18.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 195/24


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Lulju 2013

dwar l-adozzjoni tal-euro fil-Latvja fl-1 ta’ Jannar 2014

(2013/387/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 140(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni Ewropea (1),

Wara li kkunsidra r-rapport mill-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra d-diskussjoni tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro,

Billi:

(1)

It-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja (“UEM”) beda fl-1 ta’ Jannar 1999. Il-Kunsill, li ltaqa’ fi Brussell fit-3 ta’ Mejju 1998 fil-kompożizzjoni tal-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern, iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta’ Jannar 1999 (3).

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni 2000/427/KE (4), il-Kunsill iddeċieda li l-Greċja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2001. Permezz tad-Deċiżjoni 2006/495/KE (5), il-Kunsill iddeċieda li s-Slovenja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2007. Permezz tad-Deċiżjonijiet 2007/503/KE (6) u 2007/504/KE (7) il-Kunsill iddeċieda li Ċipru u Malta ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2008. Permezz tad-Deċiżjoni 2008/608/KE (8), il-Kunsill iddeċieda li s-Slovakkja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Permezz tad-Deċiżjoni 2010/416/UE (9), il-Kunsill iddeċieda li l-Estonja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro.

(3)

Skont il-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (“it-Trattat tal-KE”), ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill li ma kienx biħsiebu jgħaddi għat-tielet fażi tal-UEM fl-1 ta’ Jannar 1999. Dik in-notifika ma tbiddlitx. Skont il-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward id-Danimarka anness mat-Trattat tal-KE u d-Deċiżjoni meħuda mill-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern f’Edinburgh f’Diċembru 1992, id-Danimarka nnotifikat lill-Kunsill li ma kinitx se tieħu sehem fit-tielet fażi tal-UEM. Id-Danimarka ma talbitx li tinbeda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”).

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni 98/317/KE, l-Isvezja għandha deroga kif iddefinit fl-Artikolu 139(1) TFUE. B’konformità mal-Artikolu 4 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 (10), ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija u l-Polonja għandhom derogi kif iddefinit fl-Artikolu 139(1) TFUE. Skont l-Artikolu 5 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 (11), il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom derogi kif iddefinit fl-Artikolu 139(1) TFUE. Skont l-Artikolu 5 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Kroazja (12), il-Kroazja għandha deroga kif iddefinit fl-Artikolu 139(1) TFUE.

(5)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”) ġie stabbilit fl-1 ta’ Lulju 1998. Is-Sistema Monetarja Ewropea ġiet sostitwita minn mekkaniżmu għar-rati tal-kambju, li t-twaqqif tiegħu ġie miftiehem permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja tas-16 ta’ Ġunju 1997 (13). Il-proċeduri għal mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja (ERM II) ġew stabbiliti fil-Ftehim tas-16 ta’ Marzu 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja (14).

(6)

L-Artikolu 140(2) TFUE jistabbilixxi l-proċeduri għat-tħassir tad-deroga tal-Istati Membri kkonċernati. Mill-inqas darba kull sentejn, jew fuq talba ta’ Stat Membru b’deroga, il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom jirrappurtaw lill-Kunsill skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 140(1) TFUE. Fil-5 ta’ Marzu 2013, il-Latvja ressqet talba formali għal valutazzjoni tal-konverġenza.

(7)

Il-leġislazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri, inklużi l-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom jiġu adattati skont il-ħtieġa bl-għan li tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-Artikoli 130 u 131 TFUE u mal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (“Statut tas-SEBĊ u tal-BĊE”). Ir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE jagħtu valutazzjoni dettaljata tal-kompatibbiltà tal-leġislazzjoni tal-Latvja mal-Artikoli 130 u 131 TFUE u mal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

(8)

Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 13 dwar il-kriterji ta’ konverġenza msemmija fl-Artikolu 140 TFUE, il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE jfisser li Stat Membru għandu prestazzjoni tal-prezzijiet li tkun sostenibbli u rata medja ta’ inflazzjoni, li tkun ġiet osservata matul perijodu ta’ sena qabel l-eżami, li l-iktar, ma tkunx taqbeż b’iżjed minn punt perċentwali u nofs dik tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni għandha titkejjel permezz tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICPs) definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta’ Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (15). Għall-valutazzjoni tal-kriterju tal-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni ta’ Stat Membru titkejjel permezz tal-bidla perċentwali fil-medja aritmetika ta’ 12-il indiċi mensili f’relazzjoni mal-medja aritmetika ta’ 12-il indiċi mensili tal-perijodu ta’ qabel. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, tqies valur referenzjarju kkalkulat bħala l-medja artimetika sempliċi tar-rati ta’ inflazzjoni tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet, biż-żieda ta’ 1,5 punti perċentwali. Fil-perijodu ta’ sena li jispiċċa f’April 2013, il-valur referenzjarju tal-inflazzjoni ġie kkalkulat li kien 2,7 fil-mija, bl-Isvezja, il-Latvja u l-Irlanda bħala t-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni f’dik li hi l-istabbiltà ta’ prezzijiet, b’rati ta’ inflazzjoni ta’ 0,8 fil-mija 1,3 fil-mija u 1,6 fil-mija rispettivament.

Huwa meħtieġ li jiġu esklużi l-pajjiżi bl-aqwa prestazzjoni li r-rati ta’ inflazzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu meqjusa bħala valur referenzjarju sinifikanti għal Stati Membri oħra. Tali pajjiżi fil-passat kienu identifikati fir-Rapporti ta’ Konverġenza tal-2004 u l-2010. Fis-sitwazzjoni attwali, huwa meħtieġ li l-Greċja tiġi eskluża mill-aqwa prestaturi, minħabba li r-rata ta’ inflazzjoni u l-profil tagħha jiddevjaw b’marġni wiesa’ mill-medja taż-żona tal-euro, li jirriflettu b’mod prinċipali l-ħtiġijiet ibsin ta’ aġġustament u sitwazzjoni eċċezzjonali tal-ekonomija Griega, u jekk din tiġi inkluża taffettwa b’mod ħażin il-valur referenzjarju u għaldaqstant il-ġustizzja tal-kriterju (16).

(9)

Skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 13, il-kriterju dwar il-pożizzjoni baġitarja tal-gvern imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE għandu jfisser li fil-waqt tal-eżami, l-Istat Membru ma jkunx is-suġġett ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(6) TFUE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv.

(10)

Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 13, il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea li jissemma fit-tielet inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE jfisser li Stat Membru jkun irrispetta l-marġni għall-varjazzjonijiet normali li jipprovdi għalihom il-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju (ERM) tas-Sistema Monetarja Ewropea mingħajr tensjonijiet gravi għal tal-anqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. B’mod partikolari, l-Istat Membru ma għandux ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-euro fuq inizjattiva tiegħu stess matul l-istess perijodu. Mill-1 ta’ Jannar 1999, l-ERM II jipprovdi l-qafas għall-evalwazzjoni tas-sodisfar tal-kriterju tar-rata tal-kambju. Fl-evalwazzjoni tas-sodisfar ta’ dan il-kriterju fir-rapporti tagħhom, il-Kummissjoni u l-BĊE eżaminaw il-perijodu ta’ sentejn li ntemm fis-16 ta’ Mejju 2013.

(11)

Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 13 il-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati ta’ mgħax li jissemma fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE jfisser li, fuq osservazzjoni matul perijodu ta’ sena qabel l-eżami, Stat Membru kellu medja tar-rati ta’ mgħax nominali fit-tul li ma jaqbiżx b’aktar minn żewġ punti perċentwali dik ta’, l-aktar nett, it-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati ta’ mgħax, intużaw rati ta’ mgħax komparabbli fuq bonds ta’ referenza ta’ għaxar snin maħruġa mill-gvern. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, sabiex jiġi evalwat is-sodisfar tal-kriterju tar-rati ta’ mgħax, tqies valur referenzjarju kkalkulat bħala l-medja artimetika sempliċi tar-rati ta’ mgħax nominali fit-tul tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta’ żewġ punti perċentwali. Abbażi ta’ dan, il-valur referenzjarju fil-perijodu ta’ sena li ntemm f’April 2013 kien 5,5 %.

(12)

B’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 13, id-data użata fil-valutazzjoni tal-kriterji ta’ konverġenza għandha tiġi pprovduta mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni pprovdiet data għat-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni. Id-data baġitarja ġiet ipprovduta mill-Kummissjoni wara li l-Istati Membri rrappurtaw sal-1 ta’ April 2013 b’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta’ Novembru 1993 (17) dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv.

(13)

Abbażi tar-rapporti mressqa mill-Kummissjoni u l-BĊE dwar il-progress li sar fis-sodisfar mil-Latvja tal-obbligi tagħha rigward il-kisba tal-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kummissjoni kkonkludiet li:

(a)

fil-Latvja, il-leġislazzjoni nazzjonali, inkluż l-Istatut tal-bank ċentrali nazzjonali, hija kompatibbli mal-Artikoli 130 u 131 TFUE u mal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

(b)

rigward is-sodisfar mil-Latvja tal-kriterji ta’ konverġenza msemmija fl-erba’ inċiżi tal-Artikolu 140(1) TFUE:

ir-rata medja tal-inflazzjoni fil-Latvja, fis-sena li ntemmet f’April 2013, kienet ta’ 1,3 %, li hija aktar baxxa mill-valur referenzjarju, u x’aktarx tibqa’ taħt il-valur referenzjarju fix-xhur li ġejjin;

id-defiċit tal-baġit fil-Latvja ra tnaqqis kredibbli u sostenibbli għal taħt it-tlieta fil-mija tal-PDG sa tmiem l-2012. Permezz tad-Deċiżjoni 2013/317/UE tal-21 ta’ Ġunju 2013 (18), il-Kunsill, huwa u jaġixxi fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, ħassar id-Deċiżjoni 2009/591/KE (19) dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fil-Latvja;

Il-Latvja ilha membru tal-ERM II mit-2 ta’ Mejju 2005; meta daħlet fl-ERM II, l-awtoritajiet b’mod unilaterali impenjaw ruħhom biex iżommu l-lats f’marġni ta’ varjazzjoni ta’ ± 1 % madwar ir-rata ċentrali. Matul is-sentejn qabel din il-valutazzjoni, ir-rata ta’ kambju tal-lats ma ddevjatx mir-rata ċentrali tagħha b’aktar minn ± 1 % u ma esperjenzatx tensjonijiet;

fis-sena li ntemmet f’April 2013, ir-rata tal-imgħax fit-tul fil-Latvja kienet, fil-medja, 3,8 fil-mija, li jiġi taħt il-valur referenzjarju.

(c)

Fid-dawl tal-valutazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà legali u tas-sodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza kif ukoll il-fatturi addizzjonali, il-Latvja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Latvja tissodisfa l-kundizzjonjiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Id-deroga favur il-Latvja msemmija fl-Artikolu 4 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 qed titħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

R. ŠADŽIUS


(1)  Rapport tal-5 ta’ Ġunju 2013, (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Rapport tal-5 ta’ Ġunju 2013, (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-Deċiżjoni 1998/317/KE (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 30).

(4)  ĠU L 167, 7.7.2000, p. 19.

(5)  ĠU L 195, 15.7.2006, p. 25.

(6)  ĠU L 186, 18.7.2007, p. 29.

(7)  ĠU L 186, 18.7.2007, p. 32.

(8)  ĠU L 195, 24.7.2008, p. 24.

(9)  ĠU L 196, 28.7.2010, p. 24.

(10)  ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33.

(11)  ĠU L 157, 21.6.2005, p. 203.

(12)  ĠU L 112, 24.4.2012, p. 21.

(13)  ĠU C 236, 2.8.1997, p. 5.

(14)  ĠU C 73, 25.3.2006, p. 21.

(15)  ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1.

(16)  F’April 2013, ir-rata medja ta’ inflazzjoni ta’ 12-il xahar tal-Greċja kienet 0,4 % u dik taż-żona tal-euro kienet 2,2 %, bid-differenza bejn it-tnejn prevista li tikber aktar fix-xhur li ġejjin.

(17)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7.

(18)  ĠU L 173, 26.6.2013, p. 48.

(19)  ĠU L 202, 4.8.2009, p. 50.