieħed mill-gruppi fil-mira tal-proġett ser jiġi indirizzat permezz tal-lingwa adatta.

6.   Tul ta’ żmien

Abbażi tal-esperjenza tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK, u b'kont meħud tal-ambitu reġjonali tal-proġett, l-għadd ta' benefiċjarji, kif ukoll l-għadd u l-kumplessità tal-attivitajiet ippjanati, il-perijodu ta' żmien għall-implimentazzjoni huwa 36 xahar.

7.   Struttura ġenerali

SEESAC jingħata l-inkarigu tal-implimentazzjoni teknika ta' din l-Azzjoni, bl-inizjattiva reġjonali taħdem taħt il-mandat tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni Reġjonali, suċċessur għall-Patt ta' Stabbiltà għax-Xlokk tal-Ewropa. SEESAC huwa l-fergħa eżekuttiva tal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali tax-Xlokk tal-Ewropa dwar il-Ġlieda Kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi Żgħar u Ħfief (SALW) u għalhekk jaġixxi bħala l-punt fokali għall-kwistjonijiet kollha relatati mas-SALW fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa.

SEESAC ser ikollu r-responsabbiltà ġenerali għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett u l-kontabbiltà għall-implimentazzjoni tal-proġett. It-tul ta' żmien tal-proġett huwa previst għal 3 snin (36 xahar) u l-baġit totali stmat għall-proġett huwa EUR 14 335 403b'kofinanzjament żgurat min-Norveġja.

8.   Sħab

SEESAC ser jimplimenta l-Azzjoni direttament f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Ministri tad-Difiża tal-Albanija, il-Bosnia-Herzegovina, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, FYROM; mal-Ministeri tal-Intern tal-Albanija, il-Bosnia-Herzegovina, il-Kosovo (*), ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja, FYROM u l-Aġenzija Statali ta' Investigazzjoni u Protezzjoni fil-Bosnia-Herzegovina; kif ukoll il-Kummissjonijiet Nazzjonali tas-SALW fl-Albanija, il-Bosnia-Herzegovina, il-Kosovo (*), ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja u FYROM.

Din l-azzjoni hija parti minn Programm usa' tal-Kontroll tal-Armi fil-Balkani tal-Punent hu hija komplementata minn proġett dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni tal-armi, iffinanzjat mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju tan-Norveġja u l-Programm għall-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet għall-Ġestjoni tal-Kumulu ta’ Ħażniet ta' Munizzjon fir-Repubblika tas-Serbja (CASM). Il-baġit totali stmat tal-Programm huwa ta' EUR 14 335 403 li minnhom il-kontribuzzjoni tal-Unjoni tammonta sa EUR 5 127 650 li jkopri sa 35,77 % tal-baġit totali stmat. Il-kontribuzzjoni tan-Norveġja tammonta għal EUR 411,689 (NOK 3 140 000,00) skont ir-Rata tal-Kambju Operazzjonali tan-NU għall-Ġunju 2013) li tkopri 2,87 % tal-baġit totali tal-Programm. Il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarji tammonta għal 61,36 % tal-baġit totali tal-Programm.

9.   Rapportar

Ir-rapportar, kemm narattiv kif ukoll finanzjarju, għandu jkopri l-Azzjoni kollha deskritta fil-ftehim speċifiku għall-kontribut rilevanti u huwa mehmuż mal-baġit, irrispettivament minn jekk din l-Azzjoni hijiex kompletament iffinanzjata jew kofinanzjata mill-Kummissjoni.

Darba kull tliet xhur, rapporti narattivi ta' progress għandhom jiġu ppreżentati biex iżommu rekord u monitoraġġ tal-progress lejn it-twettiq tar-riżultati ewlenin.

10.   Baġit Stmat

L-ispiża totali stmata għall-proġett iffinanzjat mill-UE hija ta' EUR 5 127 650.


(*)  L-użu ta' dan l-isem hu mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni ta' Indipendenza tal-Kosovo.

(1)  Il-komponent tal-kontroll tat-trasferimenti tal-armi huwa ffinanzjat mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju tan-Norveġja u huwa implimentat minn SEESAC.

(2)  Fil-Kroazja, is-sigurtà taċ-Ċentru għall-Ħażniet tal-Armi tal-Ministeru tal-Intern “MURAT” ġie mtejjeb permezz tal-installazzjoni ta' sorveljanza bil-video; fil-Bosnja-Ħerzegovina ġew imwaħħla 41 bieb tas-sigurtà u s-sigurtà f'erba' siti ta' ħażniet tas-SALW u l-munizzjon tal-Ministeru tad-Difiża ġiet imsaħħa; is-sigurtà fid-depożitu tal-munizzjon tal-Ministeru tad-Difiża tal-Montenegro ‘TARAS’ ġiet imtejba għall-istandards tas-sigurtà nazzjonali.

(3)  Ġie żviluppat Kors dwar il-Ġestjoni tal-Kumulu ta' Ħażniet u b'kollox 58 uffiċjal fil-livell operazzjonali mill-Ministeri tad-Difiża, il-Forzi Armati u l-Ministeri tal-Intern tal-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, l-FYROM, il-Montenegro u s-Serbja ġew imħarrġa fil-ġestjoni tal-kumulu ta' ħażniet.