10.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 101/29


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ April 2013

dwar miżura adottata mid-Danimarka skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprojbixxi tip ta’ makkinarju multifunzjonali li jintuża għat-tħaffir u l-ġarr ta’ materjal

(notifikata bid-dokument C(2013) 1874)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/173/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha,

Billi:

(1)

F’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2006/42/KE, l-awtoritajiet Daniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar miżura relatata ma’ makkinarju tat-tip Multione S630 li jiġi mmanifatturat mill-kumpanija C.S.F. Srl., via Palù 6/8, 36040 Grumolo delle Abbadesse (Vicenza), Italja. Il-makkinarju kellu l-marka KE u kien akkumpanjat b’Dikjarazzjoni tal-Konformità KE skont id-Direttiva 2006/42/KE dwar il-makkinarju, id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/108/KE (2) dwar il-kompatibilità elettromanjetika u d-Direttiva 2000/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar l-emissjoni tal-ħoss fl-ambjent minn tagħmir għall-użu ta’ barra.

(2)

Il-Multione S630 huwa makkinarju multifunzjonali li jintuża għat-tħaffir u l-ġarr ta’ materjal, li miegħu jistgħu jitwaħħlu għadd kbir ta’ aċċessorji biex iwettaq diversi funzjonijiet differenti f’bosta oqsma, li jinkludu l-forestrija, l-agrikoltura, il-ġardinaġġ, l-ippjanar u l-ġestjoni tal-pajsaġġ, il-manutenzjoni tat-toroq u l-kostruzzjoni.

(3)

Din il-miżura Daniża ġiet adottata minħabba n-nuqqas ta’ konformità tal-makkinarju mar-rekwiżit essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbilit fit-Taqsima 3.4.4 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, li jesiġi li, fil-każ ta’ makkinarju li jimxi waħdu b’xufier riekeb fuqu jkun hemm ir-riskju ta’ oġġetti jew materjal li jaqgħu, il-makkinarju għandu jkun iddisinnjat u mibni b’mod li jittieħed kont ta’ dan ir-riskju u mgħammar, jekk jippermetti d-daqs, bi struttura ta’ protezzjoni xierqa.

(4)

L-awtoritajiet Daniżi indikaw li, minkejja li diversi funzjonijiet li l-makkinarju huwa maħsub għalihom jesponu lix-xufier riekeb fuqu għal riskji minħabba oġġetti jew materjal li jistgħu jaqgħu, il-makkinarju tqiegħed fis-suq mingħajr struttura ta’ protezzjoni minn oġġetti li jaqgħu (FOPS — falling object protective structure). L-awtoritajiet Daniżi talbu lill-manifattur biex jieħu miżuri korrettivi. Peress li din it-talba ma ġietx milqugħa, l-awtoritajiet Daniżi pprojbixxew it-tqegħid fis-suq tal-makkinarju tat-tip Multione S630 mingħajr FOPS u taw ordni lill-manifattur biex jieħu azzjoni korrettiva fir-rigward tal-makkinarju li diġà tqiegħed fis-suq.

(5)

Il-Kummissjoni kitbet lill-manifattur, fejn talbitu jesprimi l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-miżura li ġiet adottata mid-Danimarka. Fit-tweġiba tiegħu, il-manifattur indika li huwa tal-fehma li fil-każ ta’ makkinarju li jinbiegħ għal funzjonijiet li ma jinvolvux riskji ta’ oġġetti jew materjal li jaqgħu ma kienx meħtieġ li dan ikun imgħammar b’FOPS. Madankollu huwa għarraf lill-Kummissjoni li, wara l-miżura adottata mill-awtoritajiet Daniżi, ittieħdet azzjoni biex jiġi żgurat li l-makkinarju kollu li jitqiegħed fis-suq fid-Danimarka jkun mgħammar b’FOPS.

(6)

It-Taqsima 1.1.2(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE tesiġi li l-makkinarju għandu jkun iddisinjat u mibni sabiex ikun adattat għall-funzjoni tiegħu, u jista’ jitħaddem, ikun aġġustat u miżmum mingħajr ma jpoġġi lil persuni f’riskju meta jsiru dawn l-operazzjonijiet taħt il-kondizzjonijiet previsti iżda filwaqt li jittieħed kont ukoll ta’ kwalunkwe użu ħażin tiegħu previst b’mod raġonevoli. L-iskop tal-miżuri li jittieħdu għandu jkun li jiġi eliminat kwalunkwe riskju matul il-ħajja prevista tal-makkinarju inklużi l-fażijiet tat-trasport, tal-immuntar, taż-żarmar, tal-waqfien tat-tħaddim tiegħu u tar-rimi.

(7)

Fil-każ ta’ makkinarju multifunzjonali bħal ma huwa l-Multione S630, anke jekk inizjalment dan il-makkinarju jiġi mibjugħ għal funzjonijiet li ma jinvolvux riskju ta’ oġġetti jew materjal li jistgħu jaqgħu, x’aktarx li matul il-ħajja prevista tiegħu, dan il-makkinarju jintuża għal funzjonijiet oħra maħsuba li jesponu lix-xufiera għal dak ir-riskju. Konsegwentement, ir-riskju ta’ oġġetti jew materjal li jistgħu jaqgħu għandu jitqies fil-fażijiet tad-disinn u tal-bini tal-makkinarju.

(8)

L-analiżi tal-evidenza mogħtija mill-awtoritajiet Daniżi u tal-osservazzjonijiet espressi mill-manifattur tikkonferma li l-makkinarju tat-tip Multione S630 mingħajr FOPS ma jikkonformax mar-rekwiżit essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbilit fit-Taqsima 3.4.4 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE u li dan in-nuqqas ta’ konformità jwassal għal riskju serju ta’ korriment għax-xufiera rekbin fuqu minħabba oġġetti u materjal li jistgħu jaqgħu,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura adottata mill-awtoritajiet Daniżi li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ makkinarju tat-tip Multione S630 li mhux mgħammar bi struttura ta’ protezzjoni minn oġġetti li jaqgħu (FOPS) u li tesiġi lill-manifattur biex jieħu azzjoni korrettiva fir-rigward tal-makkinarju li diġà tqiegħed fis-suq hija ġġustifikata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ April 2013.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.

(2)  ĠU L 337, 13.11.2004, p. 13.

(3)  ĠU L 162, 3.7.2000, p. 1.