|
16.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 156/38 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 510/2012
tal-15 ta’ Ġunju 2012
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1238/95 fir-rigward tat-tariffa għall-applikazzjoni pagabbli lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,
Wara li kkonsultat mal-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1238/95 tal-31 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi r-regoli tal-implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward it-tariffi pagabbli lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (2), jistabbilixxi t-tariffi li jridu jitħallsu lill-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (“l-Uffiċċju”), u l-livelli ta’ dawk il-piżijiet. |
|
(2) |
Ir-riżerva tal-Uffiċċju qabżet il-livell meħtieġ biex jinżamm baġit bilanċjat u biex jissalvagwardja l-kontinwità tal-operazzjonijiet tiegħu. Għal din ir-raġuni, it-tariffa għall-applikazzjoni għandha titnaqqas. |
|
(3) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1238/95 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan. |
|
(4) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar id-Drittijiet Komunitarji għal Varjetajiet ta’ Pjanti. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1238/95, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'dan li ġej:
“1. L-applikant għal dritt Komunitarji għal varjetà ta’ pjanta (l-applikant) għandu jħallas tariffa għall-applikazzjoni ta’ EUR 650 għall-ipproċessar tal-applikazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 113(2)(a) tar-Regolament Bażiku.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2013.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO