28.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/47


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/241/PESK

tas-27 ta' Mejju 2013

li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (1), EULEX KOSOVO

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-4 ta’ Frar 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO (2).

(2)

Fil-5 ta' Ġunju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/291/PESK (3) li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK u li testendi d-durata ta' EULEX KOSOVO sal-14 ta' Ġunju 2014.

(3)

L-ammont ta’ referenza finanzjarja jkopri l-perijodu sal-14 ta' Ġunju 2013. L-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK għandha tiġi emendata biex tipprovdi ammont ġdid ta’ referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri l-perijodu mill-15 ta' Ġunju 2013 sal-14 ta’ Ġunju 2014.

(4)

EULEX KOSOVO ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni estera tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

(5)

L-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 16(1) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK hija sostitwita b'dan li ġej:

“1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-EULEX KOSOVO sal-14 ta' Ottubru 2010 għandu jkun ta' EUR 265 000 000.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-EULEX KOSOVO mill-15 ta’ Ottubru 2010 sal-14 ta’ Diċembru 2011 għandu jkun ta’ EUR 165 000 000.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-EULEX KOSOVO mill-15 ta’ Diċembru 2011 sal-14 ta’ Ġunju 2012 għandu jkun ta’ EUR 72 800 000.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-EULEX KOSOVO mill-15 ta’ Ġunju 2012 sal-14 ta' Ġunju 2013 għandu jkun ta’ EUR 111 000 000.

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa ta' EULEX KOSOVO mill-15 ta’ Ġunju 2013 sal-14 ta' Ġunju 2014 għandu jkun ta’ EUR 110 000 000.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar status, u huwa konformi mar-RKSNU 1244/99 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza mill-Kosovo.

(2)  ĠU L 42, 16.2.2008, p. 92.

(3)  ĠU L 146, 6.6.2012, p. 46.