29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 169/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 567/2012

tas-26 ta’ Ġunju 2012

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u biex jinġabar definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, billi jżid kumpanija mal-lista ta’ produtturi mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina elenkati fl-Anness I

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-Regolament bażiku), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011 tat-12 ta’ Settembru 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u biex jinġabar definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (2) (“ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011”) u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-PROĊEDURA PREĊEDENTI

(1)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011, il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni tal-madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“iċ-Ċina”). Minħabba n-numru kbir ta’ produtturi esportaturi fiċ-Ċina li kkoperaw fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju antidumping (“l-investigazzjoni oriġinali”), intgħażel kampjun ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi u ġew imposti rati individwali tad-dazju li jvarjaw minn 26,3 % għal 36,5 % fuq il-kumpaniji inklużi fil-kampjun, filwaqt li kumpaniji oħra li kkoperaw imma li mhumiex inklużi fil-kampjun ingħataw rata tad-dazju ta’ 30,6 %. Ġiet imposta rata tad-dazju ta’ 69,7 % fuq il-kumpaniji Ċiniżi l-oħra kollha.

(2)

L-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011 jistipula li fejn xi produttur esportatur ġdid fiċ-Ċina jagħti biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li:

ma esportax lejn l-Unjoni l-prodotti deskritti fl-Artikolu 1(1) ta’ dak ir-Regolament matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (l-1 ta’ April 2009 sal-31 ta’ Marzu 2010) (“il-perjodu tal-investigazzjoni”) (l-ewwel kriterju);

mhu relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fiċ-Ċina li huma soġġetti għall-miżuri antidumping imposti minn dan ir-Regolament (it-tieni kriterju); u

ilfatt esporta lejn l-Unjoni l-prodotti kkonċernati wara l-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni (it-tielet kriterju);

għalhekk l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament jista’ jiġi emendat billi l-produttur esportatur il-ġdid jingħata r-rata tad-dazju applikabbli, jiġifieri 30,6 %, għall-kumpaniji li jikkoperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun.

B.   TALBA TA’ PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID

(3)

Kumpanija Ċiniża (“l-applikant”) applikat biex tingħata l-istess trattament bħall-kumpaniji li kkoperaw fl-investigazzjoni oriġinali u li mhumiex inklużi fil-kampjun (“trattament lil produttur esportatur ġdid”).

(4)

Sar eżami biex jiġi stabbilit jekk l-applikant jissodisfax il-kriterji għall-għoti ta’ trattament ta’ produttur esportatur ġdid kif stipulati fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011.

(5)

Intbagħat kwestjonarju lill-applikant li kien intalab jagħti evidenza biex juri li huwa ssodisfa t-tliet kriterji msemmija hawn fuq.

(6)

L-evidenza mogħtija mill-produttur esportatur Ċiniż tqieset biżżejjed biex turi li huwa jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011. Għalhekk dan il-produttur esportatur jista’ jingħata r-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li jikkoperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun, (jiġifieri 30,6 %) u minħabba f’hekk ismu jista’ jiżdied mal-lista ta’ produtturi esportaturi fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011.

(7)

L-applikant u l-industrija tal-Unjoni ġew mgħarrfa bis-sejbiet tal-eżami u ngħataw l-opportunità li jibagħtu l-kummenti tagħhom.

(8)

L-argumenti u s-sottomissjonijiet kollha li għamlu l-partijiet interessati ġew analizzati u ngħataw l-attenzjoni mistħoqqa fejn meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kumpanija li ġejja għandha tiżdied mal-lista ta’ produtturi mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011:

“Isem

Kodiċi addizzjonali TARIC

Onna Ceramic Industries (iċ-Ċina) Co., Ltd.

B293 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 238, 15.9.2011, p. 1.