20.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 519/2012

tad-19 ta’ Ġunju 2012

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pollutanti organiċi persistenti fir-rigward tal-Anness I

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar pollutanti [sustanzi li jniġġsu] organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 14(1) u 14(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 jimplimenta fil-liġi tal-Unjoni l-impenji stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Pollutanti Organiċi Persistenti (minn hawn ’il quddiem “il-Konvenzjoni”) approvati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE tal-14 ta’ Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (2) u fil-Protokoll tal-1998 għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja fuq Firxa Wiesgħa [fuq Distanza Twila] minn Pollutanti Organiċi Persistenti (minn hawn ’il quddiem “il-Protokoll”) approvati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/259/KE tad-19 ta’ Frar 2004 li għandha x’taqsam mal-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll tal-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja Li Jwassal Ħafna [fuq Distanza Twila] dwar Pollutanti Organiċi Persistenti (3) (minn hawn ’il quddiem “CLRTAP”).

(2)

Fis-27 Sessjoni tiegħu mill-14 sat-18 ta’ Diċembru 2009, il-Korp Eżekuttiv tas-CLRTAP iddeċieda li mal-Protokoll iżid l-eżaklorobutadjen (4), in-naftalini poliklorinati (minn hawn ’il quddiem “PCN”), u l-paraffini klorinati b’katina qasira (5) (minn hawn ’il quddiem “SCCPs”).

(3)

Fid-dawl tad-Deċiżjonijiet meħuda mis-CLRTAP, huwa meħtieġ li jiġi aġġornat l-Anness I il-Parti B għar-Regolament (KE) Nru 850/2004 sabiex jinkludi tliet sustanzi ġodda elenkati fil-Protokoll.

(4)

It-tqegħid fis-suq u l-użu tal-SCCPs ġie ristrett fl-Unjoni kif stipulat fl-Anness XVII għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH). Ir-restrizzjoni eżistenti fuq l-SCCPs fl-Unjoni tkopri biss żewġ użi u għalhekk il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa ħafna idjeq mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni fuq l-SCCPs stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Korp Eżekuttiv tas-CLRTAP. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni fuq l-SCCPs fl-Unjoni billi jipprojbixxi l-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq, u l-użu tagħhom, minbarra żewġ użi li huma eżentati.

(5)

Il-livell ta’ limitu ta’ 1 % stabbilit f’dan ir-Regolament għall-SCCPs ma għandux jitqies bħala l-implimentazzjoni tal-kunċett ta’ “kontaminant mhux intenzjonat f’ammonti żgħar ħafna” li jinsab fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 850/2004. Qabel ma l-Kummissjoni jkollha stampa ċara fir-rigward tal-livell korrispondenti għall-“kontaminant mhux intenzjonat f’ammonti żgħar ħafna” fir-rigward tal-SCCPs, hemm il-ħtieġa ta’ analiżi iktar xjentifika.

(6)

Id-derogi għall-SCCPs għandhom, fejn applikabbli, ikunu soġġetti għall-użu tal-aqwa tekniki disponibbli. Il-Kummissjoni għandha tkompli tanalizza dawk id-derogi u d-disponibbiltà ta’ sustanzi jew teknoloġiji alternattivi iktar sikuri.

(7)

Fil-ħames laqgħa tagħha mill-25 sad-29 ta’ April 2011, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni qablet li bid-Deċiżjoni SC-5/3 (7) jiżdied l-endosulfan mal-lista tal-POP li għandhom jiġu eliminati madwar id-dinja, b’xi eżenzjonijiet.

(8)

Fid-dawl tad-Deċiżjoni SC-5/3, huwa meħtieġ li jiġi aġġornat l-Anness I, il-Parti A għar-Regolament (KE) Nru 850/2004 sabiex jinkludi l-endosulfan. Madankollu, l-endosulfan kien soġġett għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/864/KE tat-2 ta’ Diċembru 2005 dwar in-nuqqas tal-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar tal-awtorizzazzjoni għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza attiva (8). Għalhekk, l-endosulfan għandu jiġi elenkat fl-Anness I, il-Parti A għar-Regolament (KE) Nru 850/2004 mingħajr eżenzjonijiet minħabba li l-eżenzjonijiet permessi skont id-Deċiżjoni SC-5/3 huma marbuta mal-użu tal-endosulfan bħala prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

(9)

Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-projbizzjoni fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 ma tapplikax għal oġġetti li jkun fihom l-endosulfan, l-eżaklorobutadjen, il-PCN jew l-SCCPs, prodotti qabel jew fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sa sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(10)

Jeħtieġ ukoll li jiġi ċċarat li l-projbizzjoni fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 ma tapplikax għal oġġetti li jkun fihom l-endosulfan, l-eżaklorobutadjen, il-PCN jew l-SCCPs, li diġà kienu jintużaw qabel jew fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(11)

Huwa meħtieġ li r-referenza għall-istandards tas-CEN li qed jiġu żviluppati bħalissa fir-rigward tal-aċidu sulfoniku perfluworottan u d-derivattivi tiegħu (PFOS) tiġi adattata għall-progress tekniku, biex tippermetti li jintużaw metodi analitiċi oħra bl-istess livell ta’ prestazzjoni.

(12)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bid-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (9),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 850/2004 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7.

(2)  ĠU L 209, 31.7.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 81, 19.3.2004, p. 35.

(4)  Id-Deċiżjoni 2009/1.

(5)  Id-Deċiżjoni 2009/2.

(6)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(7)  SC-5/3 Telenka l-endosulfan tekniku u l-isomeri relatati miegħu

(8)  ĠU L 317, 3.12.2005, p. 25.

(9)  ĠU 196, 16.8.1967, p. 1.


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-Parti A hija emendata kif ġej:

(a)

fl-annotazzjoni għall-aċidu sulfoniku perfluworottan u d-derivattivi tiegħu (PFOS), il-punt 6 fil-kolonna “Eżenzjoni speċifika dwar l-użu intermedju jew speċifikazzjoni oħra” għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“6.

Ladarba l-istandards jiġu adottati mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), dawn għandhom jintużaw bħala l-metodi analitiċi tal-ittestjar sabiex tintwera l-konformità tas-sustanzi, il-preparazzjonijiet u l-oġġetti fil-paragrafi 1 u 2. Bħala alternattiva għall-istandards tas-CEN, jista’ jintuża kwalunkwe metodu analitiku ieħor li għalih l-utent jista’ juri prestazzjoni ekwivalenti.”

(b)

qed tiżdied l-annotazzjoni li ġejja:

Sustanza

Nru tal-CAS

Nru tal-KE

Eżenzjoni speċifika dwar użu intermedju jew speċifikazzjoni oħra

“Endosulfan

115-29-7

959-98-8

33213-65-9

204-079-4

1.

It-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ oġġetti magħmula qabel jew fl-10 ta’ Lulju 2012 li fihom l-endosulfan bħala kostitwent ta’ dawn l-oġġetti għandhom ikunu permessi sal-10 ta’ Jannar 2013.

2.

It-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ oġġetti li diġà kienu jintużaw qabel jew fl-10 ta’ Lulju 2012 li fihom l-endosulfan bħala kostitwent ta’ dawn l-oġġetti, għandhom ikunu permessi.

3.

It-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 4(2) għandhom japplikaw għall-Artikoli msemmija fil-paragrafi 1 u 2.”

(2)

Fil-Parti B, għandhom jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

Sustanza

Nru tal-CAS

Nru tal-KE

Eżenzjoni speċifika dwar użu intermedju jew speċifikazzjoni oħra

“Eżaklorobutadjen

87-68-3

201-765-5

1.

It-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ oġġetti magħmula qabel jew fl-10 ta’ Lulju 2012 li fihom l-eżaklorobutadjen bħala kostitwent ta’ dawn l-oġġetti għandhom ikunu permessi sal-10 ta’ Jannar 2013.

2.

It-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ oġġetti li diġà kienu jintużaw qabel jew fl-10 ta’ Lulju 2012 li fihom l-eżaklorobutadjen bħala kostitwent ta’ dawn l-oġġetti, għandhom ikunu permessi.

3.

It-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 4(2) għandhom japplikaw għall-Artikoli msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Naftalini poliklorinati (*)

 

 

1.

It-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ oġġetti magħmula qabel jew fl-10 ta’ Lulju 2012 li fihom in-naftalini poliklorinati bħala kostitwenti ta’ dawn l-oġġetti għandhom ikunu permessi sal-10 ta’ Jannar 2013.

2.

It-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ oġġetti li diġà kienu jintużaw qabel jew fl-10 ta’ Lulju 2012 li fihom in-naftalini poliklorinati bħala kostitwenti ta’ dawn l-oġġetti, għandhom ikunu permessi.

3.

It-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 4(2) għandhom japplikaw għall-Artikoli msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Alkani, C10-13, kloro (paraffini klorinati b’katina qasira) (SCCPs)

85535-84-8

287-476-5

1.

Permezz ta’ deroga, il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ sustanzi jew preparazzjonijiet li jkun fihom l-SCCPs f’konċentrazzjonijiet inqas minn 1 % skont il-piż, għandhom jiġu permessi.

2.

Permezz ta’ deroga, il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-applikazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu permessi sakemm l-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni mhux iktar tard mill-2015 u kull erba’ snin minn dik id-data dwar il-progress li jkun sar sabiex jiġu eliminati l-SCCPs:

(a)

sustanzi reżistenti għan-nar fil-gomma użata fiċ-ċineg tal-konvejer fl-industrija tal-minjieri;

(b)

sustanzi reżistenti għan-nar f’siġillanti tad-digi.

3.

It-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ oġġetti magħmula qabel jew fl-10 ta’ Lulju 2012 li fihom l-SCCPs bħala kostitwent ta’ dawn l-oġġetti għandhom ikunu permessi sal-10 ta’ Jannar 2013.

4.

It-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ oġġetti li diġà kienu jintużaw qabel jew l-10 ta’ Lulju 2012 li fihom l-SCCPs bħala kostitwent ta’ dawn l-oġġetti, għandhom ikunu permessi.

5.

It-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 4(2) għandhom japplikaw għall-Artikoli msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Hekk kif issir disponibbli informazzjoni ġdida dwar id-dettalji tal-użi u sustanzi jew teknoloġiji alternattivi iktar sikuri, il-Kummissjoni għandha tanalizza d-derogi stabbiliti fil-punt 2 sabiex l-użi tal-SCCPs jitneħħew b’mod gradwali.


(*)  Naftalini poliklorinati tfisser komposti kimiċi bbażati fuq is-sistema taċ-ċirku tan-naftalina, fejn atomu tal-idroġenu wieħed jew iktar inbidel/inbidlu b’atomi tal-kloru.”