17.11.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 320/8 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1078/2012
tas-16 ta’ Novembru 2012
dwar metodu komuni ta’ sikurezza għall-monitoraġġ li għandu jiġi applikat mill-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura wara li jirċievu ċertifikat tas-sikurezza jew awtorizzazzjoni tas-sikurezza u minn entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzji tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (id-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,
Billi:
(1) |
Il-Kummissjoni għandha tadotta t-tieni serje ta’ metodi komuni tas-sikurezza (Common Safety Methods — CSM) li jkopru tal-inqas il-metodi previsti fl-Artikolu 6(3)(c) tad-Direttiva 2004/49/KE, abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (l-“Aġenzija”). |
(2) |
Fil-5 ta’ Ottubru 2009 il-Kummissjoni ħarġet mandat lill-Aġenzija f’konformità mad-Direttiva 2004/49/KE biex tfassal abbozz ta’ CSM għall-verifika tal-konformità tal-operat u l-manutenzjoni ta’ sottosistemi strutturali mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti. Dawn is-CSM għandhom jispeċifikaw il-metodi li għandhom jintużaw biex jivverifikaw li s-sottosistemi strutturali (inkluż l-operat u l-ġestjoni tat-traffiku) joperaw u jinżammu f’konformità mar-rekwiżiti essenzjali kollha relatati mas-sikurezza u jissorveljaw li s-sottosistemi u l-integrazzjoni tagħhom fis-sistemi ikomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza tagħhom meta joperaw u waqt il-manutenzjoni. L-Aġenzija ppreżentat ir-rakkomandazzjoni tagħha dwar is-CSM lill-Kummissjoni, appoġġata minn rapport ta’ valutazzjoni tal-impatt biex tindirizza l-mandat tal-Kummissjoni. Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija. |
(3) |
Sabiex ikun hemm l-integrazzjoni, l-operat u l-manutenzjoni sikuri ta’ sottosistemi strutturali fi ħdan is-sistema ferrovjarja, u biex ikun żgurat li jintlaħqu r-rekwiżiti essenzjali matul l-operat, is-sistemi ta’ ġestjoni tas-sikurezza tal-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura, u s-sistemi ta’ manutenzjoni ta’ entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni għandhom jinkludu l-arranġamenti neċessarji kollha, inkluż il-proċessi, il-proċeduri, u l-miżuri ta’ kontroll tar-riskju tekniċi, operattivi u organizzattivi. Konsegwentement, il-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta u l-effettività tas-sistemi ta’ ġestjoni tas-sikurezza tal-impriżi ferrovjarji u tal-maniġers tal-infrastruttura, kif ukoll tas-sistemi ta’ manutenzjoni ta’ entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni, għandu jkopri r-rekwiżiti għal sottosistemi strutturali fi ħdan il-kuntest operattiv tagħhom. |
(4) |
Dan ir-Regolament għandu jippermetti l-ġestjoni effettiva tas-sikurezza tas-sistema ferrovjarja matul l-attivitajiet tal-operat u l-manutenzjoni tagħha u, fejn meħtieġ u jkun raġonevolment prattikabbli, għandu jtejjeb is-sistema ta’ ġestjoni. |
(5) |
Dan ir-Regolament għandu jagħmel possibbli wkoll l-identifikazzjoni bikrija ta’ nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni ta’ sistema ta’ ġestjoni f’modi li jistgħu jirriżultaw f’aċċidenti, inċidenti, kważi aċċidenti/inċidenti jew okkorrenzi perikolużi oħra. Għandu jintuża proċess armonizzat għall-monitoraġġ tal-attivitajiet għall-ġestjoni ta’ dawn il-forom ta’ nuqqas ta’ konformità matul l-attivitajiet tal-operat u l-manutenzjoni. B’mod partikolari dak il-proċess armonizzat għandu jintuża għall-verifika tal-kisba tar-riżultat mistenni tas-sistemi ta’ ġestjoni tas-sikurezza tal-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura, u għall-verifika tal-kisba tar-riżultat mistenni tas-sistema ta’ manutenzjoni tal-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni. |
(6) |
L-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura għandhom jissorveljaw l-applikazzjoni korretta u r-riżultati tal-arranġamenti li jkunu żviluppati permezz tas-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza tagħhom sabiex joperaw f’sikurezza, inkluż fuq networks speċifiċi. |
(7) |
Dan ir-Regolament għandu jiffaċilita l-aċċess għas-suq għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju permezz ta’ armonizzazzjoni tal-proċess ta’ monitoraġġ sabiex jiżgura l-kisba kontinwa tal-prestazzjoni tas-sikurezza tas-sistema ferrovjarja. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jwassal għal fiduċja u trasparenza reċiproka bejn l-Istati Membri, permezz ta’ skambju armonizzat ta’ informazzjoni relatata mas-sikurezza bejn atturi differenti involuti fi ħdan is-settur ferrovjarju biex jimmaniġġjaw is-sikurezza fost l-interfaċċi differenti ta’ dan is-settur u l-evidenza armonizzata mill-applikazzjoni tal-proċess ta’ monitoraġġ. |
(8) |
Sabiex tirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-effettività u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u fejn applikabbli biex tagħmel rakkomandazzjonijiet sabiex ittejjbu, l-Aġenzija għandha tkun tista’ tiġbor informazzjoni rilevanti mid-diversi atturi involuti, inkluż mingħand l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza, mill-korpi ta’ ċertifikazzjoni ta’ entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija u minn entitajiet oħra responsabbli mill-manutenzjoni li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 445/2011 tal-10 ta’ Mejju 2011 dwar sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija (2). |
(9) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/49/KE, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi metodu komuni ta’ sikurezza (CSM) għall-monitoraġġ li jippermetti l-ġestjoni effettiva tas-sikurezza fis-sistema ferrovjarja waqt l-attivitajiet ta’ operat u manutenzjoni tagħha u, fejn xieraq, it-titjib tas-sistema ta’ ġestjoni.
2. Dan ir-Regolament għandu jintuża għal dawn li ġejjin:
(a) |
għall-verifika tal-applikazzjoni korretta u l-effettività tal-proċessi u l-proċeduri kollha fs-sistema ta’ ġestjoni, inkluż il-miżuri tekniċi, operattivi u organizzattivi ta’ kontroll tar-riskju. Fil-każ ta’ impriżi ferrovjarji u maniġers tal-infrastruttura, il-verifika se tinkludi l-elementi tekniċi, operattivi u organizzattivi li huma neċessarji għall-kwistjoni taċ-ċertifikazzjoni/awtorizzazzjoni speċifikata fl-Artikoli 10(2)(a) u 11(1)(a) u d-dispożizzjonijiet adottati għal kisba taċ-ċertifikazzjoni/awtorizzazzjoni speċifikata fl-Artikoli 10(2)(b) u 11(1)(b) tad-Direttiva 2004/49/KE; |
(b) |
għall-verifika tal-applikazzjoni korretta tas-sistema ta’ ġestjoni bħala entità sħiħa, u jekk is-sistema ta’ ġestjoni tikseb ir-riżultati mistennija, u; |
(c) |
għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri preventivi jew korrettivi xierqa jew it-tnejn, jekk tkun skoperta kwalunkwe istanza ta’ nuqqas ta’ konformità mal-punti (a) u (b). |
3. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura wara li jirċievu ċertifikat tas-sikurezza jew awtorizzazzjoni tas-sikurezza u entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/49/KE.
Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“sistema ta’ ġestjoni” tfisser jew is-sistemi ta’ ġestjoni tas-sikurezza tal-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura, kif iddefinit fl-Artikolu 3(i) tad-Direttiva 2004/49/KE u f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 9 u l-Anness III ta’ dik id-Direttiva, inkella s-sistema ta’ manutenzjoni ta’ entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 14a(3) ta ‘dik id-Direttiva; |
(b) |
“monitoraġġ” tfisser l-arranġamenti fis-seħħ mill-impriżi ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura jew entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni biex jivverifikaw li s-sistema ta’ ġestjoni tagħhom hija applikata b’mod korrett u effettiva; |
(c) |
“interfaċċi” tfisser interfaċċi kif iddefinit fl-Artikolu 3(7) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 352/2009 (3). |
Artikolu 3
Proċess tal-monitoraġġ
1. Kull impriża ferrovjarja, maniġer tal-infrastruttura u entità responsabbli mill-manutenzjoni:
(a) |
għandhom ikunu responsabbli mit-twettiq tal-proċess ta’ monitoraġġ stipulat fl-Anness; |
(b) |
għandhom jiżguraw li miżuri ta’ kontroll tar-riskju li ġew implimentati mill-kuntratturi tagħhom huma mmonitorjati wkoll f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, għandhom japplikaw il-proċess ta’ monitoraġġ stipulat fl-Anness jew jesiġu li l-kuntratturi tagħhom japplikaw dan il-proċess permezz ta’ arranġamenti kuntrattwali. |
2. Il-proċess ta’ monitoraġġ għandu jinkludi l-attivitajiet li ġejjin:
(a) |
id-definizzjoni ta’ strateġija, prijoritajiet u pjan(ijiet) għall-monitoraġġ; |
(b) |
il-ġabra u l-analiżi tal-informazzjoni; |
(c) |
it-tfassil ta’ pjan ta’ azzjoni għal istanzi ta’ nuqqas ta’ konformità inaċċettabbli mar-rekwiżiti stabbiliti fis-sistema ta’ ġestjoni; |
(d) |
l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, jekk pjan bħal dan jitfassal; |
(e) |
l-evalwazzjoni tal-effettività ta’ miżuri tal-pjan ta’ azzjoni, jekk pjan bħal dan jitfassal. |
Artikolu 4
Skambju ta’ informazzjoni bejn l-atturi involuti
1. L-impriżi ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura u l-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni, inklużi l-kuntratturi tagħhom, għandhom jiżguraw permezz ta’ arranġamenti kuntrattwali li kwalunkwe informazzjoni rilevanti relatata mas-sikurezza li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-proċess ta’ monitoraġġ stipulat fl-Anness tiġi skambjata bejniethom, sabiex il-parti l-oħra tkun tista’ tieħu kwalunkwe azzjoni korrettiva neċessarja biex tiżgura l-kisba kontinwa tal-prestazzjoni tas-sikurezza tas-sistema ferrovjarja.
2. Jekk, permezz tal-applikazzjoni tal-proċess ta’ monitoraġġ, l-impriżi ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura u l-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni jidentifikaw kwalunkwe riskju rilevanti tas-sikurezza fir-rigward ta’ difetti u nuqqas ta’ konformità fil-kostruzzjoni jew malfunzjonijiet ta’ tagħmir tekniku, inklużi dawk ta’ sottosistemi strutturali, dawn għandhom jirrapportaw dawk ir-riskji lill-partijiet l-oħra involuti biex ikunu jistgħu jieħdu kwalunkwe azzjoni korrettiva neċessarja biex jiżguraw il-kisba kontinwa tal-prestazzjoni tas-sikurezza tas-sistema ferrovjarja.
Artikolu 5
Rappurtar
1. Il-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji għandhom jirrappurtaw lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament permezz tar-rapporti tas-sikurezza annwali tagħhom skont l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2004/49/KE.
2. L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tirrapporta dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-impriżi ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura, u safejn taf hija, mill-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/49/KE.
3. Ir-rapport annwali tal-manutenzjoni ta’ entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni tal-vaguni tal-merkanzija skont il-punt I.7.4(k) tal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 445/2011, għandu jinkludi informazzjoni dwar l-esperjenza ta’ entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-Aġenzija għandha tiġbor din l-informazzjoni f’koordinazzjoni mal-korpi taċ-ċertifikazzjoni rispettivi.
4. L-entitajiet l-oħra responsabbli mill-manutenzjoni li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 445/2011 għandhom ukoll jaqsmu l-esperjenza tagħhom mal-Aġenzija dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-Aġenzija għandha tikkoordina l-iskambju tal-esperjenzi ma’ dawn l-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni.
5. L-Aġenzija għandha tiġbor l-informazzjoni kollha dwar l-esperjenza tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u, meta meħtieġ, għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni bil-ħsieb li ttejjeb dan ir-Regolament.
6. L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jappoġġaw lill-Aġenzija fil-ġabra ta’ informazzjoni bħal din minn impriżi ferrovjarji u maniġers tal-infrastruttura.
7. L-Aġenzija għandha tissottometti lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn tlett snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, rapport li janalizza l-effettività tal-metodu u l-esperjenza tal-impriżi ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura u l-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu japplika mis-7 ta' Ġunju 2013.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Novembru 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44.
(2) ĠU L 122, 11.5.2011, p. 22.
(3) ĠU L 108, 29.4.2009, p. 4.
ANNESS
IL-PROĊESS TAL-MONITORAĠĠ
1. Ġenerali
1.1. |
L-inputs fil-proċess ta’ monitoraġġ għandhom ikunu l-proċessi u l-proċeduri kollha li jinsabu fis-sistema ta’ ġestjoni, inkluż il-miżuri ta’ kontroll tar-riskju tekniċi, operattivi u organizzattivi. |
1.2. |
L-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) tal-proċess ta’ monitoraġġ huma deskritti fit-Taqsimiet 2 sa 6. |
1.3. |
Dan il-proċess ta’ monitoraġġ huwa ripetittiv u iterattiv, kif muri fid-dijagramma hawn taħt fl-Appendiċi. |
2. Definizzjoni ta’ strateġija, prijoritajiet u pjan(ijiet) għall-monitoraġġ
2.1. |
Abbażi tas-sistema ta’ ġestjoni tagħhom, kull impriża ferrovjarja, maniġer tal-infrastruttura u entità responsabbli mill-manutenzjoni għandhom ikunu responsabbli mid-definizzjoni tal-istrateġija, il-prijoritajiet u l-pjan(ijiet) tagħhom għall-monitoraġġ. |
2.2. |
Id-deċiżjoni dwar x’għandu jiġi prijoritizzat għandha tikkunsidra informazzjoni minn oqsma li jagħtu lok għall-akbar riskji u, jekk mhux immonitorjati effettivament, jistgħu jwasslu għal konsegwenzi avversi tas-sikurezza. Għandha tiġi ssettjata ordni ta’ prijorità għall-attivitajiet ta’ monitoraġġ, u għandhom ikunu indikati ż-żmien, l-isforz u r-riżorsi meħtieġa. Il-prijoritizzazzjoni għandha wkoll tqis ir-riżultati minn applikazzjonijiet preċedenti tal-proċess ta’ monitoraġġ. |
2.3. |
Il-proċess ta’ monitoraġġ għandu jidentifika mill-aktar fis possibbli istanzi ta’ nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni li jistgħu jirriżultaw f’aċċidenti, inċidenti, kważi aċċidenti/inċidenti jew okkorrenzi perikolużi oħra. Dan għandu jwassal għall-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jirrimedjaw istanzi bħal dawn ta’ nuqqas ta’ konformità. |
2.4. |
L-istrateġija u l-pjan(ijiet) tal-monitoraġġ għandhom jiddefinixxu l-indikaturi kwantitattivi jew kwalitattivi jew taħlita tat-tnejn li jistgħu:
|
3. Ġabra u analiżi tal-informazzjoni
3.1. |
Il-ġabra u l-analiżi tal-informazzjoni għandha titwettaq skont l-istrateġija, il-prijoritajiet u l-pjan(ijiet) iddefiniti għall-monitoraġġ. |
3.2. |
Għal kull indikatur iddefinit imsemmi fil-punt 2.4, għandhom jitwettqu dawn li ġejjin:
|
4. Tfassil ta’ pjan ta’ azzjoni
4.1. |
Għal istanzi ta’ nuqqas ta’ konformità identifikati li huma kkunsidrati inaċċettabbli, għandu jitfassal pjan ta’ azzjoni. Dan għandu:
|
4.2. |
Il-pjan ta’ azzjoni għandu b’mod partikolari jinkludi l-informazzjoni li ġejja:
|
4.3. |
Għall-ġestjoni tas-sikurezza fl-interfaċċi, l-impriża ferrovjarja, il-maniġer tal-infrastruttura jew l-entità responsabbli mill-manutenzjoni għandhom jiddeċiedu, bi qbil mal-atturi l-oħra involuti, min se jkun inkarigat mill-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni meħtieġ jew partijiet minnu. |
5. Implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni
5.1. |
Il-pjan ta’ azzjoni ddefinit fit-Taqsima 4 għandu jiġi implimentat sabiex jikkoreġi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità identifikati. |
6. Evalwazzjoni tal-effettività tal-miżuri tal-pjan ta’ azzjoni
6.1. |
L-implimentazzjoni korretta, l-adegwatezza u l-effettività tal-miżuri identifikati fil-pjan ta’ azzjoni għandhom ikunu vverifikati permezz tal-istess proċess ta’ monitoraġġ kif deskritt f’dan l-Anness. |
6.2. |
Evalwazzjoni tal-effettività tal-pjan ta’ azzjoni għandha b’mod partikolari tinkludi l-azzjonijiet li ġejjin:
|
7. Evidenza mill-applikazzjoni tal-proċess ta’ monitoraġġ
7.1. |
Il-proċess ta’ monitoraġġ għandu jiġi dokumentat bħala prova li ġie applikat korrettament. Din id-dokumentazzjoni għandha tkun disponibbli primarjament għal raġunijiet ta’ valutazzjoni interna. Fuq talba:
|
7.2. |
Id-dokumentazzjoni prodotta taħt il-punt 7.1. għandha b’mod partikolari tinkludi:
|
Appendiċi
Qafas għall-proċess tal-monitoraġġ