23.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 51/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Ġunju 2011

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/103/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(5) u 218(6)(a)(v), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

L-iżvilupp tal-interoperabbiltà ferrovjarja, kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll bejn l-Unjoni u l-pajjiżi ġirien, huwa komponent ewlieni tal-politika komuni tat-trasport, immirata b’mod partikolari sabiex jiġi stabbilit bilanċ aħjar bejn il-modi varji ta’ trasport.

(2)

L-Unjoni għandha kompetenza esklussiva jew kompetenza kondiviża mal-Istati Membri tagħha fl-oqsma koperti bil-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (minn hawn ’il quddiem “il-Konvenzjoni”).

(3)

L-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni għall-fini li teżerċita l-kompetenza tagħha hija permessa bis-saħħa tal-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni.

(4)

F’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”) u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (minn hawn ’il quddiem “OTIF”) dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni.

(5)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”) huwa b’dan jiġi approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Mal-iffirmar tal-Ftehim, kif stipulat fl-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni, għandha issir dikjarazzjoni mill-Unjoni li tirrigwarda l-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, u għandha ssir dikjarazzjoni, kif stipulat fl-Anness III ma’ din id-Deċiżjoni, mill-Unjoni fir-rigward tal-Artikolu 2 tal-Ftehim.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar lill-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex l-Unjoni tintrabat bih u biex jagħmlu d-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni ser tirrappreżenta lill-Unjoni fil-laqgħat tal-OTIF.

Artikolu 5

L-arranġamenti interni għat-tħejjijiet għal-laqgħat tal-OTIF, u għar-rappreżentanza u l-votazzjoni f’dawn il-laqgħat huma stipulati fl-Anness III ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

VÖLNER P.


ANNESS I

DIKJARAZZJONI MILL-UNJONI EWROPEA LI TIRRIGWARDA L-EŻERĊIZZJU TA’ KOMPETENZA

Fis-settur tal-ferroviji, l-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “l-Unjoni”) taqsam il-kompetenza mal-Istati Membri tal-Unjoni (minn hawn ’il quddiem “l-Istati Membri”) skont l-Artikoli 90 u 91, flimkien mal-Artikolu 100(1) u l-Artikoli 171 u 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

It-Titolu VI tat-TFUE jistabbilixxi l-politika komuni tat-trasport tal-Unjoni, u t-Titolu XVI jipprevedi l-kontribut tal-Unjoni għall-istabbiliment u l-iżvilupp ta’ netwerks trans-Ewropej fl-oqsma tat-trasport.

B’mod aktar speċifiku, l-Artikolu 91 tat-Titolu VI tat-TFUE jipprovdi li l-Unjoni tista’ tadotta:

regoli komuni li japplikaw għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru jew li jaqsam it-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar;

kondizzjonijiet li jirregolaw il-mod li bih it-trasportaturi li mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta’ trasport f’xi Stat Membru;

miżuri li jtejbu s-sikurezza tat-trasport;

kwalunkwe dispożizzjoni oħra adatta.

Fir-rigward tan-netwerks trans-Ewropej, l-Artikolu 171 tat-Titolu XVI tat-TFUE jipprevedi, b’mod aktar speċifiku, li l-Unjoni:

għandha tistabbilixxi serje ta’ linji gwida dwar il-miri, il-prijoritajiet u l-linji ġenerali tal-miżuri previsti fl-isfera tan-netwerks trans-Ewropej; dawn il-linji gwida għandhom jidentifikaw proġetti ta’ interess komuni;

għandha timplimenta kull miżura li titqies meħtieġa sabiex tiżgura l-interoperabbiltà tan-netwerks, b’mod partikolari fil-qasam tal-istandardizzazzjoni teknika;

tista’ tappoġġa proġetti ta’ interess komuni appoġġati mill-Istati Membri, li huma identifikati fil-qafas tal-linji gwida msemmija fl-ewwel inċiż, partikolarment permezz ta’ studji ta’ possibbiltà, garanziji għal self jew sussidji fuq ir-rati tal-interessi; l-Unjoni tista’ wkoll tikkontribwixxi, permezz tal-Fond ta’ Koeżjoni, għall-finanzjament ta’ proġetti speċifiċi fi Stati Membri fil-qasam ta’ infrastruttura tat-trasport.

Abbażi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet l-Unjoni adottat għadd sostanzjali ta’ strumenti legali applikabbli għat-trasport bil-ferrovija.

Taħt il-liġi tal-Unjoni, l-Unjoni kisbet kompetenza esklussiva fi kwistjonijiet tat-trasport bil-ferrovija fejn il-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999, (minn hawn ’il quddiem “il-Konvenzjoni”) jew l-istrumenti legali adottati taħtha jkunu jistgħu jaffettwaw jew ibiddlu l-ambitu ta’ dawn ir-regoli eżistenti tal-Unjoni.

Fir-rigward ta’ suġġetti regolati mill-Konvenzjoni li relattivament għalihom għandha kompetenza esklussiva l-Unjoni, l-Istati Membri ma għandhom l-ebda kompetenza.

Fejn ikunu jeżistu regoli tal-Unjoni iżda dawn ma jkunux affettwati mill-Konvenzjoni jew mill-istrumenti legali adottati taħtha, l-Unjoni taqsam il-kompetenza dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-Konvenzjoni mal-Istati Membri.

Fl-Appendiċi ma’ dan l-Anness tinsab lista tal-istrumenti rilevanti tal-Unjoni fis-seħħ fiż-żmien tal-konklużjoni tal-Ftehim. L-ambitu tal-kompetenza tal-Unjoni li jirriżulta minn dawn it-testi għandu jiġi vvalutat b’relazzjoni mad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ kull test, speċjalment safejn dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu r-regoli komuni. Il-kompetenza tal-Unjoni hija suġġetta għal żvilupp kontinwu. Fil-qafas tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tat-TFUE, l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jiddeterminaw safejn twassal il-kompetenza tal-Unjoni. Għalhekk l-Unjoni tirriżerva d-dritt li temenda din id-dikjarazzjoni skont kif ikun il-każ, mingħajr ma dan jikkostitwixxi prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha fi kwistjonijiet koperti mill-Konvenzjoni.

Appendiċi mal-Anness I

STRUMENTI TAL-UNJONI EWROPEA RELATATI MA’ SUĠĠETTI TTRATTATI MILL-KONVENZJONI

Sal-lum, l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza inter alia permezz tal-istrumenti tal-Unjoni li ġejjin:

LEĠIŻLAZZJONI DWAR AĊĊESS EKONOMIKU/GĦAS-SUQ

Ir-Regolament Nru 11 dwar it-tneħħija tad-diskriminazzjoni fir-rati u l-kondizzjonijiet tat-trasport, fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 79(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 52, 16.8.1960, p. 1121/60),

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU L 237, 24.8.1991, p. 25),

Id-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE tad-19 ta’ Ġunju 1995 dwar il-liċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji (ĠU L 143, 27.6.1995, p. 70),

Id-Direttiva 2001/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 1),

Id-Direttiva 2001/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE dwar il-liċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 26),

Id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29),

Id-Direttiva 2004/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità, (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 164),

Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14),

Id-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u d-Direttiva 2001/14/KE dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 44).

LEĠIŻLAZZJONI DWAR INTEROPERABBILTÀ U SIKUREZZA

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/48/KE tat-23 ta’ Lulju 1996 fuq l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 6),

Id-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2001 fuq l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (ĠU L 110, 20.4.2001, p. 1),

Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzji tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44, verżjoni korretta fil-ĠU L 220, 21.6.2004, p. 16),

Id-Direttiva 2004/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li temenda d-Direttiva 96/48/KE dwar l-interoperabbiltà tas-sistema trans-Ewropea dwar ferroviji ta’ veloċità kbira u d-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabbiltà tas-sistema trans-Ewropea dwar ferroviji konvenzjonali (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 114, verżjoni korretta fil-ĠU L 220, 21.6.2004, p. 40),

Ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (Ir-Regolament dwar l-Aġenzija) (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1, verżjoni korretta fil-ĠU L 220, 21.6.2004, p. 3),

Id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51),

Id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1),

Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13),

Id-Direttiva 2008/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva 2004/49/KE dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 62),

Ir-Regolament (KE) Nru 1335/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 881/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (Ir-Regolament dwar l-Aġenzija) (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 51),

Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22).

OBBLIGI TA’ SERVIZZ PUBBLIKU

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1).


ANNESS II

DIKJARAZZJONI MILL-UNJONI EWROPEA FIR-RIGWARD TAL-ARTIKOLU 2 TAL-FTEHIM

Il-frażi “li tirregola s-suġġett partikolari kkonċernat” għandha tinftiehem bħala li tapplika għall-każ speċifiku li jkun regolat minn dispożizzjoni tal-Konvenzjoni, inklużi l-appendiċi tagħha, u mhijiex regolata mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.


ANNESS III

ARRANĠAMENTI INTERNI GĦALL-KUNSILL, L-ISTATI MEMBRI U L-KUMMISSJONI FI PROĊEDIMENTI TAĦT L-OTIF

B’kont meħud tar-rekwiżit ta’ unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea anki fl-istadju tal-implimentazzjoni ta’ obbligi internazzjonali, il-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni ser japplikaw l-arranġamenti interni li ġejjin:

1.   Kamp ta’ applikazzjoni

Dawn l-arranġamenti interni ser japplikaw għal kwalunkwe laqgħa ta’ kwalunkwe wieħed mill-korpi stabbiliti taħt l-OTIF. Kwalunkwe referenza għal “laqgħa” f’dawn l-arranġamenti tinftiehem li tinkludi mutatis mutandis referenza għal proċedimenti oħra wkoll, bħal proċedura bil-miktub.

2.   Proċedura ta’ koordinazzjoni

2.1.

Għat-tħejjija għal kwalunkwe laqgħa tal-OTIF, inkluż iżda mhux limitat għal-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali, il-Kumitat Amministrattiv u Kumitati oħra, ser isiru laqgħat ta’ koordinazzjoni:

fi Brussell, fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill (normalment il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport fuq l-Art), kmieni kemm jista’ jkun, u kemm-il darba jkun hemm bżonn qabel il-laqgħa tal-OTIF, u, barra minn hekk,

fuq il-post, partikolarment fil-bidu u, jekk meħtieġ, matul u fl-aħħar ta’ laqgħa tal-OTIF.

2.2.

Il-laqgħat ta’ koordinazzjoni ser jaqblu dwar pożizzjonijiet f’isem l-Unjoni biss jew, fejn rilevanti, f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Il-pożizzjonijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompetenza esklussiva tagħhom jistgħu jkunu suġġetti għall-koordinazzjoni f’dawn il-laqgħat jekk ikun hemm qbil dwar dan mill-Istati Membri.

2.3.

Il-laqgħat ta’ kordinazzjoni ser jiddeċiedu dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet u votazzjoni ta’ kull punt fl-aġenda tal-laqgħa tal-OTIF, li fuqha tista’ ssir dikjarazzjoni jew jista’ jkun mistenni vot.

2.4.

Għat-tħejjija tal-laqgħat ta’ koordinazzjoni msemmijin fil-punt 2.1, inkluż l-abbozz ta’ dikjarazzjonijiet u d-dokumenti dwar il-pożizzjonijiet, ser isiru, jekk meħtieġ, diskussjonijiet preliminari fil-Kumitat adatt maħluq mil-leġiżlazzjoni ferrovjarja tal-Unjoni rilevanti, jiġifieri:

il-Kumitat dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi għall-punti koperti mill-Appendiċi C mal-Konvenzjoni; jekk dawn l-elementi jaffettwaw lill-interoperabbiltà ferrovjarja, jew lill-approċċ ta’ sigurtà komuni żviluppat skont id-Direttiva 2004/49/KE, il-Kumitat dwar l-interoperabbiltà ferrovjarja u s-sigurtà għandu jkun involut ukoll;

il-Kumitat dwar l-iżvilupp tal-linji ferrovjarji tal-Unjoni għall-punti koperti bl-Appendiċi A, B, D jew E mal-Konvenzjoni u għal sistemi oħra ta’ liġi uniformi elaborata mill-OTIF;

il-Kumitat dwar l-interoperabbiltà u s-sigurtà tal-ferroviji għall-punti koperti mill-Appendiċi F jew G mal-Konvenzjoni.

2.5.

Qabel kwalunkwe laqgħa tal-OTIF il-Kummissjoni ser tindika liema punti tal-aġenda huma suġġetti għal koordinazzjoni tal-Unjoni u ser tħejji abbozz ta’ dikjarazzjonijiet u dokumenti dwar il-pożizzjonijiet biex jiġu diskussi fil-laqgħat ta’ koordinazzjoni.

2.6.

Jekk fíl-laqgħat ta’ koordinazzjoni l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jaqblu dwar pożizzjoni komuni, inkluż minħabba nuqqas ta’ qbil dwar it-tqassim ta’ kompetenzi, il-kwistjoni tiġi riferita lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti u/jew lill-Kunsill.

3.   Dikjarazzjonijiet u votazzjoni fil-laqgħat tal-OTIF

3.1.

Meta punt fl-aġenda jittratta kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-Unjoni esklussiva, il-Kummissjoni għandha titkellem u tivvota għall-Unjoni. Wara li ssir il-kordinazzjoni meħtieġa, l-Istati Membri jistgħu wkoll jitkellmu sabiex jappoġġjaw u/jew jiżviluppaw il-pożizzjoni tal-Unjoni.

3.2.

Meta punt fl-aġenda jittratta kwistjonijiet ta’ kompetenza nazzjonali esklussiva, l-Istati Membri jitkellmu u jivvutaw.

3.3.

Meta punt fl-aġenda jittratta kwistjonijiet li jkun fihom elementi ta’ kompetenza kemm nazzjonali kif ukoll dik tal-Unjoni, il-Presidenza u l-Kummissjoni għandhom jesprimu l-pożizzjoni komuni. Wara li tkun saret il-kordinazzjoni meħtieġa, l-Istati Membri jistgħu jitkellmu sabiex jappoġġjaw u/jew jiżviluppaw il-poizzjoni komuni. L-Istati Membri jew il-Kummissjoni, kif adatt, għandhom jivvutaw f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont il-pożizzjoni komuni. Id-deċiżjoni dwar min ikun ser jivvota tittieħed fid-dawl tal-prevalenza tal-kompetenza (eż. jekk hijiex prinċipalment kompetenza nazzjonali jew tal-Unjoni).

3.4.

Meta punt fl-aġenda jittratta kwistjonijiet li jkun fihom elementi ta’ kompetenza kemm nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni u l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma jkunx irnexxilhom jaqblu dwar pożizzjoni komuni kif msemmija fil-punt 2.6, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jitkellmu u jivvutaw dwar kwistjonijiet li jaqgħu b’mod ċar taħt il-kompetenza rispettiva tagħhom.

3.5.

F’każ ta’ kwistjonijiet li għalihom m’hemmx qbil bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-qsim tal-kompetenzi, jew fejn ma kienx possibbli li tinkiseb il-maġġoranza meħtieġa għal pożizzjoni tal-Unjoni, għandu jsir sforz massimu sabiex tiġi ċċarata s-sitwazzjoni jew tinkiseb pożizzjoni tal-Unjoni. Sakemm iseħħ dan, u wara li tkun saret il-koordinazzjoni meħtieġa, l-Istati Membri u/jew il-Kummissjoni, kif adatt, ikunu intitolati li jitkellmu bil-kondizzjoni li l-pożizzjoni li jesprimu ma tippreġudikax pożizzjoni futura tal-Unjoni, tkun koerenti mal-linji ta’ politika tal-Unjoni u pożizzjonijiet preċedenti tal-Unjoni, u konformi mal-liġi tal-Unjoni.

3.6.

Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni jistgħu jipparteċipaw fil-gruppi ta’ ħidma tal-OTIF li jħejju l-kumitati tekniċi tal-OTIF, jiġifieri l-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (RID) u l-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi (TEC). Matul il-parteċipazzjoni f’dawn il-gruppi ta’ ħidma r-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni jistgħu jippreżentaw kontributi tekniċi u jipparteċipaw bis-sħiħ fid-diskussjonijiet tekniċi abbażi tal-konoxxenza teknika tagħhom. Dawn id-diskussjonijiet mhux ser jorbtu lill-Unjoni.

Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni ser jagħmlu sforzi serji biex jilħqu pożizzjoni komuni u biex jiddefenduha matul id-diskussjonijiet fil-gruppi ta’ ħidma tal-OTIF.

4.   Reviżjoni ta’ dawn l-arranġamenti

Fuq it-talba ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni, dawn l-arranġamenti għandhom jiġu riveduti, b’kont meħud tal-esperjenza miksuba mit-tħaddim tagħhom.


FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem “l-Unjoni”,

minn naħa waħda, u

L-ORGANIZZAZZJONI INTERGOVERNATTIVA GĦAT-TRASPORT INTERNAZZJONALI BIL-FERROVIJA, minn hawn ’il quddiem “OTIF”,

min-naħa l-oħra,

Flimkien minn hawn ’il quddiem “il-Partijiet Kontraenti”,

WARA LI KKUNSIDRAW il-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999, minn hawn ’il quddiem “il-Konvenzjoni”, partikolarment l-Artikolu 38 tagħha,

WARA LI KKUNSIDRAW ir-responsabbiltajiet li t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħtu lill-Unjoni f’ċerti oqsma koperti mill-Konvenzjoni,

WAQT LI JFAKKRU li b’segwitu tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni ssostitwixxiet u ssuċċediet il-Komunità Ewropea u minn dik id-data teżerċita d-drittijiet kollha u tassumi l-obbligi kollha tal-Komunità Ewropea,

BILLI l-Konvenzjoni tistabbilixxi Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF), li l-kwartieri ġenerali tagħha jinsabu f’Bern,

BILLI l-iskop tal-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni hu li tassisti lill-OTIF sabiex twettaq l-objettiv tagħha li tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita t-trasport internazzjonali bil-ferrovija kemm mill-aspett tekniku kif ukoll minn dak legali,

BILLI bis-saħħa tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni, l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni internazzjonali ma’ jieħdux preċedenza, għall-Partijiet għall-Konvenzjoni li huma wkoll Stati Membri tal-Unjoni jew Stati li huma Partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, fuq l-obbligi tagħhom bħala Stati Membri tal-Unjoni jew bħala Stati li huma Partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea,

BILLI hija meħtieġa klawżola ta’ deroga għal dawk il-partijiet tal-Konvenzjoni li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-Unjoni, sabiex tindika li l-Istati Membri tal-Unjoni ma jistgħux jinvokaw u japplikaw id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni direttament bejniethom,

BILLI l-Konvenzjoni tapplika b’mod sħiħ bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Partijiet l-oħra għall-Konvenzjoni, min-naħa l-oħra,

BILLI l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni tirrikjedi li r-regoli biex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jiġu stabbiliti b’mod ċar,

BILLI l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni għandhom jippermettu li l-Unjoni teżerċita, fi ħdan il-qafas tal-Konvenzjoni, il-kompetenzi kkonferiti lilha mill-Istati Membri,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Unjoni b’dan taderixxi mal-Konvenzjoni skont it-termini u l-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-Ftehim, skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni.

Artikolu 2

Mingħajr preġudizzju għall-objettiv u l-iskop tal-Konvenzjoni biex tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita t-trasport internazzjonali bil-ferrovija u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni sħiħa tagħha fir-rigward ta’ Partijiet Kontraenti oħra għall-Konvenzjoni, fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, il-Partijiet għall-Konvenzjoni li huma Stati Membri tal-Unjoni għandhom japplikaw ir-regoli tal-Unjoni u għalhekk m’għandhomx japplikaw ir-regoli li jirriżultaw minn dik il-Konvenzjoni ħlief sakemm ma jkunx hemm regola tal-Unjoni li tirregola s-suġġett partikolari kkonċernat.

Artikolu 3

Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet fil-Konvenzjoni għandhom jiġu interpretati b’mod li jinkludi wkoll lill-Unjoni, fi ħdan il-qafas tal-kompetenza tagħha, u d-diversi termini użati biex jiġu denominati l-Partijiet għall-Konvenzjoni u r-rappreżentanti tagħhom għandhom jinftiehmu skont il-każ.

Artikolu 4

L-Unjoni ma għandhiex tikkontribwixxi għall-baġit tal-OTIF u ma għandhiex tieħu sehem f’deċiżjonijiet li jirrigwardaw dak il-baġit.

Artikolu 5

Mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha tal-votazzjoni skont l-Artikolu 6, l-Unjoni għandha d-dritt li tkun rappreżentata u involuta fil-ħidma tal-korpi kollha tal-OTIF li fihom kwalunkwe Stat Membru tagħha huwa intitolat li jkun rappreżentat bħala Parti għall-Konvenzjoni, u meta kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tagħha jkunu jistgħu jiġu indirizzati.

L-Unjoni ma tistax tkun membru tal-Kumitat Amministrattiv. Hija tista’ tiġi mistiedna biex tipparteċipa f’laqgħat ta’ dak il-Kumitat meta l-Kumitat ikun jixtieq jikkonsultaha dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni li jkunu tpoġġew fuq l-aġenda.

Artikolu 6

1.   Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni għandha kompetenza esklussiva, l-Unjoni għandha teżerċita d-drittijiet ta’ votazzjoni tal-Istati Membri tagħha taħt il-Konvenzjoni.

2.   Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni taqsam il-kompetenza mal-Istati Membri tagħha, għandhom jivvotaw jew l-Unjoni jonkella l-Istati Membri tagħha.

3.   Suġġett għall-paragrafu 7 tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni, l-Unjoni għandha jkollha l-istess għadd ta’ voti daqs l-Istati Membri tagħha li huma wkoll Partijiet għall-Konvenzjoni. Meta l-Unjoni tivvota, l-Istati Membri tagħha ma għandhomx jivvutaw.

4.   L-Unjoni għandha, għal kull każ, tgħarraf lill-Partijiet l-oħra għall-Konvenzjoni bil-każijiet fejn, fir-rigward tad-diversi punti fuq l-aġendi tal-Assemblea Ġenerali u tal-korpi ta’ deliberazzjoni l-oħra, hija ser teżerċita d-drittijiet tal-votazzjoni previsti fil-paragrafi 1 sa 3. Dak l-obbligu għandu japplika wkoll meta d-deċiżjonijiet jittieħdu permezz ta’ korrispondenza. Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lis-Segretarju Ġenerali tal-OTIF kmieni biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi ċċirkolata flimkien mad-dokumenti tal-laqgħa jew ma’ deċiżjoni li għandha tittieħed permezz ta’ korrispondenza.

Artikolu 7

L-ambitu tal-kompetenza tal-Unjoni għandu jiġi indikat f’termini ġenerali f’dikjarazzjoni bil-miktub magħmula mill-Unjoni meta jiġi konkluż il-Ftehim. Dik id-dikjarazzjoni tista’ tiġi mmodifikata kif adatt permezz ta’ notifika mill-Unjoni lill-OTIF. Din bl-ebda mod ma għandha tissostitwixxi jew tillimita l-materji li jistgħu jiġu koperti bin-notifiki ta’ kompetenza tal-Unjoni li għandhom isiru qabel it-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-OTIF permezz ta’ votazzjoni formali jew mod ieħor.

Artikolu 8

It-Titolu V tal-Konvenzjoni għandu japplika għal kull tilwima li tinqala’ bejn il-Partijiet Kontraenti fir-rigward tal-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, inkluża l-eżistenza, il-validità u t-terminazzjoni tiegħu.

Artikolu 9

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim mill-Partijiet Kontraenti. Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ma għandux japplika f’dan il-każ.

Artikolu 10

Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ għal perijodu indefinit.

Jekk il-Partijiet kollha għall-Konvenzjoni li huma Stati Membri tal-Unjoni jiddenunzjaw il-Konvenzjoni, kemm in-notifika ta’ dik id-denunzja, kif ukoll tad-denunzja ta’ dan il-Ftehim, għandhom jitqiesu li jkunu ngħataw mill-Unjoni fl-istess ħin tan-notifika tad-denunzja, skont l-Artikolu 41 tal-Konvenzjoni, tal-aħħar Stat Membru tal-Unjoni li jiddenunzja l-Konvenzjoni.

Artikolu 11

Il-Partijiet għall-Konvenzjoni apparti l-Istati Membri tal-Unjoni li japplikaw leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni b’riżultat tal-ftehimiet internazzjonali tagħhom mal-Unjoni, jistgħu, bl-approvazzjoni tad-Depożitarju tal-Konvenzjoni, idaħħlu dikjarazzjonijiet individwali li għandhom x’jaqsmu mal-preżervazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont il-ftehimiet tagħhom mal-Unjoni, mal-Konvenzjoni u ma’ regolamenti relatati.

Dan il-Ftehim huwa mfassal duplikatament, b’oriġinal wieħed jinżamm mill-OTIF u bl-ieħor jinżamm mill-Unjoni, bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol u bl-Isvediż, b’kull test ugwalment awtentiku. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 45, paragrafu 1, tal-Konvenzjoni.

B’XIEHDA TA’ DAN, is-sottoskritti Plenipotenzjarji, awtorizzati kif dovut għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

За Европейския съюз

Por la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l'Union européenne

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Image

За Междуправителствената организация за международни железопътни превози (OTIF)

Por la Organización Intergubernamental para los Transportes Internacionales por Ferrocarril (OTIF)

Za Mezivládní organizaci pro mezinárodní železniční přepravu (OTIF)

For Den Mellemstatslige Organisation for Internationale Jernbanebefordringer (OTIF)

Für die Zwischenstaatliche Organisation für den internationalen Eisenbahnverkehr (OTIF)

Rahvusvaheliste Raudteevedude Valitsustevahelise Organisatsiooni (OTIF) nimel

Για το Διακυβερνητικό Οργανισμό Διεθνών Σιδηροδρομικών Μεταφορών (OTIF)

For the Intergovernmental Organisation for International Carriage by Rail (OTIF)

Pour l'Organisation intergouvernementale pour les transports internationaux ferroviaires (OTIF)

Per l'Organizzazione intergovernativa per i trasporti internazionali per ferrovia (OTIF)

Starptautisko dzelzceļa pārvadājumu starpvaldību organizācijas (OTIF) vārdā –

Tarptautinio vežimo geležinkeliais tarpvyriausybinės organizacijos (OTIF) vardu

A Nemzetközi Vasúti Fuvarozásügyi Államközi Szervezet (OTIF) részéről

Għall-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF)

Voor de Intergouvernementele Organisatie voor het internationale spoorwegvervoer (OTIF)

W imieniu Międzyrządowej Organizacji Międzynarodowych Przewozów Kolejami (OTIF)

Pela Organização Intergovernamental para os Transportes Internacionais Ferroviários (OTIF)

Pentru Organizația Interguvernamentală pentru Transporturile Internaționale Feroviare (OTIF)

Za Medzivládnu organizáciu pre medzinárodnú železničnú prepravu (OTIF)

Za Medvladno organizacijo za mednarodni železniški promet (OTIF)

Valtioiden välisen kansainvälisten rautatiekuljetusten järjestön (OTIF) puolesta

För Mellanstatliga organisationen för internationell järnvägstrafik (Otif)

Image