14.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 162/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Ġunju 2013

li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tat-TRIPS tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-talba għal estensjoni tal-perjodu ta’ tranżizzjoni skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 66 tal-Ftehim TRIPS għall-Membri li huma pajjiżi l-inqas żviluppati

(2013/285/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4) u l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ Novembru 2012 Ħaiti, f’isem il-grupp tal-Membri li huma pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs), formalment talbet estensjoni għall-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (Ftehim TRIPS), skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 66 ta’ dak il-Ftehim.

(2)

Il-perjodu ta’ tranżizzjoni eżistenti, kif miftiehem fid-deċiżjoni tal-Kunsill għat-TRIPS tad-29 ta’ Novembru 2005 kien se jiskadi fl-1 ta’ Lulju 2013.

(3)

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 66 tal-Ftehim TRIPS jipprevedi li l-Kunsill tat-TRIPS “għandu, fuq talba motivata minn Membru li huwa pajjiż l-inqas żviluppat, jagħti estensjonijiet ta’ dan il-perjodu”.

(4)

L-ingranaġġ u l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali hija fattur ewlieni fil-promozzjoni tat-tkabbir soċjoekonomiku, kif rikonoxxut f’Marzu 2013 fl-Analiżi Ministerjali Annwali tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti li sejjaħ biex jirduppjaw l-isforzi biex jiġi żviluppat qafas ġuridiku u ta’ politika għal pereżempju l-proprjetà intellettwali.

(5)

L-LDCs għamlu progress b’rati u sa livelli differenti fl-implimentazzjoni tagħhom tal-Ftehim TRIPS.

(6)

L-assistenza teknika u finanzjarja, l-effiċjenza u l-koordinazzjoni xierqa, għandha rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim TRIPS.

(7)

Diġà ttieħdu passi importanti fil-qasam tal-proprjetà intellettwali minn għadd ta’ LDCs, iżda jibqa’ l-fatt li l-LDCs għandhom bżonnijiet u rekwiżiti speċjali u għadhom jaffaċċjaw restrizzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u amministrattivi, u allura għandhom bżonn flessibbiltà u żmien biex jimplimentaw il-Ftehim TRIPS.

(8)

Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi estiż il-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim TRIPS għall-LDCs,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tat-TRIPS tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-talba għal estensjoni tal-perjodu ta’ tranżizzjoni skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 66 tal-Ftehim TRIPS għall-LDCs hija li l-LDCs ma għandhomx ikunu meħtieġa japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS, minbarra l-Artikoli 3, 4 u 5, għal perjodu li għandu jiġi maqbul b'konsensus mill-membri tal-WTO, jew sad-data li fiha ma jibqgħux Membru li huwa pajjiż l-inqas żviluppat, skont liema data tiġi l-ewwel.

2.   Matul dak il-perjodu ta’ estensjoni, l-LDCs ma għandhomx inaqqsu l-livell eżistenti ta’ protezzjoni tal-Proprjetà Intellettwali taħt l-istandards stabbiliti mil-Ftehim TRIPS. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni tal-Kunsill tat-TRIPS tas-27 ta’ Ġunju 2002 dwar “l-Estensjoni tal-Perijodu ta’ Tranżizzjoni skont l-Artikolu 66.1 tal-Ftehim TRIPS għall-Membri li huma Pajjiżi l-Inqas Żviluppati għal Ċertu Obbligi fir-Rigward tal-Prodotti Farmaċewtiċi”.

3.   Barra minn hekk, matul dak il-perijodu ta’ estensjoni, għandha tingħata konsiderazzjoni xierqa u ssir analiżi tal-livelli differenti tal-implimentazzjoni tal-Ftehim TRIPS u l-ħtiġiet identifikati fl-LDCs, u kif programmi ta’ assistenza teknika u bini ta’ kapaċità jistgħu jiġu kkoordinati b’mod aktar effettiv, użati u vvalutati, b’attenzjoni primarja fuq dawk l-oqsma ta’ utilità l-aktar immedjata. sabiex tingħata l-possibbiltà ta’ proċess ta’ integrazzjoni gradwali.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

E. GILMORE