9.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/71


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 489/2012

tat-8 ta’ Ġunju 2012

li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 jistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta, sal-1 ta’ Lulju 2013, rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq l-effetti tal-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti meħtieġa lill-Kummissjoni.

(2)

L-informazzjoni rilevanti meħtieġa li trid tiġi pprovduta mill-Istati Membri għandha tkun relatata mal-evoluzzjoni tas-suq fl-ikel miżjud b’vitamini u minerali, inkluża dejta li turi x-xejriet fis-suq sa mill-armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-livell taż-żieda ta’ vitamini u minerali mal-ikel.

(3)

Din l-informazzjoni għandha tinkludi mudelli ta’ konsum tal-ikel miżjud b’vitamini u minerali u informazzjoni dwar il-konsum ta’ vitamini u minerali mill-popolazzjoni u minn gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni jekk xieraq. Dan għandu jinkludi informazzjoni li turi bidliet fid-drawwiet djetetiċi sa mill-armonizzazzjoni taż-żieda tal-vitamini u l-minerali fl-ikel.

(4)

L-informazzjoni rilevanti li trid tiġi pprovduta mill-Istati Membri għandha tkun relatata wkoll maż-żieda ta’ sustanzi oħra li mhumiex vitamini jew minerali mal-ikel, inklużi supplimenti tal-ikel, kif definit mid-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (2). Din l-informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar il-konsum ta’ ikel ta’ dan it-tip u l-ammonti ta’ sustanzi miżjuda, u dwar kwalunkwe miżuri nazzjonali, leġiżlattivi jew le, li ttieħdu biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ ċerti sustanzi oħra fl-ikel.

(5)

Huwa meħtieġ permezz ta’ dawn ir-regoli ta’ implimentazzjoni li tiġi stabbilita lista tal-informazzjoni rilevanti li l-Istati Membri għandhom jiġbru u jipprovdu lill-Kummissjoni, u li jiġi ffissat format komuni għall-preżentazzjoni ta’ din l-informazzjoni.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli implimentattivi għall-applikazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 u b’ mod partikolari dwar l-għoti tal-informazzjoni rilevanti meħtieġa mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għall-fini tal-valutazzjoni tal-effetti tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006.

Artikolu 2

Informazzjoni rilevanti

1.   L-Istati Membri għandhom sal-1 ta’ Lulju 2012 jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti meħtieġa partikolarment dwar dawn li ġejjin:

(a)

l-evoluzzjoni tas-suq nazzjonali fl-ikel miżjud b’vitamini u minerali sa mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006;

(b)

mudelli tal-konsum tal-ikel miżjud b’vitamini u minerali;

(c)

livelli ta’ konsum tal-vitamini u l-minerali mill-popolazzjoni;

(d)

iż-żieda ta’ sustanzi barra mill-vitamini jew il-minerali fl-ikel, inklużi supplimenti tal-ikel kif definiti fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/46/KE u informazzjoni dwar mudelli ta’ konsum ta’ ikel ta’ dan it-tip kif ukoll l-ammonti ta’ dawn is-sustanzi miżjuda mal-ikel u supplimenti tal-ikel.

2.   L-informazzjoni rilevanti meħtieġa li trid tiġi pprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi mill-anqas l-informazzjoni speċifikata fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

L-informazzjoni rilevanti meħtieġa u d-dettalji tagħha għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni fil-format stipulat fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

3.   Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni jekk xi informazzjoni speċifikata fl-Anness I ma tkunx disponibbli jew għal kwalunkwe raġuni oħra ma tkunx tista’ tiġi pprovduta lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Lulju 2012.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26.

(2)  ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51.


ANNESS I

L-informazzjoni rilevanti meħtieġa biex tiġi pprovduta mill-Istati Membri għall-fini ta’ valutazzjoni tal-effetti tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006

A.

Informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tas-suq nazzjonali fl-ikel miżjud b’vitamini u minerali għandha tinkludi dan li ġej:

1.

informazzjoni ġenerali dwar is-suq nazzjonali inkluż is-sehem mis-suq ta’ ikel jew kategoriji tal-ikel speċifiċi;

2.

informazzjoni dwar ix-xejriet fl-evoluzzjoni tas-suq nazzjonali.

L-informazzjoni msemmija fil-punti 1 u 2 għandha tinkludi l-informazzjoni għall-ikel li fihom l-aktar vitamini u minerali komunement miżjuda u informazzjoni dwar l-ammonti ta’ vitamini u minerali miżjuda fl-ikel. Din l-informazzjoni tista’ tinkiseb minn rapporti tas-suq disponibbli kummerċjalment, miżuri ta’ monitoraġġ nazzjonali u sorsi definiti rilevanti oħrajn.

B.

Informazzjoni dwar mudelli ta’ konsum tal-ikel miżjud b’vitamini u minerali għandha tinkludi dan li ġej:

1.

informazzjoni dwar il-mudelli ta’ konsum ta’ ikel jew kategoriji tal-ikel speċifiċi miżjuda b’vitamini u minerali mill-popolazzjoni u jekk xieraq, minn gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni, inkluża informazzjoni ta’ dan it-tip għal ikel li jkun fih l-aktar vitamini u minerali komunement miżjuda u informazzjoni dwar l-ammonti ta’ vitamini u minerali miżjuda mal-ikel;

2.

informazzjoni miksuba minn stħarriġiet nazzjonalment rappreżentattivi dwar il-konsum djetetiku, dejta minn studji akkademiċi u sorsi definiti u rilevanti oħrajn, inkluża l-informazzjoni dwar il-metodoloġija tal-istħarriġ djetetiku, bħall-metodoloġija ta’ valutazzjoni djetetika, u sottogruppi tal-popolazzjoni u gruppi tal-età mistħarrġa;

3.

informazzjoni dwar kwalunkwe bidliet osservati fid-drawwiet djetetiċi ġenerali u x-xejriet fil-konsum tal-ikel miżjud b’vitamini u minerali, b’mod partikolari dawk il-bidliet li jistgħu jkunu assoċjati mad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006. L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dettalji għall-bażi ta’ dawn il-bidliet osservati, inklużi dettalji dwar id-dejta tal-linja bażi użata biex jitqabbel il-konsum fl-imgħoddi u issa ta’ ikel miżjud b’vitamini u minerali.

C.

Informazzjoni dwar il-livelli tal-konsum ta’ vitamini u minerali għandha tinkludi dan li ġej:

1.

informazzjoni dwar il-livelli tal-konsum ghall-vitamini u l-minerali għall-popolazzjoni u, jekk xieraq, għal gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni. Din l-informazzjoni għandha tinkiseb mis-sorsi tad-dejta msemmija fil-punt B2 ta’ dan l-Anness;

2.

informazzjoni dwar kwalunkwe bidliet osservati fil-livell tal-konsum ghall-vitamini u l-minerali inklużi xejriet fil-livelli ta’ konsum li jistgħu jkunu assoċjati mad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006. L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dettalji għall-bażi ta’ dawn il-bidliet osservati, inklużi dettalji dwar id-dejta tal-linja-bażi użata biex jitqabblu l-livelli ta’ vitamini u minerali qabel u wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006.

D.

Informazzjoni dwar iż-żieda ta’ sustanzi barra mill-vitamini jew minerali fl-ikel għandha tinkludi dan li ġej:

1.

informazzjoni dwar is-suq nazzjonali tal-ikel li jkun inżdidulu ċerti sustanzi oħra, inkluż is-sehem mis-suq ta’ ikel jew kategoriji tal-ikel speċifiċi;

2.

informazzjoni dwar is-suq nazzjonali fis-supplimenti tal-ikel, kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/46/KE;

3.

informazzjoni dwar l-aktar sustanzi komunement miżjuda mal-ikel ibbażata fuq informazzjoni minn rapporti tas-suq disponibbli kummerċjalment, u miżuri ta’ monitoraġġ nazzjonali u sorsi definiti u rilevanti oħra u għandha tinkludi informazzjoni dwar il-livelli ta’ żieda ta’ sustanzi oħra ma’ ikel jew kategoriji tal-ikel speċifiċi;

4.

informazzjoni dwar miżuri nazzjonali inklużi miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li għandhom l-għan li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ sustanzi oħra fil-manifattura tal-ikel, inklużi supplimenti tal-ikel.


ANNESS II

Format għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri

Evoluzzjoni tas-suq fl-ikel miżjud b’vitamini u minerali

Tip ta’informazzjoni li għandha tingħata

Sors tad-dejta

Is-sehem mis-suq nazzjonali ta’ prodotti differenti tal-ikel miżjuda b’vitamini u minerali skont il-kategorija tal-ikel, kif definita mill-20 kategorija tal-ikel ewlenija tas-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-ikel FoodEx (1), minbarra ikel għal użi nutrittivi partikolari u supplimenti tal-ikel.

 

Xejriet fid-daqs tas-suq għall-ikel miżjud b’vitamini u minerali, u partikolarment informazzjoni dwar is-suq qabel u wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006.

 

Mudelli tal-konsum tal-ikel miżjud b’vitamini u minerali

Tip ta’informazzjoni li għandha tingħata

Sors tad-dejta

Livelli medji tal-konsum mill-popolazzjoni ta’ ikel miżjud b’vitamini u minerali.

Livelli medji tal-konsum ta’ ikel miżjud b’vitamini u minerali skont il-gruppi tal-popolazzjoni li ġejjin:

adulti (18-il sena u aktar),

tfal (taħt it-18-il sena); u jekk xieraq, skont gruppi ta’età speċifiċi, u

minn kategorija tal-ikel kif definiti mill-20 kategorija tal-ikel ewlenija tas-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-ikel FoodEx, minbarra ikel għal użi nutrittivi partikolari u supplimenti tal-ikel.

 

L-ammonti ta’ vitamini u minerali miżjuda mal-ikel, skont l-20 kategorija tal-ikel ewlenija tas-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-ikel FoodEx. Din għandha tkun pprovduta bħala ammonti jew firxiet ta’ammonti miżjuda.

 

Bidliet osservati fix-xejriet tal-konsum tal-ikel miżjud b’vitamini u minerali inkluża dejta dwar id-dejta tal-linja bażi użata biex jitqabbel il-konsum qabel u wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006.

 

Il-livelli ta’ konsum ta’ vitamini u minerali

Tip ta’informazzjoni li għandha tingħata

Sors tad-dejta

Livelli medji ta’ konsum għall-vitamini u l-minerali għall-popolazzjoni.

Livelli medji ta’ konsum għall-vitamini u l-minerali skont il-gruppi tal-popolazzjoni li ġejjin:

adulti (18-il sena u aktar),

tfal (taħt it-18-il sena); u jekk xieraq, skont gruppi ta’età speċifiċi.

 

Metodoloġija tal-istħarriġ djetetiku (prinċipalment metodi għall-valutazzjoni djetetika, il-gruppi skont l-età, is-sottogruppi tal-popolazzjoni).

 

Bidliet osservati fil-livelli tal-konsum għall-vitamini u l-minerali inkluża dejta dwar id-dejta tal-linja bażi użata biex jitqabblu l-livelli tal-konsum qabel u wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006.

 

Żieda ta’ sustanzi barra mill-vitamini jew minerali

Tip ta’informazzjoni li għandha tingħata

Sors tad-dejta

Is-sehem mis-suq nazzjonali tal-prodotti tal-ikel, inklużi supplimenti tal-ikel, li jkunu nżidulhom sustanzi oħra, skont il-kategoriji li ġejjin ta’sustanzi użati:

1.

Amminoaċidi

2.

Enżimi

3.

Prebijotiċi u probijotiċi

4.

Aċidi grassi essenzjali u aċidi grassi speċjali oħrajn

5.

Botaniċi u estratti botaniċi

6.

Sustanzi oħra

 

Xejriet fid-daqs tas-suq u partikolarment informazzjoni dwar is-suq qabel u wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006.

 

Miżuri nazzjonali li jikkonċernaw ir-restrizzjoni jew il-projbizzjoni tal-użu ta’ sustanzi oħra fil-manifattura tal-ikel, inklużi supplimenti tal-ikel.

 


(1)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Il-klassifikazzjoni tal-ikel u s-sistema ta’ deskrizzjoni FoodEx 2 (reviżjoni abbozzata 1). Pubblikazzjonijiet ta’ Sostenn 2011:215. [438 pp.]. Tinstab onlajn: www.efsa.europa.eu