27.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/107


REGOLAMENT (UE) Nru 650/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-4 ta’ Lulju 2012

dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlativa ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni għandha l-għan illi żżomm u tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fih jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni. Sabiex dan l-ispazju jiġi stabbilit gradwalment, l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali, partikolarment meta meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(2)

Skont il-punt (c) tal-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tali miżuri jistgħu jinkludu miżuri mmirati biex jiżguraw il-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri fil-qasam tal-kunflitti tal-liġijiet u tal-ġuriżdizzjoni.

(3)

Waqt il-laqgħa tiegħu f'Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew approva l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u ta’ deċiżjonijiet oħra ta’ awtoritajiet ġudizzjarji bħala s-sisien tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jadottaw programm ta’ miżuri sabiex jiġi implimentat dan il-prinċipju.

(4)

Programm ta’ miżuri dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u kummerċjali (3), komuni għall-Kummissjoni u għall-Kunsill, ġie adottat fit-30 ta’ Novembru 2000. Dak il-programm jidentifika l-miżuri dwar l-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ kunflitti ta’ liġijiet bħala miżuri li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet u jipprevedi t-tħejjija ta’ strument fil-qasam tat-testmenti u s-suċċessjoni.

(5)

Il-Kunsill Ewropew, waqt il-laqgħa tiegħu li saret fi Brussell fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2004, adotta programm ġdid, imsejjaħ “Il-Programm tal-Aja: it-tisħiħ tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea” (4). Dak il-programm jenfasizza l-ħtieġa li jiġi adottat strument fil-qasam tas-suċċessjoni li jittratta, b'mod partikolari, il-kwistjonijiet tal-kunflitti tal-liġijiet, il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tas-suċċessjoni u ċ-ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

(6)

Fil-laqgħa tiegħu fi Brussell fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 2009 l-Kunsill Ewropew adotta programm pluriennali ġdid imsejjaħ “Il-Programm ta’ Stokkolma — Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini” (5). F'dak il-programm il-Kunsill Ewropew qies li r-rikonoxximent reċiproku għandu jiġi estiż għal oqsma li għadhom mhumiex koperti, iżda li huma essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum, bħala eżempju, is-suċċessjoni u t-testmenti, filwaqt li qies is-sistemi legali tal-Istati Membri, inkluż l-ordni pubbliku (“ordre public”), u t-tradizzjonijiet nazzjonali f'dan il-qasam.

(7)

Hemm lok li jiġi ffaċilitat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li llum il-ġurnata jiġu affaċċjati b'diffikultajiet biex jimplimentaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali. Fiż-żona Ewropea tal-ġustizzja, iċ-ċittadini għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jorganizzaw is-suċċessjoni tagħhom bil-quddiem. Id-drittijiet tal-werrieta u l-legatarji, tal-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni għandhom ikunu garantiti b'mod effettiv.

(8)

Sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet, dan ir-Regolament għandu jiġbor flimkien id-dispożizzjonijiet dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, jew, skont il-każ, l-aċċettazzjoni, l-infurzabbiltà u l-infurzar tad-deċiżjonijiet, strumenti awtentiċi u tranżazzjonijiet ġudizzjarji u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

(9)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jestendi għall-aspetti kollha tal-liġi ċivili tas-suċċessjoni għall-patrimonju ta’ persuna deċeduta, jiġifieri kull forma ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, sew jekk permezz ta’ trasferiment volontarju taħt trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato.

(10)

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal kwistjonijiet ta’ dħul, u lanqas għal kwistjonijiet amministrattivi ta’ natura ta’ dritt pubbliku. Għandha għalhekk tkun il-liġi nazzjonali li tiddetermina, pereżempju, kif għandhom jiġu kkalkulati u mħallsa t-taxxi u responsabilitajiet oħrajn ta’ natura ta’ dritt pubbliku, sew jekk ikunu taxxi pagabbli mid-deċedut fil-ħin tal-mewt kif ukoll kwalunkwe tip ta’ taxxa relatata mas-suċċessjoni li trid titħallas mill-patrimonju jew il-benefiċjarji. Għandha tkun ukoll il-liġi nazzjonali li tiddetermina jekk ir-rilaxx ta’ proprjetà ta’ suċċessjoni lill-benefiċjarji skont dan ir-Regolament jew l-elenkar ta’ proprjetà ta’ suċċessjoni f'reġistru jistgħux isiru suġġetti għall-ħlas ta’ taxxi.

(11)

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal oqsma tal-liġi ċivili għajr is-suċċessjoni. Għal finijiet ta’ ċarezza, għadd ta’ kwistjonijiet li jistgħu jitqiesu li għandhom rabta ma’ kwistjonijiet ta’ suċċessjoni għandhom jiġu espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(12)

Għalhekk, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal kwistjonijiet relatati ma’ sistemi ta’ proprjetà matrimonjali, li jinkludu kuntratti ta’ żwieġ kif huma magħrufin f'xi sistemi legali sal-punt li tali kuntratti ma jittrattawx kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, u s-sistemi ta’ proprjetà ta’ relazzjonijiet meqjusin li għandhom effetti komparabbli maż-żwieġ. L-awtoritajiet li jittrattaw suċċessjoni speċifika skont dan ir-Regolament għandhom madankollu, skont is-sitwazzjoni, jieħdu kont tal-istralċ tas-sistema ta’ proprjetà matrimonjali jew sistema simili ta’ proprjetà tad-deċedut meta jiddeterminaw il-patrimonju tad-deċedut u l-ishma rispettivi tal-benefiċjarji.

(13)

Kwistjonijiet relatati mal-ħolqien, l-amministrazzjoni u x-xoljiment ta’ trusts għandhom ukoll jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dan ma għandux jinftiehem bħala esklużjoni ġenerali ta’ trusts. Fejn trust tinħoloq taħt testment jew taħt statut b'konnessjoni mas-suċċessjoni ab intestato, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni skont dan ir-Regolament għandha tapplika fir-rigward tad-devoluzzjoni tal-assi u d-determinazzjoni tal-benefiċjarji.

(14)

Drittijiet ta’ proprjetà, interessi u assi maħluqa jew ittrasferiti b'modi oħra għajr is-suċċessjoni, bħala eżempju, permezz ta’ donazzjonijiet, għandhom ikunu esklużi wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, għandha tkun il-liġi speċifikata minn dan ir-Regolament bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni li tiddetermina jekk donazzjonijiet jew forom oħra ta’ trasferimenti inter vivos li jirriżultaw fi dritt in rem qabel il-mewt għandhomx jagħtu lok għal restituzzjoni jew teħid f'kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ kalkolu tal-ishma tal-benefiċjarji skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

(15)

Dan ir-Regolament għandu jippermetti l-ħolqien jew it-trasferiment permezz tas-suċċessjoni ta’ dritt fil-proprjetà immobbli jew mobbli kif previst fil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. Madankollu dan ma għandux jaffettwa l-għadd limitat (“numerus clausus”) tad-drittijiet reali magħrufa fid-dritt nazzjonali ta’ xi Stati Membri. Stat Membru ma għandux jintalab jirrikonoxxi dritt in rem relatat ma’ proprjetà li tinsab f'dak l-Istat Membru jekk id-dritt in rem ikkonċernat ma jkunx magħruf fil-liġi tiegħu.

(16)

Madankollu, biex il-benefiċjarji jitħallew igawdu fi Stat Membru ieħor id-drittijiet li nħolqu jew ġew trasferiti lilhom permezz tas-suċċessjoni, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-adattament ta’ dritt in rem mhux magħruf għall-eqreb dritt in rem ekwivalenti skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. Fil-kuntest ta’ tali adattament għandu jittieħed kont tal-għanijiet u l-interessi mwettqin bid-dritt in rem speċifiku u l-effetti marbutin miegħu. Għall-finijiet li jiġi ddeterminat l-eqreb dritt in rem nazzjonali ekwivalenti, l-awtoritajiet jew il-persuni kompetenti tal-Istat li l-liġi tiegħu tkun applikatá għas-suċċessjoni jistgħu jiġu kkuntattjati biex tinkiseb aktar informazzjoni dwar in-natura u l-effetti tad-dritt. Għal dak l-għan, jistgħu jintużaw in-netwerks eżistenti fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kummerċjali kif ukoll kwalunkwe mezz disponibbli ieħor li jiffaċilita l-fehim tal-liġi barranija.

(17)

L-adattament ta’ drittijiet reali mhux magħrufa kif ipprovdut b'mod espliċitu f'dan ir-Regolament ma għandux jipprekludi forom oħrajn ta’ adattament fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(18)

Ir-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni f'reġistru ta’ dritt fi proprjetà immobbli jew mobbli għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru (għal proprjetà immobbli, il-lex rei sitaelex rei sitae) li tiddetermina taħt liema kondizzjonijiet legali u kif għandha ssir ir-reġistrazzjoni u liema awtoritajiet, bħal reġistri tal-artijiet jew in-nutara, huma responsabbli li jivverifikaw li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti kollha u li d-dokumentazzjoni ppreżentata jew stabbilita tkun biżżejjed jew li jkun fiha l-informazzjoni neċessarja. B'mod partikolari, l-awtoritajiet jistgħu jikkontrollaw li d-dritt tad-deċedut għall-proprjetà tas-suċċessjoni msemmija fid-dokument ippreżentat għar-reġistrazzjoni huwa dritt li huwa rreġistrat bħala tali fir-reġistru jew li huwa muri mod ieħor skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru.Sabiex ma jiġux irduppjati dokumenti, l-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni għandhom jaċċettaw tali dokumenti mfasslin fi Stat Membru ieħor mill-awtoritajiet kompetenti li ċ-ċirkolazzjoni tagħhom hija pprovduta f'dan ir-Regolament. B'mod partikolari, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni maħruġ skont dan ir-Regolament għandu jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrar ta’ proprjetà ta’ suċċessjoni f'reġistru ta’ Stat Membru. Dan ma għandux jipprekludi l-awtoritajiet involuti fir-reġistrazzjoni milli jitolbu lill-persuna li tkun qed tapplika għar-reġistrazzjoni biex tipprovdi tali informazzjoni addizzjonali jew tippreżenta tali dokumenti addizzjonali kif meħtieġ skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru, bħala eżempju, informazzjoni jew dokumenti relatati mal-ħlas ta’ dħul. L-awtorità kompetenti tista' tindika lill-persuna li tkun qed tapplika għar-reġistrazzjoni kif tista' tiġi pprovduta l-informazzjoni jew id-dokumenti nieqsa.

(19)

L-effetti tar-reġistrar ta’ dritt f'reġistru għandhom wkoll jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru li tiddetermina jekk fil-fatt ir-reġistrar huwiex, bħala eżempju, dikjaratorju jew kostituttiv. B'hekk, fejn bħala eżempju, l-akkwist ta’ dritt fi proprjetà immobbli jeħtieġ li jiġi rreġistrat f'reġistru skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru sabiex jiġi żgurat l-effett erga omnes tar-reġistri jew biex jiġu protetti t-tranżazzjonijiet legali, il-mument ta’ tali akkwist għandu jiġi rregolat mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

(20)

Dan ir-Regolament għandu jirrispetta s-sistemi differenti biex jiġu ttrattati kwistjonijiet ta’ suċċessjoni applikati fl-Istati Membri. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament it-terminu “qorti” għandu għalhekk jingħata tifsira wiesgħa sabiex ikopri mhux biss il-qrati fil-veru sens tal-kelma, li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji, iżda wkoll in-nutara jew l-uffiċċji tar-reġistru f'xi Stati Membri li, f' ċerti kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji bħal qrati, u n-nutara u l-professjonisti legali li, f'xi Stati Membri, jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji f'suċċessjoni speċifika permezz tad-delega tas-setgħa minn qorti. Il-qrati kollha kif iddefiniti f'dan ir-Regolament għandhom ikunu marbutin bir-regoli tal-ġuriżdizzjoni msemmijin f'dan ir-Regolament. Kuntrarjament, it-terminu “qorti” ma għandux ikopri l-awtoritajiet mhux ġudizzjarji ta’ Stat Membru bis-setgħa skont il-liġi nazzjonali li jittrattaw kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, bħan-nutara fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fejn, bħal ma ssoltu jkun il-każ, huma ma jkunux qed jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji.

(21)

Dan ir-Regolament għandu jippermetti lin-nutara kollha li għandhom kompetenza fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni fl-Istati Membri biex jeżerċitaw tali kompetenza. Jekk in-nutara fi Stat Membru partikolari jkunux marbutin bir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni msemmijin f'dan ir-Regolament, għandu jiddependi minn jekk humiex koperti mit-terminu “qorti” għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(22)

L-atti maħruġin min-nutara fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni fl-Istati Membri għandhom jiċċirkolaw skont dan ir-Regolament. Meta n-nutara jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji huma marbutin mir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni, u d-deċiżjonijiet li jagħtu għandhom jiċċirkolaw skont id-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent, l-infurzabbiltà u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet. Meta n-nutara ma jeżerċitawx funzjonijiet ġudizzjarji, mhumiex marbutin mir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni, u l-istrumenti awtentiċi li huma joħorġu għandhom jiċċirkolaw skont id-dispożizzjonijiet dwar strumenti awtentiċi.

(23)

Minħabba l-mobbiltà taċ-ċittadini li qed tiżdied u sabiex tkun żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fl-Unjoni u jkun żgurat li jeżisti fattur ġenwin ta’ konnessjoni bejn is-suċċessjoni u l-Istat Membru li fih hija eżerċitata l-ġuriżdizzjoni, dan ir-Regolament għandu jipprovdi li l-fattur ta’ konnessjoni ġenerali għall-finijiet li jiġu determinati kemm il-ġuriżdizzjoni kif ukoll il-liġi applikabbli għandu jkun ir-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt. Sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali, l-awtorità li tkun qed tittratta s-suċċessjoni għandha twettaq valutazzjoni ġenerali taċ-ċirkostanzi tal-ħajja tad-deċedut fis-snin qabel mewtu u fil-mument ta’ mewtu, filwaqt li tieħu kont tal-elementi fattwali rilevanti kollha, b'mod partikolari t-tul ta’ żmien u r-regolarità tal-preżenza tad-deċedut fl-Istat ikkonċernat kif ukoll il-kondizzjonijiet u r-raġunijiet għal dik il-preżenza. Ir-residenza abitwali hekk determinata għandha tiżvela rabta stabbli u mill-qrib mal-Istat ikkonċernat b'kont meħud tal-għanijiet speċifiċi ta’ dan ir-Regolament.

(24)

F'xi każijiet, id-determinazzjoni tar-residenza abitwali tad-deċedut tista' tkun kumplessa. Każ bħal dan jista' jirriżulta, b'mod partikolari, fejn id-deċedut għal raġunijiet professjonali jew ekonomiċi jkun mar jgħix barra biex jaħdem hemm, xi drabi għal żmien twil, iżda jkun żamm rabta stabbli u mill-qrib mal-Istat tal-oriġini tiegħu.F'każ bħal dan, id-deċedut, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, jista' jitqies bħala wieħed li għad għandu r-residenza abitwali tiegħu fl-Istat ta’ oriġini tiegħu li fih kien jinsab iċ-ċentru ta’ interess tal-familja tiegħu u tal-ħajja soċjali tiegħu. Jistgħu jirriżultaw każijiet kumplessi oħra meta d-deċedut ikun għex f'diversi Stati alternattivament jew ikun vjaġġa minn Stat għall-ieħor mingħajr ma jkun issetilja b'mod permanenti f'xi wieħed minnhom. Jekk id-deċedut kien ċittadin ta’ wieħed minn dawk l-Istati jew kellu l-beni ewlenin tiegħu kollha f'wieħed minn dawk l-Istati, iċ-ċittadinanza tiegħu jew il-post ta’ dawk il-beni jista' jkun fattur speċjali fil-valutazzjoni ġenerali taċ-ċirkostanzi fattwali kollha.

(25)

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni l-awtorità li tkun qed tittratta s-suċċessjoni tista', f'każijiet eċċezzjonali — fejn, bħala eżempju, id-deċedut ikun mar jgħix fl-Istat tar-residenza abitwali tiegħu pjuttost reċentement qabel il-mewt tiegħu u ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ juru li hu kien manifestament aktar marbut mill-qrib ma’ Stat ieħor — tasal għall-konklużjoni li l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni ma għandhiex tkun il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tad-deċedut iżda pjuttost il-liġi tal-Istat li d-deċedut kien manifestament aktar marbut miegħu. Madankollu, l-eqreb rabta manifesta ma għandhiex tiġi invokata bħala fattur ta’ konnessjoni sussidjarju kull darba li d-determinazzjoni tar-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt tixhed kumplessità.

(26)

Xejn f'dan ir-Regolament ma għandu jżomm qorti milli tapplika mekkaniżmi maħsuba biex jindirizzaw l-evażjoni tal-liġi, bħal “fraude à la loi” fil-kuntest tad-dritt internazzjonali privat.

(27)

Ir-regoli ta’ dan ir-Regolament huma mfassla sabiex jiżguraw li l-awtorità li tkun qed tittratta s-suċċessjoni, fil-biċċa l-kbira tas-sitwazzjonijiet, tapplika l-liġi tagħha proprja. Għalhekk dan ir-Regolament jipprevedi serje ta’ mekkaniżmi li jidħlu fis-seħħ meta d-deċedut ikun għażel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tiegħu l-liġi ta’ Stat Membru li kien ċittadin tiegħu.

(28)

Wieħed minn dawn il-mekkaniżmi għandu jkun li l-partijiet ikkonċernati ikunu jistgħu jikkonkludu ftehim dwar l-għażla tal-qorti favur il-qrati tal-Istat Membru tal-liġi magħżula. Dan ikollu jiġi determinat fuq bażi ta’ każ b'każ, u jiddependi b'mod partikolari mill-kwistjoni koperta mill-għażla ta’ ftehim tal-qorti, jekk il-ftehim ikollux jiġi konkluż bejn il-partijiet kollha kkonċernati mis-suċċessjoni jew jekk xi wħud minnhom jistgħux jaqblu li jressqu kwistjoni speċifika quddiem il-qorti magħżula f'sitwazzjoni fejn id-deċiżjoni minn dik il-qorti dwar dik il-kwistjoni ma taffettwax id-drittijiet tal-partijiet l-oħrajn għas-suċċessjoni.

(29)

Jekk proċedimenti dwar suċċessjoni jinfetħu minn qorti ex officio, kif huwa l-każ f'ċerti Stati Membri, dik il-qorti għandha tagħlaq il-proċedimenti jekk il-partijiet jaqblu li jsolvu l-kwistjoni dwar is-suċċessjoni b'mod amikevoli barra l-qorti fl-Istat Membru tal-liġi magħżula. Fejn ma jinfetħux proċedimenti dwar suċċessjoni minn qorti ex officio, dan ir-Regolament ma għandux jimpedixxi lill-partijiet milli jsolvu l-kwistjoni dwar is-suċċessjoni b'mod amikevoli barra l-qorti, bħal bħala eżempju, quddiem nutar, fi Stat Membru tal-għażla tagħhom, fejn dan ikun possibbli skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Dan għandu jkun il-każ anki jekk il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni ma tkunx il-liġi ta’ dan l-Istat Membru.

(30)

Sabiex ikun żgurat li l-qrati tal-Istati Membri kollha jkunu jistgħu, għall-istess raġunijiet, jeżerċitaw ġuriżdizzjoni fir-rigward tas-suċċessjoni ta’ persuni b'residenza mhux abitwali fi Stat Membru fil-mument tal-mewt, dan ir-Regolament għandu jelenka b'mod eżawrjenti, f'ordni ġerarkika, ir-raġunijiet li għalihom tista' tiġi eżerċitata tali ġuriżdizzjoni sussidjarja.

(31)

Sabiex ikun hemm rimedju, partikolarment għal sitwazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ ġustizzja, dan ir-Regolament għandu jipprevedi forum necessitatis li jippermetti qorti ta’ Stat Membru, fuq bażi eċċezzjonali, tieħu deċiżjonijiet dwar suċċessjoni li tkun konnessa mill-qrib ma’ Stat terz. Tali bażi eċċezzjonali tista' titqies li teżisti meta l-proċedimenti jkunu impossibbli fl-Istat terz ikkonċernat, bħala eżempju, minħabba gwerra ċivili, jew meta ma jistax ikun raġonevolment mistenni li benefiċjarju jibda jew iwettaq proċedimenti f'dak l-Istat. Madankollu, il-ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-forum necessitatis għandha tiġi eżerċitata biss jekk il-kawża tkun konnessa biżżejjed mal-Istat Membru tal-qorti invokata.

(32)

Sabiex titħaffef il-ħajja tal-eredi u l-legatarji li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru apparti minn dak li fih is-suċċessjoni qed tiġi jew ser tiġi ttrattata, dan ir-Regolament għandu jħalli lil kwalunkwe persuna intitolata skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħmel id-dikjarazzjonijiet dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja għas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat jew dwar il-limitazzjoni tar-responsabbiltajiet tagħha għad-djun skont is-suċċessjoni tagħmel tali dikjarazzjonijiet fil-forma prevista mil-liġi tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħha quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru. Dan ma għandux jipprekludi tali dikjarazzjonijiet milli jsiru quddiem awtoritajiet oħrajn f'dak l-Istat Membru li huma kompetenti li huma kompetenti biex jirċievu dikjarazzjonijiet taħt il-liġi nazzjonali. Persuni li jagħżlu li jiddisponu ruħhom mill-possibbiltà li jagħmlu dikjarazzjonijiet fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom għandhom huma nfushom jinformaw lill qorti jew lill-awtorità li qed jew tkun ser tittratta s-suċċessjoni bl-eżistenza ta’ tali dikjarazzjonijiet fi kwalunkwe żmien stabbilit mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

(33)

Ma għandux ikun possibbli għal persuna li tixtieq tillimita r-responsabbiltà tagħha għad-djun taħt is-suċċessjoni li tagħmel dan sempliċement b'dikjarazzjoni b'dak il-għan quddiem il-qrati jew awtoritajiet kompetenti oħrajn tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħha fejn il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tirrikjedi li hija tibda proċeduri legali speċifiċi, bħala eżempju, proċeduri ta’ inventarju, quddiem il-qorti kompetenti. Għalhekk, dikjarazzjoni magħmula f'ċirkostanzi bħal dawn minn persuna fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħha fil-forma prevista mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru ma għandhiex għalhekk tkun formalment valida għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Lanqas ma għandhom id-dokumenti li jagħtu bidu għall-proċedimenti legali jitqiesu bħala dikjarazzjonijiet għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(34)

Fl-interess tal-funzjonament tajjeb tal-ġustizzja, l-għoti ta’ deċiżjonijiet kontradittorji fi Stati Membri differenti għandu jiġi evitat. Għal dak l-għan, dan ir-Regolament għandu jipprevedi regoli proċedurali ġenerali simili għal dawk ta’ strumenti oħrajn tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili.

(35)

Waħda mit-tali regoli proċedurali hija regola lis pendens li tidħol fis-seħħ jekk l-istess kawża ta’ suċċessjoni titressaq quddiem qrati differenti fi Stati Membri differenti. Dik ir-regola tiddetermina liema qorti għandha tipproċedi biex tittratta l-kawża ta’ suċċessjoni.

(36)

Billi l-kwistjonijiet ta’ suċċessjoni f'xi Stati Membri jistgħu jiġu ttrattati minn awtorità mhux ġudizzjarja, bħal nutara, li mhumiex marbutin bir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni skont dan ir-Regolament, ma jistax jiġi eskluż li soluzzjoni amikevoli barra l-qorti u proċedimenti tal-qorti relatati mal-istess suċċessjoni, jew żewġ soluzzjonijiet amikevoli barra l-qorti relatati mal-istess suċċessjoni, jistgħu jinbdew b'mod parallel fi Stati Membri differenti. F'tali sitwazzjoni, għandhom ikunu l-partijiet involuti, ladarba jsiru konxji tal-proċedimenti paralleli, li jaqblu bejniethom dwar kif jipproċedu. Jekk ma jkunux jistgħu jaqblu, is-suċċessjoni jkollha tiġi ttrattata u deċiża mill-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni skont dan ir-Regolament.

(37)

Sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu, biċ-ċertezza legali kollha, mill-vantaġġi offruti mis-suq intern, dan ir-Regolament għandu jippermettilhom jkunu jafu minn qabel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħhom. Għandhom jiġu introdotti regoli armonizzati ta’ kunflitti ta’ liġijiet biex jiġu evitati riżultati kontradittorji. Ir-regola prinċipali għandha tiżgura li s-suċċessjoni tkun irregolata minn liġi prevedibbli li magħha tkun marbuta mill-qrib. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suċċessjoni, dik il-liġi għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha, jiġifieri l-proprjetà kollha li tifforma parti mill-partimonju, irrispettivament min-natura tal-beni u minkejja jekk il-beni jkunux jinsabu fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz.

(38)

Dan ir-Regolament għandu jippermetti liċ-ċittadini biex jorganizzaw minn qabel is-suċċessjoni tagħhom billi jagħżlu l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħhom. Din l-għażla għandha tkun limitata għal-liġi ta’ Stat taċ-ċittadinanza tagħhom sabiex tkun żgurata konnessjoni bejn id-deċedut u l-liġi magħżula u sabiex jiġi evitat li tingħażel liġi bl-intenzjoni li jixxekklu l-aspettattivi leġittimi ta’ persuni intitolati għal sehem riżervat.

(39)

L-għażla ta’ liġi għandha ssir b'mod espliċitu f'dikjarazzjoni fil-forma ta’ trasferiment causa mortis jew tintwera bit-termini ta’ tali trasferiment. L-għażla tal-liġi tista' titqies bħala murija minn trasferiment causa mortis fejn, bħala eżempju, id-deċedut kien irrifera fit-trasferiment tiegħu għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi tal-Istat taċ-ċittadinanza tiegħu jew fejn huwa kien b'xi mod semma dik il-liġi.

(40)

L-għażla tal-liġi skont dan ir-Regolament għandha tkun valida anki jekk il-liġi magħżula ma tipprevedix għażla tal-liġi fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni. Madankollu għandha tkun il-liġi magħżula li tiddetermina l-validità sostantiva tal-att tal-għażla, jiġifieri jekk il-persuna li tkun qed tagħmel l-għażla tistax titqies li fehmet u kkonsentiet għal dak li kienet qed tagħmel. L-istess għandu japplika għall-att ta’ modifika jew revoka tal-għażla ta’ liġi.

(41)

Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, id-determinazzjoni taċ-ċittadinanza jew taċ-ċittadinanzi multipli ta’ persuna għandha tiġi riżolta bħala kwistjoni preliminari. Il-kwistjoni li persuna titqies bħala ċittadin ta’ Stat taqa' barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u hija soġġetta għal-liġi nazzjonali, inkluż, fejn applikabbli, Konvenzjonijiet internazzjonali, b'rispett sħiħ lejn il-prinċipji ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

(42)

Il-liġi determinata bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni għandha tirregola s-suċċessjoni mill-ftuħ tas-suċċessjoni sat-trasferiment tas-sjieda tal-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju lill-benefiċjarji kif determinat minn dik il-liġi. Hija għandha tinkludi l-kwistjonijiet relatati mal-amministrazzjoni tal-patrimonju u mar-responsabbiltà għad-djun skont is-suċċessjoni. Il-ħlas tad-djun skont is-suċċessjoni jista', jiddependi, b'mod partikolari, mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, jinkludi l-kunsiderazzjoni tal-klassifikazzjoni speċifika ta’ kredituri.

(43)

Ir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni stabbiliti minn dan ir-Regolament jistgħu, f'ċerti każijiet, iwasslu għal sitwazzjoni fejn il-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni biex tgħaddi regola dwar is-suċċessjoni ma tapplikax il-liġi tagħha stess. Meta tinqala' dik is-sitwazzjoni fi Stat Membru li l-liġi tiegħu jiprevedi ħatra obbligatorja ta’ amministratur tal-patrimonju, dan ir-Regolament għandu jippermetti lill-qrati ta’ dak l-Istat Membru, meta jitressaq proċediment quddiemhom, li jaħtru amministratur wieħed jew aktar skont il-liġi tagħhom stess. Dan għandu jkun bla ħsara għal kwalunkwe għażla li jkunu għamlu l-partijiet biex isolvu s-suċċessjoni b'mod amikevoli barra mill-qorti fi Stat Membru ieħor fejn dan huwa possibbli skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni bla xkiel bejn il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni u l-liġi tal-Istat Membru tal-qorti ta’ ħatra, il-qorti għandha taħtar il-persuna/i li tkun/jkunu intitolata/i biex tamministra/jamministraw il-patrimonju skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, bħal fil-każ, pereżempju, tal-eżekutur tat-testment tad-deċedut jew il-werrieta nfushom jew, jekk meħtieġ mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, amministratur li jkun parti terza. Il-qrati jistgħu, madankollu, f'każijiet speċifiċi fejn il-liġi tagħhom tkun teħtieġ hekk, jaħtru parti terza bħala amministratur anki jekk dan ma jkunx previst fil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. Jekk id-deċedut ikun ħatar eżekutur tat-testment, dik il-persuna ma tistax tkun imċaħħda mis-setgħat tagħha sakemm il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni ma tippermettix it-tmiem tal-mandat tagħha.

(44)

Is-setgħat eżerċitati mill-amministratur maħtur fl-Istat Membru tal-qorti li quddiemha tressaq il-proċediment għandhom ikunu s-setgħat tal-amministrazzjoni li huma jistgħu jeżerċitaw skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. Għalhekk, jekk pereżempju, il-werriet huwa maħtur bħala amministratur, huwa għandu jkollu l-istess setgħat li jamministra l-patrimonju li jkollu werriet taħt dik il-liġi. Fejn is-setgħat ta’ amministrazzjoni li jistgħu jiġu eżerċitati skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni mhumiex biżżejjed biex jiġu ppreservati l-assi tal-patrimonju jew biex jiġu protetti d-drittijiet tal-kredituri jew ta’ persuni oħrajn li jkunu ggarantixxew id-dejn tad-deċedut, l-amministratur(i) maħtur(a) fl-Istat Membru tal-qorti li quddiemha tressaq proċediment jista'/jistgħu, fuq bażi residwa, jeżerċita/w setgħat ta’ amministrazzjoni għal dak il-għan previsti bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Tali setgħat residwi jistgħu jinkludu, pereżempju, it-twaqqif ta’ lista tal-assi tal-patrimonju u d-djun skont is-suċċessjoni, billi jiġu infurmati l-kredituri dwar il-bidu tas-suċċessjoni u jiġu mistiedna biex jagħmlu t-talbiet tagħhom, u billi tittieħed kwalunkwe miżura proviżorja, inkluża protettiva, maħsuba biex tippreserva l-assi tal-patrimonju. L-atti li jkunu saru minn amministratur fl-eżerċizzju tas-setgħat residwi għandhom jirrispettaw il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni fir-rigward tat-trasferiment tas-sjieda għall-proprjetà tas-suċċessjoni, inkluża kwalunkwe tranżazzjoni li jkunu daħlu għaliha l-benefiċjarji qabel il-ħatra tal-amministratur, ir-responsabbiltà għad-djun tas-suċċessjoni u d-drittijiet tal-benefiċjarji, inklużi, fejn hu applikabbli, id-dritt li tiġi aċċettata jew irrinunċjata s-suċċessjoni. Tali atti jistgħu pereżempju jinkludu biss l-aljenazzjoni ta’ assi jew il-pagamenti tad-djun fejn dan ikun permess skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. Fejn, skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, il-ħatra ta’ amministratur li jkun parti terza tbiddel ir-responsabbiltà tal-werrieta, tali bidla ta’ responsabbiltà għandha tiġi rispettata.

(45)

Dan ir-Regolament ma għandux jipprekludi li l-kredituri, pereżempju permezz ta’ rappreżentant, milli jieħdu l-passi ulterjuri kollha li jkunu disponibbli skont il-liġi nazzjonali, fejn hu applikabbli, bi qbil mal-istrumenti relevanti tal-Unjoni, sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet tagħhom.

(46)

Dan ir-Regolament għandu jippermetti lill-kredituri potenzjali fi Stati Membri oħrajn fejn ikunu jinsabu l-assi jiġu informati dwar il-bidu tas-suċċessjoni. Fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandha għalhekk titqies il-possibbiltà li jiġi stabbilit mekkaniżmu, jekk ikun xieraq permezz tal-portal tal-e-Ġustizzja, biex il-kredituri potenzjali fi Stati Membri oħrajn ikunu permessi jaċċessaw l-informazzjoni relevanti sabiex ikunu jistgħu jagħmlu t-talbiet tagħhom.

(47)

Il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni għandha tiddetermina min huma l-benefiċjarji fi kwalunkwe suċċessjoni partikolari. Skont il-parti l-kbira tal-liġijiet, it-terminu “benefiċjarji” jkun ikopri l-werrieta u l-legatarji u l-persuni intitolati għal sehem riżervat għalkemm, bħala eżempju, il-pożizzjoni legali tal-legatarji mhix l-istess taħt il-liġijiet kollha. Skont xi liġijiet, il-legatarju jista' jirċievi sehem dirett mill-patrimonju filwaqt li skont liġijiet oħrajn, il-legatarju jista' jakkwista biss talba kontra l-werrieta.

(48)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għal persuni li jixtiequ jippjanaw minn qabel is-suċċessjoni tagħhom, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regola speċifika dwar il-konflitt ta’ liġijiet rigward l-ammissibbiltà u l-validità sostantiva tat-trasferimenti causa mortis. Biex tiġi żġurata l-applikazzjoni uniformi ta’ din ir-regola, dan ir-Regolament għandu jelenka liema elementi għandhom jitqiesu bħala elementi li jagħmlu parti mill-validità sostantiva. L-eżami tal-validità sostantiva ta’ trasferiment causa mortis jista' jwassal għall-konklużjoni li dak it-trasferiment huwa mingħajr eżistenza legali.

(49)

Ftehim ta’ suċċessjoni huwa tip ta’ trasferiment causa mortis li l-ammissibbiltà u l-aċċettazzjoni tiegħu tvarja fost l-Istati Membri. Sabiex ikun aktar faċli li drittijiet ta’ suċċessjoni miksuba bħala riżultat ta’ ftehim ta’ suċċessjoni jiġu aċċettati fl-Istati Membri dan ir-Regolament għandu jiddetermina liema liġi għandha tirregola l-ammissibbiltà ta’ ftehimiet bħal dawn, il-validità sostantiva tagħhom u l-effetti vinkolanti tagħhom bejn il-partijiet, inklużi l-kondizzjonijiet għax-xoljiment tagħhom.

(50)

Il-liġi li, skont dan ir-Regolament, ser tirregola l-ammissibbiltà u l-validità sostantiva ta’ trasferiment causa mortis u, fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ suċċessjoni, l-effetti vinkolanti ta’ tali ftehim bejn il-partijiet, għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-kwalunkwe persuna li, taħt il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, għandha dritt għal sehem riservat jew dritt ieħor li hija ma tistax tiġi mċaħħda minnu, mill-persuna li l-patrimonju tagħha huwa involut.

(51)

Fejn f'dan ir-Regolament issir referenza għal-liġi li kienet tkun applikabbli għas-suċċessjoni tal-persuna li qed tagħmel it-trasferiment causa mortis li kieku mietet fil-ġurnata li fiha jkun sar it-trasferiment, skont il-każ, magħmul, immodifikat jew irrevokat, tali referenza għandha tinftiehem bħala referenza jew għal-ligi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-persuna kkonċernata f'dik il-ġurnata jew, jekk hija tkun għamlet għażla tal-liġi skont dan ir-Regolament, il-liġi tal-Istat taċ-ċittadinanza tagħha f'dik il-ġurnata.

(52)

Dan ir-Regolament għandu jirregola l-validità fir-rigward tal-forma tat-trasferimenti causa mortis kollha magħmula bil-miktub permezz ta’ regoli li huma konsistenti ma’ dawk tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-5 ta’ Ottubru 1961 dwar il-Konflitti tal-Liġijiet Relatati mal-Forma tad-Dispożizzjonijiet Testamentarji. Meta tkun qed tiddetermina jekk trasferiment causa mortis partikolari tkunx formalment valida skont dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għandha tinjora l-ħolqien qarrieqi ta’ element internazzjonali biex wieħed jevadi r-regoli dwar il-validità formali.

(53)

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi li tillimita l-forom permessi tat-trasferimenti causa mortis b'riferiment għal ċerti kwalifikazzjonijiet personali tal-persuna li tagħmel it-trasferiment, bħal bħala eżempju, l-età tagħha, għandha titqies li tagħmel parti mill-materji rigward il-forma. Dan ma għandux jiġi interpretat li jfisser li l-liġi applikabbli għall-validità formali ta’ trasferiment causa mortis skont dan ir-Regolament għandha tiddetermina jekk minorenni għandux il-kapaċità li jagħmel trasferiment causa mortis jew le. Dik il-liġi għandha tiddetermina biss jekk kwalifikazzjoni personali bħal bħala eżempju, età minorenni għandha ċċaħħad lil persuna milli tagħmel trasferiment causa mortis f'forma partikolari.

(54)

Minħabba kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, ċerta proprjetà immobbli, ċerti impriżi u kategoriji speċjali oħra ta’ assi huma soġġetti għal regoli speċjali fl-Istat Membru fejn jinsabu u jistabbilixxu restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ dawk l-assi. Dan ir-Regolament għandu jiżgura l-applikazzjoni ta’ tali regoli speċjali. Madankollu, din l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni teħtieġ interpretazzjoni stretta sabiex tibqa' kompatibbli mal-objettiv ġenerali ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, ladarba r-regoli tal-konflitt tal-liġijiet li jissoġġettaw il-proprjetà mobbli għal liġi differenti minn dik applikabbli għall-proprjetà immobbli, u lanqas id-dispożizzjonijiet li jipprevedu sehem riżervat tal-patrimonju differenti minn dak previst fil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni skont dan ir-Regolament ma jistgħu jiġu kkunsidrati li jikkostitwixxu regoli speċjali li jimponu restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ ċerti assi.

(55)

Biex jiġi żgurat it-trattament uniformi ta’ sitwazzjoni fejn huwa inċert f'liema ordni jkunu mietu żewġ persuni jew aktar li s-suċċessjoni tagħhom hija rregolata minn liġijiet differenti, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regola li tipprovdi li l-ebda wieħed mill-persuni deċeduti ma għandu jkollu drittijiet fis-suċċessjoni tal-persuna l-oħra jew il-persuni l-oħrajn.

(56)

F'xi sitwazzjonijiet, partimonju jista' jitħalla battal. Liġijiet differenti jipprevedu tali sitwazzjonijiet b'modi differenti. Skont ċerti liġijiet, l-Istat ser ikun jista' jikklejmja l-partimonju battal bħala werriet irrispettivament mill-post fejn jinsabu l-assi. Skont xi liġijiet oħrajn, l-Istat ser ikun jista' japproprja biss l-assi li jinsabu fit-territorju tiegħu. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jistabbilixxi regola li tipprovdi li l-applikazzjoni tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni ma għandhiex tipprekludi Stat Membru milli japproprja skont il-liġi tiegħu stess l-assi li jinsabu fit-territorju tiegħu. Madankollu, biex jiġi żgurat li din ir-regola ma tkunx ta’ detriment għall-kredituri tal-patrimonju, għandha tiżdied kondizzjoni li tippermetti lill-kredituri jfittxu rimedju għat-talbiet tagħhom mill-assi kollha tal-patrimonju, irrispettivament mill-post fejn jinsabu.

(57)

Ir-regoli tal-konflitt tal-liġijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament jistgħu jwasslu għall-applikazzjoni ta’ liġi ta’ Stat terz. F'każijiet bħal dawn, għandhom jiġu kkunsidrati r-regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-liġi ta’ dak l-Istat. Jekk dawk ir-regoli jipprevedu “renvoi” jew għal-liġi ta’ Stat Membru jew għal-liġi ta’ Stat terz li japplika l-liġi tiegħu stess għas-suċċessjoni, tali “renvoi” għandu jiġi aċċettat sabiex tiġi zgurata l-konsistenza internazzjonali. Madankollu, ir-“renvoi” għandu jiġi eskluż f'sitwazzjonijiet fejn id-deċedut kien għamel għażla ta’ liġi favur il-liġi ta’ Stat terz.

(58)

F'ċirkustanzi eċċezzjonali, kunsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku għandhom jippermettu lill-qrati u awtoritajiet kompetenti oħra li jittrattaw kwistjonijiet ta’ suċċessjoni fl-Istati Membri, jinjoraw ċerti dispożizzjonijiet ta’ liġi barranija fejn, f'każ partikolari, l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet tkun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku (“ordre public”) tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, il-qrati jew awtoritajiet kompetenti oħrajn ma għandhomx ikunu jistgħu japplikaw l-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku sabiex iqisu bla effett liġi ta’ Stat Membru ieħor jew jirrifjutaw li jirrikonoxxu, - jew, kif jista' jkun il-każ, jaċċettaw jew jinfurzaw deċiżjoni, strument awtentiku jew tranżazzjoni ġudizzjarja li jkunu saru fi Stat Membru ieħor, jekk permezz ta’ dawn imorru kontra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropew, b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha li jipprojbixxi kull tip ta’ diskriminazzjoni.

(59)

Fid-dawl tal-objettiv ġenerali tiegħu, li hu r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri fi kwistjonijiet ta’ suċċessjonijiet, irrispettivament minn jekk tali deċiżjonijiet kinux mogħtija fi proċedimenti kontenzjużi jew mhux kontenzjużi, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli relatati mar-rikonoxximent, l-infurzabbiltà u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet simili għal dawk ta’ strumenti oħra tal-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili.

(60)

Sabiex jitqiesu s-sistemi differenti għat-trattament ta’ kwistjonijiet ta’ suċċessjoni fl-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jiżgura l-aċċettazzjoni u l-infurzabbiltà ta’ strumenti awtentiċi fl-Istati Membri kollha, fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni.

(61)

L-istrumenti awtentiċi għandu jkollhom l-istess effetti evidenzjarji fi Stat Membru ieħor bħal ma għandhom fl-Istat Membru tal-oriġini jew l-aktar effetti komparabbli. Meta jkunu qed jiġu ddeterminati l-effetti evidenzjarji ta’ strument awtentiku partikolari fi Stat Membru ieħor jew l-aktar effetti komparabbli, għandha ssir referenza għan-natura u l-ambitu tal-effetti evidenzjarji tal-istrument awtentiku fl-Istat Membru tal-oriġini. L-effetti evidenzjarji li strument awtentiku partikolari għandu jkollu fi Stat Membru ieħor għaldaqstant ser jiddependi mil-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini.

(62)

L-“awtentiċità” ta’ strument awtentiku għandha tkun kunċett awtonomu li jkopri elementi bħall-ġenwinità tal-istrument, il-prerekwiżiti formali tal-istrument, is-setgħat tal-awtorità li qed tfassal l-istrument u l-proċedura skont liema jitfassal l-istrument. Huwa għandu jkopri wkoll l-elementi fattwali rreġistrati fl-istrument awtentiku mill-awtorità kkonċernata, bħall-fatt li l-partijiet indikati jkunu dehru quddiem dik l-awtorità fid-data indikata u li jkunu għamlu d-dikjarazzjonijiet indikati. Parti li tixtieq tikkontesta l-awtentiċità ta’ strument awtentiku għandha tagħmel dan quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru tal-oriġini tal-istrument awtentiku skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

(63)

It-terminu “l-atti legali jew ir-relazzjonijiet legali rreġistrati fi strument awtentiku” għandhom jiġu interpretati bħala referenza għall-kontenuti sustantivi reġistrati fl-istrument awtentiku. L-atti legali rreġistrati fi strument awtentiku jistgħu jkunu bħala eżempju, il-ftehim bejn il-partijiet dwar il-kondiviżjoni jew id-distribuzzjoni tal-patrimonju, jew it-testment, jew ftehim dwar suċċessjoni, jew dikjarazzjoni oħra ta’ intendiment. Ir-relazzjonijiet legali jistgħu jkunu bħala eżempju, d-determinazzjoni tal-werrieta u ta’ benefiċjarji oħrajn kif stabbilit taħt il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, l-ishma rispettivi tagħhom u l-eżistenza ta’ sehem riżervat, jew kwalunkwe element ieħor stabbilit taħt il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. Parti li tixtieq tikkontesta l-atti legali jew ir-relazzjonijiet legali rreġistrati fi strument awtentiku għandha tagħmel dan quddiem il-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni skont dan ir-Regolament, li għandhom jiddeċiedu dwar il-kontestazzjoni f'konformità mal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

(64)

Jekk kwistjoni relatata mal-atti legali jew relazzjonijiet legali rreġistrati fi strument awtentiku titqajjem bħala kwistjoni sekondarja fi proċedimenti quddiem qorti ta’ Stat Membru, dik il-qorti għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq dik il-kwistjoni.

(65)

Strument awtentiku li jiġi kkontestat ma għandu jipproduċi l-ebda effett evidenzjarju fi Stat Membru għajr fl-Istat Membru ta’ oriġini sakemm il-kontestazzjoni tkun għadha pendenti. Jekk il-kontestazzjoni tikkonċerna biss kwistjoni speċifika relatata mal-atti legali jew relazzjonijiet legali rreġistrati fi strument awtentiku, l-istrument awtentiku in kwistjoni ma għandux jipproduċi ebda effett evidenzjarju fi Stat Membru għajr fl-Istat Membru ta’ oriġini fir-rigward tal-materja li qed tiġi kkontestata sakemm il-kontestazzjoni tkun għadha pendenti. Stumenti awtentiku li ġie ddikjarat invalidu bħala riżultat ta’ kontestazzjoni, ma għandu jibqa' jipproduċi l-ebda effett evidenzjarju.

(66)

Jekk awtorità, fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, tiġi ppreżentata b'żewġ strumenti awtentiċi inkompatibbli, din għandha tivvaluta l-kwistjoni dwar liema strument awtentiku, għandu, jekk ikun hemm, jingħata prijorità, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi tal-każ partikolari. Fejn, minn dawk iċ-ċirkostanzi, ma jkunx ċar liema strument awtentiku, jekk ikun hemm, għandu jingħata prijorità partikolari, il-kwistjoni għandha tiġi ddeterminata mill-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni skont dan ir-Regolament, jew, meta l-kwistjoni titqajjem bħala kwistjoni sekondarja matul il-proċedimenti, mill-qorti vestita b'dawk il-proċedimenti. F'każ ta’ inkompatibbiltà bejn strument awtentiku u deċiżjoni, għandhom jiġu kkunsidrati r-raġunijiet tan-nonrikonoxximent tad-deċiżjonijiet skont dan ir-Regolament.

(67)

Sabiex suċċessjoni b'implikazzjonijiet transkonfinali fl-Unjoni tiġi riżolta b'mod rapidu, mingħajr xkiel u effettiv, il-werrieta, il-legatarji, l-eżekuturi testamentarji jew l-amministraturi tal-patrimonju għandhom ikunu jistgħu juru faċilment l-istatus u/jew drittijiet u setgħat tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħala eżempju, fi Stat Membru li fih tinsab il-proprjetà tas-suċċessjoni. Biex huma jkunu jistgħu jagħmlu dan, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-ħolqien ta’ ċertifikat uniformi, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (minn hawn 'il quddiem “iċ-Ċertifikat”) li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor. Sabiex jitħares il-prinċipju tas-sussidjarjetà, iċ-Ċertifikat ma għandux jieħu l-post ta’ dokumenti interni li jistgħu jeżistu għal finijiet simili fl-Istati Membri.

(68)

L-awtorità li toħroġ iċ-Ċertifikat għandha tqis il-formalitajiet meħtieġa għar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli fl-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru. Għal dak il-għan, dan ir-Regolament għandu jipprevedi skambju ta’ informazzjoni dwar tali formalitajiet bejn l-Istati Membri.

(69)

L-użu taċ-Ċertifikat ma għandux ikun mandatorju. Dan ifisser li l-persuni intitolati biex japplikaw għal Ċertifikat ma huma taħt l-ebda obbligu li jagħmlu dan, iżda huma ħielsa li juzaw l-istrumenti l-oħrajn disponibbli skont dan ir-Regolament (deċiżjonijiet, strumenti awtentiċi u soluzzjonijiet bil-qorti). Madankollu, l-ebda awtorità jew persuna ppreżentata b'Ċertifikat maħruġ fi Stat Membru ieħor ma għandha tkun intitolata titlob li tiġi ppreżentata deċiżjoni, strument awtentiku jew soluzzjoni bil-qorti minflok iċ-Ċertifikat.

(70)

Iċ-Ċertifikat għandu jinħareġ fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġuriżdizzjoni skont dan ir-Regolament. Għandha tkun ir-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru li jiddetermina fil-leġiżlazzjoni interna tiegħu liema awtoritajiet għandu jkollhom il-kompetenza li joħorġu ċ-Ċertifikat, kemm jekk huma qrati kif definit għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll awtoritajiet b'kompetenza fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, bħal bħala eżempju, n-nutara. Għandha tkun ukoll ir-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru li jiddetermina fil-leġiżlazzjoni interna tiegħu jekk l-awtorità emittenti tistax tinvolvi korpi kompetenti oħrajn fil-proċess ta’ ħruġ, bħala eżempju, korpi kompetenti li jilqgħu dikjarazzjonijiet statutorji minflok ġurament. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti li tikkonċerna l-awtoritajiet emittenti tagħhom sabiex din l-informazzjoni ssir disponibbli pubblikament.

(71)

Iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-istess effetti fl-Istati Membri kollha. Ma għandux ikun titolu ta’ infurzar fih innifsu iżda għandu jkollu effett evidenzjarju u għandu jkun preżunt li juri b'mod preċiż elementi li jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi, bħal ma hija l-validità sostantiva ta’ trasferiment causa mortis. L-effett evidenzjarju taċ-Ċertifikat ma għandux jestendi għal elementi li mhumiex irregolati minn dan ir-Regolament, bħal pereżempju kwistjonijiet tal-affiljazzjoni jew il-kwistjoni dwar jekk assi partikolari kienx tad-deċedut jew le. Kwalunkwe persuna li tagħmel ħlas jew tgħaddi proprjetà ta’ suċċessjoni lil persuna indikata fiċ-Ċertifikat bħala li hija intitolata taċċetta tali ħlas jew proprjetà bħala werrieta jew legatarji, għandha tingħata l-protezzjoni adatta jekk hija tkun aġixxiet in bona fede, waqt li tkun qagħdet fuq il-preċiżjoni tal-informazzjoni ċċertifikata fiċ-Ċertifikat. L-istess protezzjoni għandha tingħata lil kwalunkwe persuna li, waqt li toqgħod fuq il-preċiżjoni tal-informazzjoni ċċertifikata fiċ-Ċertifikat, tixtri jew tirċievi proprjetà ta’ suċċessjoni mingħand persuna indikata fiċ-Ċertifikat bħala li hija intitolata tiddisponi minn tali proprjetà. Il-protezzjoni għandha tkun żgurata jekk jiġu ppreżentati kopji ċertifikati li għadhom validi. Jekk tali akkwist ta’ proprjetà minn persuna terza hux effettiv jew le, ma għandux jiġi determinat minn dan ir-Regolament.

(72)

L-awtorità kompetenti għandha toħroġ iċ-Ċertifikat fuq talba. Il-kopja oriġinali taċ-Ċertifikat għandha tibqa' għand l-awtorità emittenti li għandha toħroġ kopja ċċertifikata waħda jew aktar taċ-Ċertifikat lill-applikant u lil kwalunkwe persuna li turi interess leġittimu. Dan ma jipprekludix Stat Membru, f'konformità mar-regoli nazzjonali tiegħu dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti, milli jippermetti li jiġu żvelati kopji taċ-Ċertifikat lill-pubbliku. Dan ir-Regolament għandu jipprevedi rimedju kontra deċiżjonijiet tal-awtorità emittenti, inklużi deċiżjonijiet li jirrifjutaw il-ħruġ ta’ Ċertifikat. Meta ċ-Ċertifikat jiġi rettifikat, modifikat jew irtirat, l-awtorità emittenti għandha tinforma l-persuni li għalihom ikunu ħarġu kopji ċertifikati sabiex jiġi evitat użu żbaljat ta’ tali kopji.

(73)

Ir-rispett għall-impenji internazzjonali assunti mill-Istati Membri jfisser li dan ir-Regolament ma għandux jinċidi fuq l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom Stat Membru, jew aktar, ikunu Parti fil-mument li dan ir-Regolament jiġi adottat. B'mod partikolari, l-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-5 ta’ Ottubru 1961 dwar il-Konflitti tal-Liġijiet Rigward il-Forma tad-Dispożizzjonijiet Testamentarji għandhom ikunu jistgħu jkomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-Konvenzjoni minflok id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-validità formali ta’ testmenti u testmenti kongunti. Il-konsistenza mal-objettivi ġenerali ta’ dan ir-Regolament teħtieġ, madankollu, li dan ir-Regolament ikollu preċedenza, bħal bejn Stati Membri, fuq konvenzjonijiet konklużi esklużivament bejn żewġ Stati Membri jew aktar sa fejn dawn il-konvenzjonijiet jikkonċernaw materji regolati minn dan ir-Regolament.

(74)

Dan ir-Regolament ma għandux jipprekludi Stati Membri li huma partijiet għall-Konvenzjoni tad-19 ta’ Novembru 1934 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Islanda, in-Norveġja u l-Isvezja inkużi dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat dwar suċċessjoni, testmenti u amministrazzjoni tal-patrimonju milli jkomplu japplikaw ċerti dispożizzjonijiet ta’ dik il-Konvenzjoni, kif riveduta mill-ftehim intergovernattiv bejn l-Istati li huma parti minnha.

(75)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jeħtieġ li jiġi previst obbligu li jeħtieġ lill-Istati Membri li jikkomunikaw ċerta informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri tagħhom relatati mas-suċċessjoni fi ħdan il-qafas tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE (6). Sabiex tkun tista' tiġi ppubblikata fil-ħin f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-informazzjoni kollha b'relevanza għall-applikazzjoni prattika ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw ukoll tali informazzjoni lill-Kummissjoni qabel ma jibda japplika dan ir-Regolament.

(76)

Kemm biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll biex ikunu jistgħu jintużaw teknoloġiji moderni ta’ komunikazzjoni, għandhom jiġu preskritti formoli standard għall-attestazzjonijiet li għandhom jingħataw b'rabta mal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà ta’ deċiżjoni, strument awtentiku jew soluzzjoni bil-qorti u għall-applikazzjoni għal Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni kif ukoll għaċ-Ċertifikat innifsu.

(77)

Għall-kalkolu tal-perijodi u l-limiti ta’ żmien previsti f'dan ir-Regolament, għandu japplika r-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistipula r-regoli applikabbli għall-perijodi, id-dati u l-limiti taż-żmien (7).

(78)

Sabiex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jingħataw lill-Kummissjoni setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-istabbiliment u l-emendar sussegwenti tal-attestazzjonijiet u l-forom relatati mad-dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà ta’ deċiżjonijiet, soluzzjonijiet bil-qorti u strumenti awtentiċi u maċ-Ċertifikat Ewropew ta’ Suċċessjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll minn Stati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (8).

(79)

Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu u sussegwentement jemendaw l-attestazzjonijiet u l-formoli previsti f'dan ir-Regolament f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(80)

Peress illi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-moviment liberu tal-persuni, l-organizzazzjoni minn qabel miċ-ċittadini tas-suċċessjoni tagħhom f'kuntest tal-Unjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-werrieta u l-legatarji, u ta’ persuni qrib id-deċedut kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ dan ir-Regolament, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dan l-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(81)

Dan ir-regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat mill-qrati u awtoritajiet kompetenti oħra tal-Istati Membri fir-rispett ta’ dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

(82)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawk l-Istati Membri li mhumiex jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhumiex marbutin minnu jew soġġetti għall-applikazzjoni tiegħu. Dan huwa, madankollu, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li għandhom ir-Renju Unit u l-Irlanda li jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jaċċettaw dan ir-Regolament wara li jiġi adottat skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi Protokoll.

(83)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhux ser tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta minnu jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għas-suċċessjoni għall-patrimonji tad-deċeduti. Ma japplikax għall-materji fiskali, doganali u amministrattivi.

2.   Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

(a)

l-istatus ta’ persuni fiżiċi, kif ukoll relazzjonijiet ta’ familja u relazzjonijiet meqjusin mil-liġi applikabbli għal tali relazzjonijiet bħala li għandhom effetti komparabbli;

(b)

il-kapaċità ġuridika tal-persuni fiżiċi, mingħajr preġudizzju għall-punt (c) tal-Artikolu 23(2) u għall-Artikolu 26;

(c)

kwistjonijiet relatati mal-għejbien, l-assenza jew il-mewt preżunta ta’ persuna fiżika;

(d)

kwistjonijiet relatati ma’ sistemi ta’ proprjetà matrimonjali u sistemi ta’ proprjetà ta’ relazzjonijiet meqjusin mil-liġi applikabbli għal tali relazzjonijiet bħala li għandhom effetti paragunabbli maż-żwieġ;

(e)

obbliġi ta’ manteniment ħlief dawk li jirriżultaw minħabba mewt;

(f)

il-validità formali tat-trasferimenti causa mortis;

(g)

drittijiet ta’ proprjetà, interessi u assi maħluqa jew ittrasferiti b'modi oħra minbarra bis-suċċessjoni, pereżempju permezz ta’ rigali, proprjetà konġunta bid-dritt tas-superstiti, il-pjanijiet ta’ pensjoni, il-kuntratti ta’ assigurazzjoni u arranġamenti ta’ natura simili, mingħajr preġudizzju għall-punt (i) tal-Artikolu 23(2);

(h)

il-kwistjonijiet li huma ggvernati mil-liġi tal-kumpanniji u korpi oħra, korporattivi jew mhux korporattivi, bħall-klawżoli li jinsabu fil-memoranda u l-artikoli tal-assoċjazzjoni ta’ kumpaniji u korpi oħrajn, korporattivi jew mhux korporattivi li jiddeterminaw dak li għandu jsir mill-ishma fihom meta jmutu l-membri tagħhom;

(i)

ix-xoljiment, l-estinzjoni u l-amalgamazzjoni ta’ kumpaniji u korpi oħra, korporattivi u mhux korporattivi;

(j)

il-ħolqien, l-amministrazzjoni u x-xoljiment tal-fondi fiduċjarji;

(k)

in-natura tad-drittijiet in rem; u

(l)

kwalunkwe reġistrar f'reġistru ta’ drittijiet fi proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrar, u l-effetti ta’ reġistrar jew in-nuqqas ta’ reġistrar ta’ dawn id-drittijiet f'reġistru.

Artikolu 2

Kompetenza f'materji ta’ suċċessjoni fl-Istati Membri

Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jittrattaw kwistjonijiet ta’ suċċessjoni.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)

“suċċessjoni” tfisser is-suċċessjoni għall-patrimonju tad-deċedut u tkopri l-forom kollha ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, kemm jekk dan ikun trasferiment volontarju skont trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato;

(b)

“patt ta’ suċċessjoni” tfisser ftehim, inkluż ftehim li jirriżulta minn testmenti reċiproċi, li, bi jew mingħajr konsiderazzjoni, joħloq, jimmodifika jew itemm drittijiet għall-patrimonju jew patrimonji futuri ta’ persuna waħda jew aktar li tkun parti għall-ftehim;

(c)

“testment konġunt” tfisser testment imfassal fi strument wieħed minn żewġ persuni jew aktar;

(d)

“trasferiment causa mortis” tfisser testment, testment konġunt jew ftehim rigward suċċessjoni;

(e)

“Stat Membru ta’ oriġini” tfisser l-Istat Membru fejn tkun ingħatat id-deċiżjoni, ġiet approvata jew konkluża is-soluzzjoni bil-qorti, jew l-istrument awtentiku jkun ġie stabbilit jew iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jkun inħareġ;

(f)

“Stat Membru tal-infurzar” tfisser l-Istat Membru li fih id-dikjarazzjoni tal-inforzabbiltà jew l-infurzar tad-deċiżjoni, is-soluzzjoni bil-qorti jew l-istrument awtentiku ikunu mitluba;

(g)

“deċiżjoni” tfisser kwalunkwe deċiżjoni f'materja ta’ suċċessjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, ikun xi jkun l-isem li jingħatalha, inkluża deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż jew l-infiq minn uffiċjal tal-qorti;

(h)

“soluzzjoni bil-qorti” tfisser soluzzjoni fi kwistjoni relatata mas-suċċessjoni li kienet approvata minn qorti jew li kienet konkluża quddiem qorti matul il-proċedimenti;

(i)

“strument awtentiku” tfisser dokument fi kwistjoni ta’ suċċessjoni li jkun tfassal jew ġie rreġistrat formalment bħala strument awtentiku fi Stat Membru u li l-awtentiċità tiegħu:

(i)

tirrigwarda l-firma u l-kontenut tal-istrument awtentiku; kif ukoll

(ii)

tkun ġiet stabbilita minn awtorità pubblika jew awtorità oħra bis-setgħa li tagħmel dan mill-Istat Membru tal-oriġini.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu “qorti” jfisser kull awtorità ġudizzjarja u awtoritajiet u professjonisti legali oħra kollha bħal dawn b'kompetenza f'materji ta’ suċċessjoni li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu taħt delegazzjoni ta’ setgħa minn xi awtorità ġudizzjarja jew jaġixxu taħt il-kontroll ta’ xi awtorità ġudizzjarja dment li dawn l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn joffru garanziji fir-rigward tal-imparzjalità u d-dritt tal-partijiet kollha li jinstemgħu u dment li d-deċiżjonijiet tagħhom jittieħdu skont il-liġi tal-Istat Membru li fih joperaw:

(a)

jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell jew reviżjoni minn awtorità ġudizzjarja; kif ukoll

(b)

għandhom forza u effett simili bħal deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja dwar l-istess materja.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn imsemmijin fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 79.

KAPITOLU II

ĠURIŻDIZZJONI

Artikolu 4

Ġuriżdizzjoni ġenerali

Il-qrati tal-Istat Membru li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha.

Artikolu 5

Ftehim dwar l-għażla tal-qorti

1.   Fejn il-liġi magħżula mid-deċedut biex tirregola s-suċċessjoni tiegħu skont l-Artikolu 22 hija l-liġi tal-Istat Membru, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jaqblu li qorti jew il-qrati ta’ dak l-Istat Membru għandu jkollhom ġuriżdizzjoni esklużiva biex jieħdu deċiżjoniji dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mas-suċċessjoni.

2.   Tali ftehim dwar l-għażla tal-qorti għandu jiġi espress bil-miktub, iddatat u ffirmat mill-partijiet ikkonċernati. Kull komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi li tipprovdi reġistrazzjoni dejjiema tal-ftehim għandha titqies ekwivalenti għal kitba.

Artikolu 6

Rifjut tal-ġuriżdizzjoni f'każ ta’ għażla tal-liġi

Meta l-liġi magħżula mid-deċedut biex tirregola s-suċċessjoni tiegħu skont l-Artikolu 22 hija l-liġi ta’ Stat Membru, il-qorti invokata skont l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 10:

(a)

tista', fuq it-talba ta’ wieħed mill-partijiet għall-proċedimenti, tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni jekk tqis li l-qrati tal-Istat Membru tal-liġi magħżula jinsabu f'pożizzjoni aħjar biex jieħdu deċiżjonijiet dwar is-suċċessjoni b'kont meħud taċ-ċirkostanzi prattiċi tas-suċċessjoni, bħar-residenza abitwali tal-partijiet u l-post fejn jinsabu l-assi; jew

(b)

għandha tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni jekk il-partijiet għall-proċedimenti jkunu qablu, f'konformità mal-Artikolu 5, li jagħtu ġuriżdizzjoni lil qorti jew lill-qrati tal-Istat Membru tal-liġi magħżula.

Artikolu 7

Ġuriżdizzjoni f'każ ta’ għażla tal-liġi

Il-qrati ta’ Stat Membru li l-liġi tiegħu ġiet magħżula mid-deċedut skont l-Artikolu 22 għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jieħdu deċiżjonijiet dwar is-suċċessjoni jekk:

(a)

qorti preċedentement invokata tkun irrifjutat il-ġuriżdizzjoni fl-istess każ skont l-Artikolu 6;

(b)

il-partijiet għall-proċedimenti jkunu qablu, f'konformità mal-Artikolu 5, li jagħtu ġuriżdizzjoni lil qorti jew lill-qrati ta’ dak l-Istat Membru; jew

(c)

il-partijiet għall-proċedimenti aċċettaw espressament il-ġuriżdizzjoni tal-qorti invokata.

Artikolu 8

Għeluq ta’ proċedimenti ex officio f'każ ta’ għażla ta’ liġi

Qorti li tkun ex officio fetħet proċedimenti ta’ suċċessjoni taħt l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 10 għandha tagħlaq il-proċedimenti jekk il-partijiet għall-proċedimenti qablu li jsolvu l-kwistjoni dwar is-suċċessjoni b'mod amikevoli barra l-qorti fl-Istat Membru li l-liġi tiegħu kienet ġiet magħżula mid-deċedut skont l-Artikolu 22.

Artikolu 9

Ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-preżenza fil-qorti

1.   Meta, waqt il-proċedimenti quddiem qorti ta’ Stat Membru li teżerċita ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 7, ikun jidher li mhux il-partijiet kollha għal dawk il-proċedimenti kienu parti għall-ftehim dwar l-għażla tal-qorti, il-qorti għandha tkompli teżerċita ġuriżdizzjoni jekk il-partijiet għall-proċedimenti li ma jkunux parti għall-ftehim jidhru quddiem il-qorti mingħajr ma jikkontestaw il-ġuriżdizzjoni tal-qorti.

2.   Jekk il-ġuriżdizzjoni tal-qorti msemmija fil-paragrafu 1 tiġi kkontestata mill-partijiet għall-proċedimenti li ma kinux parti għall-ftehim, il-qorti għandha tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni.

F'dak il-każ, il-ġuriżdizzjoni biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar is-suċċessjoni għandha tkun f'idejn il-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 10.

Artikolu 10

Ġuriżdizzjoni sussidjarja

1.   Meta r-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt ma tkunx tinsab fi Stat Membru, il-qrati ta’ Stat Membru fejn ikun hemm assi tal-patrimonju għandu madankollu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha dment li:

(a)

id-deċedut kellu ċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat Membru fil-mument tal-mewt tiegħu; jew, fin-nuqqas ta’ dan,

(b)

id-deċedut kellu r-residenza abitwali preċedenti tiegħu f'dak l-Istat Membru, dment li, filwaqt li l-qorti tkun ġiet invokata, ma jkunx għadda aktar minn perijodu ta’ ħames snin minn meta dik ir-residenza abitwali tkun inbidlet.

2.   Fejn l-ebda qorti fi Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni skont il-paragrafu 1, il-qrati ta’ Stat Membru li fih ikun hemm assi tal-patrimonju, għandu madankollu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar dawk l-assi.

Artikolu 11

Forum necessitatis

Fejn l-ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni skont dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, il-qrati ta’ Stat Membru jistgħu, fuq bażi eċċezzjonali, jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni jekk il-proċedimenti ma jkunux jistgħu jitressqu jew jitwettqu raġonevolment, jew ikunu impossibbli fi Stat terz li l-każ ikun marbut miegħu mill-qrib.

Il-każ għandu jkollu rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti invokata.

Artikolu 12

Limitazzjoni tal-proċedimenti

1.   Meta l-patrimonju tad-deċedut ikun jinkludi assi li jinsabu fi Stat terz, il-qorti invokata biex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni tista', fuq it-talba ta’ waħda mill-partijiet, tiddeċiedi li ma tagħtix deċiżjoni dwar wieħed jew aktar minn dawn l-assi jekk jista' jiġi mistenni li d-deċiżjoni tagħha fir-rigward ta’ dawk l-assi mhux ser tiġi rikonoxxuta u, fejn applikabbli, iddikjarata infurzabbli f'dak l-Istat terz.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa d-dritt tal-partijiet li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedimenti skont il-liġi tal-Istat Membru tal-qorti invokata.

Artikolu 13

Aċċettazzjoni jew rinunzja tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat

Minbarra l-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi dwar is-suċċessjoni skont dan ir-Regolament, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ kwalunkwe persuna li, taħt il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, tista' tagħmel, quddiem qorti, dikjarazzjoni li tirrigwarda l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat, jew dikjarazzjoni mfassla biex tillimita r-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata fir-rigward tad-djun skont is-suċċessjoni, għandu jkollha ġuriżdizzjoni biex tirċievi dikjarazzjonijiet bħal dawn fejn, taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, dikjarazzjonijiet bħal dawn jistgħu jsiru quddiem qorti.

Artikolu 14

Invokazzjoni ta’ qorti

Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, qorti tkun ikkunsidrata invokata:

(a)

fil-mument meta d-dokument li beda l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġi ppreżentat lill-qorti, dment li l-attur ma jonqosx sussegwentement milli jieħu l-passi li hu kien meħtieġ jieħu biex id-dokument ikun notifikat lill-konvenut;

(b)

jekk id-dokument għandu jkun innotifikat qabel ma jiġi ppreżentat lill-qorti, fil-mument li fih jiġi riċevut mill-awtorità responsabbli għan-notifika, dment li l-attur ma jonqosx sussegwentement milli jieħu l-passi li kien meħtieġ jieħu biex id-dokument jiġi ppreżentat lill-qorti; jew

(c)

jekk il-proċedimenti jinfetħu ex officio, fil-mument meta d-deċiżjoni li jinfetħu l-proċedimenti tittieħed mill-qorti, jew, meta deċiżjoni bħal din ma tkunx meħtieġa, fil-mument meta l-każ jiġi rreġistrat mill-qorti.

Artikolu 15

Verifika tal-ġuriżdizzjoni

Fejn il-qorti ta’ Stat Membru tkun invokata dwar kwistjoni ta’ suċċessjoni li ma għandhiex ġuriżdizzjoni fuqha skont dan ir-Regolament, hija għandha tiddikjara, ex officio, li ma għandhiex ġuriżdizzjoni.

Artikolu 16

Verifika tal-ammissibbiltà

1.   Fejn il-konvenut li għandu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat minbarra l-Istat Membru fejn saret l-azzjoni ma jidhirx, il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni għandha twaqqaf il-proċedimenti sakemm ma jintweriex li l-konvenut seta' jirċievi d-dokument li jagħti bidu għall-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti biex hu jkun seta' jħejji d-difiża tiegħu, jew li ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dak il-għan.

2.   L-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) (9) għandu japplika minflok il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jekk id-dokument li jagħti bidu għall-proċedimenti jew dokument ekwivalenti kellu jintbagħat minn Stat Membru wieħed għal ieħor skont dak ir-Regolament.

3.   Meta r-Regolament (KE) Nru 1393/2007 ma jkunx applikabbli, l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta’ Novembru 1965 dwar in-Notifika Barra mill-Pajjiż ta’ Atti Ġudizzjarji u Extra-ġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali għandu japplika jekk id-dokument li beda l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti kellu jiġi trasmess barra mill-pajjiż skont dik il-Konvenzjoni.

Artikolu 17

Lis pendens

1.   Meta jitressqu proċedimenti bl-istess għan u bl-istess kawża bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, il-qorti li titressaq quddiemha t-tieni kawża għandha tissospendi l-proċedimenti quddiemha ex officio sakemm il-ġuriżdizzjoni tal-qorti li tressqet l-ewwel kawża quddiemha tiġi stabbilita.

2.   Meta tiġi stabbilita l-ġuriżdizzjoni tal-qorti li tressqet l-ewwel kawża quddiemha, il-qorti li tressqet it-tieni kawża quddiemha għandha ċċedi l-ġuriżdizzjoni favur l-ewwel qorti.

Artikolu 18

Azzjonijiet relatati

1.   Meta azzjonijiet relatati jkunu pendenti fil-qrati ta’ Stati Membri differenti, kwalunkwe qorti minbarra dik invokata l-ewwel tista' twaqqaf il-proċedimenti tagħha.

2.   Meta dawn l-azzjonijiet ikunu pendenti fi prim'istanza, kwalunkwe qorti minbarra dik invokata l-ewwel tista' wkoll, fuq l-applikazzjoni ta’ waħda mill-partijiet, tirrinunzja l-ġuriżdizzjoni jekk l-ewwel qorti invokata jkollha ġuriżdizzjoni fuq l-azzjonijiet inkwistjoni u li l-liġi tagħha tippermetti l-konsolidazzjoni tagħhom.

3.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, azzjonijiet huma meqjusa li jkunu relatati meta jkunu konnessi hekk mill-qrib illi jkun aktar konvenjenti illi jinstemgħu u jiġu determinati flimkien biex ikun evitat ir-riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.

Artikolu 19

Miżuri proviżorji, inklużi dawk protettivi

Jista' jsir rikors fil-qrati ta’ Stat Membru għal tali miżuri proviżorji, inklużi dawk protettivi, li jistgħu jkunu disponibbli skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, anke jekk, skont dan ir-Regolament, il-qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom il-ġuriżdizzjoni dwar il-mertu tal-każ.

KAPITOLU III

IL-LIĠI APPLIKABBLI

Artikolu 20

Applikazzjoni universali

Kwalunkwe liġi speċifikata minn dan ir-Regolament għandha tiġi applikata kemm jekk hi l-liġi ta’ Stat Membru kif ukoll jekk mhijiex.

Artikolu 21

Regola ġenerali

1.   Dment li ma jkunx previst mod ieħor f'dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tad-deċedut fl-intier tagħha għandha tkun il-liġi tal-Istat li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt.

2.   Fejn, bħala eċċezzjoni, ikun ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li, fil-mument tal-mewt, id-deċedut kien manifestament aktar marbut ma’ Stat li mhux l-Istat li l-liġi tiegħu tkun applikabbli skont il-paragrafu 1, il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni għandha tkun il-liġi ta’ dak l-Istat l-ieħor.

Artikolu 22

Għażla ta’ liġi

1.   Persuna tista' tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li hija jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla.

Persuna li għandha ċittadinanzi multipli tista' tagħżel il-liġi ta’ kwalunkwe Stat li hija għandha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla jew fil-ħin tal-mewt.

2.   L-għażla ta’ liġi għandha ssir b'mod espliċitu f'dikjarazzjoni fil-forma ta’ trasferiment causa mortis jew tintwera b'mod ċar bit-termini ta’ tali trasferiment.

3.   Il-validità sostantiva tal-att li bih saret l-għażla tal-liġi għandha tkun irregolata mil-liġi magħżula.

4.   Kwalunkwe modifika jew revoka tal-għażla ta’ liġi għandha tissodisfa r-rekwiżiti fir-rigward tal-forma għall-modifika jew ir-revoka ta’ trasferiment causa mortis.

Artikolu 23

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli

1.   Il-liġi determinata skont l-Artikolu 21 jew l-Artikolu 22 għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha.

2.   Dik il-liġi tirregola, b'mod partikolari:

(a)

il-kawżi, il-mument u l-post tal-ftuħ tas-suċċessjoni;

(b)

id-determinazzjoni tal-benefiċjarji, tas-sehem rispettiv tagħhom u tal-obbligi li jistgħu jiġu imposti fuqhom mid-deċedut, u d-determinazzjoni ta’ drittijiet oħra ta’ suċċessjoni, inklużi d-drittijiet ta’ suċċessjoni ta’ mart/żewġ jew tas-sieħba/sieħeb superstiti;

(c)

il-kapaċità ta’ persuna li tiret;

(d)

diżeredazzjoni u diskwalifika minħabba mġiba;

(e)

it-trasferiment lill-eredi u, skont il-każ, lil-legatarji tal-assi, id-drittijiet u l-obbligi li jagħmlu parti mill-patrimonju, inklużi l-kondizzjonijiet u l-effetti tal-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni jew tal-legat;

(f)

is-setgħat tal-eredi, tal-eżekuturi testamentarji u amministraturi oħrajn tal-patrimonju, b'mod partikolari fir-rigward tal-bejgħ ta’ proprjetà u l-ħlas tal-kredituri, mingħajr preġudizzju għas-setgħat imsemmijin fl-Artikolu 29(2) u (3);

(g)

ir-responsabbiltà għad-djun taħt is-suċċessjoni;

(h)

il-parti tal-patrimonju li persuna tista' tiddisponi minnha, l-ishma riżervati u restrizzjonijiet oħrajn fuq it-trasferiment causa mortis, kif ukoll talbiet li persuni qrib tad-deċedut jista' jkollhom kontra l-patrimonju jew l-eredi;

(i)

kwalunkwe obbligu li jitraddu jew li jingħata kont ta’ xi rigali, avvanzi jew legati meta jiġu ddeterminati l-ishma tal-benefiċjarji differenti; u

(j)

il-kondiviżjoni tal-patrimonju.

Artikolu 24

Trasferimenti causa mortis li mhumiex ftehimiet rigward is-suċċessjoni

1.   Trasferiment causa mortis li mhuwiex ftehim rigward is-suċċessjoni għandu jkun irregolat fir-rigward tal-ammissibbiltà u l-validità sostantiva tiegħu mil-liġi li, taħt dan ir-Regolament, kienet tkun applikabbli għas-suċċessjoni tal-persuna li għamlet it-trasferiment li kieku hija mietet fil-jum li fih sar it-trasferiment.

2.   Irrispettivament mill-paragrafu 1, persuna tista' tagħżel bħala l-liġi li tirregola t-trasferiment causa mortis tagħha fir-rigward tal-ammissibbiltà u tal-validità sostantiva tiegħu, il-liġi li dik il-persuna setgħet għażlet f'konformità mal-Artikolu 22 dwar il-kondizzjonijiet stabbiliti fih.

3.   Il-paragrafu 1 għandu japplika, kif adatt, għall-modifika jew ir-revoka tat-trasferiment causa mortis li mhuwiex ftehim rigward is-suċċessjoni. Fil-każ ta’ għażla ta’ liġi skont il-paragrafu 2 il-modifika jew ir-revoka għandha tkun irregolata mil-liġi magħżula.

Artikolu 25

Ftehimiet dwar suċċessjoni

1.   Ftehim dwar is-suċċessjoni fir-rigward tas-suċċessjoni ta’ persuna waħda għandu jkun irregolat, fir-rigward tal-ammissibbiltà tiegħu, tal-validità sostantiva tiegħu u l-effetti vinkolanti tiegħu bejn il-partijiet, inklużi l-kondizzjonijiet għax-xoljiment tiegħu, bil-liġi li, skont dan ir-Regolament, kienet tkun applikabbli għas-suċċessjoni ta’ dik il-persuna fil-każ tal-mewt tagħha fil-jum li fih ġie konkluż il-ftehim.

2.   Ftehim dwar is-suċċessjoni rigward is-suċċessjoni ta’ diversi persuni għandu jkun ammissibbli biss jekk huwa ammissibbli skont il-liġijiet kollha li, skont dan ir-Regolament, kienu jirregolaw is-suċċessjoni tal-persuni involuti kollha fil-każ tal-mewt tagħhom fil-jum li fih ġie konkluż il-ftehim.

Ftehim rigward suċċessjoni li huwa ammissibbli skont l-ewwel subparagrafu għandu jkun irregolat, fir-rigward tal-validità sostantiva tiegħu u l-effetti vinkolanti tiegħu bejn il-partijiet, inklużi l-kondizzjonijiet għax-xoljiment tiegħu, mil-liġi, minn dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu, li magħha jkollu l-eqreb rabta.

3.   Irrispettivament mill-paragrafi 1 u 2, il-partijiet jistgħu jagħżlu bħala l-liġi li tirregola l-ftehim tagħhom rigward is-suċċessjoni, fir-rigward tal-ammissibbiltà tiegħu, tal-validità sostantiva tiegħu u l-effetti vinkolanti tiegħu bejn il-partijiet, inklużi l-kondizzjonijiet għax-xoljiment tiegħu, il-liġi li l-persuna jew waħda mill-persuni li l-patrimonju tagħha huwa involut setgħet tagħżel f'konformità mal-Artikolu 22 bil-kondizzjonijiet stabbiliti hawnhekk.

Artikolu 26

Validità sostantiva tat-trasferimenti causa mortis

1.   Għall-finijiet tal-Artikoli 24 u 25 l-elementi li ġejjin għandhom jappartjenu għall-validità sostantiva:

(a)

il-kapaċità tal-persuna li tagħmel it-trasferiment causa mortis li tagħmel tali trasferiment;

(b)

il-kawżi partikolari li jipprojbixxu lill-persuna li tagħmel it-trasferimenti milli tiddisponi favur ċerti persuni jew li jipprojbixxu persuna milli tirċievi proprjetà tas-suċċessjoni mill-persuna li tagħmel it-trasferiment;

(c)

l-ammissibbiltà ta’ prokura bil-għan li jsir trasferiment causa mortis;

(d)

l-interpretazzjoni tat-trasferiment;

(e)

frodi, forza, żball u kwalunkwe mistoqsija oħra dwar il-kunsens jew l-intenzjoni tal-persuna li tagħmel it-trasferiment.

2.   Meta persuna jkollha l-kapaċità li tagħmel trasferiment causa mortis skont il-liġi applikabbli skont l-Artikolu 24 jew l-Artikolu 25, bidla sussegwenti tal-liġi applikabbli ma għandhiex taffettwa l-kapaċità tagħha li timmodifika jew tirrevoka tali trasferiment.

Artikolu 27

Validità formali tat-trasferimenti causa mortis bil-miktub

1.   Trasferiment causa mortis bil-miktub għandu jkun validu fir-rigward tal-forma jekk jikkonforma mal-liġi:

(a)

tal-Istat li fih sar it-trasferiment jew ġie konkluż il-ftehim dwar is-suċċessjoni konkluża;

(b)

ta' Stat li tiegħu kellu ċ-ċittadinanza t-testatur jew mill-inqas wieħed mill-persuni li s-suċċessjoni tiegħu hija kkonċernata minn ftehim rigward suċċessjoni, jew fil-mument meta sar it-trasferiment jew meta ġie konkluż il-ftehim, jew fil-mument tal-mewt tiegħu;

(c)

ta' Stat li fih kellu d-domiċilju tiegħu t-testatur jew mill-inqas wieħed mill-persuni li s-suċċessjoni tiegħu hi kkonċernata minn ftehim rigward suċċessjoni, jew fil-mument meta sar it-trasferiment jew ġie konkluż il-ftehim, jew fil-mument tal-mewt tiegħu;

(d)

tal-Istat li fih kellu r-residenza abitwali tiegħu t-testatur jew mill-inqas wieħed mill-persuni parti li s-suċċessjoni tiegħu hi kkonċernata minn ftehim rigward suċċessjoni, jew fil-mument meta sar it-trasferiment jew meta ġie konkluż il-ftehim, jew fil-mument tal-mewt tiegħu; jew

(e)

fir-rigward tal-proprjetà immobbli, tal-Istat fejn tkun tinsab dik il-proprjetà immobbli.

Id-determinazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk it-testatur jew kwalunkwe persuna li s-suċċessjoni tagħha hi kkonċernata mill-ftehim rigward suċċessjoni kellhomx id-domiċilju tagħhom fi Stat partikolari għandha tiġi regolata mil-liġi ta’ dak l-Istat.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għal trasferimenti causa mortis li jimmodifikaw jew jirrevokaw trasferiment preċedenti. Il-modifika jew ir-revoka għandha tkun valida wkoll fir-rigward tal-forma jekk tikkonforma ma’ kwalunkwe waħda mil-liġijiet li skont it-termini tagħha, taħt il-paragrafu 1, it-trasferiment causa mortis li jkun ġie mmodifikata jew irrevokat kien validu.

3.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi li tillimita l-forom permessi tat-trasferimenti causa mortis b'riferiment għall-età, iċ-ċittadinanza jew kondizzjonijiet personali oħrajn tat-testatur jew tal-persuni li s-suċċessjoni tagħhom hi kkonċernata minn ftehim rigward suċċessjoni, għandha titqies li tagħmel parti mill-materji rigward il-forma. L-istess regola għandha tapplika għall-kwalifiki meħtieġa minn kwalunkwe xhud għall-validità ta’ trasferiment causa mortis.

Artikolu 28

Validità rigward il-forma ta’ dikjarazzjoni dwar aċċettazzjoni jew rinunzja

Dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat jew ta’ dikjarazzjoni mfassla biex tillimita r-responsabbiltà tal-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni għandha tkun valida rigward il-forma jekk tissodisfa r-rekwiżiti ta':

(a)

il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni skont l-Artikolu 21 jew l-Artikolu 22; jew

(b)

il-liġi tal-Istat fejn il-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni għandha r-residenza abitwali tagħha.

Artikolu 29

Regoli speċjali għall-ħatra u s-setgħat ta’ amministratur tal-patrimonju f'ċerti sitwazzjonijiet

1.   Meta l-ħatra ta’ amministratur tkun mandatorja jew mandatorja fuq talba skont il-liġi tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu jkollhom ġuriżdizzjoni fuq is-suċċessjoni skont dan ir-Regolament u l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tkun liġi barranija, il-qrati ta’ dak l-Istat Membru jistgħu, meta jiġu aditi, jaħtru amministratur wieħed jew aktar minn wieħed tal-patrimonju skont il-liġi tagħhom stess, skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

L-amministratur(i) maħtur(a) skont dan il-paragrafu għandu/għandhom ikun/ikunu l-persuna(i) intitolat(i) li jeżegwixxi(u) it-testment tad-deċedut u/jew li jamministra(w) il-patrimonju skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. Meta dik il-liġi ma tipprevedix l-amministrazzjoni tal-patrimonju minn persuna li ma tkunx benefiċjarja, il-qrati tal-Istat Membru li fih l-amministratur għandu jinħatar jistgħu jaħtru amministratur terz skont il-liġi tagħhom stess jekk dik il-liġi titlob hekk u jjkun hemm kunflitt serju ta’ interessi bejn il-benefiċjarji jew bejn il-benefiċjarji u l-kredituri jew persuni oħra li jkunu ggarantew id-dejn tad-deċedut, nuqqas ta’ ftehim bejn il-benefiċjarji dwar l-amministrazzjoni tal-patrimonju jew patrimonju kumpless biex jiġi amministrat minħabba n-natura tal-assi.

L-amministratur(i) maħtur(a) skont dan il-paragrafu għandu/għandhom ikun/ikunu l-uniku/uniċi persuna(i) intitolati li teżerċita/jeżerċitaw is-setgħat imsemmija fil-paragrafi 2 jew 3.

2.   Il-persuna(i) maħtura bħala amminstratur(i) skont il-paragrafu 1, għandha/għandhom teżerċita/ jeżerċitaw is-setgħat li tamministra/jamministraw il-patrimonju li tista'/jistgħu jeżerċitaw skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. Il-qorti tal-ħatra tista' fid-deċiżjoni tagħha tistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi għall-eżerċizzju ta’ tali setgħat skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

Meta l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni ma tipprevedix setgħat biżżejjed biex jitħarsu l-assi tal-patrimonju jew biex jiġu protetti d-drittijiet tal-kredituri jew ta’ persuni oħra li ggarantew id-dejn tad-deċedut, il-qorti tal-ħatra tista' tiddeċiedi li tippermetti lill-amministratur(i) jeżerċita(w), fuq bażi residwa, is-setgħat previsti għal dak il-għan mil-liġi tagħha stess u tista' tiddefinixxi fid-deċiżjoni tagħha kundizzjonijiet speċifiċi għall-eżerċizzju ta’ tali setgħat skont dik il-liġi.

Meta jeżerċita(w) tali setgħat residwi, madankollu, l-amministratur(i) għandu/għandhom jirrispetta(w) il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni fir-rigward tat-trasferiment tas-sjieda ta’ proprjetà tas-suċċessjoni, ir-responsabbiltà għad-djun skont is-suċċessjoni, id-drittijiet tal-benefiċjarji, fosthom meta jkun applikabbli, id-dritt li s-suċċessjoni tiġi aċċettata jew rifjutata, u meta jkun applikabbli s-setgħat tal-eżekutur tat-testment tad-deċedut.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, il-qorti li taħtar amministratur wieħed jew aktar minn wieħed skont il-paragrafu 1 tista', b'eċċezzjoni, meta l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tkun il-liġi ta’ Stat terz, tiddeċiedi li tagħti lil dawk l-amministraturi s-setgħat ta’ amministrazzjoni kollha previsti mil-liġi tal-Istat Membru li jinħatru fih.

Meta jeżerċitaw tali setgħat, madankollu, l-amministraturi għandhom jirrispettaw, b'mod partikolari, id-determinazzjoni tal-benefiċjarji u d-drittijiet ta’ suċċessjoni tagħhom, inklużi d-drittijiet tagħhom għal sehem riżervat jew dikjarazzjoni kontra l-patrimonju jew il-werrieta skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

Artikolu 30

Regoli speċjali li jimponu restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjon fir-rigward ta’ ċerti assi

Meta l-liġi tal-Istat fejn jinsabu ċerti proprjetàjiet immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra ta’ assi jkollha regoli speċjali li, minħabba konsiderazzjonijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, jimponu restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ dawk l-assi, dawk ir-regoli speċjali għandhom japplikaw għas-suċċessjoni sakemm, skont il-liġi ta’ dak l-Istat, huma applikabbli irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

Artikolu 31

Adattament ta’ drittijiet in rem

Meta persuna tinvoka dritt in rem li hija tkun intitolata għalih skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, u l-liġi tal-Istat Membru fejn id-dritt huwa invokat ma jirrikonoxxix id-dritt in rem inkwistjoni, dak id-dritt għandu, jekk meħtieġ u safejn possibbli, jiġi adattat għall-eqreb dritt in rem ekwivalenti skont il-liġi ta’ dak l-Istat waqt li jittieħed kont tal-għanijiet u tal-interessi li jfittex id-dritt in rem speċifiku u l-effetti marbutin miegħu.

Artikolu 32

Mewt simultanja

Meta żewġ persuni jew aktar li s-suċċessjonijiet tagħhom huma rregolati minn liġijiet differenti jmutu f'ċirkostanzi li fihom huwa inċert f'liema ordni seħħet il-mewt tagħhom, u fejn dawk il-liġijiet jipprevedu b'mod differenti għal dik is-sitwazzjoni jew ma jagħmlu l-ebda dispożizzjoni dwar dan, l-ebda wieħed mid-deċeduti ma għandu jkollu drittijiet għas-suċċessjoni tal-persuna jew il-persuni l-oħra.

Artikolu 33

Patrimonju battal

Safejn, skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni skont dan ir-Regolament, ma hemm l-ebda eredi jew legatarju għal xi assi indikat skont trasferiment causa mortis u l-ebda persuna fiżika mhija eredi permezz tal-liġi, l-applikazzjoni tal-liġi ddeterminata b'dan il-mod ma għandhiex tipprekludi d-dritt ta’ Stat Membru jew ta’ entità maħtura għal dik il-fini minn dak l-Istat Membru li jakkwista taħt il-liġi tiegħu stess l-assi tal-patrimonju li jinsab fit-territorju tagħhom sakemm il-kredituri jkunu intitolati jfittxu rimedju għat-talbiet tagħhom mill-assi tal-patrimonju fl-intier tagħhom.

Artikolu 34

“Renvoi”

1.   L-applikazzjoni tal-liġi ta’ kwalunkwe Stat terz speċifikat minn dan ir-Regolament għandha tfisser l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi fis-seħħ f'dak l-Istat inklużi r-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu sakemm dawk ir-regoli jagħmlu “renvoi”:

(a)

għal-liġi ta’ Stat Membru; jew

(b)

għal-liġi ta’ Stat terz ieħor li japplika l-liġi tiegħu.

2.   L-ebda “renvoi” ma għandu japplika fir-rigward tal-liġijiet imsemmija fl-Artikolu 21(2), l-Artikolu 22, l-Artikolu 27, il-punt (b) tal-Artikolu 28 u l-Artikolu 30.

Artikolu 35

Ordni pubbliku (“ordre public”)

L-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-liġi ta’ kwalunke Stat speċifikata minn dan ir-Regolament tista' tinċaħad biss jekk tali applikazzjoni tkun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku (“ordre public”) tal-forum.

Artikolu 36

Stati b'aktar minn sistema legali waħda — konflitti territorjali ta’ liġijiet

1.   Fejn il-liġi speċifikata minn dan ir-Regolament hija dik ta’ Stat li jinkludi diversi unitajiet territorjali, fejn kull waħda minnhom ikollha r-regoli tal-liġi proprji tagħha rigward is-suċċessjoni, ir-regoli interni dwar il-konflitt tal-liġijiet ta’ dak l-Istat għandhom jiddeterminaw l-unità territorjali rilevanti li r-regoli tal-liġi proprji tagħha għandhom japplikaw.

2.   Fin-nuqqas ta’ tali regoli interni dwar il-konflitt tal-liġijiet:

(a)

kwalunkwe referenza għal-liġi tal-Istat imsemmi fil-paragrafu 1 għandha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont dispożizzjonijiet li jirriferu għar-residenza abitwali tad-deċedut, titqies bħala li tirriferi għal-liġi tal-unità territorjali li fiha d-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt;

(b)

kwalunkwe referenza għal-liġi tal-Istat imsemmi fil-paragrafu 1 għandha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont dispożizzjonijiet li jirriferu għan-nazzjonalità tad-deċedut, titqies bħala li tirriferi għal-liġi tal-unità territorjali li fiha d-deċedut kellu l-eqreb rabta;

(c)

kwalunkwe referenza għal-liġi tal-Istat imsemmi fil-paragrafu 1 għandha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont kwalunkwe dispożizzjoni oħra li tirriferi għal elementi oħrajn bħala fatturi ta’ konnessjoni, titqies bħala li tirriferi għal-liġi tal-unità territorjali li fiha jinsab l-element rilevanti.

3.   Irrispettivament mill-paragrafu 2, kwalunkwe referenza għal-liġi tal-Istat imsemmi fil-paragrafu 1 għandha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi rilevanti skont Artikolu 27, fin-nuqqas ta’ kunflitt intern ta’ liġijiet u regoli f'dak l-Istat, titqies bħala li tirriferi għal-liġi tal-unità territorjali li magħha t-testatur jew il-persuni li s-suċċessjoni tagħhom hija kkonċernata mill-ftehim dwar is-suċċessjoni kellhom l-eqreb rabta.

Artikolu 37

Stati b'aktar minn sistema legali waħda— konflitti ta’ liġijiet interpersonali

Fir-rigward ta’ Stat li jkollu żewġ sistemi legali jew aktar jew settijiet ta’ regoli applikabbli għal kategoriji differenti ta’ persuni fir-rigward ta’ suċċessjoni, kwalunkwe referenza għal-liġi ta’ dan l-Istat għandha titqies bħala li tirriferi għas-sistema legali jew sett ta’ regoli determinati mir-regoli fis-seħħ f'dak l-Istat. Fin-nuqqas ta’ regoli bħal dawn, għandhom japplikaw is-sistema ta’ liġijiet jew is-sett ta’ regoli li magħhom id-deċedut kellu l-eqreb rabta.

Artikolu 38

Meta dan ir-Regolament mhuwiex applikabbli għal konflitti ta’ liġijiet interni

Stat Membru li għandu diversi unitajiet territorjali li kull waħda minnhom għandha r-regoli ta’ liġi proprji tagħha fir-rigward tas-suċċessjoni ma għandux ikun obbligat li japplika dan ir-Regolament għall-konflitt tal-liġijiet li jirriżultaw bejn dawn l-unitajiet territorjali biss.

KAPITOLU IV

RIKONOXXIMENT, INFURZABBILTÀ U INFURZAR TA’ DEĊIŻJONIJIET

Artikolu 39

Rikonoxximent

1.   Deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda proċedura speċjali.

2.   Fil-każ ta’ kontestazzjoni, kull parti interessata li tinvoka bħala talba prinċipali r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni, tista' titlob li jiġi kkonstatat, skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 45 sa 58, li d-deċiżjoni tiġi rikonoxxuta.

3.   Jekk l-eżitu tal-proċedimenti f'qorti ta’ Stat Membru jiddependi mid-determinazzjoni ta’ kwistjoni inċidentali ta’ rikonoxximent, dik il-qorti għandu jkollha ġuriżdizzjoni fuq dik il-kwistjoni.

Artikolu 40

Raġunijiet ta’ non-rikonoxximent

Deċiżjoni ma għandhiex tiġi rikonoxxuta:

(a)

jekk rikonoxximent bħal dan ikun manifestament kontra l-ordni pubbliku (“ordre public”) fl-Istat Membru li fih intalab rikonoxximent;

(b)

meta tkun ingħatat fl-assenza ta’ dehra, jekk il-konvenut ma kienx ġie notifikat jew infurmat bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b'dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b'tali manjiera li dan ikun jista' jħejji għad-difiża tiegħu, sakemm il-konvenut ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibbli għalih jagħmel hekk;

(c)

jekk tkun irrikonċiljabbli ma’ deċiżjoni mogħtija fil-proċedimenti bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru fejn jitfittex ir-rikonoxximent;

(d)

jekk tkun irrikonċiljabbli ma’ deċiżjoni mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz fi proċedimenti li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet, dment li dik id-deċiżjoni aktar kmieni tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent.

Artikolu 41

Ebda reviżjoni dwar is-sustanza

Taħt l-ebda ċirkostanza deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru tista' tiġi riveduta fir-rigward tas-sustanza tagħha.

Artikolu 42

Twaqqif tal-proċeduri ta’ rikonoxximent

Il-qorti ta’ Stat Membru li tiġi invokata għal talba ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor tista' tissospendi l-proċedimenti tagħha jekk ikun ġie ppreżentat appell kontra din id-deċiżjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini.

Artikolu 43

Infurzabbiltà

Id-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru u infurzabbli f'dak l-Istat għandhom ikunu infurzabbli fi Stat Membru ieħor meta, bl-applikazzjoni ta’ kwalunkwe parti interessata, ikunu ġew iddikjarati infurzabbli fi Stati Membri oħrajn f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikoli 45 sa 58.

Artikolu 44

Determinazzjoni ta’ domiċilju

Sabiex jiġi ddeterminat jekk, għall-finijiet tal-proċedura prevista fl-Artikoli 45 sa 58, parti hijiex domiċiljata fl-Istat Membru tal-infurzar, il-qorti invokata għandha tapplika l-liġi interna ta’ dak l-Istat Membru.

Artikolu 45

Ġuriżdizzjoni tal-qrati lokali

1.   L-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà għandha tiġi ppreżentata lill-qorti jew lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-infurzar ikkomunikata minn dak l-Istat Membru lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 78.

2.   Il-ġuriżdizzjoni lokali għandha tiġi determinata b'referenza għal post tad-domiċilju tal-parti li kontra tagħha tkun qed titfittex l-infurzabbiltà, jew fil-post tal-infurzar.

Artikolu 46

Proċedura

1.   Il-proċedura ta’ applikazzjoni għandha tkun irregolata mil-liġi tal-Istat Membru ta’ infurzar.

2.   L-applikant ma għandux ikun meħtieġ li jkollu indirizz postali jew rappreżentant awtorizzat fl-Istat Membru ta’ infurzar.

3.   L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti li ġejjin:

(a)

kopja tad-deċiżjoni li tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha;

(b)

l-attestazzjoni maħruġa mill-qorti jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini bl-użu tal-formola stabbilita f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 81(2), mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 47.

Artikolu 47

Nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-attestazzjoni

1.   Jekk l-attestazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 46(3) ma tiġix ippreżentata, il-qorti jew l-awtorità kompetenti tista' tispeċifika żmien għall-preżentazzjoni tiegħu jew taċċetta dokument ekwivalenti jew, jekk tikkunsidra li jkollha informazzjoni suffiċjenti quddiemha, tgħaddi mingħajru.

2.   Jekk il-qorti jew awtorità kompetenti hekk titlob, għandha tiġi ppreżentata traduzzjoni tad-dokumenti. It-traduzzjoni għandha ssir minn persuna kkwalifikata biex tittraduċi f'wieħed mill-Istati Membri.

Artikolu 48

Dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà

Id-deċiżjoni għandha tiġi ddikjarata infurzabbli immedjatament wara li jitlestew il-formalitajiet fl-Artikolu 46 mingħajr ebda reviżjoni skont l-Artikolu 40. Il-parti li kontriha jintalab l-infurzar ma għandhiex f'dan l-istadju tal-proċedimenti tkun intitolata tagħmel xi sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni.

Artikolu 49

Notifika tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà

1.   Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà għandha tinġieb immedjatament għall-attenzjoni tal-applikant skont il-proċedura stabbilita bil-liġi tal-Istat Membru tal-infurzar.

2.   Id-dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà għandha tiġi notifikata lill-parti li kontriha qed jintalab l-infurzar, akkumpanjata mid-deċiżjoni, jekk ma tkunx diġà ġiet notifikata lil dik il-parti.

Artikolu 50

Appell kontra d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà

1.   Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà tista' tiġi appellata minn kwalunkwe parti.

2.   L-appell għandu jiġi ppreżentat quddiem il-qorti kkomunikata mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 78.

3.   L-appell għandu jiġi ttrattat skont ir-regoli li jirregolaw il-proċedura f'materji kontradittorji.

4.   Jekk il-parti li kontriha jintalab l-infurzar tonqos milli tidher quddiem il-qorti tal-appell fi proċedimenti dwar appell imressaq mill-applikant, għandu japplika l-Artikolu 16, anki meta l-parti li kontriha jintalab l-infurzar mhijiex domiċiljata f'ebda wieħed mill-Istati Membri.

5.   L-appell kontra d-dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà għandu jiġi ppreżentat fi żmien 30 jum min-notifika jew mill-komunikazzjoni tiegħu. Jekk il-parti li kontriha jintalab l-infurzar hi domiċiljata fi Stat Membru differenti minn dak li fih tkun ingħatat id-dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà, iż-żmien għal appell għandu jkun ta’ 60 jum u għandu jibda jgħodd mill-jum tan-notifika, lilha personalment jew fir-residenza tagħha. L-ebda estensjoni ma tista' tingħata minħabba d-distanza.

Artikolu 51

Proċedura biex tiġi kkontestata d-deċiżjoni mogħtija fl-appell

Id-deċiżjoni mogħtija fl-appell tista' tiġi kkontestata biss permezz tal-proċedura kkomunikata mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 78.

Artikolu 52

Rifjut jew revoka ta’ dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà

Il-qorti li quddiemha jkun ġie ppreżentat appell skont l-Artikolu 50 jew l-Artikolu 51 għandha tirrifjuta jew tirrevoka dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà unikament għal xi waħda mir-raġunijiet speċifikati fl-Artikolu 40. Hija għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha mingħajr dewmien.

Artikolu 53

Sospensjoni tal-proċedimenti

Il-qorti ppreżentata b'appell skont l-Artikolu 50 jew l-Artikolu 51 għandha, mal-applikazzjoni tal-parti li kontriha jintalab l-infurzar, tissospendi l-proċedimenti jekk l-infurzabbiltà tad-deċiżjoni tiġi sospiża fl-Istat Membru tal-oriġini minħabba appell.

Artikolu 54

Miżuri proviżorji, inklużi dawk protettivi

1.   Meta deċiżjoni għandha tiġi rikonoxxuta skont dan il-Kapitolu, xejn ma għandu jimpedixxi lill-applikant milli jagħmel użu minn miżuri proviżjorji, inklużi miżuri protettivi, skont il-liġi tal-Istat Membru tal-infurzar mingħajr il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà skont l-Artikolu 48.

2.   Id-dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà għandha ġġib magħha skont l-applikazzjoni tal-liġi l-poter li wieħed jipproċedi għal kwalunkwe miżura protettiva.

3.   Matul iż-żmien speċifikat, skont l-Artikolu 50(5), għal appell kontra d-dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà u sakemm ikun determinat kwalunkwe tali appell, l-ebda miżura ta’ infurzar ma tista' tittieħed ħlief miżuri protettivi kontra l-proprjetà tal-parti li kontriha jintalab l-infurzar.

Artikolu 55

Infurzabbiltà parzjali

1.   Meta tkun ingħatat deċiżjoni rigward diversi materji u d-dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà ma tkunx tista tingħata għalihom kollha, il-qorti jew l-awtorità kompetenti għandha tagħtiha għal waħda minnhom jew aktar.

2.   Applikant jista' jitlob dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà limitata għal partijiet minn deċiżjoni.

Artikolu 56

Għajnuna legali

Applikant li, fl-Istat Membru tal-oriġini jkun ibbenefika bis-sħiħ jew parzjalment mill-għajnuna legali jew minn eżenzjoni mill-ispejjeż jew l-infiq, għandu jkun intitolat, fi kwalunkwe proċediment għal dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà, li jibbenefika mill-għajnuna legali l-aktar favorevoli jew mill-eżenzjoni l-aktar estiża mill-ispejjeż jew l-infiq kif previst mil-liġi tal-Istat Membru tal-infurzar.

Artikolu 57

Ebda garanzija, bond jew depożitu

L-ebda garanzija, bond jew depożitu, irrispettivament mid-deskrizzjoni, ma għandhom ikunu meħtieġa minn parti li fi Stat Membru tapplika għal rikonoxximent, infurzabbiltà jew infurzar ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor minħabba li tkun ċittadin barrani jew li ma tkunx domiċiljata jew residenti fl-Istat Membru tal-infurzar.

Artikolu 58

Ebda imposta, dazju jew onorarju

Fil-proċedimenti għall-ħruġ ta’ dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà, ma għandhom jiġu imposti l-ebda imposta, dazju jew onorarju kkalkulati b'referenza għall-valur tal-materja inkwistjoni fl-Istat Membru tal-infurzar.

KAPITOLU V

STRUMENTI AWTENTIĊI U SOLUZZJONIJIET BIL-QORTI

Artikolu 59

Aċċettazzjoni ta’ strumenti awtentiċi

1.   Strument awtentiku stabbilit fi Stat Membru għandu jkollu l-istess effetti evidenzjarji fi Stat Membru ieħor bħal ma għandu fl-Istat Membru tal-oriġini jew l-aktar effetti komparabbli, dment li dan ma jkunx manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku (“ordre public”) fl-Istat Membru kkonċernat.

Persuna li tixtieq tagħmel użu minn strument awtentiku fi Stat Membru ieħor tista' titlob lill-awtorità li tistabbilixxi l-istrument awtentiku fl-Istat Membru tal-oriġini biex timla l-formola tiġi stabbilita f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 81(2) li tiddeskrivi l-effetti evidenzjarji li l-istrument awtentiku jipproduċi fl-Istat Membru tal-oriġini.

2.   Kwalunkwe kontestazzjoni marbuta mal-awtentiċità ta’ strument awtentiku għandha ssir quddiem il-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini u għandha tittieħed deċiżjoni dwarha skont il-liġi ta’ dak l-Istat. L-istrument awtentiku kkontestat ma għandu jipproduċi ebda effett evidenzjarju fi Stat Membru ieħor sakemm il-kontestazzjoni tkun għadha pendenti quddiem il-qorti kompetenti.

3.   Kwalunkwe kontestazzjoni marbuta mal-atti legali jew ir-relazzjonijiet legali rreġistrati fi strument awtentiku għandha ssir quddiem il-qrati li għandhom ġuriżdizzjoni skont dan ir-Regolament u għandha tittieħed deċiżjoni dwarha skont il-liġi applikabbli taħt il-Kapitolu III. L-istrument awtentiku li jkun ġie kkontestat ma għandu jipproduċi ebda effett evidenzjarju fi Stat Membru ħlief l-Istat Membru tal-oriġini fir-rigward tal-materja li tkun qed tiġi kkontestata sakemm il-kontestazzjoni tkun għadha pendenti quddiem il-qorti kompetenti.

4.   Jekk l-eżitu tal-proċedimenti f'qorti ta’ Stat Membru jiddependi fuq id-determinazzjoni ta’ kwistjoni inċidentali relatata mal-atti legali jew ir-relazzjonijiet legali rreġistrati fi strument awtentiku fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni dik il-qorti għandu jkollha ġuriżdizzjoni fuq dik il-kwistjoni.

Artikolu 60

Infurzabbiltà ta’ atti awtentiċi

1.   Att awtentiku li huwa infurzabbli fl-Istat Membru tal-oriġini għandu jiġi ddikjarat bħala infurzabbli fi Stat Membru ieħor mal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe parti interessata f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikoli 45 sa 58.

2.   Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 46(3) l-awtorita' li stabilixxiet l-istrument awtentiku għandha, fuq l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe parti interessati, toħroġ attestazzjoni bl-użu tal-formola stabbilita skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 81(2).

3.   Il-qorti li quddiemha jkun ġie ppreżentat appell skont l-Artikolu 50 jew l-Artikolu 51 għandha tirrifjuta jew tirrevoka dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà biss jekk l-infurzar tas-soluzzjoni bil-qorti jkun manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku (“ordre public”) fl-Istat Membru tal-infurzar.

Artikolu 61

Infurzabbiltà ta’ soluzzjonijiet bil-qorti

1.   Soluzzjonijiet bil-qorti li huma infurzabbli fl-Istat Membru tal-oriġini għandhom jiġu ddikjarati bħala infurzabbli fi Stat Membru ieħor mal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe parti interessata f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikoli 45 sa 58.

2.   Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 46(3) il-qorti li approvat is-soluzzjoni jew li ġiet konkluża quddiemha għandha, fuq l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe parti interessati, toħroġ attestazzjoni bl-użu tal-formola stabbilita skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 81(2).

3.   Il-qorti li quddiemha jkun ġie ppreżentat appell skont l-Artikolu 50 jew l-Artikolu 51 għandha tirrifjuta jew tirrevoka dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà biss jekk l-infurzar tas-soluzzjoni bil-qorti jkun manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku (“ordre public”) fl-Istat Membru tal-infurzar.

KAPITOLU VI

ĊERTIFIKAT EWROPEW TAS-SUĊĊESSJONI

Artikolu 62

Ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni

1.   Dan ir-Regolament joħloq Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (minn hawn 'il quddiem “iċ-Ċertifikat”) li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor u għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69.

2.   L-użu taċ-Ċertifikat ma għandux ikun mandatorju.

3.   Iċ-Ċertifikat ma għandux jieħu l-post tad-dokumenti interni li jintużaw għal finijiet simili fl-Istati Membri. Madankollu, ladarba jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor, iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69 fl-Istat Membru li l-awtoritajiet tiegħu jkunu ħarġuh f'konformità ma’ dan il-Kapitolu.

Artikolu 63

Fini taċ-Ċertifikat

1.   Iċ-Ċertifikat hu għall-użu minn werrieta, legatarji li għandhom drittijiet diretti fis-suċċessjoni u eżekuturi ta’ testmenti jew amministraturi tal-patrimonju li, fi Stat Membru ieħor, jkunu jeħtieġu jinvokaw l-istatus tagħhom jew li jeżerċitaw rispettivament id-drittijiet tagħhom bħala werrieta jew legatarji u/jew is-setgħat tagħhom bħala eżekuturi ta’ testmenti jew amministraturi tal-patrimonju.

2.   Iċ-Ċertifikat jista' jintuża, b'mod partikolari, biex jiġi muri wieħed jew iżjed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-istatus u/jew id-drittijiet ta’ kull werriet, jew skont il-każ, ta’ kull legatarju msemmi fiċ-Ċertifikat u s-sehem rispettiv tagħhom tal-patrimonju;

(b)

l-attribuzzjoni ta’ ass speċifiku jew assi speċifiċi li jagħmlu parti mill-patrimonju għall-werriet(a), jew skont il-każ, għal-legatarju/i msemmi(ja) fiċ-Ċertifikat;

(c)

is-setgħat tal-persuna msemmija fiċ-Ċertifikat biex tkun l-eżekutur jew l-amministratur tal-patrimonju.

Artikolu 64

Kompetenza biex jinħareġ iċ-Ċertifikat

Iċ-Ċertifikat għandhu jinħareġ fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 4, l-Artikolu 7, l-Artikolu 10 jew l-Artikolu 11. L-awtorità emittenti għandha tkun:

(a)

qorti kif definit fl-Artikolu 3(2); jew

(b)

awtorità oħra li, skont il-liġi nazzjonali, għandha kompetenza biex tittratta materji ta’ suċċessjoni.

Artikolu 65

Applikazzjoni għal Ċertifikat

1.   Iċ-Ċertifikat għandu jinħareġ fuq applikazzjoni minn kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 63(1) (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-applikant”).

2.   Għall-finijiet tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni, l-applikant jista' juża l-formola stabbilita skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 81(2).

3.   L-applikazzjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni elenkata hawn isfel, safejn l-applikant ikun jaf b'din l-informazzjoni u safejn hija tkun meħtieġa sabiex l-awtorità emittenti tkun tista' tiċċertifika l-elementi li l-applikant irid li jiġu ċertifikati, u għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti rilevanti kollha jew fl-oriġinali jew kopji li jissodisfaw il-kondizzjonijiet neċessarji biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 66(2):

(a)

dettalji rigward id-deċedut: il-kunjom (jekk applikabbli, il-kunjom tat-twelid), l-isem/ismijiet, is-sess, id-data u l-post tat-twelid, l-istat ċivili, iċ-ċittadinanza, in-numru ta’ identifikazzjoni (jekk applikabbli), l-indirizz fil-ħin tal-mewt, id-data u l-post tal-mewt;

(b)

dettalji rigward l-applikant: il-kunjom (jekk applikabbli, il-kunjom tat-twelid), l-isem/ismijiet, is-sess, id-data u l-post tat-twelid, l-istat ċivili, iċ-ċittadinanza, in-numru ta’ identifikazzjoni (jekk applikabbli), l-indirizz u r-relazzjoni mad-deċedut, jekk ikun hemm;

(c)

dettalji rigward ir-rappreżentant tal-applikant, jekk ikun hemm: il-kunjom (jekk applikabbli, il-kunjom tat-twelid), l-isem/ismijiet, l-indirizz u l-kapaċità rappreżentattiva;

(d)

dettalji tal-mart/żewġ jew tas-sieħeb/sieħba tad-deċedut u, jekk applikabbli l-ex mart/żewġ jew l-ex konjuġi jew l-ex sieħeb/sieħba jew l-ex sħab: il-kunjom (jekk applikabbli, il-kunjom tat-twelid), l-isem/ismijiet, is-sess, id-data u l-post tat-twelid, l-istat ċivili, iċ-ċittadinanza, in-numru ta’ identifikazzjoni (jekk applikabbli), u l-indirizz;

(e)

dettalji ta’ benefiċjarji possibbli oħrajn taħt trasferiment causa mortis u/jew bl-operat tal-liġi: kunjom u isem/ismijiet jew isem tal-organizzazzjoni, numru ta’ identifikazzjoni (jekk applikabbli) u indirizz;

(f)

il-fini intenzjonata taċ-Ċertifikat skont l-Artikolu 63;

(g)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-qorti jew ta’ qorti kompetenti oħra li tkun qed tittratta jew tkun ittrattat is-suċċessjoni fiha nfisha, jekk applikabbli;

(h)

l-elementi li fuqhom l-applikant jibbaża, kif meħtieġ, id-dritt pretiż tiegħu għall-proprjetà tas-suċċessjoni bħala benefiċjarju u/jew id-dritt tiegħu li jeżegwixxi t-testment tad-deċedut u/jew id-dritt li jamministra l-patrimonju tad-deċedut;

(i)

indikazzjoni jekk id-deċedut kienx għamel trasferiment causa mortis; jekk la l-oriġinali u lanqas kopja ma huma mehmużin, indikazzjoni rigward il-post fejn jinsab l-oriġinali;

(j)

indikazzjoni ta’ jekk id-deċedut kienx daħħal f'kuntratt taż-żwieġ jew fil-kuntratt rigward relazzjoni li jista' jkollha effetti komparabbli għaż-żwieġ; jekk la l-oriġinali u lanqas kopja tal-kuntratt ma huma mehmużin, indikazzjoni rigward il-post fejn jinsab l-oriġinali;

(k)

indikazzjoni ta’ jekk xi wieħed mill-benefiċjarji jkunx għamel dikjarazzjoni rigward aċċettazzjoni jew rinunzja tas-suċċessjoni;

(l)

dikjarazzjoni li tgħid li sa fejn jaf l-applikant, ma hemm l-ebda tilwima pendenti rigward l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati;

(m)

kwalunkwe informazzjoni oħra li l-applikant iqis utli għall-finijiet tal-ħruġ taċ-Ċertifikat.

Artikolu 66

Eżami tal-applikazzjoni

1.   Meta tirċievi l-applikazzjoni l-awtorità emittenti għandha tivverifika l-informazzjoni u d-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti u evidenza oħra pprovduti mill-applikant. Hija għandha twettaq l-inkjesti meħtieġa għal dik il-verifika minn jeddha fejn dan ikun previst jew awtorizzat mil-liġi tagħha proprja jew għandha tistieden lill-applikant jipprovdi kwalunkwe evidenza oħra li hija tqis meħtieġa.

2.   Meta l-applikant ma jkunx jista' jipproduċi kopji tad-dokumenti rilevanti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħhom, l-awtorità emittenti tista' tiddeċiedi li taċċetta forom oħra ta’ evidenza.

3.   Meta dan ikun previst mil-liġi tagħha proprja u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti hemmhekk, l-awtorità emittenti tista' titlob li d-dikjarazzjonijiet isiru taħt ġurament jew permezz ta’ dikjarazzjoni statutorja minflok ġurament.

4.   L-awtorità emittenti għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tinforma lill-benefiċjarji dwar l-applikazzjoni għal Ċertifikat. Hija għandha, jekk ikun meħtieġ għall-istabbiliment tal-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati, tisma' lil kwalunkwe persuna involuta u kwalunkwe eżekutur jew amministratur u tagħmel avviżi pubbliċi bil-għan li tingħata l-opportunità lil benefiċjarji possibbli biex jinvokaw id-drittijiet tagħhom.

5.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha, fuq talba, tipprovdi lill-awtorità emittenti ta’ Stat Membru ieħor l-informazzjoni miżmuma, b'mod partikolari, fir-reġistri tal-artijiet, fir-reġistri tal-istat ċivili u f'reġistri fejn jiġu rreġistrati d-dokumenti u l-fatti li jkunu ta’ rilevanza għas-suċċessjoni jew għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali jew reġim ekwivalenti tal-proprjetà tad-deċedut, fejn dik l-awtorità kompetenti tiġi awtorizzata, skont il-liġi nazzjonali, biex tipprovdi lil awtorità nazzjonali oħra b'tali informazzjoni.

Artikolu 67

Ħruġ taċ-Ċertifikat

1.   L-awtorità emittenti għandha toħroġ iċ-Ċertifikat mingħajr dewmien f'konformità mal-proċedura stabbilita f'dan il-Kapitolu meta l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Hija għandha tuża l-formola stabbilita skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 81(2).

L-awtorità emittenti ma għandhiex toħroġ iċ-Ċertifikat b'mod partikolari jekk:

(a)

l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu qed jiġu kkontestati; jew

(b)

iċ-Ċertifikat ma jkunx konformi ma deċiżjoni li tkopri l-istess elementi.

2.   L-awtorità emittenti għandha tieħu l-passi kollha neċessarji biex tinforma l-benefiċjarji dwar il-ħruġ taċ-Ċertifikat.

Artikolu 68

Kontenut taċ-Ċertifikat

Iċ-Ċertifikat għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja sa fejn meħtieġ għall-fini li għalih jinħareġ:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-awtorità emittenti;

(b)

in-numru ta’ referenza tal-fajl;

(c)

l-elementi li abbażi tagħhom l-awtorità emittenti tikkunsidra lilha nfisha kompetenti biex toħroġ iċ-Ċertifikat;

(d)

id-data tal-ħruġ;

(e)

dettalji rigward l-applikant: il-kunjom (jekk applikabbli, il-kunjom tat-twelid), l-isem/ismijiet, is-sess, id-data u l-post tat-twelid, l-istat ċivili, iċ-ċittadinanza, in-numru ta’ identifikazzjoni (jekk applikabbli), l-indirizz u r-relazzjoni mad-deċedut, jekk tkun teżisti;

(f)

dettalji rigward id-deċedut: il-kunjom (jekk applikabbli, il-kunjom tat-twelid), l-isem/ismijiet, is-sess, id-data u l-post tat-twelid, l-istat ċivili, iċ-ċittadinanza, in-numru ta’ identifikazzjoni (jekk applikabbli), l-indirizz fil-ħin tal-mewt, id-data u l-post tal-mewt;

(g)

dettalji rigward il-benefiċjarji: il-kunjom (jekk applikabbli, il-kunjom tat-twelid), l-isem/ismijiet u n-numru ta’ identifikazzjoni (jekk applikabbli);

(h)

informazzjoni dwar kuntratt taż-żwieġ li jkun daħal għalih id-deċedut jew, jekk applikabbli, kuntratt li jkun daħal għalih id-deċedut fil-kuntest ta’ relazzjoni meqjusa mil-liġi li tkun applikabbli għal tali relazzjoni li jkollha effetti komparabbli għal żwieġ u informazzjoni rigward is-sistema ta’ proprjetà matrimonjali jew sistema ta’ proprjetà ekwivalenti;

(i)

il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni u l-elementi li abbażi tagħhom ġiet iddeterminata dik il-liġi;

(j)

informazzjoni dwar jekk is-suċċessjoni hijiex taħt testment jew ab intestato, inkluża informazzjoni rigward l-elementi li jwasslu għad-drittijiet u/jew is-setgħat tal-werrieta, il-legatarji, l-eżekuturi tat-testmenti jew l-amministraturi tal-patrimonju;

(k)

jekk applikabbli, l-informazzjoni fir-rigward ta’ kull benefiċjarju dwar in-natura tal-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni;

(l)

is-sehem ta’ kull eredi u, jekk applikabbli, il-lista ta’ drittijiet u/jew assi għal kwalunkwe werriet partikolari;

(m)

il-lista ta’ drittijiet u/jew assi għal kwalunkwe legatarju partikolari;

(n)

ir-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-werriet(a) u, kif adatt, il-legatarju/i skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni u/jew skont it-trasferiment causa mortis;

(o)

is-setgħat tal-eżekutur tat-testment u/jew l-amministratur tal-patrimonju u r-restrizzjonijiet fuq dawk is-setgħat skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni u/jew skont it-trasferiment causa mortis.

Artikolu 69

Effetti taċ-Ċertifikat

1.   Iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti tiegħu fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtiega ta’ xi proċedura speċjali.

2.   Għandu jkun preżunt li ċ-Ċertifikat juri b'mod preċiż elementi li jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Il-persuna msemmija fiċ-Ċertifikat bħala l-werrieta, il-legatarju, l-eżekutur tat-testment jew l-amministratur tal-patrimonju għandha titqies li għandha l-istatus imsemmi fiċ-Ċertifikat u/jew li għandha d-drittijiet jew is-setgħat imsemmijin fiċ-Ċertifikat bl-ebda kondizzjoni u/jew restrizzjoni marbuta ma’ dawk id-drittijiet jew setgħat ħlief minn dawk iddikjarati fiċ-Ċertifikat.

3.   Kwalunkwe persuna li, waqt li taġixxi abbażi tal-informazzjoni ċċertifikata f'Ċertifikat, tagħmel ħlas jew tgħaddi proprjetà lil persuna msemmija fiċ-Ċertifikat kif awtorizzata biex taċċetta ħlas jew proprjetà għandha tiġi meqjusa li għamlet tranżazzjoni ma’ persuna li għandha l-awtorità li taċċetta ħlas jew proprjetà, dment li ma tkunx taf li l-kontenut taċ-Ċertifikat mhux preċiż jew ma tkunx taf b'tali impreċizjoni minħabba negliġenza serja.

4.   Fejn persuna msemmija fiċ-Ċertifikat hija awtorizzata tiddisponi minn proprjetà fis-suċċessjoni tiddisponi minn tali proprjetà favur persuna oħra, dik il-persuna l-oħra għandha, jekk taġixxi fuq il-bażi tal-informazzjoni ċċertifikata fiċ-Ċertifikat, titqies li għamlet tranżazzjoni ma’ persuna bl-awtorità li tiddisponi mill-proprjetà kkonċernata, dment li din ma tkunx taf li l-kontenut taċ-Ċertifikat mhux preċiż jew ma tkunx taf b'tali impreċizjoni minħabba negliġenza serja.

5.   Iċ-Ċertifikat għandu jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni fir-reġistru rilevanti ta’ Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-punti (k) u (l) tal-Artikolu 1(2).

Artikolu 70

Kopji ċċertifikati taċ-Ċertifikat

1.   L-awtorità emittenti għandha żżomm l-oriġinali taċ-Ċertifikat u għandha toħroġ kopja ċċertifikata waħda jew aktar lill-applikant u lil kwalunkwe persuna li turi interess leġittimu.

2.   L-awtorità emittenti għandha, għall-finijiet tal-Artikoli 71(3) u 73(2), iżżomm lista ta’ persuni li jkunu nħarġulhom kopji ċċertifikati skont il-paragrafu 1.

3.   Il-kopji ċċertifikati li jinħarġu għandhom ikunu validi għal perjodu limitat ta’ sitt xhur li għandu jiġi indikat fil-kopja ċċertifikata permezz ta’ data ta’ skadenza. F'każijiet straordinarji ġġustifikati kif meħtieġ, l-awtorità emittenit tista', b'deroga, tiddeċiedi li l-perjodu ta’ validità jkun itwal. Ladarba jkun skada dan il-perjodu, kwalunkwe persuna fil-pussess ta’ kopja ċċertifikata għandha, sabiex tkun tista' tuża ċ-Ċertifikat għall-finijiet indikati fl-Artikolu 63, tapplika għal estenzjoni tal-perjodu ta’ validità tal-kopja ċċertifikata jew titlob kopja ċertifikata ġdida mill-awtorità emittenti.

Artikolu 71

Rettifika, modifika jew irtirar taċ-Ċertifikat

1.   L-awtorità emittenti għandha, fuq talba ta’ kwalunkwe persuna li turi interess leġittimu jew ex officio, tirrettifika ċ-Ċertifikat fil-każ ta’ żball klerikali.

2.   L-awtorità emittenti għandha, fuq talba ta’ kwalunkwe persuna li turi interess leġittimu jew, fejn dan huwa possibbli taħt il-liġi nazzjonali, ex officio, timmodifika jew tirtira ċ-Ċertifikat fejn ikun ġie stabbilit li ċ-Ċertifikat jew l-elementi individwali tiegħu mhumiex preċiżi.

3.   L-awtorità emittenti għandha tinforma mingħajr dewmien lill-persuni kollha li jkunu nħarġulhom kopji ċċertifikati taċ-Ċertifikat skont l-Artikolu 70(1), bi kwalunkwe rettifika, modifika jew irtirar tiegħu.

Artikolu 72

Proċeduri ta’ rimedju

1.   Id-deċiżjonijiet meħudin mill-awtorità emittenti skont l-Artikolu 67 jistgħu jiġu kkontestati minn kwalunkwe persuna intitolata li tapplika għal Ċertifikat.

Id-deċiżjonijiet meħudin mill-awtorità emittenti skont l-Artikolu 71 u l-punt (a) tal-Artikolu 73(1) jistgħu jiġu kkontestati minn kwalunkwe persuna li turi interess leġittimu.

Il-kontestazzjoni għandha tiġi ppreżentata quddiem awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tal-awtorità emittenti f'konformità mal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.   Jekk, bħala riżultat ta’ kontestazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, jiġi stabbilit li ċ-Ċertifikat li nħareg mhuwiex preċiż, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha tirrettifika, timmodifika jew tirtira ċ-Ċertifikat jew tiżgura li l-awtorità emittenti tirrettifika, timmodifika jew tirtira ċ-Ċertifikat.

Jekk, bħala riżultat ta’ kontestazzjoni kif msemmi fil-paragrafu 1, jiġi stabbilit li r-rifjut li jinħareġ iċ-Ċertifikat ma kienx ġustifikat, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha toħroġ iċ-Ċertifikat jew tiżgura li l-awtorità emittenti tivvaluta l-każ mill-ġdid u tieħu deċiżjoni ġdida.

Artikolu 73

Sospensjoni tal-effetti taċ-Ċertifikat

1.   L-effetti taċ-Ċertifikat jistgħu jiġu sospiżi:

(a)

mill-awtorità emittenti, fuq it-talba ta’ kwalunkwe persuna li turi interess leġittimu, fl-istennija ta’ modifika jew irtirar taċ-Ċertifikat skont l-Artikolu 71; jew

(b)

mill-awtorità ġudizzjarja, fuq it-talba ta’ kwalunkwe persuna intitolata li tikkontesta deċiżjoni meħuda mill-awtorità emittenti skont l-Artikolu 72, sakemm issir tali kontestazzjoni.

2.   L-awtorità emittenti jew, skont il-każ, l-awtorità ġudizzjarja għandha mingħajr dewmien tinforma lill-persuni kollha li jkunu nħarġulhom kopji ċċertifikati taċ-Ċertifikat skont l-Artikolu 70(1) bi kwalunkwe sospensjoni tal-effetti taċ-Ċertifikat.

Matul is-sospensjoni tal-effetti taċ-Ċertifikat ma jistgħux jinħarġu aktar kopji ċċertifikati taċ-Ċertifikat.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 74

Leġiżlazzjoni u formalitajiet simili oħra

L-ebda legalizzazzjoni jew formalità simili oħra ma għandha tkun meħtieġa fir-rigward ta’ dokumenti maħruġa fi Stat Membru fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 75

Relazzjonijiet mal-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom Stat Membru wieħed jew aktar huma parti fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament u li jittrattaw kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

B'mod partikolari, Stati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-5 ta’ Ottubru 1961 dwar il-Konflitti tal-Liġijiet Rigward l-Għamla tad-Dispożizzjonijiet Testamentarji għandhom ikomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-Konvenzjoni minflok l-Artikolu 27 ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-validità formali ta’ testmenti u testmenti konġunti.

2.   Irrispettivament mill-paragrafu 1, dan ir-Regolament għandu, bejn Stati Membri, ikollu preċedenza fuq konvenzjonijiet konklużi esklużivament bejn żewġ Stati Membri jew aktar sa fejn dawn il-konvenzjonijiet jikkonċernaw materji regolati minn dan ir-Regolament.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux jipprekludi l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Novembru 1934 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Islanda, in-Norveġja u l-Isvezja li jinkludi dispożizzjonijiet ta’ dritt internazzjonali privat dwar suċċessjoni, testmenti u amministrazzjoni tal-patrimonju, kif rivedut mill-ftehim intergovernattiv bejn dawk l-Istati tal-1 ta’ Ġunju 2012, mill-Istati Membri li huma parti għalih, dment li din tipprevedi għal:

(a)

regoli dwar l-aspetti proċedurali tal-amministrazzjoni tal-patrimonju kif definit mill-Konvenzjoni u assistenza f'dak ir-rigward mill-awtoritajiet tal-Istati li huma Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni; u

(b)

proċeduri simplifikati u aktar mgħaġġla għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni.

Artikolu 76

Relazzjoni mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000

Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (10).

Artikolu 77

Informazzjoni disponibbli għall-pubbliku

L-Istati Membri għandhom, bil-ħsieb li l-informazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku fil-qafas tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f'materji ċivili u kummerċjali, jipprovdu lill-Kummissjoni b'sommarju qasir tal-leġiżlazzjoni u l-proċeduri nazzjonali tagħhom li jirrigwardaw is-suċċessjoni, inkluża informazzjoni dwar it-tip ta’ awtorità li għandha kompetenza fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni u informazzjoni dwar it-tip ta’ awtorità kompetenti biex tirċievi dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni jew rinunzja tas-suċċessjoni, ta’ legat jew ta’ sehem riżervat.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu skedi informattivi li jelenkaw id-dokumenti u/jew l-informazzjoni kollha li normalment ikunu meħtieġa għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju tagħhom.

L-Istati Membri għandhom iżommu l-informazzjoni permanentement aġġornata.

Artikolu 78

Informazzjoni dwar dettalji ta’ kuntatt u proċeduri

1.   Sas-16 ta’ Jannar 2014, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni:

(a)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti b'ġuriżdizzjoni biex jittrattaw applikazzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ eżekutorjetà skont l-Artikolu 45(1) u appelli kontra deċiżjonijiet dwar tali applikazzjonijiet skont l-Artikolu 50(2);

(b)

il-proċeduri ta’ biex tiġi kkontestata d-deċiżjoni mogħtija fuq appell imsemmija fl-Artikolu 51;

(c)

informazzjoni rilevanti rigward l-awtoritajiet kompetenti biex joħorġu ċ-Ċertifikat skont l-Artikolu 64; u

(d)

il-proċeduri ta’ rimedju msemmija fl-Artikolu 72.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla sussegwenti għal dik l-informazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippublika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-informazzjoni kkomunikata skont il-paragrafu 1, bl-eċċezzjoni tal-indirizzi u dettalji ta’ kuntatt oħra tal-qrati u l-awtoritajiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni kollha kkomunikata skont il-paragrafu 1 pubblikament disponibbli b'mezzi xierqa, b'mod partikolari bin-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f'Materji Ċivili u Kummerċjali.

Artikolu 79

Stabbiliment u emendar sussegwenti tal-list li fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2)

1.   Il-Kummissjoni, abbażi ta’ notifiki mill-Istati Membri, għandha tistabbilixxi l-lista tal-awtoritajiet u professjonisti legali oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 3(2).

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidliet sussegwenti għall-informazzjoni li tinsab f'dik il-lista. Il-Kummissjoni għandha temenda l-lista skont dan.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista u kwalunkwe emenda sussegwenti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblikament disponibbli l-informazzjoni kollha nnotifikata f'konformità mal-paragrafi 1 u 2 permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor li jkun adatt, b'mod partikolari permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f'materji ċivili u kummerċjali.

Artikolu 80

Stabbiliment u emendar sussegwenti tal-attestazzjonijiet u l-formoli msemmija fl-Artikoli 46, 59, 60, 61, 65 u 67

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu u sussegwentement jemendaw l-attestazzjonijiet u l-formoli msemmija fl-Artikoli 46, 59, 60, 61, 65 u 67. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 81(2).

Artikolu 81

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 82

Reviżjoni

Sa 18 ta’ Awwissu 2025 il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluża evalwazzjoni ta’ kwalunkwe problema prattika li ltaqgħet magħha fir-rigward ta’ soluzzjonijiet barra l-qorti b'mod parallel ta’ każijiet ta’ suċċessjoni fi Stati Membri differenti jew soluzzjoni barra l-qorti fi Stat Membru wieħed effettwata b'mod parallel ma’ soluzzjoni quddiem qorti fi Stat Membru ieħor. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn ikun il-każ, bi proposti għal emendi.

Artikolu 83

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għas-suċċessjoni ta’ persuni li mietu fi jew wara is-17 ta’ Awwissu 2015.

2.   Fejn id-deċedut ikun għażel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tiegħu qabel is-17 ta’ Awwissu 2015, dik l-għażla għandha tkun valida jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III jew jekk kienet valida fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat fis-seħħ, fil-mument meta tkun saret l-għażla, fl-Istat fejn id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu jew fi kwalunkwe wieħed mill-Istati li tiegħu kellu ċ-ċittadinanza.

3.   Trasferiment causa mortis magħmul qabel is-17 ta’ Awwissu 2015 għandu jkun ammissibbli u validu f'termini sostantivi u fir-rigward tal-forma jekk ikun jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III jew jekk huwa ammissibbli u validu f'termini sostantivi u fir-rigward tal-forma fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat fis-seħħ, fil-mument li fih ikun sar it-trasferiment, fl-Istat fejn id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu jew fi kwalunkwe wieħed mill-Istati li tiegħu kellu ċ-ċittadinanza jew fl-Istat Membru tal-awtorità li tkun qed tittratta s-suċċessjoni.

4.   Jekk trasferiment causa mortis kien sar qabel is-17 ta’ Awwissu2015 skont il-liġi li l-mejjet ikun għażel skont dan ir-Regolament, dik il-liġi għandha titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

Artikolu 84

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mis-17 ta’ Awwissu 2015, ħlief għall-Artikoli 77 u 78 li għandhom japplikaw mis-16 ta’ Jannar 2014 u l-Artikoli 79, 80 u 81 li għandhom japplikaw mill-5 ta’ Lulju 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, l-4 ta’ Lulju 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. MAVROYIANNIS


(1)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 148.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 2012.

(3)  ĠU C 12, 15.1.2001, p. 1.

(4)  ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

(5)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(6)  ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.

(7)  ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1.

(8)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(9)  ĠU L 324, 10.12.2007, p. 79.

(10)  ĠU L 160, 30.6.2000, p. 1.