30.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/34


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/698/PESK

tal-25 ta’ Novembru 2013

b'appoġġ għal mekkaniżmu ta' globali rappurtar dwar armi ħfief u ta' kalibru żgħir illeċtiti u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni illeċiti biex jitnaqqas ir-riskju tal-kummerċ illeċitu tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 26(2) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-13 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew adotta Strateġija Ewropea ta' Sigurtà li tidentifika ħames sfidi ewlenin li l-Unjoni għandha tiffaċċja: it-terroriżmu, il-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva, il-konflitti reġjonali, il-falliment tal-Itat u l-kriminalità organizzata. Il-konsegwenzi tal-manifatturar, it-trasferiment u ċ-ċirkolazzjoni illeċiti ta' armi konvenzjonali, inklużi armi ħfief u ta' kalibru żgħir (minn hawn 'il quddiem imsejħa “SALW”), u l-akkumulazzjoni eċċessiva u t-tixrid mingħajr kontroll tagħhom huma ċentrali għal erbgħa minn dawn il-ħames sfidi. Huma jintensifikaw in-nuqqas ta' sigurtà fl-Afrika sub-Saħarjana, fil-Lvant Nofsani u f'ħafna reġjuni oħra tad-dinja billi jiggravaw il-konflitt u jdgħajfu l-bini tal-paċi wara l-konflitt, u b'hekk joħolqu theddida serja għall-paċi u s-sigurtà.

(2)

Fil-15 u s-16 ta' Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew adotta Strateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni illeċita u t-traffikar ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir u l-munizzjoni tagħhom (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”), li tistabbilixxi linji gwida għal azzjoni tal-UE fil-qasam tas-SALW. Dik l-Istrateġija tidentifika l-Afrika bħala l-kontinent l-aktar milqut mill-akkumulazzjoni u t-tixrid illeċiti tas-SALW. Hija tirrikonoxxi wkoll li l-problema tat-trasferimenti tas-SALW lejn l-Afrika sub-Saħarjana ma tistax tiġi iżolata minn dik tas-sorsi ta' trasferimenti u tiddikjara li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-modi u l-mezzi li bihom is-SALW huma dissimenati fl-Afrika, inklużi l-intermedjazzjoni u t-trasport illegali.

(3)

L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tafferma wkoll li l-Unjoni għandha ssaħħaħ u tappoġġa l-makkinarju għas-sanzjonijiet li jissorveljaw u jappoġġaw it-tisħiħ tal-kontrolli fuq l-esportazzjonijiet kif ukoll il-promozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (1) permezz ta', fost l-oħrajn, il-promozzjoni tal-miżuri li jtejbu t-trasparenza.

(4)

Permezz tal-Programm ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu f’Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Programm ta' Azzjoni tan-NU”), adottat fl-20 ta' Lulju 2001, l-Istati Membri kollha tan-NU impenjaw ruħhom fil-prevenzjoni tat-traffikar illeċitu fis-SALW, jew fid-devjazzjoni tagħhom lejn destinatarji mhux awtorizzati u, b'mod partikolari, biex jittieħed kont tar-riskju tad-devjazzjoni tas-SALW fil-kummerċ illegali meta jiġu vvalutati l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet ta' esportazzjoni.

(5)

Fit-8 ta’ Diċembru 2005, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat Strument Internazzjonali li Jippermetti lill-Istati Jidentifikaw u Jittraċċaw, b’Mod f’Waqtu u Affidabbli SALW Illeċiti.

(6)

Is-Sħubija Strateġika Konġunta Afrika-UE tal-2007 tiddefinixxi l-prevenzjoni tal-kummerċ illeċitu fi u l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' SALW bħala qasam għal azzjoni permezz tat-titjib tal-bini tal-kapaċità, in-netwerking, il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni.

(7)

Fit-Tieni Konferenza ta' Rieżami tal-2012 dwar il-Programm ta' Azzjoni tan-NU, l-Istati Membri kollha tan-NU affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom fil-prevenzjoni tat-traffikar illeċitu fis-SALW, inkluża d-devjazzjoni tagħhom lejn destinatarji mhux awtorizzati, kif ukoll l-impenji tagħhom li jinsabu fil-Programm ta' Azzjoni tan-NU relatati mal-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet ta' esportazzjoni.

(8)

Fit-2 ta’ April 2013, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat it-test għat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT). L-objettiv tat-Trattat huwa li jistabbilixxi l-ogħla standards internazzjonali komuni possibbli jew li jtejjeb ir-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali fl-armi konvenzjonali, għall-prevenzjoni u l-qerda tal-kummerċ illeċitu tal-armi konvenzjonali u l-prevenzjoni tad-devjazzjoni tagħhom. L-Unjoni għandha tappoġġa lill-Istati Membri kollha tan-NU fl-implimentazzjoni ta' kontrolli effettivi ta' trasferiment tal-armi sabiex jiġi żgurat li l-ATT, mad-dħul fis-seħħ tiegħu, ikun effettiv kemm jista' jkun, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 11 tiegħu.

(9)

L-Unjoni għalhekk tixtieq tiffinanzja mekkaniżmu globali ta' rappurtar dwar SALW illeċiti u armi konvenzjonali illeċiti oħrajn u munizzjoni biex jitnaqqas ir-riskju tal-kummerċ illeċitu tagħhom sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet deskritti hawn fuq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW u l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, l-attivitajiet ta' proġett li għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni għandu jkollhom dawn l-objettivi speċifiċi:

il-ħolqien ta' sistema globali ta' ġestjoni tal-informazzjoni aċċessibbli u faċli dwar SALW iddevjati jew traffikati u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni iddevjati jew traffikati (“iTrace”) sabiex dawk li jfasslu l-politika, l-esperti dwar il-kontroll tal-armi konvenzjonali u l-uffiċjali tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi jkollhom informazzjoni rilevanti u tippermettilhom jiżviluppaw strateġiji u proġetti effettivi u bbażati fuq evidenza kontra t-tixrid illeċitu ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni,

it-twettiq ta' riċerka fuq il-post f'SALW u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni li jiċċirkolaw fiż-żoni milquta minn konflitt u l-introduzzjoni tal-evidenza kollha miġbura fis-sistema ta' ġestjoni tal-informazzjoni,

iċ-ċentralizzazzjoni tad-dokumentazzjoni eżistenti rilevanti għall-politika dwar trasferimenti ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni fis-sistema globali ta' ġestjoni tal-informazzjoni, inkluż rapporti nazzjonali fuq l-esportazzjoni ta' armi, rapporti tal-pajjiżi lir-Reġistru tan-NU tal-Armi Konvenzjoni u l-Programm ta' Azzjoni tan-NU dwar il-Kummerċ Illeċitu fis-SALW, it-testi ta' strumenti nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, u rapporti dwar trasferimenti ta' SALW illeċiti ta' armi konvenzjonali illeċiti oħrajn u munizzjoni kompilati mill-gruppi tan-NU għall-monitoraġġ tas-sanzjonijiet, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-mezzi ta' komunikazzjoni tal-aħbarijiet internazzjonali.

iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni permezz ta' informazzjoni dwar il-konklużjonijiet tal-proġett, il-promozzjoni tal-iskop u tal-funzjonijiet disponibbli tal-iTrace lil dawk li jfasslu l-politika internazzjonali u nazzjonali, l-esperti tal-kontroll ta' armi konvenzjonali u l-awtoritajiet tal-liċenzji ta' esportazzjoni tal-armi, u t-tisħiħ tal-kapaċità internazzjonali għall-monitoraġġ t-tixrid illeċitu ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni kif ukoll l-assistenza lil dawk li jfasslu l-politika fl-identifikazzjoni ta' oqsma ta' prijorità għall-assistenza u l-kooperazzjoni internazzjonali u biex jitnaqqas ir-riskju tad-devjazzjoni ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni. L-inizjattivi ta' informazzjoni ser jitfasslu wkoll għall-koordinazzjoni tal-kondiviżjoni ta' informazzjoni u għall-bini ta' sħubiji sostenibbli ma' individwi u organizzazzjonijiet li jistgħu jiġġeneraw l-informazzjoni li tista' tiġi introdotta fis-sistema iTrace,

il-forniment ta' rapporti dwar kwistjonijiet ta' politika ewlenin, meħuda mid-data ġġenerata minn investigazzjonijiet fuq il-post u ppreżentati fuq is-sistema iTrace, dwar oqsma speċifiċi li jistħoqqilhom attenzjoni internazzjonali, inklużi tendenzi ta' traffikar maġġuri ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni, u d-distribuzzjoni reġjonali ta' armi u munizzjoni traffikati.

L-Unjoni għandha tiffinanzja dan il-proġett, li tiegħu tidher deskrizzjoni dettaljata fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“RGħ”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mill-Conflict Armament Research Ltd. (“CAR”).

3.   Il-CAR għandha twettaq il-kompiti tagħha taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan l-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-CAR.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta' EUR 2 320 000. Il-baġit stmat totali tal-proġett ġenerali għandu jkun ta' EUR 2 416 667, li għandhom jiġu pprovduti permezz ta' kofinanzjament mill-CAR.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont li jidher fil-paragrafu 1 għandu jitmexxa f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni adatta tal-ammont ta' referenza finanzjarja imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dan il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-CAR. Il-ftehim għandu jistipula li l-CAR għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni ta' dak il-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fuq il-bażi ta’ rapporti regolari ta’ kull tliet xhur imħejjija mill-CAR. Dawn ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett kif msemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jiġi konkluż l-ebda ftehim f'dak il-perijodu.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

D. PAVALKIS


(1)  Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.)


ANNESS

Mekkaniżmu Globali ta' Rappurtar iTrace dwar SALW u Armi Konvenzjonali oħrajn u Munizzjoni

1.   Sfond u raġunijiet li jiġġustifikaw l-appoġġ tal-PESK

1.1.   Din id-Deċiżjoni tibni fuq Deċiżjonijiet tal-Kunsill suċċessivi fil-ġlieda kontra l-impatt destabbilizzanti tad-devjazzjoni u t-traffikar ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn. Il-proliferazzjoni illeċita ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni hija fattur maġġuri li jdgħajjef l-istabbiltà ta' Stat u li jaggrava l-konflitti, li toħloq theddida serja għall-paċi u s-sigurtà. Kif iddikjarat fl-Strateġija tal-UE dwar is-SALW, l-Afrika tibqa' l-kontinent l-aktar milqut mill-impatt ta' konflitti interni, li huma aggravati mill-influss ta' SALW. In-numru kbir ta' operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi u embargo fuq l-armi Afrikani juri biċ-ċar l-iskala tat-theddida fuq l-Istati Afrikani mill-akkumulazzjoni u t-tixrid illeċiti tas-SALW u armi konvenzjonali oħra. Reġjuni oħra tad-dinja, inklużi ċerti partijiet tal-Amerika Latina u dik Ċentrali, l-Asja Ċentrali u tal-Lvant, il-Balkani u l-Lvant Nofsani huma milquta b'mod simili mill-proliferazzjoni ta' SALW illeċiti u ta' armi konvenzjonali illeċiti oħrajn.

Il-komunità internazzjonali attwalment nieqsa minn monitoraġġ vitali u kapaċità dijanjostika fil-qasam tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta' SALW u ta' armi konvenzjonali illeċiti oħrajn. Dan jirriżulta minn tliet fatturi konnessi. L-ewwel, il-biċċa l-kbira tat-traffikar ta' armi konvenzjonali jsir bl-art u f'reġjuni milquta mill-konflitt fejn il-monitoraġġ fuq il-post hu skars. It-tieni, il-kapaċità eżistenti ta' monitoraġġ hi konnessa b'mod dgħajjef, mal-gruppi tan-NU ta' monitoraġġ tas-sigurtà, il-missjonijiet taż-żamma tal-paċi u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li joperaw f'iżolazzjoni relattiva minn xulxin, u l-informazzjoni disponibbli minnhom hija frammentata. It-tielet, il-monitoraġġ limitat u mhux ikkoordinat jonqos milli jipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika bl-informazzjoni meħtieġa biex jifformulaw linji ta' politika effettivi għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni.

Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika, l-esperti ta' kontroll tal-armi u l-uffiċjali ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-armi b'informazzjoni sistematikament kompilata u rilevanti, li tippermettilhom jiżviluppaw strateġiji effettivi u bbażata fuq l-evidenza għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni kontra t-tixrid illeċitu ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn u l-munizzjoni tagħhom sabiex titjieb is-sigurtà internazzjonali u reġjonali. B'dan, hija ser tappoġġahom biex jikkombinaw strateġija reattiva ta' suċċess ma' azzjoni preventiva adegwata biex jiġu indirizzati l-forniment u d-domanda illegali, u biex jiġi żgurat il-kontroll effettiv ta' armi konvenzjonali f'pajjiżi terzi.

1.2.   Din id-Deċiżjoni tipprevedi l-ħolqien ta' sistema online pubblikament aċċessibbli, li tittraċċa SALW illeċiti u armi konvenzjonali illeċiti oħrajn u munizzjoni, li timmarka tipi ta' armi, fornituri, vetturi ta' trasferiment u destinatarji illegali speċifiċi (“iTrace”). B'enfasi fuq ir-reġjuni milquta minn konflitt, iTrace ser isservi bħala mekkaniżmu globali ta' rappurtar li ser tippermetti lill-gvernijiet nazzjonali jimmonitoraw it-traffikar f'SALW u f'armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni u jagħmlu dijanjosi ta' każijiet ta' devjazzjoni. Din ser tkun l-ewwel mekkaniżmu globali li jimmonitorja b'mod sistematiku t-traffikar ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni u b'hekk jgħin fl-identifikazzjoni ta' miżuri adegwati biex jitnaqqas ir-riskju tad-devjazzjoni u t-traffikar tagħhom. Ladarba t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT) ikun daħal fis-seħħ, hija ser tgħin fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ATT, tipprovdi informazzjoni komprensiva b'appoġġ tar-rieżami ta' implimentazzjoni tal-ATT u ssaħħaħ il-kapaċità tal-gvernijiet nazzjonali li jantiċipaw l-impatt tad-deċiżjonijiet tal-liċenzjar tal-esportazzjoni.

Din id-Deċiżjoni tipprevedi l-adattament ta' software sofistikat ta' ġestjoni tal-informazzjoni, l-iżvilupp ta' portal online fejn jista' jsir tiftix totali biex jiġu identifikati t-trasferimenti illeċiti ta' armi b'mod ġeospazjali, u programm ta' investigazzjonijiet fuq il-post, li ser jipprovdu lill- iTrace b'evidenza f'ħin reali ta' trasferimenti illeċiti ta' armi. Id-deċiżjoni ser tipprevedi wkoll ir-rieżami u l-verifika ta' evidenza eżistenti dwar it-traffikar tal-armi li ser jiġu trasferiti fl- iTrace.

2.   Objettivi ġenerali

L-Azzjoni deskritta hawn taħt ser tappoġġa lill-komunità internazzjonali fil-ġlieda kontra l-impatt destabbilizzanti tad-devjazzjoni u t-traffikar ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni. Hija ser tipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika, l-esperti ta' kontroll tal-armi u l-uffiċjali ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-armi b'informazzjoni sistematikament kompilata u rilevanti, li tippermettilhom jiżviluppaw strateġiji effettivi għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni bbażata fuq l-evidenza kontra t-tixrid illeċitu ta' SALW u ta' armi konvenzjonali u munizzjoni oħrajn sabiex titjieb is-sigurtà internazzjonali u reġjonali. B'mod speċifiku, l-Azzjoni ser tipprovdi:

(a)

informazzjoni konkreta dwar it-traffikar ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn meħtieġa għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni b'mod effettiv tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU dwar il-Kummerċ Illeċitu ta' SALW;

(b)

informazzjoni konkreta biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Strument Internazzjonali tat-Traċċar;

(c)

informazzjoni konkreta għall-ittraċċar ta' rotot u entitajiet maġġuri involuti fil-forniment ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni lejn ir-reġjuni milquta mill-konflitt jew lill-organizzazzjonijiet terroristiċi internazzjonali u biex tipprovdi evidenza ta' gruppi u individwi attivi fil-kummerċ illeċitu b'appoġġ tal-proċedimenti legali nazzjonali;

(d)

il-possibbiltà li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn korpi tan-NU, missjonijiet u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, fil-qasam tal-ittraċċar ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn, u tal-forniment ta' informazzjoni direttament b'appoġġ tal-mekkaniżmi ta' monitoraġġ eżistenti, inkluż l-iARMS tal-INTERPOL;

(e)

informazzjoni rilevanti biex jiġu identifikati oqsma ta' prijorità għall-kooperazzjoni u l-assistenza internazzjonali fil-ġlieda effettiva kontra d-devjazzjoni u t-traffikar ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni, bħall-finanzjament għal proġetti fir-rigward tas-sigurtà ta' ħażniet u/jew il-ġestjoni tal-fruntieri;

(f)

mekkaniżmu għall-assistenza fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ATT mad-dħul fis seħħ tiegħu, speċifikament għall-identifikazzjoni tad-devjazzjoni ta' armi konvenzjonali trasferiti kif ukoll għall-assistenza lill-Gvernijiet fil-valutazzjoni tar-riskju ta' devjazzjoni qabel l-esportazzjoni ta' armi konvenzjonali, speċifikament ir-riskju ta' devjazzjoni fil-pajjiż fejn isir ix-xiri jew l-esportazzjoni mill-ġdid taħt kondizzjonijiet mhux mixtieqa.

3.   Sostenibbiltà u eżiti fit-tul tal-proġett

L-Azzjoni ser tistabbilixxi qafas dewwiem għall-monitoraġġ sostnut tat-tixrid illeċitu ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni. Mistennija li ssaħħaħ b'mod fundamentali l-informazzjoni eżistenti relatata mal-armi u li tappoġġa b'mod sinifikanti l-iżvilupp immirat tal-kontroll effettiv tal-armi konvenzjonali u l-linji ta' politika ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-armi. B'mod speċifiku, il-proġett ser:

(a)

jiżviluppa sistema ta' ġestjoni ta' informazzjoni li ser tiżgura l-ġbir u l-analiżi fit-tul (minimu ta' 10 snin) tad-data dwar armi konvenzjonali illeċiti;

(b)

jipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika u lill-esperti b'għodda biex jiġu definiti strateġiji aktar effettivi u oqsma ta' prijorità ta' assistenza u kooperazzjoni (pereżempj,u billi jiġu identifikati l-kooperazzjon isubreġjonali jew reġjonali, il-koordinazzjoni u l-mekkaniżmi ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni li jeħtieġ li jiġu jiġu stabbiliti jew imsaħħa, billi jiġu identifikati ħażniet nazzjonali li mhumiex siguri, rotot ta' trasferiment illegali, kontrolli dgħajfa tal-fruntieri, u kapaċitajiet insuffiċjenti tal-infurzar tal-liġi);

(c)

ikollu l-flessibbiltà integrali biex jiġġenera l-informazzjoni rilevanti ta' politika, irrispettivament mir-rekwiżiti ta' politika li jinbidlu rapidament;

(d)

iżid sostanzjalment l-effikaċja ta' organizzazzjonijiet u individwi internazzjonali li jimmonitoraw l-armi billi jipprovdi mekkaniżmu ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni ta' ambitu dejjem jespandi.

4.   Deskrizzjoni ta' Azzjoni

4.1.   Proġett 1: Ħolqien tas-sistema globali ta' ġestjoni ta' informazzjoni dwar l-ittraċċar ta' armi u l-portal tal-immappjar online iTrace

4.1.1.   Objettiv tal-proġett

Il-proġett ser jiżviluppa s-software meħtieġ għall-proċessar, il-validazzjoni u l-immappjar tal-informazzjoni dwar SALW u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni ddevjati jew traffikati. Is-Sistema ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni Dfuze (Dfuze Information Management System), li diġà qed tintuża minn diversi servizzi ta' pulizija nazzjonali u tal-intelliġence, ser tiġi adattata biex tiġi pproċessata l-informazzjoni speċifika għall-armi. Is-sistema toffri wkoll analiżi ta' netwerk organizzattiv għall-finijiet ta' monitoraġġ tal-attivitajiet ta' traffikar tal-armi ta' gruppi terroristiċi u organizzazzjonijiet kriminali, inklużi l-konnessjonijiet finanzjarji. Il-funzjonijiet ta' ttraċċar ġeospazjali tas-sistema Dfuze ser jiġu riveduti b'mod estensiv biex jipprovdu tiftix, aċċess pubbliku, il-portal tal-immappjar online u l-funzjonijiet ta' download assoċjati tal-iTrace.

4.1.2.   Attivitajiet tal-proġett

L-attivitajiet li ġejjin ser jitwettqu fil-qafas ta' dan il-proġett:

(a)

l-akkwist ta' server, infrastruttura ta' computing u ta' netwerk meħtieġa fil-funzjonament tas-sistema globali ta' ġestjoni tal-informazzzjoni dwar l-ittraċċar ta' SALW u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni u l-portal tal-immappjar online tal-iTrace;

(b)

ix-xiri u r-rieżami tas-Sistema ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni Dfuze, speċifikament il-kategorizzazzjoni mill-ġdid ta' oqsma tal-introduzzjoni tad-data u l-ħolqien tal-portal tal-immappjar online tal-iTrace.

4.1.3.   Riżultati tal-proġett

Il-proġett ser:

(a)

jippermetti lil kwalunkwe utent online ifittex post, pajjiż, reġjuni jew kontinent partikolari fid-dinja;

(b)

jidentifika u jagħti evidenza viżwali ta' SALW u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni ddevjati jew traffikati f'dak il-post, pajjiż, reġjun jew kontinent;

(c)

jimmarka d-dati ta' trasferiment, ir-rotot ta' forniment illeċiti u t-traffikanti involuti għal kwalunke oġġett (fost eluf) ta' SALW u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni traffikati fuq mappa tad-dinja online;

(d)

awtomatikament isib każijiet simili (SALW u armi konvenzjonali jew munizzjoni oħrajn tal-istess tip, il-pajjiż ta' manifattura jew is-serje ta' produzzjoni) u jimmarka lil dawk l-oġġetti, u l-postijiet fejn jinsabu, fuq mappa tad-dinja online;

(e)

jidentifika u jimmarka l-konnessjonijiet bejn it-tipi ta' SALW u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni ddevjati jew traffikati, jew l-organizzazzjonijiet ta' traffikar internazzjonali;

(f)

jiġġenera rapporti komprensivi (pereżempju l-iskala ta' devjazzjoni f'pajjiż partikolari jew l-oriġini ta' armi konvenzjonali ddevjati), li jingħataw f'format PDF;

(g)

jospita, skont il-pajjiż jew globalment, id-dokumentazzjoni eżistenti rilevanti għall-politika dwar trasferimenti ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni, inkluż rapporti nazzjonali fuq l-esportazzjoni ta' armi, rapporti tal-pajjiż għar-Reġistru Konvenzjonali tan-NU u l-Programm ta' Azzjoni tan-NU dwar il-Kummerċ Illeċitu fis-SALW, it-test ta' strumenti nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, u rapporti dwar trasferimenti ta' SALW u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni kompilati mill-gruppi tan-NU għall-monitoraġġ tas-sanzjonijiet, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-mezzi ta' komunikazzjoni tal-aħbarijiet internazzjonali;

(h)

kontinwament jikkonnettja mal-INTERPOL iARMS, li ser jippermetti lill-INTERPOL tqabbel b'mod transversali l-armi ta' kriminalità fis-sistema iARMS mal-informazzjoni ġġenerata bl-iTrace dwar l-armi ta' konflitt;

(i)

jipproduċi rapporti ta' valutazzjoni tar-riskju, f'format definit minn qabel, biex jappoġġa lill-esperti ta' kontroll ta' armi konvenzjonali fl-identifikazzjoni ta' oqsma ta' prijorità, l-assistenza u l-kooperazzjoni, u biex jgħin lil-awtoritajiet nazzjonali ta' liċenzja tal-esportazzjoni ta' armi fl-identifikazzjoni tar-riskji ta' devjazzjoni konkreti.

4.1.4.   Indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett

Il-proġett ser jistabbilixxi aċċess pubbliku u liberu, sistema ta' ppjanar online, mingħajr l-ebda restrizzjoni fuq il-benefiċjarji potenzjali.

4.1.5.   Benefiċjarji tal-proġett

Ladarba fornuta (ara t-Taqsima 4.2 u t-Taqsima 4.3), l-iTrace ser tipprovdi informazzjoni komprensiva espliċitament immirata lejn, iżda mhux limitata għal dawk li jfasslu l-politika nazzjonali ta' kontroll tal-armi, l-aġenziji tal-liċenzja tal-esportazzjoni ta' armi, organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali (inklużi gruppi ta' monitoraġġ tas-sanzjonijiet tan-NU, missjonijiet tan-NU għaż-żamma tal-paċi, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA) u l- INTERPOL organizzazzjonijiet mhux governattivi ta' riċerka (inklużi ċ-Ċentru Internazzjonali għall-Konverżjoni ta' Bonn (BICC), il-Grupp għar-Riċerka u l-Informazzjoni dwar il-Paċi (GRIP), l-Istitut ta' Riċerka ta' Stokkolma dwar il-Paċi Internazzjonali (SIPRI), u l-Istħarriġ dwar l-Armi Ħfief, organizzazzjonijiet ta' protezzjoni (inklużi l-Amnesty International u l-Human Rights Watch) u l-mezzi ta' komunikazzjoni tal-aħbarijiet internazzjonali.

4.2.   Proġett 2: L-investigazzjonijiet fuq il-post u r-riċerka retrospettiva meħtieġa biex ifornu lis-sistema iTrace b'evidenza dokumentarja f'ħin reali dwar id-devjazzjoni u t-traffikar ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni, u informazzjoni rilevanti oħra.

4.2.1.   Objettiv tal-proġett

Il-proġett ser iwettaq riċerka fuq il-post f'SALW u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni li jiċċirkulaw fiż-żoni milquta mill-konflitt. Il-proġett hu inizjattiva pilota, li għandha l-għan li tikkonferma l-utilità tas-sistema iTrace billi tiġġenera informazzjoni aġġornata dwar id-devjazzjoni u t-traffikar ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni fil-pajjiżi fil-periferali sub-Saħarjani. Huwa ser ikopri, fl-ambitu tiegħu, diversi pajjiżi ta' tħassib partikolari għall-Istati Membri tal-UE, inklużi, pereżempju, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Libja, il-Mali, in-Niġer, is-Sudan t'Isfel, is-Sudan u s-Somalja. Barra minn hekk, il-proġett ser iwettaq riċerka retrospettiva biex tforni lis-sistema iTrace b'informazzjoni eżistenti verifikata dwar trasferimenti rilevanti miġbura minn organizzazzjonijiet oħra barra l-CAR.

4.2.2.   Attivitajiet tal-proġett

L-attivitajiet li ġejjin ser jitwettqu fil-qafas ta' dan il-proġett:

(a)

il-mobilizzazzjoni ta' esperti kwalifikati tal-armi biex iwettqu analiżi fuq il-post ta' SALW illeċiti u armi konvenzjonali illeċiti, munizzjoni u materjal relatat irkuprat minn konflitti armati fl-Istati periferali sub-Saħarjani;

(b)

l-analiżi, ir-reviżjoni u l-verifika ta' evidenza dokumentata dwar SALW illeċiti u armi konvenzjonali illeċiti, munizzjoni u l-utenti tagħhom, inklużi, inter alia, ritratti ta' armi, l-partijiet komponenti u l-immarkar intern u estern tagħhom; l-ippakkjar, id-dokumentazzjoni tat-trasport marittimu assoċjata u r-riżultati tal-investigazzjonijiet fuq il-post (l-utenti, il-fornituri u r-rotot ta' trasferiment);

(c)

ir-reviżjoni u l-verifika ta' evidenza storika reċenti dwar trasferimenti rilevanti ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni miġbura minn organizzazzjonijiet oħra barra l-CAR, inklużi rapporti mill-gruppi tan-NU għall-monitoraġġ tas-sanzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-mezzi tax-xandir tal-aħbarijiet internazzjonali;

(d)

l-introduzzjoni tal-evidenza kollha miġbura u riveduta fis-sistema ta' ġestjoni ta' informazzjoni u l-portal tal-immappjar online tal-iTrace;

(e)

l-identifikazzjoni u l-appoġġ tal-imsieħba lokali biex tiġi żgurata l-ġabra sostnuta ta' data b'appoġġ għall-iTrace matul u lil hinn miż-żmien tal-Azzjoni proposta;

(f)

il-kollegament mal-Gvernijiet tal-UE ma' punti ta' kuntatt nazzjonali predefiniti, u mekkaniżmu ta' koordinazzjoni, sabiex ikun ċċarat l-ambitu tal-investigazzjonijiet tal-CAR, u jittaffew konflitti possibbli ta' interess, qabel l-investigazzjonijiet tagħha.

Il-proġett ser jiġi implimentat b'mod inkrementali matul il-perijodu sħiħ ta' sentejn tal-proġett iTrace.

4.2.3.   Riżultati tal-proġett

Il-proġett ser:

(a)

jiddokumenta, in situ, l-evidenza fiżika ta' SALW u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni devjati jew traffikati fir-reġjuni periferali sub-Saħarjani milquta mill-konflitt;

(b)

jivverifika u jiżviluppa każijiet ta' traffikar illeċitu mill-evidenza miġbura mill-CAR, u organizzazzjonijiet oħra dwar SALW u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni devjati u traffikati fir-reġjuni kollha;

(c)

jipprovdi evidenza viżwali konkreta ta' SALW u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni devjati jew traffikati, inklużi ritratti ta' oġetti, numri serjali, marki ta' fabbrika, kaxxi, listi ta' ppakkjar, dokumenti ta' trasport marittimu u ċertifikazzjoni tal-utent aħħari;

(d)

jiġġenera kontijiet testwali ta' attività illeċita, inklużi r-rotot ta' traffikar, l-atturi involuti fid-devjazzjoni jew t-trasferiment illeċitu u l-valutazzjonijiet ta' fatturi kontibwenti (inklużi l-ġestjoni u s-sigurtà ineffettivi ta' ħażniet u n-netwerks ta' forniment illeċitu maħsuba u orkestrati mill-istat);

(e)

jintroduċi l-evidenza msemmija qabel fis-sistema ta' ġestjoni ta' informazzjoni u l-portal tal-immappjar online tal-iTrace għal diseminazzjoni pubblika totali.

4.2.4.   Indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett

Sa 30 mobilizzazzjoni fuq il-post (inkluża mobilizzazzjoni estiża fejn meħtieġ) matul il-perijodu ta' sentejn biex tiġi iġġenerata evidenza li tiġi introdotta fis-sistema ta' ġestjoni ta' informazzjoni u l-portal tal-immappjar online tal-iTrace.

4.2.5.   Benefiċjarji tal-proġett

Jekk jogħġbok ara t-Taqsima 4.1.5 hawn fuq għal lista sħiħa ta' benefiċjarji, li hija identika għall-proġetti kollha elenkati f'din id-Deċiżjoni.

4.3.   Proġett 3: Sensibilizzazzjoni tal-partijiet interessati u koordinazzjoni internazzjonali

4.3.1.   Objettiv tal-proġett

Il-proġett ser jeżibixxi l-benefiċċji tal-iTrace għal dawk li jfasslu l-politika internazzjonali u nazzjonali, l-esperti ta' kontroll ta' armi konvezjonali u l-awtoritajiet tal-liċenzji tal-esportazzjoni ta' armi. L-inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni ser ukoll jkunu mfassla għall-koordinazzjoni tal-kondiviżjoni ta' informazzjoni u l-bini ta' sħubiji sostenibbli ma' individwi u organizzazzjonijiet li jistgħu jiġġeneraw l-informazzjoni li tista' tiġi introdotta fis-sistema iTrace.

4.3.2.   Attivitajiet tal-proġett

L-attivitajiet li ġejjin ser jitwettqu fil-qafas ta' dan il-proġett:

(a)

Preżentazzjonijiet tal-persunal tal-CAR għal żewġ konferenzi bbażati fi Brussell. Il-preżentazzjonijiet tal-persunal ser ikunu mfassla biex jesibixxu l-iTrace, b'enfasi fuq 1) il-benefiċċji konkreti tagħha għall-assistenza fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU u l-ATT; 2) l-utilità tagħha fl-identifikazzjoni ta' oqsma ta' prijorità għall-assistenza u l-kooperazzjoni internazzjonali; u 3) l-utilità tagħha bħala mekkaniżmu ta' tfassil ta' profil ta' valutazzjoni tar-riskju għall-awtoritajiet tal-liċenzji tal-esportazzjoni ta' armi;

(b)

Il-preżentazzjonijiet tal-persunal tal-CAR f'firxa ta' konferenzi internazzjonali (UE, NU, OSKE u organizzazzjonijiet reġjonali, inklużi l-Unjoni Afrikana, il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) u ċ-Ċentru Reġjonali dwar l-Armi Ħfief fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar, il-Qarn tal-Afrika, u l-Istati Ġirien (RECSA)). Il-preżentazzjonijiet tal-persunal ser ikunu mfassla biex jeżibixxu l-iTrace lil dawk li jfasslu l-politika, jinkoraġġixxu u jiżviluppaw sħubiji sostenibbli ma' individwi u organizzazzjonijiet li jistgħu jiġġeneraw informazzjoni li tista' tiġi introdotta fis-sistema iTrace, kif ukoll biex jgħinu lil dawk li jfasslu l-politika fl-identifikazzjoni ta' oqsma ta' prijorità għall-assistenza u l-kooperazzjoni internazzjonali.

Il-proġett ser jiġi implimentat matul il-perijodu sħiħ ta' sentejn tal-proġett iTrace.

4.3.3.   Riżultati tal-proġett

Il-proġett ser:

(a)

jippromwovi l-utilità tal-iTrace lil dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u internazzjonali li jaħdmu fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar il-kontroll ta' SALW u armi konvenzjonali oħrajn u l-kontroll tal-esportazzjoni ta' armi (Programm ta' Azzjoni tan-NU u ATT), u jevalwaw l-implimentazzjoni tagħhom;

(b)

jipprovdi informazzjoni rilevanti biex jassisti lil dawk li jfasslu l-politika u l-esperti ta' kontroll ta' armi fl-identifikazzjoni ta' oqsma ta' prijorità għall-assistenza u l-kooperazzjoni internazzjonali u fit-tfassil ta' strateġiji effettivi kontra l-proliferazzjoni;

(c)

jipprovdi lill-awtoritajiet tal-liċensji tal-esportazzjoni ta' armi b'informazzjoni dettaljata dwar l-iTrace u l-utilità tagħha għall-valutazzjoni tar-riskju, flimkien ma' mogħdija għall-feedback u t-tisħiħ tas-sistema;

(d)

ikompli jikkolega grupp li qed jikber ta' esperti ta' kontroll ta' SALW u armi konvenzjonali oħrajn involuti fit-twettiq ta' investigazzjonijiet in situ dwar id-devjazzjoni u t-traffikar ta' armi konvenzjonali u munizzjoni;

(e)

itejjeb il-profil pubbliku tal-ittraċċar ta' SALW u armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni bħala mezz ta' assistenza fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU, l-ATT u strumenti internazzjonali u reġjonali oħra tal-kontroll ta' armi u l-kontroll ta' esportazzjoni ta' armi.

4.3.4.   Indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett

Sa 12-il konferenza li attendew il-persunal tal-CAR, li tnejn minnhom jinkludu konferenzi li saru fi Brussell. Il-konferenzi kollha ser jinkludu presentazzjonijiet tal-iTrace. L-aġendi u sommarji fil-qosor tal-konferenzi ser jiġu inklużi fir-rapport finali.

4.3.5.   Benefiċjarji tal-proġett

Jekk jogħġbok ara t-Taqsima 4.1.5 hawn fuq għal lista sħiħa ta' benefiċjarji, li hija identika għall-proġetti kollha elenkati f'din id-Deċiżjoni.

4.4.   Proġett 4: rapporti ta' politika tal-iTrace

4.4.1.   Objettiv tal-proġett

Il-proġett ser jipprovdi rapporti ta' kwistjonijiet ta' politika ewlenin, meħuda mid-data ġġenerata mill-investigazzjonijiet fuq il-post u ppreżentata fuq is-sistema iTrace. Ir-rapporti ser ikunu maħsuba biex jenfasizzaw oqsma speċifiċi ta' tħassib internazzjonali, inklużi tendenzi ta' traffikar maġġuri ta' SALW u ta' armi konvenzjonali oħrajn u munizzjoni, id-distribuzzjoni reġjonali ta' armi u munizzjoni traffikati, u oqsma ta' prijorità għall-attenzjoni internazzjonali.

4.4.2.   Attivitajiet tal-proġett

Analiżi fil-fond li twassal għall-kompilazzjoni, ir-rieżami, l-editjar u l-pubblikazzjoni ta' erba' rapporti ta' politika tal-iTrace.

4.4.3.   Riżultati tal-proġett

Il-proġett ser:

(a)

jipproduċi erba' rapporti, kull wieħed bi profil ta' kwistjoni separata ta' tħassib internazzjonali;

(b)

jiżgura d-distribuzzjoni ta' rapporti ta' politika tal-iTrace lill-Istati Membri kollha tal-UE;

(c)

ifassal strateġija ta' sensibilizzazzjoni mmirata li tiżgura kopertura globali massima;

(d)

isostni l-viżibbiltà tal-Azzjoni fl-arena politika u l-mezzi tax-xandir tal-aħbarijiet internazzjonali billi, inter alia, jippreżenta informazzjoni dwar armi illeċiti ta' tħassib topiku; jipprovdi analiżi rilevanti ta' politika b'appoġġ għal proċessi kurrenti ta' kontroll ta' armi u jfassal rapporti biex jipprovdi interess massimu tal-mezzi tax-xandir tal-aħbarijiet internazzjonali.

4.4.4.   Indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett

Erba' rapporti ta' politika tal-iTrace online prodotti matul iż-żmien tal-Azzjoni proposta u mqassma globalment.

4.4.5.   Benefiċjarji tal-proġett

Jekk jogħġbok ara t-Taqsima 4.1.5 hawn fuq għal lista sħiħa ta' benefiċjarji, li hija identika għall-proġetti kollha elenkati f'din id-Deċiżjoni.

5.   Postijiet

Il-post għall-Proġett 1 ser ikun ir-Renju Unit. Il-proġett jirrikonoxxi li r-riżultati meħtieġa għal-investigazzjonijiet fuq il-post ma jistgħux jiġu replikati mill-bogħod u l-Proġett 2 ser ikun jeħtieġ mobilizzazzjoni estensiva fuq il-post ta' esperti ta' armi konvenzjonali għall-pajjiżi periferali sub-Saħarjani. Dawn il-mobilizzazzjonijiet ser jiġu valutati fuq bażi ta' każ b'każ, b'referenza għas-sigurtà, l-aċċess u d-disponibbiltà ta' informazzjoni. CAR diġà għandha kuntatti stabbiliti jew proġetti għaddejjin f'bosta mill-pajjiżi periferali sub-Saħarjani konċernati. Proġett 3 ser jitwettaq f'konferenzi internazzjonali fid-dinja kollha biex tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-proġett. Proġett 4 ser jiġi kompilat fir-Renju Unit.

6.   Tul ta’ żmien

It-tul ta’ żmien totali tal-proġetti hu stmat li jkun ta’ 24 xahar.

7.   Entità ta' implimentazzjoni u l-viżibbiltà tal-UE

7.1   L-implmentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni ser tiġi assenjata lill- CAR. CAR ser twettaq il-kompitu tagħha taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ

CAR irriżultat min-netwerk dejjem jikber ta' investigaturi ta' armi, li kienu l-pijonieri fl-identifikazzjoni u l-ittraċċar ta' armi konvenzjonali u munizzjoni mill-2006. Hija l-unika organizzazzjoni, barra mis-sistema tan-NU, dedikata esklussivament għall-identifikazzjoni u l-ittraċċar ta' armi konvenzjonali, munizzjoni u materjal relatat, fuq l-art, f'konflitti kontemporanji bl-armi u l-ambitu tagħha ta' operazzjonijiet hu ferm usa' mill-oqsma ta' attivitajiet tal-Gruppi tan-NU għall-Monitoraġġ, li huma ffukati biss fuq stati sanzjonati.

L-operazzjonijiet tagħha huma wkoll aktar speċjalizzati minn dawk ta' organizzazzjonijiet mhux governattiv eżistenti ta' kontroll ta' armi, bħall-BICC, GRIP, SIPRI u l-Istħarriġ dwar l-Armi Ħfief (SAS). Maħluqa f'konsultazzjoni (1) mal-organizzazzjonijiet imsemmija qabel, CAR timla lakuna importanti fl-attivitajiet tagħhom ta' riċerka u analażi. Dan hu minħabba li għandhom tendenza li jew jiffukaw fuq il-kompilazzjoni ta' riċerka fuq livell makro (l-analiżi ta' statistika ta' kummerċ u l-ġenerazzjoni ta' informazzjoni dwar it-traffikar minn partijiet terzi) jew fuq ħidma ta' 'livell medju' f'pajjiżi speċifiċi (li spiss jinvolvu stħarriġ ta' vjolenza armata, li mhux iffukat fuq l-armi per se).

B'kuntrast għal dawn l-organizzazzjonijiet, CAR tiffoka esklussivament fuq l-identifikazzjoni u l-ittraċċar ta' armi fuq l-art. Dan l-approċċ ta' studju ta' każ individwali, u l-kapaċità teknika meħtieġa biex jiġi implimentat, huma essenzjali għall-ippjannar b'mod komprensiv tad-devjazzjoni ta' armi konvenzjonali għal u ġewwa pajjiżi f'konflitt, li attwalment mhux qed tiġi monitorata biżżejjed mill-komunità internazzjonali. Biex tagħmel dan, CAR tibgħat timijiet żgħar ta' investigaturi, b'għarfien espert ta' 10 snin jew aktar speċifiku għall-armi, f'żoni milquta mill-konflitt biex jeżaminaw u jiddokumentaw armi illeċiti in situ. CAR taħdem ukoll biex tassisti, tikkoordina u tivverifika investgazzjonijiet mill-Monituri ta' Sanzjonijiet tan-NU, il-persunal tal-missjoni tan-NU, il-ġurnalisti u r-riċerkaturi indipendenti fuq il-post.

Dawn il-kompetenzi ċentrali huma l-uniku mod biex tiġi ġġenerata l-informazzjoni dettaljata, speċifika għall-armi meħtieġa biex tforni sistema globali ta' rappurtar ta' SALW u armi konvenzjonali illeċiti oħrajn, bħall-iTrace.

7.2   Viżibbiltà tal-UE

CAR għandha tieħu l-miżuri kollha adatti biex tippubbliċizza l-fatt li l-Azzjoni ġiet iffinanzjata mill-Unjoni Ewropea. Tali miżuri ser jitwettqu skont il-Manwal tal-Kummissjoni dwar il-Kommunikazzjoni u l-Viżibbiltá għall-Azzjonijiet Barranin tal-UE stipulat u ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea, u skont kull linja gwida oħra miftiehma bejn il-Kummissjoni u d-WHO.

B'dan il-mod, CAR ser tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribut tal-Unjoni bi branding u pubbliċità adatti, li jenfasizzaw ir-rwol tal-Unjoni, jiżguraw it-trasparenza tal-azzjonijiet tagħha, u s-sensibilizzazzjoni dwar ir-raġunijiet għad-Deċiżjoni kif ukoll l-appoġġ tal-Unjoni għad-Deċiżjoni u r-riżultati ta' dan l-appoġġ. Il-materjal prodott bil-proġett ser juri b'mod prominenti l-bandiera tal-Unjoni f'konformità mal-linji gwida tal-Unjoni għall-użu u r-riproduzzjoni preċiżi tal-bandiera.

8.   Rappurtar

CAR ser tħejji rapporti regolari kull tliet xhur.


(1)  CAR ikkonsultat estensivament lill-BICC, GRIP, SAS u SIPRI matul it-tfassil konċettwali tal-proġett tal-iTrace. L-erba' organizzazzjonijiet kollha jiddikjaraw li a) m'għandhomx l-kapaċità teknika biex iwettqu dan it-tip ta' proġett, b) għalihom biex jagħmlu dan ikun meħtieġ rieżami radikali tal-aġendi ta' riċerka tagħhom u l-impjieg ta' persunal espert u c) li l-iTrace tappoġġa b'mod sostanzjali r-riċerka tagħhom billi tipprovdi komponent “nieqes” ta' ppjanar bbażat fuq il-post biex jikkomplimenta “mill-bogħod” approċċi ta' monitoraġġ tal-kummerċ ta' armi.