12.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 278/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 932/2012

tat-3 ta’ Ottubru 2012

li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Wara li kkonsultat il-Forum ta’ Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2009/125/KE, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-prodotti relatati mal-enerġija li jirrappreżentaw ammonti sinifikanti ta’ bejgħ u kummerċ, li għandhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent u li jippreżentaw potenzjal sinifikanti għal titjib f’termini tal-impatt ambjentali tagħhom mingħajr ma jinvolvu spejjeż eċċessivi.

(2)

L-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2009/125/KE jistipula li l-Kummissjoni għandha tintroduċi, kif xieraq, miżura ta’ implimentazzjoni għall-apparat domestiku, inklużi l-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ (“tumble driers”) domestiċi.

(3)

Il-Kummissjoni wettqet studju ta’ tħejjija biex tanalizza l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi tal-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġli s-soltu jintużaw fid-djar. L-istudju ġie żviluppat flimkien mal-partijiet ikkonċernati u mal-partijiet interessati mill-Unjoni u minn pajjiżi terzi u r-riżultati tiegħu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

(4)

Dan ir-Regolament għandu jkopri l-prodotti maħsubin għat-tnixxif tal-ħwejjeġ fid-djar.

(5)

Il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi li jistgħu jintużaw ukoll għat-tnixxif tal-ħwejjeġ għandhom karatteristiċi partikolari u għalhekk m’għandhomx jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

(6)

L-aspett ambjentali tal-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġli ġie identifikat bħala sinifikanti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament huwa l-konsum tal-enerġija waqt il-fażi tal-użu. Ġie stmat li, fl-2005, il-konsum annwali tal-elettriku mill-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġfl-Unjoni Ewropea kien ta’ 21 TWh. Dan mistenni jiżdied għal 31 TWh fl-2020, sakemm ma jittiħdux miżuri speċifiċi. L-istudju ta’ tħejjija juri li l-konsum tal-enerġija mill-prodotti li huma suġġetti għal dan ir-Regolament jista’ jitnaqqas b’mod sinifikanti.

(7)

L-istudju ta’ tħejjija juri li r-rekwiżiti li għandhom x’jaqsmu ma’ parametri oħrajn tal-ekodisinn, imsemmija fil-Parti 1 tal-Anness I għad-Direttiva 2009/125/KE, mhumiex meħtieġa, minħabba li l-konsum tal-enerġija mill-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġwaqt il-fażi tal-użu huwa, bla dubju ta’ xejn, l-aktar aspett ambjentali importanti. Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2009/125/KE, l-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu, jillimitaw jew ixekklu t-tqegħid fis-suq u/jew it-tħaddim, fit-territorju tagħhom, ta’ magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġminħabba rekwiżiti tal-ekodisinn marbutin ma’ dawk il-parametri tal-ekodisinn imsemmija fil-Parti 1 tal-Anness I għal dik id-Direttiva, li għalihom dan ir-Regolament jistipula li ma huwa meħtieġ l-ebda rekwiżit tal-ekodisinn.

(8)

Il-konsum tal-enerġija tal-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġgħandu jsir aktar effiċjenti billi jiġu applikati teknoloġiji mhux proprjetarji eżistenti li huma kosteffiċjenti u li jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż totali tax-xiri u t-tħaddim ta’ dawk il-prodotti.

(9)

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn m’għandhomx jaffettwaw il-funzjonalità mill-perspettiva tal-utent finali u m’għandhomx jaffettwaw ħażin is-saħħa, is-sigurtà jew l-ambjent. B’mod partikolari, il-benefiċċji tat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija waqt il-fażi tal-użu għandhom aktar milli jikkumpensaw għal kwalunkwe impatt ambjentali addizzjonali marbut mal-fażijiet tal-produzzjoni u tar-rimi tal-prodott.

(10)

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom jiddaħħlu b’mod gradwali sabiex il-manifatturi jingħataw żmien biżżejjed biex ikunu jistgħu jiddisinjaw mill-ġdid il-prodotti li huma suġġetti għal dan ir-Regolament. L-għażla taż-żmien għandha tkun tali li jiġu evitati impatti negattivi fuq il-funzjonalitajiet tat-tagħmir li jinsab fis-suq u li jitqiesu l-impatti tal-ispejjeż fuq l-utenti finali u l-manifatturi, b’mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, filwaqt li jiġi żgurat li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament jintlaħqu f’waqthom.

(11)

Il-kejl tal-parametri rilevanti tal-prodott għandu jitwettaq billi jintużaw metodi tal-kejl affidabbli, preċiżi u li jistgħu jiġu riprodotti, li jqisu l-aktar metodi tal-kejl moderni rrikonoxxuti, inklużi, fejn ikunu disponibbli, l-istandards armonizzati adottati mill-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni, kif imniżżla fl-Anness I għad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (2).

(12)

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, dan ir-Regolament għandu jispeċifika l-proċeduri applikabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

(13)

Sabiex jiffaċilitaw il-verifiki tal-konformità, il-manifatturi għandhom jipprovdu tagħrif fid-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Annessi V u VI għad-Direttiva 2009/125/KE safejn dak it-tagħrif ikun relatat mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(14)

Minbarra r-rekwiżiti li jorbtu legalment stabbiliti f’dan ir-Regolament, għandhom jiġu identifikati wkoll parametri referenzjarji indikattivi għall-aqwa teknoloġiji disponibbli sabiex ikun żgurat li l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti li huma suġġetti għal dan ir-Regolament tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom tkun disponibbli b’mod wiesa’ u tkun faċilment aċċessibbli.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2009/125/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għat-tqegħid fis-suq ta’ magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġli jaħdmu bl-elettriku, li jaħdmu bil-gass u li jkunu mmuntati fl-għamara, inklużi dawk li jinbiegħu għal użu mhux domestiku.

2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi li jistgħu jintużaw ukoll għat-tnixxif tal-ħwejjeġ u għall-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ bid-dawran (“spin-extractors”) domestiċi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Minbarra d-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/125/KE, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika” tfisser apparat li fih il-ħwejjeġ jitnixxfu billi jiddawru f’tanbur (“drum”) li jdur, li minnu tgħaddi arja msaħħna, u li huwa ddisinjat biex jintuża prinċipalment għal skopijiet mhux professjonali;

(2)

“magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika li tkun immuntata fl-għamara” tfisser magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika magħmula biex tiġi installata f’armarju, f’daħla fil-ħajt jew f’xi post simili u li teħtieġ finitura ta’ għamara;

(3)

“magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika li tista’ tintuża wkoll għat-tnixxif tal-ħwejjeġ” tfisser magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika li tinkludi kemm funzjoni ta’ estrazzjoni bit-tidwir kif ukoll mezz biex tnixxef il-ħwejjeġ, normalment permezz tat-tisħin u t-tidwir fit-tanbur;

(4)

“magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ bid-dawran domestika”, li kummerċjalment tissejjaħ ukoll “spindrajer” (“spin-drier”), tfisser apparat li fih l-ilma jitneħħa minn ġol-ħwejjeġ f’tanbur li jdur permezz ta’ azzjoni ċentrifuga u jinħareġ permezz ta’ pompa awtomatika, u li huwa ddisinjat biex jintuża prinċipalment għal skopijiet mhux professjonali;

(5)

“magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’vent tal-arja” tfisser magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ li tiġbed l-arja friska ‘l ġewwa, tgħaddiha minn fuq il-ħwejjeġ u tarmi ‘l barra l-arja niedja li tinħoloq għal ġol-kamra jew għal barra;

(6)

“magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur” tfisser magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ li tinkludi tagħmir (li juża l-kondensazzjoni jew kwalunkwe mezz ieħor) biex ineħħi l-umdità mill-arja li tintuża għall-proċess tat-tnixxif;

(7)

“magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ awtomatika” tfisser magna li tnixxef il-ħwejjeġ, li twaqqaf il-proċess tat-tnixxif meta jkun identifikat ċertu kontenut ta’ ilma fil-ħasla, pereżempju permezz ta’ konduttività jew apparat li jħoss it-temperatura;

(8)

“magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ mhux awtomatika” tfisser magna tat-tnixxif tal-ħwejjeg li ttemm il-proċess tat-tnixxif wara perjodu definit minn qabel, normalment ikkontrollat b’arloġġ, li jista’ jintefa wkoll manwalmemt;

(9)

“programm” tfisser serje ta’ operazzjonijiet li huma stabbiliti minn qabel u li l-manifattur jiddikjara li huma adattati biex jitnixxfu ċerti tipi ta’ ħwejjeġ;

(10)

“ċiklu” tfisser proċess sħiħ tat-tnixxif, kif iddefinit għall-programm magħżul;

(11)

“tul tal-programm” tfisser il-ħin li jgħaddi minn x’ħin jibda l-programm sa ma jitlesta, minbarra kwalunkwe dewmien ipprogrammat min-naħa tal-utent finali;

(12)

“kapaċità nominali” tfisser il-massa massima f’kilogrammi, kif iddikjarata mill-manifattur, f’żidiet ta’ 0,5 kilogrammi ta’ ħwejjeġ xotti ta’ tip partikolari, li tista’ tiġi ttrattata f’magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika bil-programm magħżul, meta din titgħabba skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur;

(13)

“tagħbija parzjali” tfisser nofs il-kapaċità nominali ta’ magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għal programm partikolari;

(14)

“effiċjenza tal-kondensazzjoni” tfisser il-proporzjon tal-massa tal-umdità kkondensata minn magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur meta mqabbla mal-massa tal-umdità mneħħija mit-tagħbija meta jintemm iċ-ċiklu;

(15)

“modalità mitfija” tfisser kundizzjoni fejn il-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika tintefa permezz ta’ kontrolli jew swiċċijiet fl-apparat li huma aċċessibbli għall-utent finali u maħsubin biex jintużaw minnu waqt l-użu normali tal-magna sabiex jinkiseb l-inqas konsum tal-elettriku possibbli, li tista’ tinżamm għal tul ta’ żmien indefinit waqt li l-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika tkun imqabbda mal-elettriku u tkun qed tintuża skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur; fejn ma jkunx hemm kontrolli jew swiċċ li jkun aċċessibbli għall-utent finali, “modalità mitfija” tfisser il-kundizzjoni milħuqa wara li l-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika tmur lura weħidha għal stat stabbli ta’ konsum tal-enerġija;

(16)

“modalità mixgħula u inattiva” tfisser il-modalità bl-aktar konsum baxx tal-elettriku li tista’ tinżamm għal tul ta’ żmien indefinit wara li jitlesta l-programm mingħajr ebda intervent ieħor min-naħa tal-utent finali apparti t-tbattil tal-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika;

(17)

“magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika ekwivalenti” tfisser mudell ta’ magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika li jitqiegħed fis-suq bl-istess kapaċità nominali, l-istess karatteristiċi tekniċi u ta’ prestazzjoni, l-istess konsum tal-enerġija, l-istess effiċjenza tal-kondensazzjoni fejn dan ikun applikabbli, l-istess tul tal-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton u l-istess ammont ta’ storbju akustiku fl-arja matul it-tnixxif bħal dawk ta’ mudell ieħor ta’ magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika mqiegħed fis-suq mill-istess manifattur b’numru differenti tal-kodiċi kummerċjali.

(18)

“programm standard għall-qoton” ifisser li ċ-ċiklu li jnixxef il-ħwejjeġ tal-qoton b’kontenut tal-ilma inizjali tal-ħasla ta’ 60 % sakemm il-kontenut tal-ilma tal-ħasla jsir 0 %.

Artikolu 3

Rekwiżiti tal-ekodisinn

Ir-rekwiżiti ġeneriċi tal-ekodisinn għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġhuma mogħtija fil-punt 1 tal-Anness I. Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-ekodisinn għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġhuma mogħtija fil-punt 2 tal-Anness I.

Ma huwa meħtieġ l-ebda rekwiżit tal-ekodisinn għal kwalunkwe parametru ieħor tal-ekodisinn imsemmi fil-Parti 1 tal-Anness I għad-Direttiva 2009/125/KE.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-konformità

1.   Il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE għandha tikkonsisti fil-kontroll intern tad-disinn stabbilit fl-Anness IV għal dik id-Direttiva jew fis-sistema ta’ ġestjoni stabbilita fl-Anness V għal dik id-Direttiva.

2.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi kopja tal-kalkoli stipulati fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Fejn l-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni teknika għal mudell partikolari ta’ magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika tkun inkisbet b’kalkolu abbażi tad-disinn jew permezz ta’ estrapolazzjoni minn magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ ekwivalenti oħrajn, jew mit-tnejn, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi d-dettalji ta’ dawn il-kalkoli jew l-estrapolazzjonijiet, jew tat-tnejn, kif ukoll id-dettalji tat-testijiet imwettqa mill-manifatturi sabiex tiġi vverifikata l-preċiżjoni tal-kalkoli li jkunu saru. F’każijiet bħal dawn, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi wkoll lista tal-mudelli l-oħra kollha ta’ magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġekwivalenti li għalihom l-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni teknika tkun inkisbet bl-istess mod.

Artikolu 5

Proċedura ta’ verifika għal skopijiet ta’ sorveljanza tas-suq

L-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika deskritta fl-Anness III għal dan ir-Regolament meta jwettqu l-verifiki ta’ sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE biex jiċċekkjaw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Parametri referenzjarji

Il-parametri referenzjarji indikattivi għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġbl-aqwa prestazzjoni disponibbli fis-suq meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament huma stabbiliti fl-Anness IV.

Artikolu 7

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku sa mhux aktar tard minn ħames snin wara li jkun daħal fis-seħħ u għandha tippreżenta r-riżultati ta’ din ir-reviżjoni lill-Forum ta’ Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn. B’mod partikolari, ir-reviżjoni għandha tivvaluta t-tolleranzi tal-verifika stipulati fl-Anness III u l-effiċjenza tal-apparat b’vent tal-arja.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2013.

Madankollu:

(a)

ir-rekwiżiti ġeneriċi tal-ekodisinn stabbiliti fil-punti 1.1 u 1.2 tal-Anness I għandhom japplikaw mill-1 ta’ Novembru 2014;

(b)

ir-rekwiżiti speċifiċi tal-ekodisinn stabbiliti fil-punt 2.2 tal-Anness I għandhom japplikaw mill-1 ta’ Novembru 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

(2)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.


ANNESS I

Rekwiżiti tal-ekodisinn

1.   Rekwiżiti ġeneriċi tal-ekodisinn

1.1

Biex jiġu kkalkulati l-konsum tal-enerġija u parametri oħrajn għall-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi, għandu jintuża ċ-ċiklu għat-tnixxif ta’ ħwejjeġ magħmulin mill-qoton (b’kontenut inizjali ta’ umdità tat-tagħbija ta’ 60 %) sa ma jibqa’ kontenut ta’ umdità tat-tagħbija ta’ 0 % (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-“programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton”). Dan iċ-ċiklu għandu jkun jista’ jiġi identifikat b’mod ċar fuq l-apparat(i) tal-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika li jintuża għall-għażla tal-programm jew fuq l-iskrin tal-wiri (“display”) tagħha, jekk ikollha, jew fuq it-tnejn, u għandu jiġi indikat bħala “il-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton” jew permezz ta’ simbolu uniformi jew kombinazzjoni xierqa tagħhom, u għandu jiġi ssettjat bħala ċ-ċiklu normali (“default”) għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ mgħammra b’għażla awtomatika tal-programmi jew bi kwalunkwe funzjoni biex programm tat-tnixxif jintgħażel b’mod awtomatiku jew biex jinżamm l-istess programm li jkun intgħażel. Jekk il-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ tkun awtomatika, “il-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton” għandu jkun awtomatiku.

1.2

Il-ktejjeb ta’ struzzjonijiet li jingħata mill-manifattur għandu jipprovdi:

(a)

informazzjoni dwar “il-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton” u għandu jispeċifika li dan il-programm huwa adattat biex jitnixxfu ħwejjeġ magħmulin mill-qoton imxarrbin b’mod normali u li dan huwa l-aktar programm effiċjenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-konsum tal-enerġija għat-tnixxif ta’ ħwejjeġ magħmulin mill-qoton li jkunu mxarrbin;

(b)

il-konsum tal-enerġija fil-modalità mitfija u fil-modalità mixgħula u inattiva;

(c)

informazzjoni indikattiva dwar it-tul tal-programm u l-konsum tal-enerġija għall-programmi prinċipali ta’ tnixxif kemm meta jkun hemm tagħbija, u jekk applikabbli parzjali;

2.   Rekwiżiti speċifiċi tal-ekodisinn

Il-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

2.1

Mill-1 ta’ Novembru 2013:

l-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEI) għandu jkun ta’ inqas minn 85;

għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur, l-effiċjenza ppeżata tal-kondensazzjoni m’għandhiex tkun ta’ inqas minn 60 %.

2.2

Mill-1 ta’ Novembru 2015:

għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur, l-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEI) għandu jkun ta’ inqas minn 76;

għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur, l-effiċjenza ppeżata tal-kondensazzjoni m’għandhiex tkun ta’ inqas minn 70 %.

L-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEI) u l-effiċjenza ppeżata tal-kondensazzjoni huma kkalkulati skont l-Anness II.


ANNESS II

Metodu għall-kalkolu tal-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika u tal-effiċjenza ppeżata tal-kondensazzjoni

1.   IL-KALKOLU TAL-INDIĊI TAL-EFFIĊJENZA ENERĠETIKA

Biex jiġi kkalkulat l-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEI) ta’ mudell ta’ magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika, il-konsum annwali ppeżat tal-enerġija ta’ magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa u parzjali jitqabbel mal-konsum annwali standard tal-enerġija tagħha.

(a)

L-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika (EEI) għandu jiġi kkalkulat kif ġej u jitqarreb għal punt deċimali wieħed:

Formula

fejn:

—   AEC = il-konsum annwali ppeżat tal-enerġija tal-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika;

—   SAEC = il-konsum annwali standard tal-enerġija tal-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika.

(b)

Il-Konsum Annwali Standard tal-Enerġija (SAEC ) għandu jiġi kkalkulat f’kWh fis-sena kif ġej u jitqarreb għal żewġ punti deċimali:

għall-magni domestiċi kollha tat-tnixxif tal-ħwejjeġ li m’għandhomx vent tal-arja:

Formula

għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ li għandhom vent tal-arja:

Formula

fejn:

c hija l-kapaċità nominali tal-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton;

Tt huwa t-tul ippeżat tal-programm għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton.

(c)

Il-Konsum Annwali ppeżat tal-Enerġija (AEC ) għandu jiġi kkalkulat f’kWh fis-sena kif ġej u jitqarreb għal żewġ punti deċimali:

(i)

Formula

fejn:

—   Et = il-konsum ippeżat tal-enerġija, mogħti f’kWh u mqarreb għal żewġ punti deċimali;

—   Po = l-enerġija fil-“modalità mitfija” għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, mogħtija f’W u mqarrba għal żewġ punti deċimali;

—   Pl = l-enerġija fil-“modalità mixgħula u inattiva” għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, mogħtija f’W u mqarrba għal żewġ punti deċimali;

—   Tt = it-tul ippeżat tal-programm, mogħti f’minuti u mqarreb għall-eqreb minuta;

—   160= l-għadd totali ta’ ċikli ta’ tnixxif fis-sena.

(ii)

Meta l-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika tkun mgħammra b’sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija, li permezz tagħha l-magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika tmur lura b’mod awtomatiku għall-“modalità mitfija” meta jintemm il-programm, il-Konsum Annwali ppeżat tal-Enerġija (AEC ) għandu jiġi kkalkulat billi jitqies it-tul effettiv tal-“modalità mixgħula u inattiva”, skont il-formula li ġejja:

Formula

fejn:

—   Tl = it-tul tal-“modalità mixgħula u inattiva” għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, mogħti f’minuti u mqarreb għall-eqreb minuta.

(d)

It-tul ippeżat tal-programm (Tt ) għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton għandu jiġi kkalkulat f’minuti kif ġej u jitqarreb għall-eqreb minuta:

Formula

fejn:

—   Ttnixxif = it-tul tal-programm għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, mogħti f’minuti u mqarreb għall-eqreb minuta;

—   Ttnixxif½ = it-tul tal-programm għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija parzjali, mogħti f’minuti u mqarreb għall-eqreb minuta.

(e)

Il-konsum ippeżat tal-enerġija (Et ) għandu jiġi kkalkulat f’kWh kif ġej u jitqarreb għal żewġ punti deċimali:

Formula

fejn:

—   Etnixxif = il-konsum tal-enerġija għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, mogħti f’kWh u mqarreb għal żewġ punti deċimali;

—   Etnixxif½ = il-konsum tal-enerġija għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija parzjali, mogħti f’kWh u mqarreb għal żewġ punti deċimali.

(f)

Għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġli jaħdmu bil-gass, il-konsum tal-enerġija għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton, kemm meta jkun hemm tagħbija sħiħa kif ukoll meta jkun hemm tagħbija parzjali, għandu jiġi kkalkulat f’kWh u jitqarreb għal żewġ punti deċimali, kif ġej:

Formula

Formula

fejn:

—   Egtnixxif = il-konsum tal-gass għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, mogħti f’kWh u mqarreb għal żewġ punti deċimali;

—   Egtnixxif½ = il-konsum tal-gass għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija parzjali, mogħti f’kWh u mqarreb għal żewġ punti deċimali;

—   Egtnixxif,a = il-konsum tal-elettriku supplimentari għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, mogħti f’kWh u mqarreb għal żewġ punti deċimali;

—   Egtnixxif½,a = il-konsum tal-elettriku supplimentari għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija parzjali, mogħti f’kWh u mqarreb għal żewġ punti deċimali;

—   fg = 2,5.

2.   IL-KALKOLU TAL-EFFIĊJENZA PPEŻATA TAL-KONDENSAZZJONI

L-effiċjenza tal-kondensazzjoni ta’ programm hija l-proporzjon bejn il-massa ta’ umdità kkondensata u miġbura fil-kontenitur ta’ magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur u l-massa tal-umdità mneħħija mit-tagħbija bħala parti mill-programm, u din tal-aħħar hija d-differenza bejn il-massa tat-tagħbija tat-test imxarrba qabel it-tnixxif u l-massa tat-tagħbija użata għall-prova wara t-tnixxif. Biex tiġi kkalkulata l-effiċjenza ppeżata tal-kondensazzjoni, titqies l-effiċjenza medja tal-kondensazzjoni tal-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton kemm meta jkun hemm tagħbija sħiħa kif ukoll meta jkun hemm tagħbija parzjali.

L-effiċjenza ppeżata tal-kondensazzjoni (Ct ) ta’ programm għandha tiġi kkalkulata bħala perċentwal u titqarreb għall-eqreb perċentwal sħiħ kif ġej:

Formula

fejn:

—   Ctnixxif = l-effiċjenza medja tal-kondensazzjoni tal-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa;

—   Ctnixxif½ = l-effiċjenza medja tal-kondensazzjoni tal-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija parzjali.

L-effiċjenza medja tal-kondensazzjoni C għandha tiġi kkalkulata kif ġej mill-valuri tal-effiċjenza tal-kondensazzjoni li joħorġu mill-provi li jsiru u għandha tingħata bħala perċentwal:

Formula

fejn:

n huwa l-għadd ta’ provi li jsiru, li għandu jinkludi mill-inqas erba’ provi validi għall-programm magħżul;

j huwa n-numru tal-prova;

Wwj hija l-massa tal-ilma miġbura fir-reċipjent tal-kondensatur waqt il-prova j;

Wi hija l-massa tat-tagħbija mxarrba użata għall-prova qabel it-tnixxif;

Wf hija l-massa tat-tagħbija użata għall-prova wara t-tnixxif.


ANNESS III

Il-proċedura ta’ verifika għal skopijiet ta’ sorveljanza tas-suq

Għall-finijiet tal-konformità u l-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, għandhom isiru miżuri u kalkoli bl-użu ta’ standards armonizzati li n-numri ta’ referenza tagħhom kienu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew metodi oħra affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jikkunsidraw l-iktar metodi avvanzati ġeneralment rikonoxxuti u li r-riżultati tagħhom huma meqjusa li għandhom inċertezza baxxa.

Sabiex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jittestjaw magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestika waħda. Jekk il-parametri mkejla ma jissodisfawx il-valuri ddikjarati mill-manifattur fil-fajl tad-dokumentazzjoni teknika skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2), fil-meded stabbiliti fit-Tabella 1, il-kejl għandu jsir ukoll fuq tliet magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġoħrajn. Il-medja aritmetika tal-valuri mkejla għal dawk it-tliet magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ għandha tissodisfa r-rekwiżiti fil-meded stabbiliti fit-Tabella 1.

Jekk dan ma jkunx il-każ, il-mudell u l-mudelli l-oħra kollha ta’ magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ ekwivalenti għandhom jitqiesu bħala mudelli li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.

Tabella 1

Parametru mkejjel

Tolleranzi tal-verifika

Il-konsum annwali ppeżat tal-enerġija

Il-valur imkejjel m’għandux ikun ikbar mill-valur nominali (*) ta’ AEC b’aktar minn 6 %.

Il-konsum ippeżat tal-enerġija

Il-valur imkejjel m’għandux ikun ikbar mill-valur nominali ta’ Et b’aktar minn 6 %.

L-effiċjenza ppeżata tal-kondensazzjoni

Il-valur imkejjel m’għandux ikun inqas mill-valur nominali ta’ Ct b’aktar minn 6 %.

It-tul ippeżat tal-programm

Il-valur imkejjel m’għandux ikun itwal mill-valuri nominali ta’ Tt b’aktar minn 6 %.

Il-konsum tal-enerġija fil-modalità mitfija u fil-modalità mixgħula u inattiva

Il-valur imkejjel tal-konsum tal-enerġija Po u Pl ta’ aktar minn 1,00 W m’għandux ikun akbar mill-valur nominali b’aktar minn 6 %. Il-valur imkejjel tal-konsum tal-enerġija Po u Pl ta’ 1,00 W jew ta’ inqas minn hekk m’għandux ikun akbar mill-valur nominali b’aktar minn 0,10 W.

It-tul tal-modalità mixgħula u inattiva

Il-valur imkejjel m’għandux ikun itwal mill-valur nominali ta’ Tl b’aktar minn 6 %.


(*)  “valur nominali” tfisser valur li jiġi ddikjarat mill-manifattur. Il-perċentwal ta’ inċertezza fil-kejl ta’ 6 % jirrappreżenta l-marġni ta’ żball aċċettabbli dal-ħin għall-ittestjar fil-laboratorju tal-kejl tal-parametri ddikjarati permezz tal-metodu l-ġdid tal-kejl li qed jintuża għar-rekwiżiti l-ġodda dwar it-tikkettar u l-ekodisinn, inkluż għaċ-ċikli ta’ tagħbija sħiħa u parzjali.


ANNESS IV

Parametri referenzjarji

Fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, ġie stabbilit li l-aqwa teknoloġija disponibbli fis-suq għall-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi, f’termini tal-konsum tal-enerġija tagħhom u tal-ammont ta’ storbju akustiku fl-arja waqt it-tnixxif għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton, hija din li ġejja:

(1)

Magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’vent tal-arja b’kapaċità nominali ta’ 3 kilogrammi:

(a)

konsum tal-enerġija: 1,89 kWh għal kull ċiklu għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, jiġifieri madwar 247 kWh fis-sena (*);

(b)

ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: 69 dB.

(2)

Magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’vent tal-arja b’kapaċità nominali ta’ 5 kilogrammi:

(a)

konsum tal-enerġija: 2,70 kWh għal kull ċiklu għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, jiġifieri madwar 347 kWh fis-sena (*);

(b)

ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: mhux disponibbli.

(3)

Magna domestika li tnixxef il-ħwejjeġ b’vent tal-arja li taħdem bil-gass b’kapaċità nominali ta’ 5 kg

(a)

Konsum ta’ gass: 3,25 kWhGas/ċiklu ekwivalenti għal 1,3kWh għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa. Konsum annwali tal-enerġija mhux disponibbli

(b)

ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: mhux disponibbli.

(4)

Magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur b’kapaċità nominali ta’ 5 kilogrammi:

(a)

konsum tal-enerġija: 3,10 kWh għal kull ċiklu għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, jiġifieri madwar 396 kWh fis-sena (*);

(b)

ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: mhux disponibbli.

(5)

Magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’vent tal-arja b’kapaċità nominali ta’ 6 kilogrammi:

(a)

konsum tal-enerġija: 3,84 kWh għal kull ċiklu għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, jiġifieri madwar 487 kWh fis-sena (*);

(b)

ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: 67 dB.

(6)

Magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur b’kapaċità nominali ta’ 6 kilogrammi:

(a)

konsum tal-enerġija: 1,58 kWh għal kull ċiklu għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, jiġifieri madwar 209 kWh fis-sena (*);

(b)

ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: mhux disponibbli.

(7)

Magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’vent tal-arja b’kapaċità nominali ta’ 7 kilogrammi:

(a)

konsum tal-enerġija: 3,9 kWh għal kull ċiklu għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, jiġifieri madwar 495 kWh fis-sena (*);

(b)

ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: 65 dB.

(8)

Magna domestika li tnixxef il-ħwejjeġ b’vent tal-arja li taħdem bil-gass b’kapaċità nominali ta’ 7 kg:

(a)

Konsum ta’ gass: 3,4 kWhGas/ċiklu ekwivalenti għal 1,36kWh għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa. Konsum annwali tal-enerġija mhux disponibbli.

(b)

ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: mhux disponibbli

(9)

Magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur b’kapaċità nominali ta’ 7 kilogrammi:

(a)

konsum tal-enerġija: 1,6 kWh għal kull ċiklu għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, jiġifieri madwar 211 kWh fis-sena (*);

(b)

ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: 65 dB.

(10)

Magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’vent tal-arja b’kapaċità nominali ta’ 8 kilogrammi:

(a)

konsum tal-enerġija: 4,1 kWh għal kull ċiklu għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, jiġifieri madwar 520 kWh fis-sena (*);

(b)

ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: 65 dB.

(11)

Magna domestika tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’kondensatur b’kapaċità nominali ta’ 8 kilogrammi:

(a)

konsum tal-enerġija: 2,30 kWh għal kull ċiklu għaċ-ċiklu standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija sħiħa, jiġifieri madwar 297 kWh fis-sena (*);

(b)

ammont ta’ storbju akustiku fl-arja: mhux disponibbli.


(*)  ikkalkulat billi wieħed jassumi li jsiru 160 ċiklu ta’ tnixxif fis-sena b’konsum tal-enerġija għall-programm standard għall-ħwejjeġ magħmulin mill-qoton meta jkun hemm tagħbija parzjali li jiġi daqs 60 % tal-konsum tal-enerġija meta jkun hemm tagħbija sħiħa, u li jkun hemm konsum addizzjonali annwali tal-enerġija ta’ 13,5 kWh mill-użu ta’ modalitajiet ta’ konsum baxx tal-enerġija.