9.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/38


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ Novembru 2013

li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għat-tojlits u l-awrinari bil-flaxing

(notifikata bid-dokument C(2013) 7317)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/641/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-Ekotikketta tal-UE tista’ tingħata lil dawk il-prodotti b’impatt ambjentali mnaqqas tul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jistipula li kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE għandhom jiġu stabbiliti skont il-gruppi ta’ prodotti.

(3)

Billi l-konsum tal-ilma jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-impatti ambjentali ġenerali tal-bini domestiku u mhux domestiku, jixraq li jiġu stabbiliti kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-grupp ta’ prodotti tat-“tojlits u awrinari bil-flaxing”. B’mod partikolari l-kriterji għandhom jippromwovu prodotti effiċjenti fl-użu tal-ilma, li jgħinu biex jonqos il-konsum tal-ilma u jagħtu benefiċċji oħra relatati fosthom biex jonqos il-konsum tal-enerġija.

(4)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-grupp ta’ prodotti tat-“tojlits u awrinari bil-flaxing” għandu jinkludi: tagħmir tat-tojlits bil-flaxing u tagħmir tal-awrinari kif jiddefinixxi l-Artikolu 2. Il-grupp ta’ prodotti għandu jkopri prodotti għal użu domestiku u mhux domestiku.

2.   Il-prodotti li ġejjin għandhom jiġu esklużi mill-grupp ta’ prodotti tat-“tojlits u awrinari bil-flaxing”:

(a)

sedili u għotjien tat-tojlit, dawk biss li jitqiegħdu fis-suq jew jiġu kummerċjalizzati b’mod indipendenti minn tagħmir tat-tojlits jew l-awrinari bil-flaxing;

(b)

tagħmir tat-tojlits li ma jużax l-ilma, juża l-kimika u l-ilma biex jifflaxxja u tojlits li għandhom bżonn l-enerġija biex tgħin lis-sistema tal-flaxing.

Artikolu 2

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“tagħmir tat-tojlits bil-flaxing” tfisser sett tat-tojlit, reċipjent tat-tojlit jew sistema tal-flaxing tat-tojlits;

(2)

“sett tat-tojlit” tfisser tagħmir sanitarju li f’unità funzjonali jgħaqqad sistema tal-flaxing u reċipjent tat-tojlit li jilqa’ u jifflaxxja l-awrina u l-eskrementi u jwassalhom f’sistema tad-drenaġġ;

(3)

“reċipjent tat-tojlit” tfisser tagħmir sanitarju li jilqa’ u jifflaxxja l-awrina u l-eskrementi u jwassalhom f’sistema tad-drenaġġ;

(4)

“tagħmir tal-awrinar”, tfisser sett tal-awrinar, awrinar, awrinar bla ilma jew sistema tal-flaxing tal-awrinari;

(5)

“tagħmir tal-awrinar bil-flaxing”, tfisser sett tal-awrinar, awrinar, jew sistema tal-flaxing tal-awrinari;

(6)

“sett tal-awrinar” tfisser tagħmir sanitarju li f’unità funzjonali jgħaqqad sistema tal-flaxing u reċipjent tat-tojlit li jilqa’ u jifflaxxja l-awrina u jwassalha f’sistema tad-drenaġġ;

(7)

“awrinar” tfisser tagħmir sanitarju li jilqa’ l-awrina u l-ilma fflaxxjat u jwassalhom it-tnejn f’sistema tad-drenaġġ;

(8)

“awrinar blokka” tfisser tagħmir sanitarju b’sistema tal-flaxing jew mingħajrha li jkun fih kanal fl-art u blokka jew folja mwaħħla mal-ħajt li jilqgħu l-awrina u l-ilma fflaxxjat u jwassluhom f’sistema tad-drenaġġ;

(9)

“awrinar bla ilma” tfisser tagħmir sanitarju li jilqa’ l-awrina u jwassalha f’sistema tad-drenaġġ, u li jaħdem mingħajr ilma;

(10)

“sistema tal-flaxing”, kemm għat-tagħmir tat-tojlits bil-flaxing kif ukoll għat-tagħmir tal-awrinari bil-flaxing, tfisser ċisterna tal-flaxing b’konnessjoni ta’ pajpijiet ta’ twissija – jew apparat meqjus effettiv daqsu u apparati ta’ dħul/ħruġ, jew valv tal-ifflaxxjar bi pressjoni;

(11)

“apparat li jiffranka l-ilma” tfisser apparat tal-flaxing u li bih tkun tista’ toħroġ parti mill-volum ta’ flaxxjatura sħiħa, jew bħala mekkaniżmi b’azzjoni doppja (li jistgħu jitwaqqfu) jew bħala mekkaniżmi b’kontroll doppju (b’żewġ flaxings);

(12)

“volum ta’ flaxxjatura sħiħa” tfisser il-volum kollu tal-ilma li joħroġ mis-sistema tal-flaxing waqt ċiklu ta’ flaxxjatura;

(13)

“volum ta’ flaxxjatura mnaqqsa” tfisser il-parti mill-volum ta’ flaxxjatura sħiħa li toħroġ minn apparat li jiffranka l-ilma waqt ċiklu ta’ flaxxjatura u li ma tkunx iżjed minn żewġ terzi tal-volum ta’ flaxxjatura sħiħa;

(14)

“volum medju ta’ flaxxjatura” tfisser il-medja aritmetika ta’ volum wieħed ta’ flaxxjatura sħiħa u tliet volumi ta’ flaxxjatura mnaqqsa kkalkulati bil-metodoloġija stabbilita fl-Appendiċi 1 tal-Anness;

(15)

“kontroll li jifflaxxja skont il-bżonn” tfisser apparat tal-flaxing ta’ tagħmir sanitarju li l-utent jista’ jħaddmu b’idu minn pum, manku, buttuna, pedala jew xi attwatur tal-ifflaxxjar ieħor ekwivalenti jew b’senser li jinduna li ntuża t-tagħmir sanitarju;

(16)

“apparat ta’ aġġustament” tfisser apparat li bih ikun jista’ jiġi aġġustat il-volum ta’ flaxxjatura sħiħa u, meta rilevanti, il-volum ta’ flaxxjatura mnaqqsa ta’ sistema tal-flaxing.

Artikolu 3

Il-kriterji biex tingħata l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, għal prodott klassifikat fil-grupp ta’ prodotti tat-“tojlits u awrinari bil-flaxing” kif definit fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, kif ukoll ir-rekwiżiti relatati tal-valutazzjoni u l-verifika huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Il-kriterji u r-rekwiżiti relatati tal-valutazzjoni u l-verifika stabbiliti fl-Anness għandhom ikunu validi għal erba’ snin mis-7 ta’ Novembru 2013.

Artikolu 5

Għal raġunijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi mogħti lill-grupp ta’ prodotti tat-“tojlits u awrinari bil-flaxing” għandu jkun il-41.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.


ANNESS

IL-KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE U R-REKWIŻITI TAL-VALUTAZZJONI

Il-kriterji biex tingħata l-Ekotikketta tal-UE għat-tagħmir tat-tojlits u l-awrinari bil-flaxing:

1.

L-effiċjenza fl-użu tal-ilma

2.

Il-prestazzjoni tal-prodott

3.

Is-sustanzi jew it-taħlitiet esklużi jew limitati

4.

L-injam bħala materja prima li jkun ġestit b’mod sostenibbli

5.

Kemm iservi l-prodott

6.

L-impatti mnaqqsa ta’ prodotti li m’għadhomx jintużaw

7.

L-istruzzjonijiet għall-installazzjoni u l-informazzjoni lill-utent

8.

L-informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

It-Tabella 1 turi l-applikabbiltà tal-kriterji differenti għal kull kategorija tat-tagħmir tat-tojlits u l-awrinari bil-flaxing.

Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-valutazzjoni u l-verifika huma indikati għal kull kriterju.

Meta l-applikant jeħtieġlu jipprovdi dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, rapporti tal-analiżi tat-testijiet, jew evidenza oħra biex juri konformità mal-kriterji, dawn jistgħu joriġinaw mingħand l-applikant jew il-fornitur tiegħu jew mingħand it-tnejn li huma.

Meta jkun possibbli, it-testijiet għandhom jagħmluhom laboratorji li jilħqu r-rekwiżiti ġenerali tal-Istandard Ewropew EN ISO 17025 jew ekwivalenti.

Meta jkun xieraq, jistgħu jintużaw metodi tat-test oħra minbarra dawk indikati għal kull kriterju, f’każ li l-korp kompetenti li jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

Meta jkun xieraq, il-korpi kompetenti jistgħu jitolbu dokumentazzjoni ta’ appoġġ u jistgħu jagħmlu verifiki indipendenti.

L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti legali tal-pajjiż(i) li fih(om) hu maħsub li jitqiegħed fis-suq.

Fl-istandards tat-testijiet, is-settijiet tat-tojlit, ir-reċipjenti tat-tojlit, l-awrinari u s-sistemi tal-flaxing huma distinti skont il-klassi jew it-tip, jew it-tnejn. Il-klassi(jiet) jew it-tip(i) rilevanti tal-prodott għandhom jiġu ddikjarati lill-korp kompetenti li jivvaluta l-applikazzjoni u kull test li jrid isir għandu jsir għal kull klassi u/jew tip li jiddikjara l-applikant skont l-istandard rilevanti.

It-Tabella 1

L-applikabbiltà tal-kriterji differenti għal kull kategorija tat-tagħmir tat-tojlits u l-awrinari bil-flaxing

It-tagħmir tat-tojlits u l-awrinari bil-flaxing

Kriterji

Settijiet tat-tojlit

Reċipjenti tat-tojlit

Sistemi tal-flaxing tat-tojlits

Settijiet tal-awrinar

Awrinari

Awrinari bla ilma

Sistemi tal-flaxing tal-awrinari

1(a)

– Il-volum ta’ flaxxjatura sħiħa

x

x

x

x

x

 

x

1(b)

– L-iffrankar tal-ilma

x

x

x

x

x

 

x

1(c)

– Il-volum ta’ flaxxjatura mnaqqsa

x

x

x

 

 

 

 

1(d)

– Aġġustament tal-volum ta’ flaxxjatura

x

 

x

x

 

 

x

2(a)

– Ir-rekwiżiti tas-sistema tal-flaxing

x

 

x

x

 

 

x

2(b)

– Il-prestazzjoni tal-flaxxjatura

x

x

 

x

x

 

 

2(c)

– Ir-rekwiżiti tal-awrinari bla ilma

 

 

 

 

 

x

 

3(a)

– Sustanzi u taħlitiet perikolużi

x

x

x

x

x

x

x

3(b)

– Is-sustanzi elenkati skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

x

x

x

x

x

x

x

4

– L-injam bħala materja prima li jkun ġestit b’mod sostenibbli

x

x

x

x

x

x

x

5(a)

– Kemm jista’ jissewwa l-prodott u d-disponibbiltà tal-ispareparts

x

x

x

x

x

x

x

5(b)

– Il-garanzija

x

x

x

x

x

x

x

6

– L-impatti mnaqqsa ta’ prodotti li m’għadhomx jintużaw

x

x

x

x

x

x

x

7

– L-istruzzjonijiet għall-installazzjoni u l-informazzjoni lill-utent

x

x

x

x

x

x

x

8

– L-informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

x

x

x

x

x

x

x

Il-kriterju 1.   L-effiċjenza fl-użu tal-ilma

(a)   Il-volum ta’ flaxxjatura sħiħa

Il-volum ta’ flaxxjatura sħiħa indipendentement mill-pressjoni tal-ilma, ta’ tagħmir tat-tojlits u l-awrinari bil-flaxing, meta jitqiegħed fis-suq, m’għandux jaqbeż il-valur preżentat fit-Tabella 2.

It-Tabella 2

Il-limitu massimu tal-volum ta’ flaxxjatura sħiħa ta’ tagħmir tat-tojlits u l-awrinari bil-flaxing

Il-prodott

Il-volum ta’ flaxxjatura sħiħa [L/flaxxjatura]

Tagħmir tat-tojlits bil-flaxing

6,0

Tagħmir tal-awrinari bil-flaxing

1,0

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara li l-prodott hu konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u jispeċifika l-ammont massimu tal-volum ta’ flaxxjatura sħiħa (f’L/flaxxjatura) tal-prodott, flimkien mar-riżultati tat-testijiet li saru skont il-proċedura tat-testijiet li jindikaw l-istandards EN rispettivi għal dan it-tip ta’ prodott (ara t-Tabella 3). Għall-awrinari blokki, il-volum ta’ flaxxjatura sħiħa jirreferi għall-ilma fflaxxjat minn 60 cm wisa’ ta’ ħajt kontinwu.

It-Tabella 3

L-istandards EN li jkejlu l-volum ta’ flaxxjatura sħiħa ta’ tagħmir tat-tojlits u awrinari bil-flaxing

Il-prodott

L-istandard

It-titolu tal-istandard

Is-settijiet tat-tojlit u r-reċipjenti tat-tojlit

EN 997

Il-vaski tat-tojlit u s-settijiet tat-tojlit b’sifun integrali

Settijiet tal-awrinar u awrinari

EN 13407

L-awrinari ta’ mal-ħajt – Ir-rekwiżiti funzjonali u l-metodi tat-test

Sistemi tal-flaxing magħmulin minn ċisterni tal-flaxing

EN 14055

Ċisterni tal-flaxing tat-tojlits u l-awrinari

Sistemi tal-flaxing magħmulin minn valv manwali tal-ifflaxxjar bi pressjoni

EN 12541

Rubinetterija sanitarja – Valvi tal-ifflaxxjar bi pressjoni u valvi tal-awrinari li jagħlqu b’mod awtomatiku PN 10

Sistemi tal-flaxing magħmulin minn valv tal-ifflaxxjar bi pressjoni mingħajr kuntatt

EN 15091

Rubinetterija sanitarja – Rubinetterija sanitarja li tiftaħ u tagħlaq b’mod awtomatiku

(b)   L-iffrankar tal-ilma

Is-settijiet tat-tojlit li jagħtu volum ta’ flaxxjatura sħiħa ta’ aktar minn 4 litri u s-sistemi tal-flaxing tat-tojlit għandu jkollhom apparat li jiffranka l-ilma. Meta jitqiegħed fis-suq, il-volum ta’ flaxxjatura mnaqqsa, indipendentement mill-pressjoni tal-ilma, li joħroġ meta jintuża l-apparat li jiffranka l-ilma m’għandux jaqbeż it-3,0 L/flaxxjatura.

Ir-reċipjenti tat-tojlit għandhom iħallu lok li jintuża apparat li jiffranka l-ilma li l-volum ta’ flaxxjatura mnaqqsa tiegħu, indipendentement mill-pressjoni tal-ilma, li joħroġ meta jintuża l-apparat li jiffranka l-ilma ma jkunx jaqbeż it-3,0 L/flaxxjatura.

Is-settijiet tal-awrinar u s-sistemi tal-flaxing tal-awrinari għandu jkollhom kontroll waħdieni li jifflaxxja skont il-bżonn. L-awrinari blokki b’sistema tal-flaxing għandu jkollhom kontroll waħdieni li jifflaxxja skont il-bżonn għal mhux aktar minn 60 cm wisa’ ta’ wiċċ sħiħ.

L-awrinari għandhom iħallu lok li jintuża kontroll waħdieni li jifflaxxja skont il-bżonn. L-awrinari blokka mingħajr sistema tal-flaxing għandhom iħallu lok għall-kontrolli waħdenin li jifflaxxjaw skont il-bżonn biex jitqiegħdu mhux aktar minn 60 cm wisa’ ta’ wiċċ sħiħ.

Kull kontroll tal-ifflaxxjar b’senser għandu jippreveni milli jiġi attivat għalxejn u jiżgura li l-flaxxjatura toħroġ biss wara li l-prodott ikun tassew intuża.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara li l-prodott hu konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u jagħti dokumentazzjoni li tiddeskrivi t-teknoloġija jew l-apparat applikat fil-prodott. Fejn jidħol it-tagħmir tat-tojlits bil-flaxing, l-applikant għandu jiddikjara l-volum ta’ flaxxjatura mnaqqsa (f’L/flaxxjatura) tal-prodott, kif ukoll ir-riżultati tat-testijiet li saru skont il-proċedura tat-testijiet indikata fl-istandards EN rispettivi għal dan it-tip ta’ prodott (ara t-Tabella 4). Fejn jidħlu l-prodotti li għandhom kontroll tal-ifflaxxjar b’senser, l-applikant għandu jiddeskrivi fil-qosor x’miżuri ttieħdu meta l-prodott kien qed jiġi ddisinjat biex jipprevjeni milli s-senser jiġi attivat għalxejn u biex jiżgura li l-flaxxjatura toħroġ biss wara li l-prodott ikun tassew intuża.

It-Tabella 4

L-istandards EN li jkejlu l-volum ta’ flaxxjatura mnaqqsa ta’ tagħmir tat-tojlits bil-flaxing

Il-prodott

L-istandard

It-titolu tal-istandard

Is-settijiet tat-tojlit u r-reċipjenti tat-tojlit

EN 997

Il-vaski tat-tojlit u s-settijiet tat-tojlit b’sifun integrali

Sistema tal-flaxing tat-tojlits magħmula minn ċisterna tal-flaxing

EN 14055

Ċisterni tal-flaxing tat-tojlits u l-awrinari

(c)   Il-volum medju tal-flaxing

Il-volum medju ta’ flaxxjatura ta’ tagħmir tat-tojlits bil-flaxing, meta jitqiegħed fis-suq, ikkalkulat bil-metodoloġija stabbilita fl-Appendiċi 1 m’għandux jaqbeż it-3,5 L/flaxxjatura. Is-settijiet tat-tojlit li joħorġu volum ta’ flaxxjatura sħiħa ta’ 4,0 litri jew inqas huma eżentati minn dar-rekwiżit.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara li l-prodott hu konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u jispeċifika l-volum medju ta’ flaxxjatura li ġie kkalkulat (f’L/flaxxjatura) tal-prodott, kif ukoll ir-riżultati tat-testijiet li saru skont il-metodoloġija stabbilita fl-Appendiċi 1.

(d)   Aġġustament fal-volum ta’ flaxxjatura

Is-sistemi tal-flaxing għandu jkollhom apparat ta’ aġġustament ħalli min jinstallahom ikun jista’ jaġġusta l-volumi ta’ flaxxjatura skont il-kundizzjonijiet lokali tas-sistema tad-drenaġġ. Il-volum ta’ flaxxjatura sħiħa, wara li jiġi aġġustat skont l-istruzzjonijiet tal-installazzjoni m’għandux jaqbeż is-6 L/flaxxjatura fejn jidħol it-tagħmir tal-flaxing tat-tojlits jew 4 L/flaxxjatura jekk is-sett tat-tojlit ma jkollux apparat li jiffranka l-ilma u 1 L/flaxxjatura fejn jidħol it-tagħmir tal-awrinari bil-flaxing. Il-volum ta’ flaxxjatura mnaqqsa wara li jiġi aġġustat skont l-istruzzjonijiet tal-installazzjoni m’għandux jaqbeż it-3 L/flaxxjatura fejn jidħol it-tagħmir tat-tojlits bil-flaxing.

Meta s-sistemi tal-flaxing ikunu magħmulin minn ċisterna tal-flaxing, il-massimu tal-volum ta’ flaxxjatura sħiħa wara li jkun ġie aġġustat għandu jiġi indikat fuq iċ-ċisterna tal-flaxing b’linja tal-ilma jew marka tal-ilma.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara li l-prodott hu konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u jagħti dokumentazzjoni li tiddeskrivi t-teknoloġija jew l-apparat applikat fil-prodott.

Il-kriterju 2.   Il-prestazzjoni tal-prodott

(a)   Ir-rekwiżiti tas-sistemi tal-flaxing

Is-sistemi tal-flaxing għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-istandards EN rispettivi mniżżlin fit-Tabella 5. It-taqsimiet tal-istandards EN rilevanti fit-Tabella 5 hawn taħt fejn jidħlu l-volumi sħaħ u mnaqqsa ta’ flaxxjatura, huma eżentati minn dal-kriterju.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara li l-prodott hu konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u jagħti r-riżultati tat-testijiet li saru skont il-proċedura tat-testijiet indikata fl-istandards EN rispettivi għal dan it-tip ta’ prodott (ara t-Tabella 5).

It-Tabella 5

Konformità mal-istandard EN għas-sistema tal-flaxing

Is-sistema tal-flaxing

L-istandard

It-titolu tal-istandard

Ċisterni tal-flaxing tat-tojlits u l-awrinari

EN 14055

Ċisterni tal-flaxing tat-tojlits u l-awrinari

Valvi manwali tal-ifflaxxjar bi pressjoni għat-tojlits u l-awrinari

EN 12541

Rubinetterija sanitarja – Valvi tal-ifflaxxjar bi pressjoni u valvi tal-awrinari li jagħlqu b’mod awtomatiku PN 10

Valvi tal-ifflaxxjar bi pressjoni mingħajr kuntatt għat-tojlits u l-awrinari

EN 15091

Rubinetterija sanitarja – Rubinetterija sanitarja li tiftaħ u tagħlaq b’mod awtomatiku

(b)   Il-prestazzjoni tal-flaxxjatura

Il-prestazzjoni tal-flaxxjatura tas-settijiet tat-tojlit u l-awrinar, tar-reċipjenti tat-tojlit u tal-awrinari għandha tkun konformi mar-rekwiżiti tal-istandards EN rispettivi mniżżlin fit-Tabella 6

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara li l-prodott hu konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u jagħti r-riżultati tat-testijiet li saru skont il-proċedura tat-testijiet indikata fl-istandards EN rispettivi għal dan it-tip ta’ prodott (ara t-Tabella 6). Is-settijiet tat-toljit u r-reċipjenti tat-tojlit li ma jkunux koperti minn xi standard EN għandhom juru livelli ta’ prestazzjoni tal-flaxxjatura li jkunu simili għal dawk tal-istess klassi u tip li jkopri l-istandard EN 997. F’dal-każ, l-applikant għandu jagħti r-riżultati tat-testijiet li saru skont il-proċedura tat-testijiet indikata fl-istandard EN 997 għal prodotti tal-istess klassi u tip. Is-settijiet tal-awrinar u l-awrinari li ma jkunux koperti minn xi standard EN għandhom juru livelli ta’ prestazzjoni tal-flaxxjatura li jkunu simili għal dawk tal-istess klassi u tip li jkopri l-istandard EN 13407. F’dal-każ, l-applikant għandu jagħti r-riżultati tat-testijiet li saru skont il-proċedura tat-testijiet indikata fl-istandard EN 13407 għal prodotti tal-istess klassi u tip.

It-Tabella 6

Konformità mal-istandard EN għall-prestazzjoni tal-flaxxjatura tal-prodott

Il-prodott

L-istandard

It-titolu tal-istandard

Is-settijiet tat-tojlit u r-reċipjenti tat-tojlit

EN 997

Il-vaski tat-tojlit u s-settijiet tat-tojlit b’sifun integrali

Is-settijiet tal-awrinar u l-awrinari

EN 13407

L-awrinari ta’ mal-ħajt – Ir-rekwiżiti funzjonali u l-metodi tat-test

(c)   Ir-rekwiżiti tal-awrinari bla ilma

L-awrinari bla ilma għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Appendiċi 2.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara li l-prodott hu konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u jagħti r-riżultati tat-testijiet li saru skont il-proċedura tat-testijiet stabbilita fl-Appendiċi 2. Kull metodoloġija ekwivalenti li turi li ġew issodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Appendiċi 2, għandha tiġi aċċettata wkoll.

Il-kriterju 3.   Is-sustanzi jew it-taħlitiet esklużi jew limitati

(a)   Sustanzi u taħlitiet perikolużi

Skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-Ekotikketta tal-UE ma tistax tingħata lil xi prodott, jew lil xi parti minnu kif jiddefinixxi l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew parti omoġenja minnu li jkun fih sustanzi li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni fid-dikjarazzjonijiet tal-periklu jew fil-frażijiet tar-riskju kif tispeċifika t-Tabella 7 skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jew id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (3), jew is-sustanzi msemmija fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Meta l-limitu għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza jew taħlita fi klassi tal-periklu jkun differenti minn dak tal-frażi tar-riskju, tal-ewwel jieħu prevalenza. Il-frażijiet tar-riskju fit-Tabella 7 ġeneralment jirreferu għal sustanzi. Madankollu, meta l-informazzjoni dwar is-sustanzi ma tkunx tista’ tinkiseb, japplikaw ir-regoli għall-klassifikazzjoni tat-taħlitiet. Is-sustanzi jew it-taħlitiet li bl-ipproċessar jibdlu l-proprjetajiet tagħhom u allura ma’ jibqgħux aktar bijodisponibbli, jew jinbidlu kimikament b’tali mod li jitneħħa l-periklu identifikat qabel, dawn ikunu eżentati mill-kriterju 3(a).

It-Tabella 7

Id-dikjarazzjonijiet tal-periklu u l-frażijiet tar-riskju

Dikjarazzjoni tal-Periklu

Frażi tar-Riskju

H300 Fatali jekk jinbela’

R28

H301 Tossiku jekk jinbela’

R25

H304 Jaf jkun fatali jekk jinbela’ u jmur fil-pajp tan-nifs

R65

H310 Fatali jekk imiss mal-ġilda

R27

H311 Tossiku jekk imiss mal-ġilda

R24

H330 Fatali jekk jinġibed man-nifs

R23/26

H331 Tossiku jekk jinġibed man-nifs

R23

H340 Jaf jikkawża difetti ġenetiċi

R46

H341 Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi

R68

H350 Jaf iġib il-kanċer

R45

H350i Jaf iġib il-kanċer jekk jinġibed man-nifs

R49

H351 Suspettat li jġib il-kanċer

R40

H360F Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità

R60

H360D Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R61

H360FD Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità. Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R60/61/60-61

H360Fd Jaf jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R60/63

H360Df Jaf jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

R61/62

H361f Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

R62

H361d Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R63

H361fd Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R62-63

H362 Jaf jagħmel ħsara lit-tfal imreddgħa

R64

H370 Jagħmel ħsara lill-organi

R39/23/24/25/26/27/28

H371 Jaf jagħmel ħsara lill-organi

R68/20/21/22

H372 Jagħmel ħsara lill-organi jekk jiġu esposti għalih fit-tul jew kemm-il darba

R48/25/24/23

H373 Jaf jagħmel ħsara lill-organi jekk jiġu esposti għalih fit-tul jew kemm-il darba

R48/20/21/22

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

R50

H410 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

R50-53

H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

R51-53

H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi u jħalli effetti fit-tul

R52-53

H413 Jaf iħalli effetti fit-tul lill-organiżmi akkwatiċi

R53

EUH059 Perikoluż għas-saff tal-ożonu

R59

EUH029 Meta jmiss mal-ilma jerħi gass tossiku

R29

EUH031 Meta jmiss mal-aċidi jerħi gass tossiku

R31

EUH032 Meta jmiss mal-aċidi jerħi gass tossiku ħafna

R32

EUH070 Tossiku meta jmiss mal-għajnejn

R39-41

Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għas-sustanzi jew it-taħlitiet li jistgħu jiġu assenjati jew li ġew assenjati d-dikjarazzjonijiet tal-periklu jew il-frażi tar-riskju mniżżlin fit-Tabella 7, u li jkunu jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni fil-klassijiet jew fil-kategoriji tal-periklu, u għas-sustanzi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(a), (b) jew (c) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, m’għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ konċentrazzjoni ġeneriċi jew speċifiċi li ġew determinati skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Meta jkunu ġew determinati limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi, dawn għandhom jieħdu prevalenza fuq dawk ġeneriċi.

Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għas-sustanzi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(d), (e) jew (f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 m’għandhomx jaqbżu 0,1 % piż skont il-piż.

Il-prodott finali m’għandhiex issirlu tikketta b’dikjarazzjoni tal-periklu.

Fejn jidħlu t-tagħmir tat-tojlits bil-flaxing u t-tagħmir tal-awrinari, is-sustanzi/komponenti fit-Tabella 8 huma eżentati mill-obbligu fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 wara l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(7) tal-istess Regolament:

It-Tabella 8

Sustanza/komponenti derogati

Sustanza/komponent

Id-dikjarazzjonijiet tal-periklu u l-frażijiet tar-riskju

Oġġetti li jiżnu anqas minn 25 g

Kull dikjarazzjoni tal-periklu u frażi tar-riskju

Partijiet omoġenji tal-oġġetti kumplessi li jiżnu anqas minn 25 g

Kull dikjarazzjoni tal-periklu u frażi tar-riskju

In-nikil fl-azzar inossidabbli ta’ kull tip

H351, H372 u R40/48/23

Il-komponenti elettroniċi tat-tagħmir tat-tojlits u l-awrinari bil-flaxing, li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4)

Kull dikjarazzjoni tal-periklu u frażi tar-riskju

Valutazzjoni u verifika: għall-prodott jew xi oġġett jew parti omoġenja minnu, l-applikant għandu jiddikjara konformità mal-kriterju 3(a), kif ukoll jagħti dokumentazzjoni relatata, bħal dikjarazzjonijiet ta’ konformità li ffirmaw il-fornituri tagħhom, meta ma ssirx klassifikazzjoni tas-sustanzi jew il-materjali f’xi waħda mill-klassijiet tal-periklu assoċjati mad-dikjarazzjonijiet tal-periklu msemmija fit-Tabella 7 skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, safejn dan, għallinqas, ikun jista’ jiġi determinat mill-informazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti mniżżlin fl-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Din id-dikjarazzjoni għandha tkun appoġġata b’informazzjoni miġbura fil-qosor dwar il-karatteristiċi relevanti li huma assoċjati mad-dikjarazzjonijiet tal-periklu msemmija fit-Tabella 7, b’ċertu dettall kif jispeċifikaw it-Taqsimiet 10, 11 u 12 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

L-informazzjoni dwar il-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi tista’ toħroġ b’modi oħra minflok bit-testijiet, pereżempju b’metodi alternattivi bħall-metodi in vitro, b’mudelli ta’ attività bi struttura kwantitattiva, jew bil-gruppar jew ir-read-across, skont l-Anness XI tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. L-użu kondiviż tad-dejta rilevanti fil-katina tal-provvista hu mħeġġeġ bil-qawwa.

L-informazzjoni mogħtija għandu jkollha x’taqsam mal-forom jew il-qagħdiet fiżiċi tas-sustanza jew tat-taħlitiet kif jintużaw fil-prodott finali.

Għas-sustanzi elenkati fl-Annessi IV u V tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li huma eżentati mill-obbligi tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 2(7)(a) u (b) ta’ dak ir-Regolament, dikjarazzjoni mingħand l-applikant għandha tkun biżżejjed għall-konformità mal-kriterju 3(a).

(b)   Is-sustanzi mniżżlin skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006

M’għandha tingħata l-ebda deroga għall-esklużjoni mill-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 fejn jidħlu s-sustanzi identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna u mniżżlin fil-lista prevista fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (5), meta jkunu preżenti fit-taħlitiet, f’oġġett jew f’xi parti omoġenja ta’ oġġett kumpless f’konċentrazzjonijiet aktar minn 0,1 %. Il-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi determinati skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandhom japplikaw meta l-konċentrazzjoni tkun anqas minn 0,1 %.

Valutazzjoni u verifika: fid-data tal-applikazzjoni għandha ssir referenza għal-lista tas-sustanzi identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna. L-applikant għandu jiddikjara konformità mal-kriterju 3(b), u jagħti d-dokumentazzjoni relatata, inklużi d-dikjarazzjonijiet ta’ konformità li ffirmaw il-fornituri tal-materjali u kopji tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza għal sustanzi jew taħlitiet skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi jew it-taħlitiet. Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għandhom jiġu speċifikati fl-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi u t-taħlitiet.

Il-kriterju 4.   L-injam ġestit b’mod sostenibbli

L-injam jew il-partijiet imsejsa fuq l-injam li jintużaw fit-tojlits u l-awrinari bil-flaxing jistgħu jkunu materjal riċiklat jew verġni.

L-injam verġni għandu jkun kopert b’ġestjoni sostenibbli valida tal-foresti u b’ċertifikati tal-katina tal-kustodja li toħroġhom skema taċ-ċertifikazzjoni ta’ parti terza indipendenti bħall-FSC, il-PEFC jew ekwivalenti.

Madanakollu, meta l-iskemi taċ-ċertifikazzjoni jippermettu taħlit ta’ materjal ċertifikat u materjal mhux ċertifikat fi prodott jew linja ta’ prodotti, il-proporzjon tal-materjal mhux ċertifikat m’għandux jaqbeż il-50 %. Dan il-materjal mhux ċertifikat għandu jkun kopert b’sistema ta’ verifika li tiżgura li dan ġej minn sorsi legali u jissodisfa kull rekwiżit ieħor tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni fejn għandu x’jaqsam il-materjal mhux ċertifikat.

Il-korpi taċ-ċertifikazzjoni li joħorġu ċ-ċertifikati tal-foresti u/jew iċ-ċertifikati tal-katina tal-kustodja għandhom ikunu akkreditati/rikonoxxuti minn dik l-iskema taċ-ċertifikazzjoni.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jagħti dokumentazzjoni xierqa li turi t-tipi, il-kwantitajiet u l-oriġini tal-injam użat jew tal-partijiet imsejsa fuq l-injam użati fit-tojlits u l-awrinari bil-flaxing.

Meta jintuża injam verġni, il-prodott għandu jkun kopert b’ċertifikati validi tal-ġestjoni tal-foresti u tal-katina tal-kustodja li toħroġhom skema taċ-ċertifikazzjoni ta’ parti terza indipendenti, bħall-FSC, il-PEFC jew ekwivalenti. Jekk il-prodott jew il-linja ta’ prodotti jkun fiha materjal mhux ċertifikat, trid tingħata prova li dan il-materjal mhux ċertifikat hu inqas minn 50 % u hu kopert b’sistema ta’ verifika li tiżgura li dan ġej minn sorsi legali u jissodisfa kull rekwiżit ieħor tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni fejn għandu x’jaqsam il-materjal mhux ċertifikat.

Il-kriterju 5.   Kemm iservi l-prodott

(a)   Kemm jista’ jissewwa l-prodott u d-disponibbiltà tal-ispareparts

Il-prodott għandu jiġi ddisinjat b’tali mod li l-komponenti skambjabbli tiegħu jkunu jistgħu jinbidlu faċilment mill-utent finali jew minn inġinier professjonali tas-servizz, kif jixraq. L-informazzjoni dwar liema elementi jistgħu jinbidlu għandha tiġi indikata b’mod ċar fil-folja tal-informazzjoni stampata mal-prodott jew f’format elettroniku, jew it-tnejn. L-applikant għandu jagħti wkoll istruzzjonijiet ċari biex l-utent finali jew l-esperti mħarrġa jkunu jistgħu jagħmlu tiswijiet bażiċi, kif jixraq.

Barra minn hekk, l-applikant għandu jiżgura li l-ispareparts jew ekwivalenti tagħhom għallinqas ikunu disponibbli għal għaxar snin mid-data tax-xiri.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara li l-prodott hu konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u jagħti kampjun jew kampjuni tal-folja tal-informazzjoni dwar il-prodott stampati mal-prodott jew f’format elettroniku, jew it-tnejn.

(b)   Il-garanzija

Il-prodott għandu jkollu garanzija ta’ mill-anqas ħames snin biex jissewwa jew jinbidel.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara li l-prodott hu konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u jagħti kampjun tat-termini tal-garanzija.

Il-kriterju 6.   L-impatti mnaqqsa ta’ prodotti li m’għadhomx jintużaw

Il-partijiet tal-plastik li jiżnu 25 g jew aktar għandhom jiġu mmarkati skont ir-rekwiżiti tal-Istandard EN ISO 11469 ħalli l-materjali jkunu jistgħu jiġu identifikati għar-riċiklaġġ, l-irkupru jew ir-rimi meta ma jibqgħux jintużaw.

L-awrinari bla ilma għandhom jużaw fluwidu faċilment bijodegradabbli jew jaħdmu għalkollox mingħajr fluwidu.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara li l-prodott hu konformi ma’ dawn il-kriterji. Barra minn hekk, għall-awrinari bla ilma, l-applikant għandu jagħti dokumentazzjoni li tiddeskrivi t-teknoloġija użata u, meta jintuża fluwidu, għandu jagħti rapport tat-test li juri li l-fluwidu hu faċilment bijodegradabbli, filwaqt li jsegwi d-definizzjoni u l-metodi tat-test mogħtija fil-“Gwida għall-Applikazzjoni tal-Kriterji CLP” (6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

Il-kriterju 7.   L-istruzzjonijiet għall-installazzjoni u l-informazzjoni lill-utent

Il-prodott għandu jġorr miegħu informazzjoni rilevanti għall-utent u dwar l-installazzjoni, li tagħti d-dettalji tekniċi kollha meħtieġa biex jiġi installat sew u pariri dwar kif il-prodott jintuża b’mod xieraq u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, kif ukoll dwar il-manutenzjoni tiegħu. Għallinqas, l-istruzzjonijiet tal-installazzjoni u l-informazzjoni għall-utenti għandhom jinkludu istruzzjoni u informazzjoni dwar il-punti li ġejjin fuq l-imballaġġ jew fid-dokumentazzjoni li jkun hemm mal-prodott, stampata jew f’format elettroniku:

(a)

istruzzjonijiet għal installazzjoni kif suppost, inklużi:

ir-reċipjenti tat-tojlit, l-awrinari u s-sistemi tal-flaxing li tqiegħdu fis-suq indipendentement, għandhom jinkludu informazzjoni dwar ma’ liema prodotti għandhom jingħaqdu biex tinħoloq unità funzjonali sħiħa li tkun effiċjenti fl-użu tal-ilma;

informazzjoni dwar liema klassi(jiet) jew tip(i), jew it-tnejn, il-prodott ġie ttestjat għalihom;

informazzjoni dwar il-pressjonijiet speċifiċi tal-operazzjoni li l-prodott hu adattat għalihom;

informazzjoni dwar liema tipi ta’ sistemi tad-drenaġġ skont l-Istandard EN 12056, il-prodott jista’ jaħdem magħhom;

informazzjoni li tiddeskrivi kif jistgħu jiġu aġġustati l-volumi ta’ flaxxjatura kif ukoll il-konsegwenzi fejn jidħlu l-livell tal-ilma mormi u l-livell tal-mili;

nota li ssemmi l-ħtieġa li jiġu kkonsultati r-regolamenti nazzjonali u lokali rilevanti qabel il-prodotti jiġu installati;

(b)

informazzjoni li tgħarraf li l-impatt ambjentali ewlieni hu marbut mal-konsum tal-ilma, u pariri dwar kif l-użu razzjonali jista’ jnaqqas l-impatt ambjentali, b’mod partikolari informazzjoni dwar l-użu kif suppost tal-prodott biex jonqos il-konsum tal-ilma;

(c)

informazzjoni li tgħarraf li l-prodott ingħata l-Ekotikketta tal-UE u spjegazzjoni qasira iżda speċifika dwar din xi tfisser, kif ukoll l-informazzjoni ġenerali mogħtija ħdejn is-simbolu tal-Ekotikketta tal-UE,

(d)

il-volum ta’ flaxxjatura sħiħa f’L/flaxxjatura (ittestjat kif juri l-Kriterju 1(a));

(e)

it-tagħmir tat-tojlits bil-flaxing li jkollu jew iħalli lok li jintuża apparat li jiffranka l-ilma, għandu jinkludi l-volumi mnaqqsa u medji ta’ flaxxjatura f’L/flaxxjatura (ittestjati kif juri l-Kriterju 1(b) u 1(c), rispettivament);

(f)

ir-reċipjenti tat-tojlit u l-awrinari li tqiegħdu fis-suq indipendentement, għandhom jinkludu informazzjoni li tgħarraf li l-prodott irid jingħaqad ma’ sistemi tal-flaxing xierqa, li jkollhom l-Ekotikketta, ħalli jsiru unità funzjonali sħiħa li tkun effiċjenti fl-użu tal-ilma, b’mod partikolari għandhom jiġu indikati l-volum ta’ flaxxjatura sħiħa u, jekk rilevanti, il-volumi mnaqqsa u medji ta’ flaxxjatura tas-sistema tal-flaxing li l-prodott irid jingħaqad magħha;

(g)

is-sistemi tal-flaxing li tqiegħdu fis-suq indipendentement, għandhom jinkludu informazzjoni li tgħarraf li l-prodott irid jingħaqad ma’ reċipjent tat-tojlit u/jew awrinar li jkun xieraq u li jkollu l-Ekotikketta, ħalli jsiru unità funzjonali sħiħa li tkun effiċjenti fl-użu tal-ilma, b’mod partikolari għandhom jiġu indikati l-volum ta’ flaxxjatura sħiħa u, jekk rilevanti, il-volumi mnaqqsa u medji ta’ flaxxjatura tar-reċipjent tat-tojlit u/jew tal-awrinar li l-prodott irid jingħaqad miegħu;

(h)

rakkomandazzjonijiet dwar l-użu kif suppost u l-manutenzjoni tal-prodott, li jsemmu l-istruzzjonijiet rilevanti kollha, b’mod partikolari:

pariri dwar il-manutenzjoni u l-użu tal-prodotti;

informazzjoni dwar liema spareparts jistgħu jinbidlu;

istruzzjonijiet dwar it-tibdil tal-woxers u bċejjeċ oħrajn jekk il-prodott inixxi;

pariri dwar it-tindif tal-prodott bl-għodod u l-aġenti tat-tindif xierqa ħalli ma ssirx ħsara lill-wiċċ tal-prodott;

(i)

l-awrinari bla ilma, għandhom jinkludu istruzzjonijiet dwar ir-reġim tal-manutenzjoni li, jekk rilevanti, ikun fih informazzjoni dwar kif għandu jiġi priservat u jinżamm l-iskartoċċ sostitwibbli, dwar kif dan jista’ jinbidel u meta, u lista ta’ fornituri tas-servizz għal manutenzjoni regolari.

(j)

l-awrinari bla ilma għandhom jinkludu rakkomandazzjonijiet xierqa dwar ir-rimi tal-iskrataċ sostitwibbli, b’mod partikolari li jagħtu dettalji dwar xi skema/i ta’ teħid lura li jkun hemm fis-seħħ;

(k)

rakkomandazzjonijiet dwar ir-rimi kif suppost tal-prodott meta dan ma jibqax jintuża.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara li l-prodott hu konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u jagħti kampjun jew kampjuni tal-informazzjoni għall-utent jew link għall-websajt tal-manifattur li jkun fiha din l-informazzjoni, jew it-tnejn.

Il-kriterju 8.   L-informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

It-tikketta mhux obbligatorja bil-messaġġ għandu jkun fiha dan il-kliem:

effiċjenti ħafna fl-użu tal-ilma u b’inqas ħela tal-ilma;

b’dan il-prodott iċċertifikat, int tiffranka l-ilma u l-flus;

inqas impatti ta’ prodotti li m’għadhomx jintużaw.

Il-linji gwida għall-użu tat-tikketta mhux obbligatorja bil-messaġġ jistgħu jinstabu fil-“Guidelines for the use of the EU Ecolabel logo” fis-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/logo_guidelines.pdf

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara li l-prodott hu konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u jagħti kampjun tat-tikketta.


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(3)  ĠU 196, 16.8.1967, p. 1.

(4)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

(5)  http://echa.europa.eu/chem_data/authorisation_process/candidate_list_table_en.asp

(6)  http://echa.europa.eu/documents/10162/13562/clp_en.pdf

Appendiċi 1

Il-metodoloġija biex jitkejjel u jiġi kkalkulat il-volum medju ta’ flaxxjatura

1.   Il-metodi tat-test

Arma t-tagħmir tat-tojlits jew l-awrinari bil-flaxing skont l-istruzzjonijiet li jagħti l-manifattur. Fejn jidħlu r-reċipjenti tat-tojlit, it-tagħmir għandu jintrama b’test tas-sistema tal-flaxing, kif jiddeskrivu l-istandards EN rilevanti.

Qiegħed it-tagħmir armat fuq wiċċ ċatt mimdud jew wieqaf li jkun sod kif jixraq.

Waħħal il-valv mnejn jidħol l-ilma ma’ provvista tal-ilma li jkollha pressjoni statika tal-ilma ta’ (0,2 ± 0,01) MPa (2 ± 0,1 bar) u iftaħ il-valv tal-provvista tal-ilma. Ħalli l-ilma miftuħ waqt kull test.

Ħaddem il-kontroll tal-mekkaniżmu għal flaxxjatura sħiħa, iġbor l-ilma li joħroġ u armih.

1.1   Evalwazzjoni tal-volum ta’ flaxxjatura sħiħa

Ħaddem il-kontroll tal-mekkaniżmu għal flaxxjatura sħiħa u iġbor l-ilma li joħroġ.

Kejjel il-volum permezz ta’ kontenitur kalibrat.

Ħu nota tal-volum imkejjel.

Agħmel it-test tliet darbiet.

Jekk il-volumi li joħorġu jkunu differenti, ikkalkula l-volum ta’ flaxxjatura sħiħa (Vf) bil-medja aritmetika għat-tliet volumi rreġistrati.

1.2   Evalwazzjoni tal-volum ta’ flaxxjatura mnaqqsa

Ħaddem il-kontroll tal-mekkaniżmu għal flaxxjatura mnaqqsa u iġbor l-ilma li joħroġ.

Kejjel il-volum permezz ta’ kontenitur kalibrat.

Ħu nota tal-volum imkejjel.

Agħmel it-test tliet darbiet.

Jekk il-volumi li joħorġu jkunu differenti, ikkalkula l-volum ta’ flaxxjatura mnaqqsa (Vr) bil-medja aritmetika għat-tliet volumi rreġistrati.

2.   Il-kalkolu tal-volum medju ta’ flaxxjatura

Ikkalkola l-volum medju ta’ flaxxjatura (Va) kif ġej:

Formula

Appendiċi 2

Ir-rekwiżiti li jridu jissodisfaw l-awrinari bla ilma u l-metodi tat-test

1.   Ir-rekwiżiti tal-awrinari bla ilma

L-awrinari bla ilma għandhom jgħaddu mit-testijiet kollha li ġejjin:

It-test ta’ reżistenza tat-tagħbija

It-test tal-evakwazzjoni

It-test li jikkonferma li mhemmx tnixxija

It-test tal-prevenzjoni ta’ rifluss tal-arja u tal-ilma maħmuġin u jintnu

2.   Il-mudelli tat-test għall-awrinari bla ilma

2.1   It-test ta’ reżistenza tat-tagħbija

L-awrinari bla ilma għandhom jitqiesu konformi mat-test ta’ reżistenza tat-tagħbija jekk dawn ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar ir-reżistenza mit-tagħbija billi jgħaddu minn test tat-tagħbija statika li jkun simili għal dawk definiti fl-EN 13407. Kull metodu ekwivalenti għandu jiġi aċċettat.

2.2   It-test tal-evakwazzjoni

L-awrinari bla ilma għandhom jitqiesu konformi mat-test tal-evakwazzjoni jekk dawn ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar l-evakwazzjoni tal-ilma billi jgħaddu minn test tal-evakwazzjoni tal-ilma li jkun simili għal dawk definiti fl-EN 14688. Billi t-test fl-EN 14688 hu definit għas-sinkijiet, għandu jiġi aċċettat kull adattament tat-test ħalli dan ikun tajjeb biex jiġu ttestjati l-awrinari bla ilma. Kull metodu ekwivalenti għandu jiġi aċċettat.

2.3   It-test li jikkonferma li mhemmx tnixxija

L-awrinari bla ilma għandhom jitqiesu konformi mat-test li jikkonferma li mhemmx tnixxija jekk dawn ikunu jiżguraw li l-fluwidu kollu li jixteħet fihom, joħroġ biss mill-konnessjoni tal-ħruġ. Għal dan it-test għandu jintuża ilma kulurit biex jgħin ħalli tiġi identifikata kull tnixxija li jaf ikun hemm. Kull metodu ekwivalenti għandu jiġi aċċettat.

Inkella, l-awrinari bla ilma għandhom jitqiesu konformi mat-test li jikkonferma li mhemmx tnixxija jekk dawn ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar l-assorbiment tal-ilma billi jgħaddu minn determinazzjoni tat-test tal-assorbiment tal-ilma li jkun simili għal dawk definiti fl-EN 13407. Kull metodu ekwivalenti għandu jiġi aċċettat.

2.4   It-test tal-prevenzjoni ta’ rifluss tal-arja u tal-ilma maħmuġin u jintnu

L-awrinari bla ilma għandhom jitqiesu konformi mat-test tal-prevenzjoni ta’ rifluss tal-arja u tal-ilma maħmuġin u jintnu jekk dawn ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti għal għeluq tajjeb tal-irwejjaħ u r-rekwiżi tar-reżistenza tas-siġill tal-ilma għall-pressjoni, li jkunu simili għal dawk definiti fl-EN 1253-1 billi rispettivament jgħaddu minn test tal-għeluq tajjeb tal-irwejjaħ u test tar-reżistenza tas-siġill tal-ilma għall-pressjoni li jkunu simili għal dawk definiti fl-EN 1253-2. Kull metodu ekwivalenti għandu jiġi aċċettat.