25.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 135/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 440/2012

tal-24 ta’ Mejju 2012

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 439/2011 dwar deroga mir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 dwar id-definizzjoni tal-kunċett tal-prodotti oriġinanti li jintuża għall-finijiet tal-iskema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati sabiex titqies is-sitwazzjoni speċjali tal-Kap Verde fir-rigward tal-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd lejn l-Unjoni Ewropea

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 247 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 89(1)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 815/2008 (3) il-Kummissjoni tat lill-Kap Verde deroga mir-regoli ta’ oriġini stipulati fir-Regolament (KEE) Nru 2454/93. Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 439/2011 (4) il-Kummissjoni tat lill-Kap Verde deroga ġdida minn dawk ir-regoli ta’ oriġini (5). Din id-deroga skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2011.

(2)

Permezz tal-ittra ddatata l-21 ta’ Novembru 2011, il-Kap Verde ressaq talba għal estensjoni ta’ din id-deroga għal tliet snin, jiġifieri mill-2012 sal-2014. Din l-applikazzjoni tikkonċerna volum ta’ 2 500 tunnellata għal qatgħat tal-Kavalli ppreparati jew ippreservati u għal 875 tunnellata għal qatgħat ta’ Tumbrell (Auxis Thazard u Auxis Rochei) ippreparati u ppreservati.

(3)

Bejn l-2008 u l-2011, it-total tal-kwantitajiet tad-derogi annwali li ngħataw lill-Kap Verde kkontribwixxew, sa ċertu punt, biex titjieb is-sitwazzjoni tas-settur tal-ipproċessar tas-sajd tal-Kap Verde. Dawn il-kwantitajiet wasslu wkoll, sa ċertu punt, għat-tiġdid tal-flotta mhux industrijali tal-Kap Verde, li hija ta’ importanza vitali għal dak il-pajjiż. Madankollu, sabiex il-flotta tal-Kap Verde tiġġedded kompletament għal-livell previst jeħtieġ tiġdid fiż-żieda fil-kapaċità disponibbli sabiex tiġi pprovduta biżżejjed materja prima oriġinarja lill-industriji tal-ipproċessar tal-ħut tal-Kap Verde.

(4)

It-talba turi li, mingħajr id-deroga, l-abbiltà tal-industrija tal-ipproċessar tal-ħut tal-Kap Verde sabiex tkompli tesporta lejn l-Unjoni tista’ tiġi affetwata b’mod sinifikanti, li tista’ tkun ta’ deterrent għal aktar żvilupp tal-flotta tal-Kap Verde għal sajd żgħir pelaġiku.

(5)

Id-deroga għandha tagħti lill-Kap Verde żmien biżżejjed biex iħejji lilu nnifisu sabiex jikkonforma mar-regoli għall-akkwist tal-oriġini preferenzjali. Huwa meħtieġ żmien addizzjonali biex jiġu kkonsolidati r-riżultati diġà miksuba mill-Kap Verde fl-isforzi tiegħu biex iġedded il-flotta tas-sajd lokali tiegħu.

(6)

Sabiex ikun żgurat li d-deroga temporanja tiġi limitata għall-perjodu meħtieġ sabiex il-Kap Verde jikseb konformità mar-regoli, id-deroga għandha tingħata għal perjodu ta’ tliet snin, jiġifieri mill-2012 sal-2014, fir-rigward ta’ 2 500 tunnellata għal qatgħat tal-Kavalli ppreparati jew ippreservati u għal 875 tunnellata għat-Tumbrell (Auxis Thazard u Auxis Rochei) ippreparati jew ippreservati.

(7)

Sabiex tkun żgurata l-kontinwita tal-esportazzjonijiet mill-Kap Verde għall-Unjoni, id-deroga għandha tingħata b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2012.

(8)

Fl-interess taċ-ċarezza, huwa adatt li jiġi stipulat b’mod espliċitu li l-uniċi materjali mhux ta’ oriġini li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta’ qatgħat tal-Kavalli ppreparati jew ippreservati, u ta’ qatgħat tat-Tumbrell (Auxis Thazard u Auxis Rochei) ippreparati jew ippreservati taħt il-kodiċi NM 1604 15 11 u ex 1604 19 97 għandhom ikunu Kavalli jew Tumbrell (Auxis Thazard u Auxis Rochei) taħt l-Intestaturi HS 0302 jew 0303, sabiex il-qatgħat tal-Kavalli u t-Tumbrell (Auxis Thazard u Auxis Rochei) jibbenefikaw mid-deroga.

(9)

Peress li b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012 il-kodiċi NM 1604 19 98 ġie sostitwit bil-kodiċi NM 1604 19 97, hu adatt li jiġu aġġornati l-kodiċi NM għall-prodotti b’deroga.

(10)

Ir-Regolament (UE) Nru 439/2011 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 439/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikoli 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Permezz ta’ deroga mill-Artikoli 72, 73 u 75 sa 79 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, l-oġġetti li ġejjin jridu jiġu meqjusa bħala oriġinanti mill-Kap Verde skont l-arranġamenti stipulati fl-Artikoli 2, 3 u 4 ta’ dan ir-Regolament:

(a)

qatgħat ta’ Kavalli ppreparati jew ippreservati taħt il-kodiċi NM 1604 15 11 u ex 1604 19 97 prodotti fil-Kap Verde minn Kavalli mhux ta’ oriġini tal-intestaturi HS 0302 jew 0303;

(b)

qatgħat ta’ Tumbrell (Auxis Thazard u Auxis Rochei) ippreparati jew ippreservati taħt il-kodiċi NM 1604 19 97 prodotti fil-Kap Verde minn Tumbrell (Auxis Thazard u Auxis Rochei) mhux ta’ oriġini tal-intestaturi HS 0302 jew 0303.

Artikolu 2

Id-deroga stipulata fl-Artikolu 1 għandha tapplika għal prodotti esportati mill-Kap Verde u ddikjarati għal ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni, fejn ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 74 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, matul il-perjodi mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011, mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2012, mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2013 u mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2014, sal-kwantitajiet elenkati fl-Anness meta mqabbla ma’ kull prodott importat.”

(2)

L-Anness għandu jinbidel bit-test mogħti fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Mejju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(2)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.

(3)  ĠU L 220, 15.8.2008, p. 11.

(4)  ĠU L 119, 7.5.2011, p. 1.

(5)  ĠU L 307, 23.11.2010, p. 1.


ANNESS

“ANNESS

Nru tal-Ordni

Kodiċi tan-NM

Deskrizzjoni tal-prodotti

Perjodi

Kwanità

(f’piż nett ta’ tunnellati)

09.1647

1604 15 11

ex 1604 19 97

Qatgħat ta’ Kavalli ppreparati jew ippreservati (Scomber scombrus, Scomber japonicus, Scomber colias)

Mill-1.1.2011 sal-31.12.2011

2 500 tunnellata

Mill-1.1.2012 sal-31.12.2012

2 500 tunnellata

Mill-1.1.2013 sal-31.12.2013

2 500 tunnellata

Mill-1.1.2014 sal-31.12.2014

2 500 tunnellata

09.1648

ex 1604 19 97

Qatgħat ta’ Tumbrell ippreparati jew ippreservati (Auxis thazard, Auxis rochei)

Mill-1.1.2011 sal-31.12.2011

875 tunnellata

Mill-1.1.2012 sal-31.12.2012

875 tunnellata

Mill-1.1.2013 sal-31.12.2013

875 tunnellata

Mill-1.1.2014 sal-31.12.2014

875 tunnellata”