19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 249/6


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Settembru 2013

li tirrifjuta li tagħti deroga mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE fejn jidħlu r-regoli tal-oriġini għaz-zokkor minn Curaçao

(notifikata bid-dokument C(2013) 5826)

(2013/460/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea (“Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tal-Anness III tagħha,

Billi:

IR-REGOLI TA’ ORIĠINI STIPULATI FL-ANNESS III TAD-DEĊIŻJONI 2001/822/KE

(1)

L-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinanti” u l-metodi ta’ koperazzjoni amministrattiva L-Artikolu 37 tiegħu jistipula li d-derogi minn dawk ir-regoli ta’ oriġini jistgħu jiġu adottati fejn ikun ġustifikat bl-iżvilupp ta’ industriji eżistenti jew il-ħolqien ta’ industriji ġodda f’pajjiż jew territorju.

(2)

Il-punti (g), (j), (k) u (o) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE, jipprovdu li t-tħin parzjali jew totali taz-zokkor, is-separazzjoni u t-tqegħid f’boroż huma kkunsidrati operazzjonijiet li mhumiex biżżejjed biex jingħatalhom l-istatus ta’ prodotti oriġinanti.

(3)

Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 6 tal-Anness III għad-Deċiżjoni 2001/822/KE jipprevedi li l-kumulazzjoni ACP/EC-OCT għall-prodotti taz-zokkor kollha kklassifikati fil-Kapitolu 17 tas-SA titneħħa f’fażijiet u jnaqqas il-kwantitajiet li għalihom tali kumulazzjoni hija progressivament permessa. Billi tiffissal-kwantità fil-livell ta’ żero tunnellati, it-tneħħija gradwali fl-aħħar nett wasslet għall-projbizzjoni ta’ tali kumulazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2011.

DEROGI PREĊEDENTI MOGĦTIJA LILL-ANTILLI OLANDIŻI GĦAL PRODOTTI TAZ-ZOKKOR

(4)

Fl-2002, il-Pajjiżi l-Baxxi talbu deroga mir-regola tal-oriġini fil-każ ta’ prodotti taz-zokkor li jaqgħu fil-kodiċijiet NM 1701 11 90, 1701 99 10 u 1701 91 00 ipproċessata fl-Antilli Olandiżi għal kwantità annwali ta’ 3 000 tunnellata. Dik it-talba kienet mogħtija u d-deroga ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2007.

(5)

Fl-2009, il-Pajjiżi l-Baxxi ressqu talba għal estensjoni tad-deroga mogħtija fl-2002, liema talba ġiet miċħuda b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/699/KE (2). Madankollu, dik id-Deċiżjoni approvat talba ġdida għal deroga inkluża fit-talba għal estensjoni, fil-limiti tal-kwantitajiet li għalihom ġew allokati l-liċenzji ta’ importazzjoni taz-zokkor lill-Antilli Olandiżi fl-2009 u fl-2010.

(6)

Fl-2010, il-Pajjiżi l-Baxxi talbu deroga ġdida fir-rigward ta’ prodotti taz-zokkor ipproċessati fl-Antilli Olandiżi għall-perjodu mill-2011 sal-2013. Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/47/UE (3) id-deroga ngħatat skont il-paragrafi 1, 3 u 7 tal-Artikolu 37 tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE u taħt ċerti kondizzjonijiet, li l-għan tagħhom kien li jibbilanċjaw l-interessi leġittimi tal-operaturi tal-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej (PTEE) mal-objettivi tal-Unjoni tal-organizzazzjoni tas-suq komuni għaz-zokkor. Il-prodotti li għalihom ingħatat id-deroga kienu soġġetti għal attivitajiet ta’ pproċessar reali fl-Antilli Olandiżi u l-valur miżjud maz-zokkor mhux raffinat fl-Antilli Olandiżi kien ikkunsidrat li jkun tal-inqas 45 % tal-valur tal-prodott finali.

(7)

Id-Deċiżjoni 2011/47/UE spjegat li t-tneħħija gradwali tal-kumulazzjoni ta’ oriġini ACP/EC-OCT rigward iz-zokkor, kif previst fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 6 tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE, uriet li kien il-ħsieb tal-Unjoni li tiffoka l-preferenzi kummerċjali fuq l-attività ekonomika li tikkontribwixxi b’mod sostenibbli għall-iżvilupp tal-PTEE filwaqt li tikkunsidra s-settur taz-zokkor tal-Unjoni. Dan il-prinċipju ġie applikat bil-għan li jiddetermina l-kwantitajiet li għalihom ingħatat id-deroga permezz tad-Deċiżjoni 2011/47/UE. It-talba ppreżentata fl-2010 indikat ukoll li l-kumpanija f’Curaçao li tibbenefika mid-derogi preċedenti kellha l-għan li tiddiversifika lil hinn mill-produzzjoni taz-zokkor li teħtieġ aktar deroga. Għalhekk l-ammonti għad-deroga tneħħew gradwalment (5 000 tunnellata għall-2011, 3 000 tunnellata għall-2012 u 1 500 tunnellata għall-2013).

(8)

Fit-talba mressqa fl-2010, il-Pajjiżi l-Baxxi enfasizzaw li l-kumpanija f’Curaçao, li tibbenefika minn derogi preċedenti, kellha l-għan li tiddiversifika fil-produzzjoni ta’ taħlit u “zokkor bijo” li t-tnejn li huma jindirizzaw distintivament swieq differenti minn tal-prodotti taz-zokkor kopert minn din it-talba mressqa fl-2010. Kien meħtieġ li d-deroga mitluba fl-2010 tikseb il-kapital neċessarju għall-investimenti meħtieġa għal diversifikazzjoni bħal din. Konsegwentement, bl-għotja tad-deroga permezz tad-Deċiżjoni 2011/47/UE, kien mistenni li d-deroga għandha tiġġenera d-dħul meħtieġ biex tiffinanzja dawn l-investimenti fid-diversifikazzjoni ta’ prodotti u attivitajiet, sabiex il-kumpanija li tibbenefika mid-deroga ma jkollhiex għalfejn titlob aktar derogi.

L-EWWEL TALBA MRESSQA FL-2013 GĦAL DEROGA GĦALL-PRODOTTI TAZ-ZOKKOR

(9)

Fil-11 ta’ Frar 2013, il-Pajjiżi l-Baxxi talbu f’isem l-Antilli Olandiżi deroga ġdida mir-regoli ta’ oriġini stipulati fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2013, data tal-iskadenza tad-Deċiżjoni 2001/822/KE. It-talba tkopri kwantità annwali totali ta’ 5 500 tunnellata ta’ prodotti taz-zokkor tal-kodiċi NM 1701 14 90, deskritti bħala “zokkor bijo”, li joriġinaw f’pajjiżi terzi u li jiġu pproċessati f’Curaçao għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

(10)

Din it-talba ġiet irtirata uffiċjalment mill-Pajjiżi l-Baxxi fis-17 ta’ April 2013 minħabba li l-attivitajiet ta’ pproċessar deskritti fit-talba ma kinux għadhomx jitwettqu fl-Antilli Olandiżi. Il-kumpanija f’Curaçao kienet ċaqalqet parti mill-attivitajiet tal-ipproċessar taz-zokkor tagħha, b’mod partikolari l-produzzjoni ta’ ċangaturi taz-zokkor manifatturati minn zokkor tal-kannamieli mhux raffinat, ippakkjat għall-bejgħ bl-imnut, għall-Belġju minn fejn hija attwalment tforni s-supermarkets fil-Pajjiżi l-Baxxi. Hija orjentat mill-ġdid il-linja tal-produzzjoni li kien fadlilha lejn is-separazzjoni, it-tindif, it-tħin u t-taħlit sempliċi ta’ zokkor organiku u l-ippakkjar tiegħu f’boroż ta’ 1 000 kg għat-trasport.

IT-TIENI TALBA MRESSQA FL-2013 GĦAL DEROGA GĦALL-PRODOTTI TAZ-ZOKKOR

(11)

Fis-17 ta’ April 2013, il-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew it-tieni talba għal deroga għal 5 000 tunnellata ta’ prodotti taz-zokkor, deskritti bħala zokkor organiku tal-kannamieli mhux maħdum tal-kodiċi NM 1701 14 90, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2013 u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2013. Il-Pajjiżi l-Baxxi spjegaw li minn diskussjonijiet mal-awtoritajiet ta’ Curaçao kien jidher li l-kwantitajiet li għalihom ingħatat id-deroga għall-2013 bid-Deċiżjoni 2011/47/UE mhux se jkunu biżżejjed biex jitkomplew l-attivitajiet tal-kumpanija li tieħu ħsieb l-ipproċessar taz-zokkor f’Curaçao.

(12)

It-tieni talba kienet prinċipalment motivata minn bidla fiċ-ċirkostanzi fil-kumpanija involuta, minħabba li l-kumpanija kienet biddlet l-attività tan-negozju tagħha lejn l-ipproċessar ta’ zokkor organiku tal-kannamieli, bidla fis-suq dinji taz-zokkor, peress li l-UE saret importatur nett taz-zokkor, il-fatt li l-valur miżjud lill-materja prima tal-pajjiżi terzi kienet aktar minn 45 % tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott finali, u l-ħolqien ta’ impjiegi diretti u indiretti f’Curaçao. Fl-14 ta’ Ġunju 2013 u t-28 ta’ Ġunju 2013, il-Pajjiżi l-Baxxi pprovdew informazzjoni addizzjonali biex isostnu t-talba tagħham tas-17 ta’ April 2013.

(13)

Bl-ittra tas-16 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Olandiżi jinnutaw il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tat-talba u l-intenzjoni tagħha li tirrakkomanda li t-talba tiġi miċħuda. Il-Kummissjoni talbet ukoll li l-awtoritajiet Olandiżi jittrażmettu din il-valutazzjoni lill-kumpanija potenzjalment ikkonċernata mid-deroga biex tippermetti lill-Pajjiżi l-Baxxi u lill-kumpanija kkonċernata jqajmu kwalunkwe kwistjonijiet ta’ fatt jew liġi li jistgħu jikkonċernaw it-talba qabel ma l-Kummissjoni tilħaq id-deċiżjoni finali tagħha. Il-limitu taż-żmien għat-tweġiba ġie stabbilit għall-25 ta’ Lulju 2013. It-tweġiba waslet mill-awtoritajiet Olandiżi fl-24 ta’ Lulju 2013.

IL-VALUR MIŻJUD FUQ PRODOTTI MHUX ORIĠINANTI UŻATI

(14)

Il-paragrafu 7 tal-Artikolu 37 tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE jipprovdi li d-derogi jingħataw fejn il-valur miżjud mal-prodotti mhux oriġinanti użati fil-PTEE kkonċernat huwa mill-inqas 45 % tal-valur tal-prodott lest, dejjem jekk id-deroga mhix tali li tikkawża ħsara serja lil settur ekonomiku tal-Komunità jew wieħed jew aktar mill-Istati Membri.

(15)

L-informazzjoni rċevuta mill-kumpanija f’Curaçao, kif ikkomunikata mill-Pajjiżi l-Baxxi, dwar il-kalkolu tal-valur iġġenerat f’Curaçao għall-produzzjoni ta’ “zokkor tal-kannamieli bijo” fl-2013 jindika l-valur miżjud mill-ipproċessar ta’ 5 000 tunnellata ta’ “zokkor bijo”. Il-kumpanija indikat ukoll il-prezz tax-xiri għal tunnellata waħda ta’ “zokkor bijo” mhux raffinat li joriġina f’pajjiżi terzi u l-prezz mill-fabbrika li bih tinbiegħ tunnellata “zokkor bijo”. Skont il-kumpanija, dawn iċ-ċifri jiġġeneraw valur miżjud fir-rigward tal-prezz mill-fabbrika ta’ 52 %. Skont l-istess informazzjoni l-produzzjoni ta’ 1 500 tunnellata ta’ “zokkor bijo” għandha tiġġenera valur miżjud fir-rigward tal-prezz mill-fabbrika ta’ 88 %.

(16)

L-informazzjoni rċevuta mill-kumpanija, kif mibgħuta mill-Pajjiżi l-Baxxi, rigward il-kalkolu tal-valur iġġenerat f’Curaçao għal “zokkor kristallizzat ismar” fl-1 ta’ Jannar 2013, tindika l-valur miżjud permezz tax-xogħol u l-ipproċessar ta’ 5 500 tunnellata ta’ “zokkor kristallizzat ismar”. Fejn l-ogħla valur miżjud disponibbli għal kull tunnellata ta’ “zokkor kristallizzat ismar” huwa meqjus bħala realistiku, il-valur miżjud fir-rigward tal-prezz mill-fabbrika jammonta għal madwar 52,4 %. Madankollu, l-operazzjonijiet tal-ipproċessar imwettqa fuq “zokkor bijo” jinvolvu inqas ipproċessar miz-“zokkor kristallizzat” ippakkjat għall-bejgħ bl-imnut. Il-valur miżjud inerenti f’dawk l-operazzjonijiet u l-ispejjeż tal-ipproċessar attwali jistgħu għalhekk ikunu aktar baxxi għal “zokkor bijo” ppakkjat f’boroż ta’ 1 000 kg għat-trasport milli għaz-“zokkor kristallizzat ismar” ippakkjat għall-bejgħ bl-imnut.

(17)

Skont ir-“Rapport 2013 - Perspettiva Globali taz-Zokkor” (4) l-ispiża tal-produzzjoni taz-zokkor tal-kannamieli fil-Brażil, li huwa l-aktar reġjun kompetittiv għall-produzzjoni taz-zokkor fid-dinja jammonta għal USD 224,7 għal kull tunnellata għall-produzzjoni tal-kannamieli u USD 95 għal kull tunnellata għall-ipproċessar tal-kannamieli f’zokkor mhux maħdum. L-ispejjeż totali, inklużi l-ispejjeż amministrattivi, huma USD 367,8 għal kull tunnellata jew, b’rata tal-kambju ta’ EUR 1 = USD 1,3, EUR 283 għal kull tunnellata zokkor tal-kannamieli mhux maħdum. B’kunsiderazzjoni tal-biedja u l-operazzjonijiet tal-ipproċessar involuti fil-produzzjoni ta’ zokkor mhux maħdum tal-kannamieli, jidher improbabbli li l-ispejjeż għal sempliċiment tindif, tħin u ppakkjar ta’ zokkor organiku tal-kannamieli, li tikkostitwixxi biss frazzjoni tal-proċess ta’ produzzjoni, ikun ogħla. Meta wieħed iqis EUR 283 għal kull tunnellata bħala spejjeż realistiċi tal-produzzjoni għall-kalkolu tal-valur miżjud għat-tindif, it-tħin u l-ippakkjar ta’ zokkor organiku mhux maħdum tal-kannamieli fil-kumpanija f’Curaçao, il-prezz mill-fabbrika jkun jammonta għal EUR 1 020,19 għal kull tunnellata u l-valur miżjud fir-rigward tal-prezz mill-fabbrika jammonta għal sempliċiment 32,2 %.

(18)

Fis-simulazzjoni ta’ spejjeż komparabbli fil-Premessa 17, il-valur miżjud ma jilħaqx il-45 %. Għalhekk huwa realistiku li valur miżjud bħal dan jista’ jinkiseb mill-kumpanija f’Curaçao li twettaq ipproċessar sempliċi. Minflok, iċ-ċifri trażmessi lill-Kummissjoni jkollhom jitqiesu bħala li jinkludu komponenti u qligħ ġenerali li ma jikkostitwixxux ammonti li jikkontribwixxu għall-benefiċċju tal-popolazzjoni f’Curaçao.

L-INVESTIMENT FL-INDUSTRIJA EŻISTENTI FL-ANTILLI OLANDIŻI BIEX JIPPERMETTI LI R-REGOLI TAL-ORIĠINI GĦAZ-ZOKKOR JIĠU SSODISFATI

(19)

Skont il-punt (c) tal-paragrafu 3, tal-Artikolu 37 tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE, l-eżami ta’ talbiet għal derogi għandhom iqisu każijiet fejn ikun jista’ jintwera b’mod ċar li investiment sinifikanti f’industrija jistgħu jiġu skoraġġuti permezz tar-regoli tal-oriġini u fejn deroga li tiffavorixxi r-realizzazzjoni tal-programm ta’ investiment tippermetti li dawn ir-regoli jiġu ssodisfati fi stadji.

(20)

It-tneħħija gradwali ta’ kumulazzjoni ta’ oriġini AKP/PTEE-KE għaz-zokkor fl-1 ta’ Jannar 2011 kienet magħrufa bil-quddiem mill-kumpanija f’Curaçao u kellha biżżejjed żmien biex tħejji lilha nnifisha u tiddiversifika lejn il-produzzjoni ta’ prodotti li ma jkunux jeħtieġu deroga.

(21)

Matul il-perjodu mill-2009 sal-2013 il-kumpanija f’Curaçao bbenefikat minn derogi li jgħinu biex jiġi ġġenerat id-dħul meħtieġ għall-investiment fid-diversifikazzjoni lejn il-produzzjoni ta’ prodotti li ma jeħtiġux deroga mir-regoli ta’ oriġini. Skont it-tagħrif li wasal mingħand il-kumpanija, l-investimenti kienu baxxi ħafna fl-2009, u ma saru l-ebda investimenti bejn l-2010 u l-2012. Id-derogi għalhekk għenu biss biex jinżammu l-attivitajiet attwali tal-kumpanija f’Curaçao mingħajr ma kkontribwixxew b’mod sostenibbli għall-iżvilupp ta’ industrija eżistenti jew il-ħolqien ta’ waħda ġdida. Għalhekk huwa dubjuż li deroga ġdida tinkoraġġixxi lill-kumpanija biex tagħmel investimenti ġodda.

(22)

Sabiex it-taħlitiet ta’ zokkor ta’ HS 2106, li fihom il-pektin jew il-kaseina, li għandhom jiġu kkunsidrati bħala li joriġinaw minn Curaçao biex b’hekk jibbenefikaw minn aċċess preferenzjali fl-Unjoni, il-valur ta’ zokkor mhux oriġinanti użat fil-manifattura tal-prodott finali ma jistax jaqbeż it-30 % tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika. Bid-diversifikazzjoni lejn il-produzzjoni ta’ tali taħlitiet, kif propost fit-talba attwali, il-kumpanija xorta waħda meħtieġa tapplika għal deroga sabiex tkun tista’ tikkonforma mar-regoli ta’ oriġini.

IL-ĦILA TAL-INDUSTRIJA EŻISTENTI FL-ANTILLI OLANDIŻI LI TKOMPLI L-ESPORTAZZJONIJIET TAZ-ZOKKOR LEJN L-UNJONI

(23)

Skont il-punt (b) tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 37 tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE, l-eżami ta’ talbiet għal derogi għandhom iqisu każijiet fejn l-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini eżistenti se jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-industrija eżistenti fil-PTEE li tissokta bl-esportazzjoni tagħha lejn l-Unjoni, b’referenza partikolari għall-każijiet meta dan ikun jista’ jwassal għall-waqfien tal-attivitajiet tagħha.

(24)

Il-Kummissjoni żżomm karta tal-bilanċ sabiex tanalizza is-suq taz-zokkor u biex tara jekk il-ħażniet taz-zokkor humiex biżżejjed, kemm jekk ikun meħtieġ zokkor addizzjonali jew jekk xi zokkor ikun irid jitneħħa mis-suq sabiex jinżamm livell ta’ prezz viċin il-prezz ta’ referenza. Dik il-karta tal-bilanċ kontinwament turi kwantità ta’ bejn 50 000 u 60 000 tunnellata zokkor li jiġu importati b’dazju sħiħ.

(25)

Għal prodotti taz-zokkor tal-kodiċi NM 1701 14 90, fl-Unjoni tapplika tariffa doganali ta’ EUR 419 għal kull tunnellata. Meta jitqies li l-prezz tas-suq dinji għaz-zokkor abjad, li jinkludi l-ispejjeż għar-raffinar, innegozjat fil-London Futures Exchange huwa ta’ madwar EUR 380 għal kull tunnellata u japplika dazju doganali ta’ EUR 419 għal kull tunnellata, il-prezz ta’ dan iz-zokkor ikun mill-inqas EUR 800 għal kull tunnellata meta kkonsenjata fl-Unjoni bid-dazji mħallsa. Il-prezz medju ta’ dawn il-prodotti taz-zokkor immanifatturati fl-Unjoni kif ikkomunikat mill-Istati Membri skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (5) huwa ta’ madwar EUR 725 kull tunnellata. Taħt tali kondizzjonijiet dawn il-prodotti taz-zokkor x’aktarx li ma jiġux importati bi profitt fl-Unjoni sakemm ma jkunx zokkor ta’ livell għoli bħal dak organiku jew zokkor tal-kummerċ ġust, li jinbiegħ bi prezz ħafna iktar għoli minn prodotti oħrajn taz-zokkor.

(26)

Għalhekk huwa probabbli li parti sostanzjali mill-importazzjonijiet fl-Unjoni b’dazju tad-dwana sħiħ ikunu organiċi jew tal-kummerċ ġust peress li zokkor ta’ dan it-tip jista’ jinbiegħ għal sa EUR 3 000 għal kull tunnellata fis-settur tal-bejgħ bl-imnut. Il-volum tal-importazzjonijiet ta’ zokkor organiku tal-kannamieli b’dazju sħiħ fl-Unjoni juri li esportaturi taz-zokkor madwar id-dinja qegħdin jissoppravvivu fis-suq attwali.

(27)

Biż-żieda mal-prezz tax-xiri taz-zokkor mhux maħdum kif ikkomunikat mill-kumpanija, EUR 283 għal kull tunnellata bħala spiża realistika tal-produzzjoni għall-kalkolu tal-valur miżjud għat-tħin u l-ippakkjar ta’ zokkor organiku mhux maħdum tal-kannamieli fil-kumpanija f’Curaçao, il-marġni ta’ qligħ u l-ispejjeż tat-tbaħħir kif ikkomunikat mill-kumpanija u d-dazju fuq l-importazzjoni li jkollu jitħallas fl-Unjoni, il-kumpanija f’Curaçao għandha tibqa’ xorta f’pożizzjoni li tesporta “zokkor bijo” lejn l-Unjoni b’mod kosteffettiv mingħajr ma jkollha toqgħod fuq deroga li se teżenta lill-importatur fl-Unjoni mill-ħlas ta’ dazji fuq l-importazzjoni applikabbli. Barra minn hekk, il-livell tal-prezz tal-bejgħ għal kull tunnellata ta’ “zokkor bijo” lix-xerrej fil-Pajjiżi l-Baxxi kif indikat mit-talba tal-Pajjiżi l-Baxxi jista’ jitqies li hu suffiċjenti biex ipatti għall-impatt tal-applikazzjoni ta’ dazju tad-dwana sħiħ.

(28)

Bħala operatur PTEE, il-kumpanija f’Curaçao li twettaq l-attivitajiet ta’ pproċessar fuq il-prodotti taz-zokkor qed tqiegħed lilha nnifisha fuq is-suq dinji u hija libera li tesporta l-prodotti tagħha lejn kwalunkwe parti tad-dinja, inkluża l-Unjoni. Dik il-kumpanija għalhekk tista’ titqabbel ma’ operaturi oħra madwar id-dinja kollha li jwettqu l-istess attività. B’mod partikolari, il-livell tal-ispejjeż tat-trasport mill-PTEE lejn l-Unjoni, li skont it-tagħrif miksub mill-kumpanija jammonta għal EUR 42,59 għal kull tunnellata ma jpoġġix lill-kumpanija f’Curaçao f’pożizzjoni żvantaġġata meta tikkompeti ma’ atturi oħra fis-suq għaliex il-kumpannija hija libera li tbigħ il-prodotti tagħha lil swieq li huma eqreb lejn il-post ta’ operazzjoni mill-Unjoni.

(29)

L-esportazzjonijiet taz-zokkor, għasel iswed u għasel jirrappreżentaw biss 6 % tal-esportazzjoni totali ta’ merkanzija minn Curaçao, ħlief prodotti taż-żejt. L-attivitajiet ta’ ġestjoni tal-kontejners relatata mal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti taz-zokkor jirrappreżentaw biss 2 % tat-total tal-attivitajiet ta’ ġestjoni tal-kontejners marbuta mal-importazzjoni u mal-esportazzjoni. Il-kontribut ta’ dawn l-esportazzjonijiet lejn l-iżvilupp tat-territorju tista’ biss tkun żgħira, fl-aħjar każ.

(30)

F’termini ta’ impjiegi, huwa mistenni li d-deroga toħloq 10 impjiegi addizzjonali li huwa sproporzjonatament baxx meta mqabbel maż-żieda mitluba fil-volum tal-produzzjoni. B’mod partikolari, dawn l-10 impjiegi addizzjonali li huma mistennija li jinħolqu huma inqas mill-20 impjieg mitluf minn mindu saret it-talba fl-2010, fejn il-Pajjiżi l-Baxxi indikaw li 35 persuna kienu jaħdmu fil-kumpanija f’Curaçao, u t-tieni talba tal-2013 li tiddikjara li 15-il persuna kienu jaħdmu fil-kumpanija.

KONKLUŻJONI

(31)

L-impatt tar-rifjut tad-deroga l-ġdida mitluba fis-17 ta’ April 2013 se jkun minimu. Rifjut la mhu se jfixkel il-kumpanija fit-tkomplija tal-esportazzjonijiet tagħha ta’ prodotti taz-zokkor lejn l-Unjoni u lanqas mhu se jkollu effett deterrenti fuq l-investiment fl-industrija taz-zokkor f’Curaçao għaliex il-marġni ta’ profitt xorta jkun biżżejjed biex jiffaċilita l-investimenti, anke meta fl-Unjoni titħallas ir-rata ta’ dazju sħiħa.

(32)

Bħala riżultat, id-deroga mitluba mhix ġustifikata fir-rigward tal-paragrafu 1, il-punti (b) u (c) tal-paragrafu 3 u l-paragrafu 7 tal-Artikolu 37 tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE.

(33)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-talba mressqa fis-17 ta’ April 2013 mill-Pajjiżi l-Baxxi, u li tlestiet fl-14 u fit-28 ta’ Ġunju 2013, għal deroga mid-Deċiżjoni 2001/822/KE fejn jidħlu r-regoli tal-oriġini għaz-zokkor minn Curaçao, hija b’dan miċħuda.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Settembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 239, 10.9.2009, p. 55.

(3)  ĠU L 21, 25.1.2011, p. 3.

(4)  ippubblikat fir-reviżjoni “Sugar and HFCS production costs -global benchmarking”, maħruġa mill-LMC international.

(5)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.