23.8.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 228/1 |
REGOLAMENT (UE, EURATOM) Nru 741/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-11 ta' Awwissu 2012
li jemenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Anness I tiegħu
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 257 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 tiegħu,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),
Billi:
(1) |
Sabiex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-Imħallfin kollha fid-deċiżjonijiet tal-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiżdied in-numru ta’ Mħallfin li jistgħu jipparteċipaw f’dan il-kulleġġ ġudikanti, u l-parteċipazzjoni sistematika tal-Presidenti kollha tal-awli b’ħames Imħallfin għandha titneħħa. |
(2) |
Il-kworum tal-Awla Manja u tas-seduta plenarja għandu jiġi adattat bħala konsegwenza. |
(3) |
Iż-żieda fl-ammont ta’ xogħol tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-President tal-Qorti Ġenerali teżiġi li tiġi istitwita f’kull waħda minn dawk il-Qrati pożizzjoni ta’ Viċi President inkarigat li jassisti lill-President fl-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu. |
(4) |
Wara ż-żieda gradwali tal-kompetenzi tagħha minn mindu ġiet ikkostitwita, in-numru ta’ kawżi li qed jitressqu quddiem il-Qorti Ġenerali qed jikber b’mod kostanti. |
(5) |
In-numru ta’ kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali huwa ikbar min-numru ta’ kawżi deċiżi minnha kull sena, liema fatt għandu bħala konsegwenza żieda sinifikattiva fin-numru ta’ kawżi pendenti quddiem dik il-Qorti u żieda fit-tul tal-proċeduri. |
(6) |
Hemm il-bżonn kontinwu li jiġi indirizzat id-dewmien li jirriżulta mill-volum ta’ xogħol kbir tal-Qorti Ġenerali, u għalhekk għandha ssir ħidma sabiex jiġu adottati miżuri xierqa qabel it-tiġdid parzjali tal-membri ta’ din il-qorti fl-2013. |
(7) |
Fid-dawl tat-tiġdid parzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ottubru 2012, u kif intqal fl-ittra tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Mejju 2012, għall-ewwel għandhom jiġu adottati biss emendi għall-Istatut dwar l-organizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. L-eżami tal-parti tat-talba dwar il-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi riżervat għal stadju ulterjuri. |
(8) |
Fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li tinsab soluzzjoni li tiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tiegħu, l-emendi li jirrigwardaw it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandhom jiġu adottati flimkien mal-emendi li jirrigwardaw il-Qorti tal-Ġustizzja. |
(9) |
Sabiex il-qrati speċjalizzati jkunu jistgħu jkomplu jiffunzjonaw b’mod sodisfaċenti fl-assenza ta’ Mħallef li, għalkemm ma jkunx qed ibati minn diżabilità li titqies bħala totali, ma jkunx jista’ jipparteċipa fit-trattazzjoni ta' kawzi għal żmien twil, għandha tiġi prevista l-possibbiltà li jiżdiedu Mħallfin ad interim ma’ dawn il-qrati. |
(10) |
Il-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Anness I tiegħu għandhom għalhekk jiġu emendati kif meħtieġ, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-Protokoll (Nru 3) dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huwa b'dan emendat kif ġej:
(1) |
Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 9a L-Imħallfin għandhom jaħtru minn fosthom għal perjodu ta’ tliet snin il-President u l-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-mandat tagħhom jista' jiġi mġedded. Il-Viċi President għandu jassisti lill-President skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura. Huwa għandu jissostitwixxi lill-President fil-każ ta’ impediment ta’ dan ta' l-aħħar jew fil-każ li l-presidenza tkun vakanti.”; |
(2) |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 huwa sostitwit b’dan li ġej: “L-Awla Manja għandha tikkonsisti fi ħmistax-il Imħallef. Din tkun presjeduta mill-President tal-Qorti. Jagħmlu parti ta' l-Awla Manja l-Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, tlieta mill-Presidenti ta’ l-awli b’ħames Imħallfin u Mħallfin oħra.”; |
(3) |
fl-Artikolu 17, it-tielet u r-raba’ paragrafi huma sostitwiti b’dan li ġej: “Id-deċiżjonijiet ta’ l-Awla Manja jkunu validi biss jekk l-Imħallfin preżenti jkunu ħdax. Id-deċizjonijiet tal-Qorti f’seduta plenarja jkunu validi biss jekk ikun hemm sbatax-il Imħallef preżenti.”; |
(4) |
fl-Artikolu 20, ir-raba’ paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “Il-proċedura orali tikkonsisti fis-smigħ mill-Qorti ta’ aġenti, konsulenti u avukati, u fil-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, kif ukoll fis-smigħ, jekk ikun il-każ, ta’ xhieda u periti.”; |
(5) |
fl-Artikolu 39, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dawn iż-żewġ paragrafi li ġejjin: “Is-setgħat imsemmija fl-ewwel paragrafu jistgħu, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, jiġu eżerċitati mill-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’każ ta’ impediment tal-President u tal-Viċi President, jieħu posthom Imħallef ieħor skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura.”; |
(6) |
fl-Artikolu 47, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9, l-Artikolu 9a, l-Artikoli 14 u 15, l-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames paragrafi tal-Artikolu 17 u l-Artikolu 18 għandhom japplikaw għall-Qorti Ġenerali u għall-membri tagħha.”; |
(7) |
fl-Artikolu 62c, għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej: “Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 257 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jżidu Mħallfin ad interim mal-qrati speċjalizzati sabiex jissostitwixxu l-Imħallfin assenti li, għalkemm ma jkunux qed ibatu minn diżabilità li titqies bħala totali, ma jistgħux, għal żmien twil, jipparteċipaw fit-trattazzjoni ta' kawzi. F’dan il-każ, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li fihom l-Imħallfin ad interim jinħatru, id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, il-modalitajiet li jirregolaw l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom u ċ-ċirkostanzi li fihom jieqfu jeżerċitaw dawk il-funzjonijiet.”. |
Artikolu 2
Fl-Artikolu 2 tal-Anness I tal-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, it-test eżistenti għandu jsir il-paragrafu 1 u għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:
“2. Għandhom jinħatru Mħallfin ad interim, minbarra l-Imħallfin imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, sabiex ikopru l-assenza ta' Mħallfin li, għalkemm ma jkunux qed ibatu minn diżabilità li titqies bħala totali, ma jistgħux, għal żmien twil, jipparteċipaw fit-trattazzjoni ta' kawzi.”.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-punti 1, 2, 3, 5 u 6 tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mid-data tal-ewwel sostituzzjoni parzjali tal-Imħallfin, imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2012.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
A. D. MAVROYIANNIS
(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2012, (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Lulju 2012.