14.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 343/30


REGOLAMENT (UE) Nru 1152/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Novembru 2012

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom aċċess ugwali għall-ilmijiet u r-riżorsi tal-Unjoni soġġett għar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 (3) jistipula deroga mir-regola tal-aċċess ugwali, billi jawtorizza lill-Istati Membri biex jirrestrinġu s-sajd għal ċerti bastimenti tas-sajd f’ilmijiet sa 12-il mil nawtiku mil-linji bażi tagħhom.

(3)

Fit-13 ta’ Lulju 2011, skont ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 il-Kummissjoni ppreżentat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar l-arranġamenti li jikkonċernaw l-aċċess għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona ta’ 12-il mil nawtiku. Dak ir-rapport kkonkluda li r-reġim ta’aċċess huwa stabbli ħafna u li kompla jopera b’mod sodisfaċenti mill-2002 ‘il hawn.

(4)

Ir-regoli eżistenti li jirrestrinġu l-aċċess għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona ta’ 12-il mil nawtiku kellhom effetti pożittivi fuq il-konservazzjoni billi rrestrinġew l-isforz tas-sajd fl-aktar parti sensittiva tal-ilmijiet tal-Unjoni. Dawk ir-regoli ppreservaw ukoll l-attivitajiet tradizzjonali tas-sajd li huma importanti għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ ċerti komunitajiet kostali.

(5)

Id-deroga daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003 u tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2012. Il-validità tagħha għandha tiġi estiża sakemm isseħħ l-adozzjoni ta’ regolament ġdid, ibbażat fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd.

(6)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Fl-ilmijiet sa 12-il mil nawtiku mil-linji bażi taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħhom, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2014 li jirrestrinġu s-sajd għal bastimenti tas-sajd li tradizzjonalment jistadu f’dawk l-ilmijiet minn portijiet fil-kosta li tmiss magħhom. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera ta’ Stati Membri oħra skont relazzjonijiet eżistenti tal-viċinat bejn l-Istati Membri u l-arranġamenti li jinsabu fl-Anness I, li jistabbilixxu għal kull Stat Membru ż-żoni ġeografiċi fi ħdan il-faxex kostali ta’ Stati Membri oħra fejn isiru attivitajiet tas-sajd u l-ispeċijiet ikkonċernati.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Novembru 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. MAVROYIANNIS


(1)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 89.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2012 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2012.

(3)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.