9.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 310/36


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1047/2012

tat-8 ta’ Novembru 2012

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 fir-rigward tal-lista ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni mogħtija fuq l-ikel

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula li l-indikazzjonijiet nutrittivi magħmula dwar l-ikel għandhom jitħallew isiru biss jekk dawn ikunu elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, li jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, b’mod partikolari l-operaturi tan-negozju tal-ikel u gruppi ta’ konsumaturi, ġie konkluż li huwa meħtieġ li jiżdiedu talbiet ġodda dwar in-nutrizzjoni mal-lista ta’ talbiet ta’ nutrizzjoni li huma permessi u biex jiġu modifikati l-kundizzjonijiet tal-użu tal-indikazzjonijiet permessi mir-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

(3)

Il-melħ intuża bħala priservattiv u sabiex itejjeb it-togħma. Mal-iżvilupp ta’ teknoloġija ġdida u parir xjentifiku dwar il-melħ sar aċċettat b’mod ġenerali, il-manifatturi qed jagħmlu sforz biex jipproduċu aktar u aktar prodotti mingħajr żieda ta’ melħ meta jkun teknoloġikament vijabbli. Madankollu, id-dikjarazzjoni li tistqarr li l-melħ/sodju ma ġiex miżjud għal prodott partikolari tal-ikel bħalissa mhijiex permessa. Meta wieħed iqis l-interess partikolari min-naħa tas-saħħa biex jinkoraġġixxi tali innovazzjoni, ikun xieraq li jippermetti lill-manifatturi biex jinfurmaw lill-konsumaturi dwar dan l-aspett partikolari tal-proċess tal-produzzjoni. Biex tiġi evitata tali dikjarazzjoni fuq ikel li għandu livell naturali għoli fis-sodju, l-użu tiegħu għandu jkun limitat għal ikel li ma għandux ħafna sodju.

(4)

Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ Frar 2012 dwar l-abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 fir-rigward tal-lista ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni mogħtija fuq l-ikel, iqis li indikazzjoni ġdida dwar in-nutrizzjoni li tippermetti l-komunikazzjoni ta’ tnaqqis aktar modest minn dak permess bl-indikazzjoni “ħafif”, tmur kontra l-għan u l-kontenut tal-istrument bażiku.

(5)

It-tnaqqis ta’ xaħam saturat ikun ta’ ġid biss meta dan ma jiġix sostitwit jew jiġi sostitwit b’xaħam mhux saturat. Is-sostituzzjoni tax-xaħam saturat b’aċidi grassi trans ma tagħmilx ġid lis-saħħa u għaldaqstant il-kundizzjonijiet tal-użu tal-indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni li tirreferi għat-tnaqqis ta’ xaħam saturat għandhom jitfasslu b’tali mod li tiġi evitata s-sostituzzjoni ta’ dan b’aċidi grassi trans.

(6)

Skont il-kundizzjonijiet attwali, it-tnaqqis ta’ zokkrijiet tista’ tiġi indikata saħansitra meta z-zokkrijiet jiġu sostitwiti b’xaħam, li twassal biex il-prodott riformulat ikollu enerġija ogħla. Għaldaqstant, l-indikazzjoni li tgħid li tnaqqsu z-zokkrijiet għandha tkun permessa biss meta l-enerġija tal-ikel ma tiżdiedx wara r-riformulazzjoni. Peress li n-numru ta’ prodotti li se jkunu jistgħu jilħqu kundizzjonijiet aktar stretti li jirrikjedu li t-tnaqqis tal-enerġija jkun jikkorrispondi ma’ tnaqqis taz-zokkrijiet huwa ferm limitat, l-użu ta’ din l-indikazzjoni se jkun ferm ristrett.

(7)

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness ta’ dan ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Prodotti mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta’ Ġunju 2014 mhumiex konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 kif emendat b’dan ir-Regolament jistgħu jitqiegħdu fis-suq sakemm tispiċċa l-ħażna.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.


ANNESS

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

Wara l-inserzjoni rigward id-dikjarazzjoni “BLA SODJU jew BLA MELĦ”, iddaħħlet l-inserzjoni li ġejja:

“BLA SODJU/MELĦ MIŻJUD

Dikjarazzjoni li tistqarr li s-sodju/melħ ma ġiex miżjud mal-ikel u kwalunkwe dikjarazzjoni li hija mistennija li jkollha l-istess tifsira għall-konsumatur tista’ ssir biss meta l-prodott ma jinkludix sodju/melħ miżjud jew kwalunkwe ingredjent ieħor li jinkludi sodju/melħ miżjud u l-prodott jinkludi mhux aktar minn 0,12 g sodju, jew il-valur ekwivalenti għall-melħ, kull 100 g jew 100 ml.”

(2)

Fl-inserzjoni rigward id-dikjarazzjoni “IMNAQQAS [ISEM IN-NUTRIJENT]”, il-paragrafi li ġejjin huma miżjuda:

“Id-dikjarazzjoni ‘xaħam saturat imnaqqas’, u kwalunkwe dikjarazzjoni li mistennija li jkollha l-istess tifsira għall-konsumatur, tista’ ssir biss:

(a)

jekk it-total ta’ aċidi grassi saturati jew aċidi grassi trans fil-prodott li għandhom id-dikjarazzjoni huwa tal-inqas 30 % inqas mit-total ta’ aċidi grassi saturati u ta’ aċidi grassi trans fi prodott simili; kif ukoll

(b)

jekk il-kontenut f’aċidi grassi saturati fil-prodott li għandhom id-dikjarazzjoni huwa ugwali jew inqas milli fi prodott simili.

Id-dikjarazzjoni ‘zokkor imnaqqas’, u kwalunkwe dikjarazzjoni li jista’ jkollha l-istess tifsira għall-konsumatur, tista’ ssir biss jekk l-ammont ta’ enerġija tal-prodott li għandu din id-dikjarazzjoni huwa ugwali jew inqas mill-ammont ta’ enerġija fi prodott simili.”