9.5.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 123/32 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 395/2012
tat-8 ta’ Mejju 2012
dwar il-ftuħ ta’ kwota tariffarja għal ċerti kwantitajiet ta’ zokkor industrijali għas-sena tas-suq 2012/2013
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 142, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
(1) |
Sabiex jiġi żgurat li l-provvisti meħtieġa għall-produzzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 62(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jkunu disponibbli bi prezz li jikkorrispondi mal-prezz tas-suq dinji, huwa fl-interess tal-Unjoni li, għas-sena tas-suq 2012/2013, tissospendi d-dazji tal-importazzjoni fuq iz-zokkor maħsub għall-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti, għal kwantità li tikkorrispondi għal nofs il-ħtiġijiet tagħha taz-zokkor industrijali. |
(2) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009 tal-25 ta’ Settembru 2009 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ ċerti kwoti tariffarji tal-Komunità fis-settur taz-zokkor (2) jipprovdi għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji għall-importazzjoni ta’ prodotti taz-zokkor skont l-Artikolu 142 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 bin-numru tas-serje 09.4390 (zokkor ta’ importazzjoni industrijali). Madankollu, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 891/2009 il-kwantitajiet ta’ dawk il-prodotti li għalihom għandhom jiġu sospiżi d-dazji fuq l-importazzjoni għandhom jiġu ddeterminati permezz ta’ att legali separat. |
(3) |
Il-kwantitajiet ta’ importazzjoni ta’ zokkor industrijali li mhumiex se jiġu soġġetti għad-dazju fuq l-importazzjoni għas sena tas-suq 2012/2013 jeħtieġu jiġu stipulati skont dan. |
(4) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Id-dazji fuq l-importazzjoni taz-zokkor industrijali li jaqa’ taħt il-kodiċi tan-NM 1701 u bin-numru tas-serje 09.4390 għandhom jiġu sospiżi għal kwantità ta’ 400 000 tunnellata bejn l-1 ta’ Ottubru 2012 u t-30 ta’ Settembru 2013.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2012.
Għandu jiskadi fid-30 ta’ Settembru 2013.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Mejju 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(2) ĠU L 254, 26.9.2009, p. 82.