20.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 351/34


REGOLAMENT (UE) Nru 1217/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Diċembru 2012

dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta’ injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Meta titqies l-importanza ekonomika għall-Unjoni tal-importazzjonijiet ta’ injam mhux ipproċessat u l-importanza li l-Federazzjoni Russa għandha għall-Unjoni bħala fornitur ta’ injam mhux ipproċessat, il-Kummissjoni nnegozjat mal-Federazzjoni Russa impenji minn din tal-aħħar biex jitnaqqsu jew jitneħħew id-dazji tal-esportazzjoni fuq l-injam mhux ipproċessat.

(2)

Dawn l-impenji, li saru parti mill-Iskeda ta’ Konċessjonijiet u ta’ Impenji fuq il-Merkanzija tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) għall-Federazzjoni Russa hekk kif aderixxiet mad-WTO, jinkludu kwoti tar-rati tariffarji għall-esportazzjoni ta’ tipi speċifikati ta’ injam koniferuż, li sehem minnu kien allokat għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

(3)

Fil-kuntest tan-negozjati li jirrigwardaw l-adeżjoni tal-Federazzjoni Russa mad-WTO, il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni, Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa relatat mal-amministrazzjoni ta’ kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta’ injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea (2) (“il-Ftehim”).

(4)

L-Unjoni u l-Federazzjoni Russa nnegozjaw ukoll Protokoll dwar modalitajiet tekniċi skont il-Ftehim (3) (“il-Protokoll”).

(5)

Fl-14 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/105/UE (4) li tawtorizza l-iffirmar tal-Ftehim u l-Protokoll u l-applikazzjoni provviżorja tagħhom mid-data tal-adeżjoni tal-Federazzjoni Russa mad-WTO. Il-Ftehim u l-Protokoll ġew iffirmati fis-16 ta’ Diċembru 2011. Il-Federazzjoni Russa issieħbet mad-WTO fit-22 ta’ Awwissu 2012.

(6)

F’konformità mat-termini tal-Ftehim, l-Unjoni għandha tiġġestixxi s-sehem tal-kwoti tar-rati tariffarji allokati lilha skont il-proċeduri interni tagħha. Id-Deċiżjoni 2012/105/UE tistipula li l-Kummissjoni għandha tadotta regoli dettaljati dwar il-metodu ta’ kif jiġu allokati l-awtorizzazzjonijiet tal-kwoti skont il-Protokoll, kif ukoll kull dispożizzjoni oħra neċessarja għall-amministrazzjoni, min-naħa tal-Unjoni, tal-kwantitajiet tal-kwoti tariffarji allokati għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 498/2012 (5) stabbilixxa r-regoli ta’ implimentazzjoni provviżorji neċessarji, bil-għan li l-amministrazzjoni mill-Unjoni tas-sehem tagħha ta’ kwoti ta’ rati tariffarji tkun kompletament operattiva sa meta l-Federazzjoni Russa tkun issieħbet mad-WTO. Dak ir-Regolament mhux ser jibqa’ japplika ladarba l-Ftehim u l-Protokoll jiġu konklużi u jidħlu fis-seħħ.

(7)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Ftehim u l-Protokoll wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (6).

(8)

Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-kontinwità legali għall-operaturi ekonomiċi, l-atti ta’ implimentazzjoni l-ġodda li għandhom jiġu adottati skont dan ir-Regolament għandhom iżommu l-effetti legali tal-miżuri tranżizzjonali li diġà ttieħdu skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012. Dawk il-miżuri tranżizzjonali għandhom imbagħad jiġu ttrattati bħallikieku ttieħdu skont id-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni l-ġodda,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Sabiex jiġu implimentati l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa relatat mal-amministrazzjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet tal-injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni u l-Protokoll dwar il-modalitajiet tekniċi skont il-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-metodu ta’ allokazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet tal-kwoti skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 5 tal-Protokoll u li jistabbilixxu kwalunkwe dispożizzjoni oħra neċessarja għall-amministrazzjoni, mill-Unjoni, tal-kwantitajiet tal-kwoti tar-rati tariffarji allokati għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 2(2).

2.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom iżommu l-effetti legali tal-miżuri tranżizzjonali meħudin skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012.

Artikolu 2

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Injam stabbilit bl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2012/105/UE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Il-Kumitat tal-Injam jista’ jeżamina kwalunkwe kwistjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u l-Protokoll, imqajma mill-Kummissjoni jew fuq talba ta’ Stat Membru.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. MAVROYIANNIS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Novembru 2012 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2012.

(2)  ĠU L 57, 29.2.2012, p. 3.

(3)  ĠU L 57, 29.2.2012, p. 5.

(4)  ĠU L 57, 29.2.2012, p. 1.

(5)  ĠU L 152, 13.6.2012, p. 28.

(6)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.