30.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/37


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-19 ta’ April 2013

dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro

(riformulazzjoni)

(BĊE/2013/10)

(2013/211/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Billi:

(1)

L-ambitu tad-Deċiżjoni BĊE/2003/4 tal-20 ta’ Marzu 2003 dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro (1) għandu bżonn jiġi estiż biex ikopri serjejiet futuri ta’ karti tal-flus tal-euro. Għal dan il-għan, hemm il-ħtieġa ta’ numru ta’ emendi tekniċi għal Deċiżjoni BĊE/2003/4. Barra minn dan, fid-dawl tal-esperjenza fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni BĊE/2003/4, hemm il-ħtieġa li jiġu ċċarati u li jittejbu wħud mir-regoli u l-proċeduri. Għaldaqstant, biex jiġu inkorporati l-emendi msemmijin iktar ‘il fuq, id-Deċiżjoni BĊE/2003/4 għandha tiġi rriformulata fl-interessi taċ-ċarezza u tat-trasparenza.

(2)

L-Artikolu 128(1) tat-Trattat u l-Artikolu 16 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jistipulaw illi l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt esklużiv li jawtorizza l-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Unjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet jistipulaw wkoll li l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ‘il quddiem il-‘BĊNi’) jistgħu joħorġu dawn il-karti tal-flus. Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju, 1998, dwar l-introduzzjoni tal-euro (2), il-BĊE u l-BĊNi għandhom ipoġġu l-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni.

(3)

L-Istitut Monetarju Ewropew (IME) wettaq ix-xogħol ta’ tħejjija għall-produzzjoni u l-ħruġ tal-karti tal-flus tal-euro, u b’mod partikolari fir-rigward tad-disinji tal-karti tal-flus tal-euro, iffaċilita l-għarfien u l-aċċettazzjoni tad-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tal-karti tal-flus tal-euro ġodda mill-utenti, u dan billi kkunsidra r-rekwiżiti speċifiċi viżivi u tekniċi tal-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-utenti tal-karti tal-flus.

(4)

Bħala s-suċċessur tal-IME, il-BĊE huwa d-detentur tad-drittijiet tal-awtur tad-disinji tal-karti tal-flus tal-euro li oriġinarjament kienu tal-IME. Il-BĊE u l-BĊNi, meta jaġixxu f’isem il-BĊE, jistgħu jinfurzaw dawn id-drittijiet tal-awtur fir-rigward ta’ riproduzzjonijiet maħruġa jew imqassmin bi ksur ta’ dawn id-drittijiet tal-awtur, bħal ma huma, fost l-oħrajn, riproduzzjonijiet li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv il-prestiġju tal-karti tal-flus tal-euro.

(5)

Il-BĊE u l-BĊNi għandhom, minn żmien għal żmien, jintroduċu serje ġdida ta’ karti tal-flus tal-euro b’karatteristiċi tas-sigurtà mtejbin li jibbenefikaw mill-progress fit-teknoloġija tal-karti tal-flus minn mindu ġiet introdotta l-ewwel serje.

(6)

Id-dritt tal-BĊE u tal-BĊNi li joħorġu l-karti tal-flus tal-euro jinkludi l-kompetenza li jieħdu l-miżuri legali kollha meħtieġa biex jipproteġu l-integrità tal-karti tal-flus tal-euro bħala mezz ta’ ħlas. Il-BĊE għandu jieħu miżuri biex jipprovdi l-livell minimu ta’ protezzjoni fl-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro biex jiġi żgurat li l-pubbliku ġenerali jkun jista’ jiddistingwi r-riproduzzjonijiet mill-karti tal-flus tal-euro, li jinħarġu mill-BĊE u l-BĊNi u li m’humiex karti tal-flus foloz skont l-Artikolu 2(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (3) (iktar ‘il quddiem “karti tal-flus tal-euro ġenwini”). Jenħtieġ għalhekk li jiġu stabbiliti regoli komuni li jirregolaw kif għandha tiġi permessa r-riproduzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro.

(7)

Din id-Deċiżjoni għandha tkun bla ħsara għall-applikazzjoni tad-dritt kriminali, partikolarment fir-rigward tal-iffalsifikar.

(8)

Ir-riproduzzjonijiet tal-karti tal-flus tal-euro f’forma elettronika għandhom jitqiesu legali biss jekk min jipproduċihom jadotta miżuri tekniċi adegwati biex dawn ma jiġux stampati, meta l-pubbliku ġenerali jista’ jfixkel dawn il-verżjonijiet stampati mal-karti tal-flus tal-euro ġenwini.

(9)

Il-kompetenza biex jittieħdu miżuri biex tiġi protetta l-integrità tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini bħala mezz ta’ ħlas tinkludi l-kompetenza biex jiġi adottat reġim komuni li taħtu l-BĊNi jkunu lesti li jibdlu karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin. Skont dan ir-reġim, huma indikati ċerti kategoriji ta’ karti tal-flus tal-euro li għandhom jinżammu mill-BĊNi meta dawn jiġu ppreżentati lilhom biex jinbidlu.

(10)

Il-parti tal-karta tal-flus tal-euro oriġinali li jeħtieġ li tiġi ppreżentata biex tikkwalifika biex tinbidel hija suġġetta għal rekwiżiti ta’ qisien minimi. Dawn il-qisien għandhom jiġu mfissrin bħala perċentwali tal-erja tal-wiċċ tal-karta tal-flus tal-euro oriġinali qabel ma tkun tħassret, biex jiġu evitati qisien foloz, pereżempju f’sitwazzjonijiet fejn il-karta tal-flus tal-euro titħassar minħabba li tinxtorob.

(11)

Ir-Regolament (KE) Nru 1338/2001 jeħtieġ li istituzzjonijiet ta’ kreditu u, fil-limiti tal-attività tal-ħlas tagħhom, fornituri ta’ servizz ta’ ħlas u kull istituzzjoni oħra impenjati fl-ipproċessar u t-tqassim lill-pubbliku ta’ karti tal-flus u muniti, jiżguraw li karti tal-flus u muniti tal-euro li jkunu rċevew u li għandhom il-ħsieb li jpoġġuhom lura fiċ-ċirkulazzjoni jiġu vverifikati għall-awtentiċità u jinkixfu l-foloz.

(12)

Billi l-ħsara lil karti tal-flus tal-euro ġenwini b’apparat ta’ kontra s-serq tista’ tiġri fil-kuntest ta’ tentattiv ta’ reat kriminali jew t-twettiq tiegħu, għandu jiġi żgurat li f’dawn il-każijiet il-karti tal-flus ikunu jistgħu jinbidlu biss mill-vittma ta’ dan ir-reat jew tentattiv ta’ reat.

(13)

Sabiex jiġi inkoraġġit l-immaniġġjar korrett ta’ apparat ta’ kontra s-serq mill-istituzzjonijiet u aġenti ekonomiċi kollha msemmijin fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001, huwa xieraq għall-BĊNi li jitolbu dritt mingħand min jimmaniġġja l-karti tal-flus biex jiġi kkompensat għall-analiżi li ssir fir-rigward tal-bdil tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini li tħassru mill-apparat ta’ kontra s-serq.

(14)

Dan id-dritt m’għandux jintalab meta l-ħsara tirriżulta minn serq bi vjolenza jew serq, f’tentattiv jew attwalment imwettaq, u, biex jiġu evitati drittijiet insinifikanti, għandu jintalab biss meta numru minimu ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin jiġu ppreżentati għall-bdil.

(15)

Il-karti tal-flus tal-euro ġenwini li jkunu tħassru f’ammont kbir minħabba l-attivazzjoni ta’ apparat ta’ kontra s-serq għandhom jiġu ppreżentati għall-bdil, jekk ikun meħtieġ mill-BĊNi, f’settijiet li jikkonsistu f’numru minimu ta’ karti tal-flus tal-euro.

(16)

Sabiex jiġu appoġġati sforzi għat-titjib tas-sigurtà taċ-ċiklu tal-flus kontanti u biex tiġi evitata l-penalizzazzjoni tal-użu ta’ apparat ta’ kontra s-serq, huwa xieraq li jiġu kkreditati l-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi, imsemmijin fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001, li jippreżentaw għall-bdil karti tal-flus tal-euro ġenwini li jitħassru b’mod aċċidentali b’apparat ta’ kontra s-serq, fil-jum meta jiġu rċevuti dawn il-karti tal-flus, b’mod simili għall-preżentazzjoni ta’ flus kontanti regolari.

(17)

Biex tiġi appoġġata l-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu tal-Unjoni Ewropea, huwa xieraq għall-Eurosistema li tispeċifika kif jiġu ttrattati talbiet minn kwalunkwe applikant biex jinbidlu karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin b’valur ta’ mill-inqas EUR 7 500. Dawn ir-regoli huma mingħajr ħsara għal kwalunkwe rekwiżit ta’ identifikazzjoni u rapportar iktar strett adottat mill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (4).

(18)

Id-dritt esklużiv tal-BĊE li jawtorizza l-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Unjoni jinkludi l-kompetenza li jirtira l-karti tal-flus tal-euro u li jistabbilixxi reġim komuni li taħtu l-BĊE u l-BĊNi jistgħu jwettqu dan l-irtirar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet

1.   Il-karti tal-flus tal-euro għandhom jinkludu seba’ denominazzjonijiet fil-firxa ta’ bejn il-ħames sal-500 euro, li juru t-tema ‘Żminijiet u stili tal-Ewropa’, bl-ispeċifikazzjonijiet bażiċi li ġejjin.

Valur nominali

(EUR)

Dimensjonijiet (l-ewwel serje)

Dimensjonijiet (it-tieni serje)

Kulur dominanti

Disinn

5

120 × 62 mm

120 × 62 mm

Griż

Klassiku

10

127 × 67 mm

127 × 67 mm

Aħmar

Romanesk

20

133 × 72 mm

133 × 72 mm

Blu

Gotiku

50

140 × 77 mm

140 × 77 mm

Oranġo

Rinaxximent

100

147 × 82 mm

Għandhom jiġu deċiżi

Aħdar

Barokk u rokoko

200

153 × 82 mm

Għandhom jiġu deċiżi

Isfar fil-kannella

Arkittettura tal-ħadid u tal-ħġieġ

500

160 × 82 mm

Għandhom jiġu deċiżi

Vjola

Arkittettura moderna tas-seklu 20

2.   Is-seba’ denominazzjonijiet fis-serje tal-karti tal-flus tal-euro għandhom juru xbihat ta’ entraturi u twieqi fuq in-naħa ta’ quddiem (recto) u pontijiet fuq in-naħa ta’ wara (verso). Is-seba’ denominazzjonijiet kollha għandhom ikunu tipiċi tad-diversi perijodi artistiċi Ewropej imsemmijin hawn fuq. Elementi oħrajn tad-disinji għandhom jinkludu:

(a)

is-simbolu tal-Unjoni Ewropea;

(b)

l-isem tal-valuta bl-alfabett Ruman u Grieg u, flimkien ma’ dan, għat-tieni serje ta’ karti tal-flus tal-euro, l-isem tal-valuta bl-alfabett Ċirilliku;

(c)

l-inizjali tal-BĊE fil-varjanti tal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; għall-ewwel serje ta’ karti tal-flus tal-euro, l-inizjali tal-BĊE għandhom ikunu limitati għall-ħames varjanti tal-lingwi uffiċjali li ġejjin: BCE, ECB, EZB, EKT u EKP u, flimkien ma’ dawn, għat-tieni serje ta’ karti tal-flus tal-euro, l-inizjali tal-BĊE għandhom ikunu limitati għal dawn id-disa’ varjanti tal-lingwi uffiċjali: BCE, ECB, ЕЦБ, EZB, EKP, EKT, EKB, BĊE u EBC;

(d)

is-simbolu © li jindika li d-dritt tal-awtur jappartjeni lill-BĊE; u

(e)

il-firma tal-President tal-BĊE.

Artikolu 2

Regoli dwar ir-riproduzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro

1.   ‘Riproduzzjoni’ għandha tfisser kull xbieha tanġibbli jew intanġibbli li tuża karta tal-flus tal-euro sħiħa jew parti minnha kif speċifikat fl-Artikolu 1, jew partijiet mill-elementi individwali tad-disinn tagħha, bħal, fost l-oħrajn, il-kulur, id-dimensjonijiet u l-użu ta’ ittri jew ta’ simboli, liema xbieha tista’ tixbah lil, jew tagħti l-impressjoni ġenerali ta’, karta tal-flus tal-euro ġenwina, irrispettivament minn:

(a)

id-daqs tax-xbieha; jew

(b)

il-materjal(i) jew it-teknika (tekniki) użati fil-produzzjoni tagħha; jew

(c)

jekk żdidux jew inbidlux elementi tad-disinn tal-karta tal-flus tal-euro, bħall-ittri jew is-simboli.

2.   Ir-riproduzzjonijiet li l-pubbliku ġenerali jista’ jfixkilhom ma’ karti tal-flus tal-euro ġenwini għandhom jitqiesu bħala illegali.

3.   Ir-riproduzzjonijiet li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin għandhom jitqiesu bħala legali peress li m’hemm l-ebda riskju li l-pubbliku ġenerali jista’ jfixkilhom ma’ karti tal-flus tal-euro ġenwini:

(a)

ir-riproduzzjonijiet b’naħa waħda biss ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1, kemm-il darba d-daqs tar-riproduzzjoni jkun daqs jew ikbar minn 125 % ta’ kemm it-tul u l-wisa’, jew daqs jew inqas minn 75 % ta’ kemm it-tul u l-wisa’ tal-karta tal-flus tal-euro rispettiva kif speċifikat fl-Artikolu 1; jew

(b)

ir-riproduzzjonijiet biż-żewġ naħat ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1, kemm-il darba d-daqs tar-riproduzzjoni jkun daqs jew iżjed minn 200 % ta’ kemm it-tul u l-wisa’ jew inqas minn 50 % ta’ kemm it-tul u l-wisa’ tal-karta tal-flus tal-euro rispettiva kif speċifikat fl-Artikolu 1; jew

(c)

ir-riproduzzjonijiet ta’ elementi individwali tad-disinn ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1, kemm-il darba dak l-element tad-disinn ma jintweriex fuq sfond li jkun jixbah lil dak ta’ karta tal-flus; jew

(d)

ir-riproduzzjonijiet fuq naħa waħda li juru parti min-naħa ta’ quddiem jew ta’ wara ta’ karta tal-flus tal-euro, kemm-il darba dik il-parti tkun iżgħar minn terz tan-naħa oriġinali ta’ quddiem jew ta’ wara ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1; jew

(e)

ir-riproduzzjonijiet magħmulin minn materjal li jkun jidher b’mod ċar li hu differenti mill-karta, li tidher sew li hija differenti mill-materjal użat għall-karti tal-flus; jew

(f)

ir-riproduzzjonijiet intanġibbli li jkunu disponibbli elettronikament f’websajts, permezz ta’ wajer jew mingħajr wajer jew bi kwalunkwe mezz ieħor li jippermetti lill-membri tal-pubbliku ġenerali li jkollhom aċċess għal dawn ir-riproduzzjonijiet intanġibbli minn post u f’ħin magħżul minnhom individwalment, kemm-il darba:

il-kelma SPECIMEN (kampjun) tkun stampata dijagonalment fuq ir-riproduzzjoni bit-tipa Arial jew b’tipa simili għat-tipa Arial; u

ir-riżoluzzjoni tar-riproduzzjoni elettronika fid-daqs 100 % tagħha ma taqbiżx it-72 punt kull pulżier (dpi).

4.   Fil-każ ta’ riproduzzjonijiet skont il-paragrafu 3(f),

it-tul tal-kelma SPEĊIMEN għandha tkun mill-inqas 75 % tat-tul tar-riproduzzjoni, u

l-għoli tal-kelma SPEĊIMEN għandha tkun mill-inqas 15 % tal-wisa’ tar-riproduzzjoni, u

il-kelma SPECIMEN għandha tidher f’kulur mhux trasparenti (opak) li jikkuntrasta mal-kulur dominanti tal-karta tal-flus tal-euro rispettiva kif speċifikat fl-Artikolu 1.

5.   Il-BĊE u l-BĊNi għandhom, meta jirċievu talba bil-miktub, jipprovdu konferma li r-riproduzzjonijiet li ma jikkonformawx mal-kriterji tal-paragrafu 3, sa fejn ma jistgħux jiġu mfixkla mill-pubbliku ġenerali ma’ karta tal-flus tal-euro ġenwina kif speċifikat fl-Artikolu 1, huma legali wkoll. Meta riproduzzjoni ssir fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss li l-munita tiegħu hija l-euro, talbiet kif imsemmi iktar ‘il fuq għandhom jiġu indirizzati lill-BĊN ta’ dak l-Istat Membru. Fil-każijiet l-oħra kollha, dawn it-talbiet għandhom jiġu indirizzati lill-BĊE.

6.   Ir-regoli tar-riproduzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro japplikaw ukoll għall-karti tal-flus tal-euro li jkunu ġew irtirati jew li jkunu tilfu l-istatus tagħhom ta’ valuta legali skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Bdil ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin

1.   Il-BĊNi għandhom, fuq talba, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 u fid-deċiżjoni rilevanti tal-Kunsill Governattiv imsemmija fl-Artikolu 6, jibdlu karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin meta:

(a)

iktar minn 50 % tal-karta tal-flus tal-euro hija ppreżentata; jew

(b)

meta 50 % jew anqas tal-karta tal-flus tal-euro hija ppreżentata jekk l-applikant jipprova li l-partijiet neqsin inqerdu.

2.   Flimkien mal-paragrafu 1, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin għall-bdil ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin:

(a)

fejn ikun hemm dubju dwar it-titolu legali tal-applikant għall-karti tal-flus tal-euro: l-applikant għandu jagħti identifikazzjoni, kif ukoll prova li l-applikant huwa s-sid jew inkella applikant awtorizzat;

(b)

fejn ikun hemm dubju dwar l-awtentiċità tal-karti tal-flus tal-euro: l-applikant għandu jagħti l-identifikazzjoni;

(c)

fejn jiġu ppreżentati karti tal-flus tal-euro ġenwini mtebbgħin bil-linka, ikkontaminati jew imxappin: l-applikant għandu jagħti spjegazzjoni bil-miktub dwar it-tip ta’ tebgħa, kontaminazzjoni jew ta’ tixpip;

(d)

fejn il-karti tal-flus tal-euro ġenwini jkun tħassru b’apparat ta’ kontra s-serq: l-applikant għandu jagħti stqarrija bil-miktub fuq il-kawża ta’ newtralizzazzjoni;

(e)

fejn il-karti tal-flus tal-euro ġenwini jkun tħassru b’apparat ta’ kontra s-serq minħabba serq bi vjolenza jew serq, attwalment imwettaq jew tentattiv, jew attività kriminali oħra: il-karti tal-flus għandhom jinbidlu biss fuq talba tas-sid jew inkella tal-applikant awtorizzat li jkun il-vittma ta’ attività kriminali attwali jew tentattiv tagħha li twassal għall-ħsara fil-karti tal-flus;

(f)

fejn il-karti tal-flus tal-euro ġenwini jkunu tħassru b’apparat ta’ kontra s-serq u jiġu ppreżentati minn istituzzjonijiet u aġenti ekonomiċi msemmijin fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001: dawk l-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi għandhom jagħtu stqarrija bil-miktub fuq il-kawża tan-newtralizzazzjoni, ir-referenza u l-karatteristiċi ta’ apparat ta’ kontra s-serq, id-dettalji tal-parti li qed tippreżenta l-karti tal-flus imħassrin u d-data tal-preżentazzjoni tagħhom;

(g)

fejn il-karti tal-flus tal-euro ġenwini jkunu tħassru f’ammont kbir minħabba l-attivazzjoni ta’ apparat ta’ kontra s-serq: dawn kemm jista’ jkun possibbli u jekk meħtieġ mill-BĊNi għandhom jiġu ppreżentati f’settijiet ta’ 100 karta tal-flus tal-euro, kemm-il darba l-ammont tal-karti tal-flus tal-euro ppreżentati jkun biżżejjed biex jiġu ffurmati dawn is-settijiet;

(h)

fejn istituzzjonijiet u aġenti ekonomiċi msemmijin fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 jippreżentaw għall-bdil, fi tranżazzjoni waħda jew iżjed, karti tal-flus tal-euro ġenwini b’valur ta’ mill-inqas EUR 7 500: dawk l-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi għandhom jagħtu dokumentazzjoni fuq l-oriġni tal-karti tal-flus u l-identifikazzjoni tal-klijent jew, meta jkun applikabbli, tas-sid benefiċjarju kif iddefinit fid-Direttiva 2005/60/KE. Dan l-obbligu għandu japplika wkoll f‘każ ta’ dubju dwar jekk il-valur limitu ta’ EUR 7 500 ntlaħaqx. Ir-regoli stipulati f’dan il-paragrafu għandhom ikunu mingħajr ħsara għal kwalunkwe identifikazzjoni u rekwiżit ta’ rapportar iktar stretti adottati mill-Istati Membri fit-trażpożizzjoni tad-Direttiva 2005/60/KE.

3.   Minkejja dak imsemmi aktar ‘il fuq:

(a)

Fejn il-BĊNi jkunu jafu jew ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li l-karti tal-flus tal-euro ġenwini tħassru intenzjonalment, huma għandhom jirrifjutaw li jibdluhom u għandhom iżommu l-karti tal-flus tal-euro, biex jevitaw li dawn il-karti tal-flus tal-euro jerġgħu jiġu ċċirkulati jew biex jipprevjenu li l-applikant jippreżentahom lil xi BĊN ieħor għall-bdil. Madanakollu, huma għandhom jibdlu l-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin jekk ikunu jafu jew jekk ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li l-applikanti għandhom il-bonafidi, jew jekk l-applikanti jistgħu jippruvaw li għandhom il-bonafidi. Il-karti tal-flus tal-euro li jkunu mħassrin fi ġrad żgħir, eż. billi jkollhom annotazzjonijiet, numri jew sentenzi qosra miktubin fuqhom, m’għandhomx fil-prinċipju jitqiesu li huma karti tal-flus tal-euro li tħassru intenzjonalment; u

(b)

Fejn il-BĊNi jkunu jafu jew ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li twettaq reat kriminali huma għandhom jirrifjutaw li jibdlu l-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin u għandhom iżommuhom, wara li tinħareġ riċevuta, bħala prova li tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti biex jibdew jew jappoġġaw investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-awtoritajiet kompetenti, il-karti tal-flus tal-euro ġenwini fl-aħħar tal-investigazzjoni għandhom jikkwalifikaw għall-bdil skont kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.

(c)

Meta l-BĊNi jkunu jafu jew ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li l-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin huma kkontaminati b’mod li jkunu ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurtà, huma għandhom jibdlu l-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin, jekk l-applikant jista’ jipprovdi valutazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 4

Twaqqif ta’ dritt għall-bdil tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin b’apparat ta’ kontra s-serq

1.   Il-BĊNi għandhom jitolbu dritt mingħand l-istituzzjoniiet u l-aġenti ekonomiċi msemmijin fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1338/2001 meta jitolbu lill-BĊNi, skont l-Artikolu 3, biex jibdlu karti tal-flus tal-euro ġenwini li ġew imħassrin minn apparat ta’ kontra s-serq.

2.   Id-dritt għandu jammonta għal 10 ċenteżmi tal-euro għal kull karta tal-flus tal-euro mħassra.

3.   Id-dritt għandu jintalab biss jekk jinbidlu mill-inqas 100 karta tal-flus tal-euro mħassra. Id-dritt għandu jintalab għall-karti tal-flus tal-euro kollha mibdulin.

4.   L-ebda dritt m’għandu jintalab fejn karti tal-flus tal-euro jkunu tħassru minħabba serq bi vjolenza, serq jew attività kriminali oħra, jew tentattiv jew attwalment imwettqin.

Artikolu 5

Ikkreditar tal-valur tal-karti tal-flus tal-euro mħassrin aċċidentalment b’apparat ta’ kontra s-serq u ppreżentati għall-bdil

1.   Il-BĊNi għandhom jikkreditaw lill-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi msemmijin fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1338/2001 li jkollhom kont fil-BĊN rilevanti l-valur tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini li ġew imħassrin aċċidentalment minn apparat ta’ kontra s-serq fil-jum ta’ meta jirċievu dawk il-karti tal-flus, kemm-il darba:

(a)

il-karti tal-flus tal-euro ma tħassrux minħabba serq bi vjolenza, serq jew attività kriminali oħra attwali;

(b)

il-BĊN jista’ jivverifika minnufih li l-ammont mitlub jikkorrispondi tal-inqas għal madwar il-valur tal-karti tal-flus ippreżentati; u

(c)

tintbagħat l-informazzjoni l-oħra kollha meħtieġa mill-BĊN.

2.   Kwalunkwe differenza żvelata wara l-ipproċessar bejn il-valur tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin aċċidentalment u ippreżentati għall-bdil u l-ammont ikkreditat qabel l-ipproċessar għandha tiġi ddebitata jew ikkreditata, skont il-każ, lill-istituzzjoni jew l-aġent ekonomiku li jippreżentawhom.

3.   Id-drittijiet imsemmijin fl-Artikolu 4 għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi tan-numru effettiv tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin aċċidentalment ipproċessati mill-BĊN.

Artikolu 6

Irtirar tal-karti tal-flus tal-euro

L-irtirar ta’ tip jew serje ta’ karta tal-flus tal-euro għandu jiġi rregolat b’deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv ippubblikata għall-informazzjoni ġenerali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u f’midja oħra. Din id-Deċiżjoni bħala minimu għandha tkopri, il-punti li ġejjin:

it-tip jew is-serje tal-karta tal-flus tal-euro li tkun ser tiġi rtirata miċ-ċirkulazzjoni; u

it-tul ta’ żmien tal-perjodu tal-bdil; u

id-data li fiha t-tip jew is-serje tal-karta tal-flus tal-euro tkun ser titlef l-istatus tagħha bħala valuta legali; u

it-trattament tal-karti tal-flus tal-euro ppreżentati ladarba jkun għadda l-perijodu tal-irtirar u/jew ikunu tilfu l-istatus tagħhom bħala valuta legali.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u tħassir

1.   Id-Deċiżjoni BĊE/2003/4 hija mħassra.

2.   Ir-referenzi għad-Deċiżjoni BĊE/2003/4 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

3.   Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-19 ta’ April 2013.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 3, p. 246.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 111.

(3)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Volum 4, p. 152.

(4)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.


ANNESS

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Deċiżjoni BĊE/2003/4

Din id-Deċiżjoni

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7