14.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 316/1


REGOLAMENT (UE) Nru 1024/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Ottubru 2012

dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li aġixxew skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-applikazzjoni ta’ ċerti atti tal-Unjoni li jirregolaw il-moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital fis-suq intern teħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw b'mod aktar effettiv u jiskambjaw informazzjoni ma’ xulxin u mal-Kummissjoni. Minħabba li ħafna drabi l-mezzi prattiċi għall-implimentazzjoni tal-iskambju ta’ tali informazzjoni mhumiex speċifikati f’dawk l-atti, għandhom isiru arranġamenti prattiċi xierqa.

(2)

Is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) hija software aċċessibbli permezz tal-Internet, żviluppat mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, sabiex jassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni prattika tar-rekwiżiti relatati mal-iskambju ta’ informazzjoni stabbiliti fl-atti tal-Unjoni. L-IMI tipprovdi mekkaniżmu ċentrali ta’ komunikazzjoni biex jiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni u assistenza reċiproka. B’mod partikolari, l-IMI tgħin lill-awtoritajiet kompetenti biex jidentifikaw il-kontroparti tagħhom fi Stat Membru ieħor, biex jiġġestixxu l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż id-data personali, fuq il-bażi ta’ proċeduri sempliċi u unifikati u biex jegħlbu l-ostakoli tal-lingwa fuq il-bażi ta’ flussi ta’ xogħol pre-definiti u tradotti minn qabel. Fejn disponibbli, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-utenti tal-IMI bi kwalunkwe funzjonalità ta' traduzzjoni addizzjonali eżistenti li tissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom, hija kompatibbli mar-rekwiżiti ta' sigurtà u ta' kunfidenzjalità għall-iskambju ta' informazzjoni fl-IMI u tista' tiġi offruta bi spiża raġonevoli.

(3)

Sabiex jiġu megħluba l-ostakoli tal-lingwa, l-IMI għandha fil-prinċipju tkun disponibbli fil-lingwi kollha uffiċjali tal-Unjoni.

(4)

L-għan tal-IMI għandu jkun li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern billi tipprovdi strument effettiv u faċli biex jintuża mill-utent għall-implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, u b’hekk tiffaċilita l-applikazzjoni tal-atti tal-Unjoni elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

(5)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Frar 2011 bl-isem “Governanza aħjar tas-Suq Uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva ikbar: Strateġija għall-espansjoni u l-iżvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (‘IMI’)” tistabbilixxi pjanijiet għall-espansjoni possibbli tal-IMI lejn atti oħra tal-Unjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011“Att dwar is-Suq Uniku: Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzart tal-fiduċja ‘Flimkien għal tkabbir ġdid’” tisħaq fuq l-importanza tal-IMI għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost l-atturi involuti, inkluż fuq livell lokali, u b’hekk tikkontribwixxi għal governanza aħjar tas-suq uniku. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi stabbilit qafas legali b’saħħtu għall-IMI kif ukoll sett ta’ regoli komuni biex jiżguraw li l-IMI tiffunzjona b’mod effiċjenti.

(6)

Fejn l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ att tal-Unjoni titlob li l-Istati Membri jiskambjaw id-data personali u tipprovdi għall-għan ta' dan l-ipproċessar, tali dispożizzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala bażi legali adegwata għall-ipproċessar ta’ data personali, soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 8 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-IMI għandha titqies primarjament bħala strument użat għall-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż data personali, liema skambju kieku jseħħ permezz ta’ mezzi oħra, inkluż posta regolari, fax jew posta elettronika fuq il-bażi ta’ obbligu legali impost fuq l-awtoritajiet u l-korpi tal-Istati Membri fl-atti tal-Unjoni. Id-data personali skambjata permezz tal-IMI għandha tinġabar, tiġi pproċessata u tintuża biss għal finijiet konformi ma' dawk li għalihom hija kienet oriġinarjament inġabret u għandha tkun, soġġetta għas-salvagwardji rilevanti kollha.

(7)

Fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ privatezza permezz tad-disinn, l-IMI ġiet żviluppata bir-rekwiżiti tal-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data f’moħħ id-disinjatur u ilha favur il-protezzjoni tad-data sa mill-bidu tagħha, b’mod partikolari minħabba r-restrizzjonijiet imposti fuq l-aċċess għal data personali skambjata fl-IMI. Għalhekk, l-IMI toffri livell ferm għoli ta’ protezzjoni u sigurtà minn metodi oħra ta’ skambju ta’ informazzjoni bħall-posta regolari, telefon, fax jew posta elettronika.

(8)

Il-kooperazzjoni amministrattiva permezz ta’ mezzi elettroniċi bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandha tkun konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali stabbilti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (3) u f’Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (4). Id-definizzjonijiet użati fid-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandhom japplikaw ukoll għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

(9)

Il-Kummissjoni tforni u tiġġestixxi s-software u l-infrastruttura tal-IT għall-IMI, tiżgura s-sigurtà tal-IMI, tiġġestixxi n-network tal-koordinaturi nazzjonali tal-IMI u hi involuta fit-taħriġ tal-utenti tal-IMI u l-assistenza teknika għalihom. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għal tali data personali li tkun strettament meħtieġa biex twettaq il-kompiti tagħha skont ir-responsabbiltajiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, bħar-reġistrazzjoni tal-koordinaturi nazzjonali tal-IMI. Il-Kummissjoni għandu jkollha wkoll aċċess għal data personali meta tkun qed tikseb, fuq talba ta' attur ieħor tal-IMI, tali data li tkun ġiet imblukkata fl-IMI u li talab aċċess għaliha s-suġġett tad-data. Il-Kummissjoni m'għandhiex ikollha aċċess għal data personali skambjata bħala parti minn kooperazzjoni amministrattiva fl-IMI, dment li att tal-Unjoni ma jipprevedix rwol għall-Kummissjoni f'tali kooperazzjoni.

(10)

Sabiex tkun żgurata t-trasparenza, b’mod partikolari għas-suġġetti tad-data, id-dispożizzjonijiet tal-atti tal-Unjoni li għalihom għandha tintuża l-IMI, għandhom jiġu elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

(11)

Fil-futur l-IMI tista' tiġi estiza għal oqsma ġodda, fejn tista' tgħin tiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta' att tal-Unjoni f'mod kosteffiċjenti u faċli għall-utent, b'kont meħud tal-fattibbiltà teknika u l-impatt globali fuq l-IMI. Il-Kummissjoni għandha twettaq it-testijiet meħtieġa biex tivverifika t-tħejjija teknika tal-IMI għal kwalunkwe espansjoni prevista. Id-deċiżjonijiet biex l-IMI tiġi estiza għal aktar atti tal-Unjoni għandhom jittieħdu permezz tal-proċedura leġislattiva ordinarja.

(12)

Il-proġetti pilota huma strument utli biex jiġi vverifikat jekk l-espansjoni tal-IMI hijiex ġustifikata u biex il-funzjonalità teknika u l-arranġamenti tekniċi jiġu adattati għar-rekwiżiti tal-utenti tal-IMI qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-espansjoni tal-IMI. L-Istati Membri għandhom jiġu involuti b'mod sħiħ fid-deċiżjoni dwar liema atti tal-Unjoni għandhom jiġu soġġetti għal proġett pilota u dwar il-modalitajiet ta' dak il-proġett pilota, sabiex jiżguraw li l-proġett pilota jirrifletti l-ħtiġijiet tal-utenti tal-IMI u li d-dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar tad-data personali jkunu sodisfatti b'mod sħiħ. Tali modalitajiet għandhom jiġu definiti separatament għal kull proġett pilota.

(13)

Ma hemm xejn f’dan ir-Regolament li għandu jipprekludi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni milli jiddeċiedu li jużaw l-IMI għall-iskambju ta’ informazzjoni li ma jinvolvix l-ipproċessar ta’ data personali.

(14)

Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi r-regoli għall-użu tal-IMI għall-finijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva, li jistgħu jkopru inter alia l-iskambju wieħed għal wieħed ta’ informazzjoni, proċeduri ta’ notifika, mekkaniżmi ta’ twissija, arranġamenti ta’ assistenza reċiproka u s-soluzzjoni ta’ problemi.

(15)

Id-dritt tal-Istati Membri li jiddeċiedu liema awtoritajiet nazzjonali jwettqu l-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament għandu jibqa' mhux affettwat b'dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jaddattaw il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet fir-rigward tal-IMI għall-istrutturi amministrattivi interni tagħhom, kif ukoll li jimplimentaw il-ħtiġijiet ta' fluss tax-xogħol tal-IMI speċifiku. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jaħtru koordinaturi addizzjonali tal-IMI biex iwettqu l-kompiti tal-koordinaturi nazzjonali tal/IMI, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, għal qasam partikolari tas-suq intern, diviżjoni tal-amministrazzjoni, reġjun ġeografiku, jew skont kriterju ieħor. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bil-koordinaturi tal-IMI li jkunu ħatru, iżda m'għandhomx ikunu obbligati jindikaw koordinaturi tal-IMI addizzjonali fl-IMI, fejn dan mhux meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tagħha.

(16)

Sabiex tintlaħaq il-kooperazzjoni amministrattiva effiċjenti permezz tal-IMI, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-atturi tal-IMI tagħhom għandhom ir-riżorsi adegwati sabiex iwettqu l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament.

(17)

Filwaqt li l-IMI hija essenzjalment strument ta’ komunikazzjoni għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti, li mhijiex miftuħa għall-pubbliku ġenerali, jista’ jkun hemm il-bżonn li jiġu żviluppati mezzi tekniċi li jippermettu lil atturi esterni bħaċ-ċittadini, intrapriżi u organizzazzjonijiet sabiex jinteraġixxu mal-awtoritajiet kompetenti sabiex jipprovdu informazzjoni jew jiksbu data, jew biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data. Mezzi tekniċi bħal dawn għandhom jinkludu salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-data. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà, kwalunkwe interfaċċja pubblika għandha tkun teknikament żviluppata b'mod separat mill-IMI li għaliha l-utenti tal-IMI biss għandu jkollhom aċċess.

(18)

L-użu tal-IMI għall-appoġġ tekniku tan-network SOLVIT għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-karattru informali tal-proċedura SOLVIT li hija bbażata fuq impenn volontarju tal-Istati Membri, f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2001 dwar il-prinċipji għall-użu tas-"SOLVIT" — in-Network għas-Soluzzjoni ta’ Problemi fis-Suq Intern (5) (‧ir-Rakkomandazzjoni SOLVIT‧). Sabiex jitkompla l-funzjonament tan-network SOLVIT abbażi ta' arranġamenti ta' ħidma eżistenti, wieħed jew aktar mill-kompiti tal-koordinatur nazzjonali tal-IMI jistgħu jiġu assenjati liċ-ċentri SOLVIT fl-ambitu tal-ħidma tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jiffunzjonaw indipendentement mill-koordinatur nazzjonali tal-IMI. L-ipproċessar tad-data personali u tal-informazzjoni kunfidenzjali bħala parti mill-proċeduri SOLVIT għandu jibbenefika mill-garanziji kollha li jinsabu f'dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għall-karattru mhux vinkolanti tar-rakkomandazzjoni SOLVIT.

(19)

Filwaqt li l-IMI tinkludi interface ibbażata fuq l-internet għall-utenti tagħha, f'ċerti każijiet u fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, jista' jkun adatt li jitqiesu soluzzjonijiet tekniċi għat-trasferiment dirett ta' data minn sistemi nazzjonali għall-IMI, fejn tali sistemi nazzjonali diġà jkunu żviluppaw, partikolarment għall-proċeduri ta' notifika. L-implimentazzjoni ta' tali soluzzjonijiet tekniċi għandha tiddependi mill-eżitu ta' valutazzjoni tal-fattibbiltà, l-ispejjeż u l-benefiċċji mistennijin tagħhom. Dawk is-soluzzjonijiet m'għandhomx jaffettwaw l-istrutturi eżistenti u l-ordni nazzjonali tal-kompetenzi.

(20)

Fejn l-Istati Membri jkunu ssodisfaw l-obbligu li jinnotifikaw skont l-Artikolu 15(7) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (6) bl-użu tal-proċedura skont id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (7), huma m'għandhomx jintalbu wkoll jagħmlu l-istess notifika permezz tal-IMI.

(21)

L-iskambju ta’ informazzjoni permezz tal-IMI jirriżulta mill-obbligu legali fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jipprovdu assistenza reċiproka. Biex jiġi żgurat li s-suq intern jiffunzjona sew, l-informazzjoni li tkun waslet minn awtorità kompetenti permezz tal-IMI minn Stat Membru ieħor ma għandhiex tiċċaħħad mill-valur tagħha bħala evidenza fi proċeduri amministrattivi sempliċiment għaliex oriġinat fi Stat Membru ieħor jew għaliex tkun waslet b’mezzi elettroniċi, u għandha tiġi ttrattata minn dik l-awtorità kompetenti bl-istess mod bħal dokumenti simili li joriġinaw fl-Istat Membru tagħha.

(22)

Sabiex jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tad-data, għandhom jiġu stabbiliti l-perijodi massimi għaż-żamma ta’ data personali fl-IMI. Madankollu, dawk il-perijodi għandhom ikunu bilanċjati tajjeb filwaqt li titqies il-ħtieġa li l-IMI tiffunzjona tajjeb, kif ukoll id-drittijiet tas-suġġetti tad-data sabiex jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom, pereżempju billi jiksbu evidenza li seħħ skambju ta’ informazzjoni sabiex ikunu jistgħu jappellaw kontra deċiżjoni. B'mod partikolari, il-perijodi taż-żamma m'għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta' dan ir-Regolament.

(23)

Għandu jkun possibbli li l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-utenti tal-IMI jiġu pproċessati għal raġunijiet kompatibbli mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, inkluż il-monitoraġġ tal-użu tas-sistema mill-koordinaturi tal-IMI u l-Kummissjoni, komunikazzjoni, taħriġ u inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni, u l-ġbir ta’ informazzjoni dwar kooperazzjoni amministrattiva jew assistenza reċiproka fis-suq intern.

(24)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jissorvelja u jiżgura l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jinżammu kuntatti mal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data, inkluż id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar is-sigurtà tad-data.

(25)

Sabiex jiżguraw il-monitoraġġ effettiv ta', u r-rapportar dwar, il-funzjonament tal-IMI u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni.

(26)

Is-suġġetti tad-data għandhom jiġu infurmati bl-ipproċessar tad-data personali tagħhom fl-IMI u bil-fatt li huma għandhom id-dritt ta’ aċċess għad-data relatata magħhom u d-dritt li d-data mhux eżatta tiġi kkoreġuta u d-data pproċessata b’mod illegali titħassar, skont dan ir-Regolament u l-leġislazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 95/46/KE.

(27)

Sabiex ikun possibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet legali għall-kooperazzjoni amministrattiva u jiskambjaw l-informazzjoni b'mod effiċjenti permezz tal-IMI, jista' jkun meħtieġ li jsiru arranġamenti prattiċi għal dan l-iskambju. Dawk l-arranġamenti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni fil-forma ta' att ta' implimentazzjoni separat għal kull att tal-Unjoni elenkat fl-Anness jew għal kull tip ta' proċedura ta' kooperazzjoni amministrattiva u għandhom ikopru l-funzjonalità teknika essenzjali u l-arranġamenti proċedurali meħtieġa biex jiġu implimentati l-proċeduri amministrattivi ta’ kooperazzjoni rilevanti permezz tal-IMI. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-manteniment u l-iżvilupp tas-software u l-infrastruttura tal-IT għall-IMI.

(28)

Sabiex tiġi żgurata trasparenza suffiċjenti għas-suġġetti tad-data, il-flussi tax-xogħol predefiniti, settijiet ta' mistoqsijiet u tweġibiet, formoli u arranġamenti oħra relatati ma’ proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva fl-IMI għandhom isiru pubbliċi.

(29)

Meta l-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE, japplikaw xi limitazzjonijiet fuq jew eċċezzjonijiet għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, l-informazzjoni dwar limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet bħal dawn għandha ssir pubblika biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa għas-suġġetti tad-data. Dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għandhom ikunu neċessarji u proporzjonati għall-għan maħsub u soġġetti għal salvagwardji xierqa.

(30)

Fejn jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi li jkopru wkoll l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-atti tal-Unjoni elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament, għandu jkun possibbli li jiġu inklużi l-kontropartijiet tal-atturi tal-IMI f'tali pajjiżi terzi fil-proċeduri ta' kooperazzjoni amministrattiva appoġġati mill-IMI, dment li jkun ġie stabbilit li l-pajjiż terz konċernat joffri livell adegwat ta' protezzjoni tad-data personali f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE.

(31)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE tat-12 ta’ Diċembru 2007 dwar l-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) fir-rigward tal-protezzjoni ta’ data personali (8) għandha tiġi revokata. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/739/KE tat-2 ta’ Ottubru 2009 li tistipula l-arranġamenti prattiċi għall-iskambju ta' informazzjoni b'mezzi elettroniċi bejn l-Istati Membri taħt il-Kapitolu VI tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern (9) għandha tkompli tapplika għal kwistjonijiet relatati mal-iskambju ta’ informazzjoni skont id-Direttiva 2006/123/KE.

(32)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (10)

(33)

Il-prestazzjoni tal-Istati Membri rigward l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament għandha tiġi ssorveljata fir-rapport annwali dwar il-funzjonament tal-IMI ibbażat fuq data statistika mis-sistema tal-IMI u kwalunkwe data rilevanti oħra. Il-prestazzjoni tal-Istati Membri għandha tiġi evalwata, inter alia, abbażi tal-medja tad-dewmien qabel ma tingħata tweġiba bl-għan li jiġu zgurati tweġibiet rapidi ta' kwalità tajba.

(34)

Ladarba l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti r-regoli għall-użu tal-IMI fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri konformement mal-prinċipju ta' sussidjarjetà li jinsabu fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(35)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta opinjoni fit-22 ta' Novembru 2011 (11),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-użu ta’ Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) għal kooperazzjoni amministrattiva, inkluż l-ipproċessar ta’ data personali, fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni.

Artikolu 2

L-Istabbiliment tal-IMI

L-IMI hija b'dan stabbilita formalment.

Artikolu 3

Ambitu

1.   L-IMI għandha tintuża għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni li huwa neċessarju għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni fil-qasam tas-Suq Intern skont it-tifsira tal-Artikolu 26(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU), li jipprovdi għal kooperazzjoni amministrattiva, inkluż l-iskambju ta’ data personali, bejn l-Istati Membri jew bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Dawk l-atti tal-Unjoni huma elenkati fl-Anness.

2.   L-ebda ħaġa f'dan ir-Regolament m'għandu jkollha l-effett li twassal sabiex id-dispożizzjonijiet tal-atti tal-Unjoni li m'għandhomx saħħa vinkolanti jsiru mandatorji.

Artikolu 4

L-espansjoni tal-IMI

1.   Il-Kummissjoni tista' twettaq proġetti pilota sabiex tivvaluta jekk l-IMI tkunx strument effettiv fl-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni amministrattiva fir-rigward ta' atti tal-Unjoni li mhumiex elenkati fl-Anness. Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni biex tiddetermina liema dispożizzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiġu soġġetti għal proġett pilota u li tistabbilixxi l-modalitajiet ta' kull proġett, b'mod partikolari l-funzjonalità teknika bażika u l-arranġamenti proċedurali meħtieġa biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet ta' kooperazzjoni amministrattiva. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(3).

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta evalwazzjoni tal-eżitu tal-proġett pilota, inklużi kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-data u funzjonalitajiet ta' traduzzjoni effettivi, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fejn adatt, dik l-evalwazzjoni tista' tiġi akkumpanjata minn proposta leġislattiva biex jiġi emendat l-Anness biex jespandi l-użu tal-IMI għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti tal-Unjoni.

Artikolu 5

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandhom japplikaw.

Barra minn hekk, id-definizzjonijiet li ġejjin sejrin japplikaw ukoll:

(a)

“IMI” tfisser l-istrument elettroniku pprovdut mill-Kummissjoni biex jiffaċilita l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni;

(b)

“kooperazzjoni amministrattiva” tfisser li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni jaħdmu f’kollaborazzjoni, billi jiskambjaw u jipproċessaw informazzjoni, inkluż permezz ta’ notifiki u allerti, jew billi jipprovdu assistenza reċiproka, inkluż biex jiġu riżolti problemi, għall-fini ta' applikazzjoni aqwa tal-liġi tal-Unjoni;

(c)

”qasam tas-suq intern” tfisser qasam leġislattiv jew funzjonali tas-suq, fis-sens tal-Artikolu 26(2) TFUE, li fih l-IMI tintuża f'konformità mal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament;

(d)

“proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva” tfisser fluss tax-xogħol predefinit previst fl-IMI li jippermetti lill-atturi tal-IMI sabiex jikkomunikaw u jinteraġġixxu ma’ xulxin b’mod strutturat;

(e)

“koordinatur tal-IMI” tfisser korp maħtur minn Stat Membru biex iwettaq kompiti ta’ appoġġ meħtieġa għall-funzjonament effiċjenti tal-IMI f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(f)

”awtorità kompetenti” tfisser kull korp stabbilit jew fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali u li jkun irreġistrat fl-IMI li għandu responsabbiltajiet speċifiċi relatati mal-applikazzjoni ta’ drittijiet nazzjonali jew atti tal-Unjoni elenkati fl-Anness f’qasam wieħed jew aktar tas-suq intern;

(g)

“atturi tal-IMI” tfisser l-awtoritajiet kompetenti, il-koordinaturi tal-IMI u l-Kummissjoni;

(h)

“utent tal-IMI” tfisser persuna fiżika li taħdem taħt l-awtorità ta' attur tal-IMI u rreġistrata fl-IMI f’isem dak l-attur tal-IMI;

(i)

“atturi esterni” tfisser persuni fiżiċi jew legali minbarra l-utenti tal-IMI li jistgħu jinteraġixxu mal-IMI biss permezz ta’ mezzi tekniċi separati u skont fluss tax-xogħol speċifiku predefinit previst għal dak il-għan;

(j)

“imblukkar” tfisser l-applikazzjoni ta’ mezzi tekniċi li permezz tagħhom id-data personali ssir inaċċessibbli għall-utenti tal-IMI permezz tal-interfaċċja normali tal-IMI;

(k)

“għeluq formali” tfisser l-applikazzjoni tal-faċilità teknika prevista mill-IMI sabiex tingħalaq proċedura ta' kooperazzjoni amministrattiva.

KAPITOLU II

FUNZJONIJIET U RESPONSABBILTAJIET FIR-RIGWARD TAL-IMI

Artikolu 6

Il-Koordinaturi tal-IMI

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar koordinatur nazzjonali wieħed tal-IMI li r-responsabbiltajiet tiegħu għandhom jinkludu:

(a)

li jirreġistra jew li jivvalida r-reġistrazzjoni tal-Koordinaturi tal-IMI u tal-awtoritajiet kompetenti;

(b)

li jaġixxi bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt għall-atturi tal-IMI tal-Istati Membri għal kwistjonijiet relatati mal-IMI inkluż, l-għoti ta' informazzjoni dwar aspetti relatati mal-protezzjoni ta’ data personali skont dan ir-Regolament;

(c)

li jaġixxi bħala interlokutur tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-IMI inkluż l-għoti ta' informazzjoni rigward aspetti relatati mal-protezzjoni tad-data personali skont dan ir-Regolament;

(d)

li jipprovdi għarfien, taħriġ u appoġġ, inkluż assistenza teknika bażika, lill-atturi tal-IMI tal-Istati Membri;

(e)

li jiżgura l-funzjonament effiċjenti tal-IMI sakemm din tkun taħt il-kontroll tagħhom, inkluż l-għoti ta' tweġibiet f’waqthom u adegwati mill-atturi tal-IMI tal-Istati Membri għal talbiet għal kooperazzjoni amministrattiva.

2.   Kull Stat Membru jista’ jaħtar, barra minn dan, koordinatur wieħed jew aktar tal-IMIs sabiex iwettaq jew iwettqu kwalunkwe kompitu elenkat fil-paragrafu 1, skont l-istruttura amministrattiva interna tiegħu.

3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-koordinaturi tal-IMI maħturin f'konformità mal-paragrafi 1 u 2 u bil-kompiti li għalihom huma responsabbli. Il-Kummissjoni għandha taqsam dik l-informazzjoni mal -Istati Membri l-oħrajn.

4.   Il-koordinaturi kollha tal-IMI jistgħu jaġixxu bħala awtoritajiet kompetenti. F’każijiet bħal dawn, koordinatur tal-IMI għandu jkollu l-istess drittijiet ta’ aċċess bħal awtorità kompetenti. Kull koordinatur tal-IMI għandu jkun kontrollur fir-rigward tal-attivitajiet tiegħu tal-ipproċessar ta’ data bħala attur tal-IMI.

Artikolu 7

Awtoritajiet kompetenti

1.   Meta jikkooperaw permezz tal-IMI, l-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li jaġixxu permezz tal-utenti tal-IMI f'konformità mal-proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva, għandhom jiżguraw li, f'konformità mal-att applikabbli tal-Unjoni, tingħata tweġiba adegwata fl-iqsar perijodu ta' żmien possibbli u fi kwalunkwe każ fid-data ta’ skadenza stabbilita minn dak l-att.

2.   Awtorità kompetenti tistà tinvoka bħala evidenza kull informazzjoni, dokument, sejba, stqarrija jew kopja ċċertifikata bħala vera li tkun irċeviet b'mod elettroniku permezz tal-IMI, fuq l-istess bażi bħal dik ta’ informazzjoni simili li nkisbet mill-pajjiż tagħha stess, għal finijiet kompatibbli mal-iskopijiet li għalihom id-data kienet oriġinarjament inġabret.

3.   Kull awtorità kompetenti għandha tkun kontrollur fir-rigward tal-attivitajiet tal-ipproċessar ta’ data tagħha stess imwettaq minn utent tal-IMI taħt l-awtorità tagħha u għandha tiżgura li s-suġġetti tad-data jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f'konformità mal-Kapitoli III u IV, fejn meħtieġ, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

Artikolu 8

Il-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-twettiq tal-kompiti li ġejjin:

(a)

tiżgura s-sigurtà, id-disponibbiltà, il-manteniment u l-iżvilupp tas-software u l-infrastruttura tal-IT għall-IMI ;

(b)

tipprovdi sistema multilingwi, inklużi funzjonalitajiet ta' traduzzjoni eżistenti, taħriġ fil-kooperazzjoni mal-Istati Membri, u uffiċċju ta’ informazzjoni (helpdesk) biex tassisti lill-Istati Membri fl-użu tal-IMI;

(c)

tirreġistra l-koordinaturi nazzjonali tal-IMI u tagħtihom aċċess għall-IMI;

(d)

twettaq operazzjonijiet ta' pproċessar fuq dejta personali fl-IMI, fejn previst f'dan ir-Regolament, f'konformità mal-finijiet iddeterminati mill-atti tal-Unjoni applikabbli elenkati fl-Anness;

(e)

tissorvelja l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data skont l-Artikolu 25.

2.   Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti elenkati fl-ewwel paragrafu u biex tipproduċi rapporti ta' statistika, il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni neċessarja relatata mal-operazzjonijiet tal-ipproċessar imwettqa fl-IMI.

3.   Il-Kummissjoni m'għandhiex tipparteċipa fil-proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali ħlief fejn meħtieġ minn att tal-Unjoni elenkat fl-Anness.

Artikolu 9

Id-drittijiet ta’ aċċess tal-atturi u l-utenti tal-IMI

1.   Utenti tal-IMI biss għandu jkollhom aċċess għall-IMI.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw il-koordinaturi tal-IMI u l-awtoritajiet kompetenti u l-oqsma tas-suq intern li fihom huma għandhom kompetenza. Il-Kummissjoni jista' jkollha rwol konsultattiv f'dak il-proċess.

3.   Kull attur tal-IMI għandu jagħti u jirrevoka, kif meħtieġ, id-drittijiet xierqa ta’ aċċess lill-utenti tiegħu tal-IMI fil-qasam tas-suq intern li għalih huwa jkun kompetenti.

4.   Għandhom jiġu implimentati mezzi adatti mill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-utenti tal-IMI jkunu permessi jaċċessaw data personali pproċessata fl-IMI biss fuq il-bażi tal-ħtieġa tal-għarfien u fil-qasam jew l-oqsma tas-suq intern li għalihom ingħataw id-drittijiet ta’ aċċess skont il-paragrafu 3.

5.   L-użu ta’ data personali pproċessata fl-IMI għal raġuni speċifika b’mod li huwa inkompatibbli ma’ dik tar-raġuni oriġinali għandu jiġi pprojbit, sakemm dan ma jkunx espliċitament previst mil-liġi nazzjonali f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.

6.   Fil-każ ta’ proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva li tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali, l-atturi tal-IMI biss li jkunu qegħdin jipparteċipaw f’dik il-proċedura għandu jkollhom aċċess għal data personali bħal din.

Artikolu 10

Kunfidenzjalità

1.   Kull Stat Membru għandu japplika r-regoli tiegħu dwar is-sigriet professjonali jew dmirijiet ekwivalenti oħra ta’ kunfidenzjalità lill-atturi tal-IMI u lill-utenti tal-IMI tiegħu, skont il-leġislazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni.

2.   L-atturi tal-IMI għandhom jiżguraw li t-talbiet minn atturi oħrajn tal-IMI għal trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni skambjata permezz tal-IMI jiġu rispettati mill-utenti kollha tal-IMI li jaħdmu taħt l-awtorità tagħhom.

Artikolu 11

Proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva

L-IMI għandha tkun ibbażata fuq proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-atti tal-Unjoni rilevanti elenkati fl-Anness. Fejn adatt, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni għal att tal-Unjoni speċifiku elenkat fl-Anness jew għal tip ta' proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva, li jistabbilixxu l-funzjonalità teknika essenzjali u l-arranġamenti proċedurali meħtieġa biex jippermettu l-operazzjoni tal-proċeduri rilevanti ta' kooperazzjoni amministrattiva, inkluż fejn applikabbli l-interazzjoni bejn atturi esterni u l-IMI kif imsemmi fl-Artikoli 12. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 24(2).

Artikolu 12

Atturi esterni

Jistgħu jiġu pprovduti mezzi tekniċi biex jippermettu lill-atturi esterni jinteraġixxu mal-IMI meta tali interazzjoni tkun:

(a)

prevista minn att tal-Unjoni;

(b)

prevista f'att ta' implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 11 sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-atti tal-Unjoni elenkati fl-Anness; jew

(c)

meħtieġa biex iresqu talbiet sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data skont l-Artikolu 19.

Kwalunkwe mezz tekniku bħal dan għandu jiġi sseparat mill-IMI u m'għandux jippermetti lill-atturi esterni li jaċċessaw l-IMI.

KAPITOLU III

L-IPPROĊESSAR TA' DATA PERSONALI U S-SIGURTÀ

Artikolu 13

Limitazzjoni tal-użu

L-atturi tal-IMI għandhom jiskambjaw u jipproċessaw data personali biss għall-iskopijiet iddefiniti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti tal-Unjoni elenkati fl-Anness.

Id-data mibgħuta lill-IMI mis-suġġetti tad-data għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom id-data ntbagħtet.

Artikolu 14

Żamma ta’ data personali

1.   Id-data personali pproċessata fl-IMI għandha tiġi mblukkata fl-IMI hekk kif ma tkunx aktar meħtieġa għall-fini li għaliha kienet inġabret, skont l-ispeċifiċitajiet ta' kull tip ta' kooperazzjoni amministrattiva u, bħala regola ġenerali, mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-għeluq formali tal-proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

Madankollu, jekk f'att tal-Unjoni applikabbli elenkat fl-Anness huwa previst perijodu itwal, id-data personali pproċessata fl-IMI tista' tinżamm għal massimu ta' 18-il xahar wara l-għeluq formali ta' proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva .

2.   Fejn repożitorju ta’ informazzjoni għal referenza fil-futur mill-atturi tal-IMI ikun meħtieġ skont att tal-Unjoni vinkolanti elenkat fl-Anness, id-data personali inkluża f’tali repożitorju tista’ tiġi pproċessata sakemm dan ikun meħtieġ għal dan l-għan jew bil-kunsens tas-suġġett tad-data jew fejn dan ikun previst f'dak l-att tal-Unjoni.

3.   Id-data personali mblukkata skont dan l-Artikolu għandha, bl-eċċezzjoni tal-ħżin tagħha, tiġi pproċessata biss għall-fini ta’ prova ta’ skambju ta’ informazzjoni permezz tal-IMI bil-kunsens tas-suġġett tad-data, sakemm ma jintalabx l-ipproċessar minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku.

4.   Id-data mblukkata għandha titħassar awtomatikament fl-IMI tliet snin wara l-għeluq formali tal-proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

5.   Fuq talba espliċita ta' awtorità kompetenti f'każ speċifiku u bil-kunsens tas-suġġett tad-data, id-data personali tista' titħassar qabel l-iskadenza tal-perijodu ta' żamma applikabbli.

6.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-imblukkar u t-tħassir ta’ data personali u tal-irkupru tagħha permezz ta’ mezzi tekniċi skont il-paragrafu 3.

7.   Għandhom jiġu stabbiliti mezzi tekniċi biex l-atturi tal-IMI jitħeġġu jagħlqu formalment il-proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva malajr kemm jista' jkun wara li l-iskambju ta' informazzjoni jkun ġie kkompletat u biex l-atturi tal-IMI jiġu permessi jinvolvu lill-koordinaturi tal-IMI responsabbli fi kwalunkwe proċedura li tkun ilha inattiva mingħajr ġustifikazzjoni għal aktar minn xahrejn.

Artikolu 15

Żamma ta’ data personali tal-utenti tal-IMI

1.   B’deroga mill-Artikolu 14, il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw għaż-żamma ta’ data personali tal-utenti tal-IMI. Dik id-data personali għandha tinkludi l-isem sħiħ u l-mezzi elettroniċi kollha u oħrajn ta’ kuntatt għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   Id-data personali relatata mal-utenti tal-IMI għandha tinħażen fl-IMI sakemm jibqgħu jkunu utenti tal-IMI u tista’ tibqa’ tiġi pproċessata għal finijiet kompatibbli mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

3.   Meta persuna fiżika ma tibqax utent tal-IMI, id-data personali relatata ma' dik il-persuna għandha tiġi mblukkata permezz ta’ mezzi tekniċi għal perijodu ta’ tliet snin. Dik id-data għandha, bl-eċċezzjoni tal-ħżin tagħha, tiġi biss ipproċessata għal raġunijiet ta’ prova ta’ skambju ta’ informazzjoni permezz tal-IMI u għandha titħassar fit-tmiem tal-perijodu ta’ tliet snin.

Artikolu 16

Ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data

1.   L-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data li saret referenza għalihom fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46/KE u fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 permezz tal-IMI għandu jsir biss abbażi ta’ raġuni speċifika msemmija fl-Artikolu 8(2) u (4) ta' dik id-Direttiva u l-Artikolu 10(2) ta' dak ir-Regolament u soġġett għal salvagwardji adatti previsti f'dawk l-Artikoli biex jiġu żgurati d-drittijiet tal-individwi li tiġi pproċessata d-data personali tagħhom.

2.   L-IMI tista’ tintuża għall-ipproċessar ta’ data relatata ma’ reati, kundanni kriminali jew miżuri ta’ sigurtà li saret referenza għalihom fl-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 10(5) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, soġġett għal salvagwardji previsti f'dawk l-Artikoli, inkluż informazzjoni dwar miżuri restrittivi dixxiplinarji, amministrattivi jew kriminali jew informazzjoni oħra meħtieġa biex tiġi stabbilita r-reputazzjoni tajba ta’ individwu jew ta’ persuna ġuridika, fejn l-ipproċessar ta’ data bħal din huwa previst f’att tal-Unjoni li jikkostitwixxi l-bażi għall-ipproċessar jew bil-kunsens espliċitu tas-suġġett tad-data, soġġett għal salvagwardji speċifiċi msemmijin fl-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 17

Sigurtà

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-IMI tkun konformi mar-regoli dwar is-sigurtà tad-data adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex tiżgura s-sigurtà ta’ data personali pproċessata fl-IMI, inkluż kontroll adegwat tal-aċċess għad-data u pjan ta’ sigurtà li għandu jinżamm aġġornat.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, fil-każ ta’ inċident relatat mas-sigurtà, huwa possibbli li jiġi vverifikat liema data personali ġiet ipproċessata fl-IMI, meta, minn min u għal liema raġuni.

4.   L-atturi tal-IMI għandhom jieħdu l-miżuri proċedurali u organizzattivi kollha meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà tad-data personali pproċessata minnhom fl-IMI skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 95/46/KE.

KAPITOLU IV

ID-DRITTIJIET TAS-SUĠĠETTI TAD-DATA U S-SORVELJANZA

Artikolu 18

Informazzjoni lis-suġġetti tad-data u t-trasparenza

1.   L-atturi tal-IMI għandhom jiżguraw li s-suġġetti tad-data jkunu infurmati bl-ipproċessar tad-data personali tagħhom fl-IMI malajr kemm jista' jkun u li huma jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u kif jeżerċitawhom, inklużi l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-kontrullur u r-rappreżentant tal-kontrollur, jekk ikun hemm, skont l-Artikoli 10 jew 11 tad-Direttiva 95/46/KE u l-leġislazzjoni nazzjonali li hija konformi ma’ dik id-Direttiva.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b'mod li huwa faċilment aċċessibbli:

(a)

informazzjoni li tirrigwarda l-IMI skont l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, f’forma ċara u li tiftiehem;

(b)

informazzjoni dwar l-aspetti tal-protezzjoni tad-data ta’ proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva fl-IMI kif imsemmija fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament;

(c)

informazzjoni dwar eċċezzjonijiet għal jew limitazzjonijiet tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data’ kif imsemmija fl-Artikolu 20 ta' dan ir-Regolament;

(d)

it-tipi ta' proċeduri ta' kooperazzjoni amministrattiva, il-funzjonalitajiet u l-kategoriji ta' data essenzjali tal-IMI li jistgħu jiġu pproċessati fl-IMI;

(e)

lista komprensiva tal-atti kollha ta' implimentazzjoni u ddelegati rigward l-IMI, adottati skont dan ir-Regolament jew att ieħor tal-Unjoni, u verżjoni kkonsolidata tal-Anness għal dan ir-Regolament u l-emendi sussegwenti tiegħu minn atti oħrajn tal-Unjoni.

Artikolu 19

Id-drittijiet tal-aċċess, korrezzjoni u tħassir

1.   L-atturi tal-IMI għandhom jiżguraw li s-suġġett tad-data jista’ jeżerċita b’mod effettiv id-dritt ta’ aċċess għal data relatata magħhom fl-IMI, u d-dritt li jkollu data mhux eżatta jew mhux sħiħa kkoreġuta, u data pproċessata b’mod illegali mħassra, skont il-leġislazzjoni nazzjonali. Il-korrezzjoni jew it-tħassir tad-data għandhom isiru malajr kemm jista' jkun, u l-aktar tard fi żmien 30 jum wara li t-talba tas-suġġett tad-data tasal għand l-attur tal-IMI responsabbli.

2.   Meta l-preċiżjoni jew il-legalità ta’ data mblukkata skont l-Artikolu 14(1) tiġi kkuntestata mis-suġġett tad-data, dan il-fatt għandu jiġi rreġistrat kif ukoll l-informazzjoni preċiża, ikkoreġġuta.

Artikolu 20

Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni meta jipprovdu għal eċċezzjonijiet għal jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data stabbiliti f’dan il-Kapitolu fil-leġislazzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 21

Sorveljanza

1.   L-awtorità jew l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali maħtura f’kull Stat Membru u mogħtija s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE (l-“Awtorità ta’ Sorveljanza Nazzjonali”) għandhom jissorveljaw b'mod indipendenti l-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali mill-atturi tal-IMI tal-Istati Membri tagħhom u, b’mod partikolari, għandhom jiżguraw li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data stabbiliti f’dan il-Kapitolu jiġu protetti skont dan ir-Regolament.

2.   Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jissorvelja u jfittex li jiżgura li l-attivitajiet tal-ipproċessar ta’ data personali tal-Kummissjoni, fir-rwol tagħha bħala attur tal-IMI, jitwettqu skont dan ir-Regolament. Id-dmirijiet u s-setgħat imsemmija fl-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandhom japplikaw kif meħtieġ.

3.   L-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza Nazzjonali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, kull wieħed jaġixxi fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tiegħu, għandhom jiżguraw kontroll ikkoordinat tal-IMI u l-użu tagħha mill-atturi tal-IMI.

4.   Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jista’ jistieden lill-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza Nazzjonali biex jiltaqgħu, meta jkun meħtieġ, sabiex jiżguraw superviżjoni kkordinata tal-IMI u l-użu tagħha minn atturi tal-IMI, kif imsemmi fil-paragrafu 3. L-ispiża ta’ tali laqgħat għandha tiġġarrab mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Metodi ulterjuri ta’ ħidma għal dan il-għan, inkluż regoli ta’ proċedura, jistgħu jiġu żviluppati b’mod konġunt kif meħtieġ. Rapport konġunt tal-attivitajiet għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni mill-inqas kull tliet snin.

KAPITOLU V

IL-KAMP TAL-APPLIKAZZJONI ĠEOGRAFIKU TAL-IMI

Artikolu 22

Użu nazzjonali tal-IMI

1.   Stat Membru jista’ juża biss l-IMI għall-finijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti fit-territorju tiegħu skont il-liġi nazzjonali meta dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

ma jkun meħtieġ l-ebda tibdil sostanzjali għall-proċeduri eżistenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva;

(b)

tkun ġiet sottomessa notifika tal-użu mbassar tal-IMI lill-Awtorità ta’ Sorveljanza Nazzjonali fejn meħtieġ skont il-liġi nazzjonali; u

(c)

dan m'għandux impatt negattiv fuq il-funzjonament effiċjenti tal-IMI għall-utenti tal-IMI.

2.   Fejn Stat Membru jkun biħsiebu jagħmel użu sistematiku mill-IMI għal finijiet nazzjonali, għandu javża lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu u għandu jfittex l-approvazzjoni tagħha minn qabel. Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 humiex sodisfatti. Fejn meħtieġ, u skont dan ir-Regolament, għandu jiġi konkluż ftehim li jistabbilixxi, inter alia, l-arranġamenti tekniċi, finanzjarji u organizzattivi għall-użu nazzjonali, inkluż ir-responsabbiltajiet tal-atturi tal-IMI, bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni.

Artikolu 23

Skambju ta' tagħrif ma' pajjiżi terzi

1.   Skont dan ir-Regolament, informazzjoni, inkluż data personali, tista’ tiġi skambjata fl-IMI bejn l-atturi tal-IMI fl-Unjoni u l-kontropartijiet tagħhom f’pajjiż terz biss fejn il-kondizzjonijiet segwenti huma sodisfatti:

(a)

l-informazzjoni hija pproċessata skont dispożizzjoni ta' att tal-Unjoni elenkata fl-Anness u dispożizzjoni ekwivalenti fil-liġi tal-pajjiż terz;

(b)

L-informazzjoni tiġi skambjata jew tkun disponibbli skont ftehim internazzjonali li jipprevedi:

(i)

l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta' att tal-Unjoni elenkata fl-Anness mill-pajjiż terz,

(ii)

l-użu tal-IMI, kif ukoll

(iii)

il-prinċipji u l-modalitajiet ta' dak l-iskambju; kif ukoll

(c)

il-pajjiż terz inkwistjoni jiżgura protezzjoni adegwata tad-data personali skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, inkluż salvagwardji xierqa li d-data pproċessata fl-IMI għandha tintuża biss għall-fini li għaliha ġiet inizjalment skambjata, u l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE.

2.   Meta l-Kummissjoni hija attur tal-IMI, l-Artikolu 9(1) u (7) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandhom japplikaw għal kull skambju ta’ data personali pproċessata fl-IMI mal-kontropartijiet tagħha f’pajjiż terz.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika u żżomm aġġornata lista ta’ pajjiżi terzi awtorizzati li jiskambjaw l-informazzjoni, li tinkludi data personali, skont il-paragrafu 1 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 24

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 25

Monitoraġġ u Rapportar

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-IMI fuq bażi annwali.

2.   Permezz ta'5 Diċembru 2017 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar aspetti relatati mal-protezzjoni ta’ data personali fl-IMI, inkluża s-sigurtà tad-data.

3.   Għall-finijiet tal-produzzjoni tar-rapporti msemmija f’paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni kull informazzjoni rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż dwar l-applikazzjoni fil-prattika tar-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-data stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 26

Spejjeż

1.   L-ispejjeż imġarrba għall-iżvilupp, il-promozzjoni, it-tħaddim u l-manteniment tal-IMI għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti skont l-Artikolu 22(2).

2.   Sakemm ma jkunx stipulat b’mod ieħor f’att tal-Unjoni, l-ispejjeż għall-operazzjonijiet tal-IMI fuq livell ta’ Stat Membru, inklużi r-riżorsi umani meħtieġa għat-taħriġ, attivitajiet ta’ promozzjoni u ta’ assistenza teknika (helpdesk), kif ukoll għall-amministrazzjoni tal-IMI fuq livell nazzjonali, għandhom jitħallsu minn kull Stat Membru.

Artikolu 27

Tħassir

Id-Deċiżjoni 2008/49/KE hija mħassra.

Artikolu 28

Applikazzjoni effettiva

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament mill-atturi tal-IMI tagħhom.

Artikolu 29

Eċċezzjonijiet

1.   Minkejja l-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament, il-proġett pilota tal-IMI imniedi fis-16 ta' Mejju 2011 biex tiġi ttestjata l-adattezza tal-IMI għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (12) jista' jibqa' jitħaddem abbażi tal-arranġamenti li kienu saru qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2.   Minkejja l-Artikolu 8(3), u l-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament, għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni amministrattiva tar-Rakkomandazzjoni SOLVIT permezz tal-IMI, l-involviment tal-Kummissjoni fil proċeduri ta' kooperazzjoni amministrattiva u l-faċilità eżistenti għal atturi esterni jistgħu jkomplu abbażi tal-arranġamenti li kienu saru qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-perijodu kif imsemmi fl-Artikolu 14(1) ta' dan ir-Regolament għandu jkun ta' 18-il xahar għal data personali pproċessata fl-IMI għall-finijiet tar-Rakkomandazzjoni SOLVIT.

3.   Minkejja l-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tniedi proġett pilota biex tivvaluta jekk l-IMI hijiex għodda effiċjenti, kosteffettiva u faċli għall-utent biex jiġi implimentat l-Artikolu 3(4), (5) u (6) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar kummerċ elettroniku) (13). Mhux aktar tard minn sentejn wara t-tnedija ta' dak il-proġett pilota, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) ta' dan ir-Regolament, li għandha wkoll tkopri l-interazzjoni bejn il-kooperazzjoni amministrattiva fis-sistema ta' kooperazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur stabbilita skont ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (14) u fl-IMI.

4.   Minkejja l-Artikolu 14(1) ta' dan ir-Regolament, kwalunkwe perijodu sa massimu ta' 18-il xahar deċiż abbażi tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2006/123/KE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva skont il-Kapitolu VI tiegħu, għandu jibqa' japplika f'dak il-qasam.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. MAVROYIANNIS


(1)  ĠU C 43, 15.2.2012, p. 14.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Ottubru 2012.

(3)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(5)  ĠU L 331, 15.12.2001, p. 79.

(6)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(7)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

(8)  ĠU L 13, 16.1.2008, p. 18.

(9)  ĠU L 263, 7.10.2009, p. 32.

(10)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(11)  ĠU C 48, 18.2.2012, p. 2.

(12)  ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

(13)  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

(14)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.


ANNESS

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA FL-ATTI TAL-UNJONI LI HUMA IMPLIMENTATI PERMEZZ TAL-IMI, IMSEMMIJIN FL-ARTIKOLU 3

1.

Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (1): il-Kapitolu VI, l-Artikolu 39(5), kif ukoll l-Artikolu 15(7), sakemm ma ssirx notifika, kif previst f'dak l-aħħar artikolu, skont id-Direttiva 98/34/KE.

2.

Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (2): L-Artikolu 8, l-Artikolu 50(1), (2) u (3), u l-Artikolu 56.

3.

Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (3): l-Artikolu 10(4).

4.

Ir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar it-trasport transkonfinali professjonali tal-euro fi flus kontanti bit-triq bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro (4): l-Artikolu 11(2).

5.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2001 dwar il-prinċipji tal-użu tas-“SOLVIT” — in-Netwerk għas-Soluzzjoni ta’ Problemi fis-Suq Intern (5): Kapitoli I u II.


(1)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(2)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

(3)  ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45.

(4)  ĠU L 316, 29.11.2011, p. 1.

(5)  ĠU L 331, 15.12.2001, p. 79.