19.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 839/2012

tat-18 ta’ Settembru 2012

dwar l-awtorizzazzjoni tal-urea bħala addittiv fl-għalf għar-ruminanti

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid ta’ prodotti awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 82/471/KEE tat-30 ta’ Ġunju 1982 dwar ċerti prodotti użati fin-nutrizzjoni tal-annimali (2).

(2)

L-urea ġiet awtorizzata mingħajr limitu ta’ żmien permezz tad-Direttiva 82/471/KEE. Dan il-prodott imbagħad iddaħħal fir-Reġistru Komunitarju tal-addittivi fl-għalf bħala prodott eżistenti, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

B’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 flimkien mal-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament, kienet ippreżentata applikazzjoni għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-urea bħala addittiv fl-għalf għar-ruminanti, bit-talba li dak l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi nutrizzjonali”. Dik l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mill-partikolaritajiet u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet fl-opinjoni tagħha tas-7 ta’ Marzu 2012 (3) li skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti, l-urea ma għandhiex effett negattiv fuq saħħet l-annimali, saħħet il-bniedem jew l-ambjent, u li din tipprovdi nitroġenu mhux proteiku għas-sintesi proteika mikrobjali fil-kirxa. L-Awtorità tqis li ma hemmx bżonn ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ għal wara t-tqegħid fis-suq. Hija vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta’ analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf ippreżentat mil-Laboratorju Komunitarju ta’ Referenza stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Il-valutazzjoni tal-urea turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma sodisfatti. Konsegwentement, l-użu ta’ din is-sustanza għandu jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(6)

Minħabba li saru xi modifiki fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-urea u billi mhemm l-ebda effetti immedjati diretti fir-rigward tas-sikurezza, qabel l-awtorizzazzjoni, għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni. Huwa wkoll xieraq li jingħata perjodu tranżitorju għar-rimi tal-ħażniet eżistenti tal-urea, kif awtorizzati bid-Direttiva 82/471/KEE, u tal-għalf li fih l-urea.

(7)

Huwa ferm kumpless għall-operaturi li jadattaw ripetutament u minn jum għall-ieħor għat-tikketti tal-għalf li fih l-addittivi differenti li jkunu ġew awtorizzati suċċessivament skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 u li għalihom iridu jitħarsu regoli ġodda dwar it-tikkettar. Għalhekk huwa xieraq li jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-operaturi billi jiġi pprovdut perjodu ta’ żmien li jippermetti konverżjoni bla xkiel tat-tikkettar.

(8)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-awtorizzazzjoni

Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija ta’ addittivi, “addittivi nutrizzjonali”, u mill-grupp funzjonali, “l-urea u d-derivattivi tagħha”, hija awtorizzata bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali, suġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Ir-rekwiżiti tat-tikkettar

L-għalf li fih l-urea għandu jkun ittikkettat skont dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mid-19 ta’ Mejju 2013.

Madankollu, għalf li fih l-urea li ġie ttikkettat skont id-Direttiva 82/471/KEE qabel id-19 ta’ Mejju 2013 jista’ jibqa’ jitqiegħed fis-suq sakemm il-ħażniet jispiċċaw.

Artikolu 3

Miżuri tranżitorji

Il-ħażniet eżistenti tal-urea u tal-għalf li fih l-urea fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw skont il-kondizzjonijiet tad-Direttiva 82/471/KEE sakemm jispiċċaw.

Artikolu 4

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-19 ta’ Novembru 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Settembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  ĠU L 213, 21.7.1982, p. 8.

(3)  EFSA Journal 2012; 10(3):2624.


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku.

Speċi jew kategorija ta’ annimali

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijet oħra

Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni

mg/kg tal-għalf komplet b’kontenut ta’ ilma ta’ 12 %

Il-kategorija ta’ addittivi nutrittivi. Il-grupp funzjonali: L-urea u d-derivattivi tagħha

3d1

Urea

 

Il-kompożizzjoni tal-addittiv

 

Il-kontenut tal-urea: minimu ta’ 97 %,

 

Il-kontenut ta’ nitroġenu 46 %

 

Il-karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Dijminometanon, numru CAS 58069-82-2, formula kimika: (NH2)2CO

 

Il-metodi analitiċi  (1)

 

Għad-determinazzjoni tat-total tan-nitroġenu fl-addittiv: Trimetrija (il-metodu 2.3.3 fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003)

 

Għad-determinazzjoni tal-kontribut tal-bjuret għan-nitroġenu totali fl-addittiv: Spettrofotometrija (il-metodu 2.5 fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003)

 

Għad-determinazzjoni tal-urea fi pretaħlitiet qabel, f’għalf kompost u f’materjali tal-għalf: Spettrofotometrija (l-Anness III.d tar-Regolament (KE) Nru 152/2009)

Ruminanti b’kirxa funzjonali

 

8 800

L-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv tal-għalf u l-għalf li fihom l-urea għandha tinkludi dan li ġej:

“L-urea għandha tiġi mitmugħa biss lill-annimali b’kirxa funzjonali. Urea li tiġi mitmugħa sal-ogħla livell tad-doża għandha tiġi mitmugħa gradwalment. Il-kontenut massimu ta’ urea għandu jiġi mitmugħ biss bħala parti minn dieti rikki f’karboidrati faċilment diġestibbli u li għandhom livell baxx ta’ nitroġenu solubbli

F’porzjon ta’ ġurnata għandu jkun hemm biss massimu ta’ 30 % ta’ nitroġenu totali li jkun ġej minn urea-N.”

19.11.2022


(1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz li ġej tal-Laboratorju Komunitarju ta’ Referenza: http://irmm.jrc.ec.europa.eu/EURLs/EURL_feed_additives/authorisation/evaluation_reports/Pages/index.aspx.