16.5.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 129/7 |
REGOLAMENT (UE) Nru 387/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-19 ta’ April 2012
li jemenda ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd, fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet marbutin mal-amministrazzjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li għandhom jew li jinsabu mhedda b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1)
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Il-kriżi finanzjarja globali ta’ bla preċedent u t-tnaqqis ta’ bla preċedent fir-ritmu ekonomiku kkawżaw ħsara serja fit-tkabbir ekonomiku u fl-istabbiltà finanzjarja u wasslu għal tnaqqis qawwi fil-kondizzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi f’diversi Stati Membri. B’mod partikolari, ċerti Stati Membri qed ikollhom jew jinsabu mhedda b’ diffikultajiet serji, partikolarment bi problemi fir-rigward tat-tkabbir ekonomiku u l-istabbiltà finanzjarja tagħhom, u bit-tnaqqis fil-pożizzjoni tagħhom tad-defiċit u d-djun, ukoll minħabba l-ambjent internazzjonali finanzjarju u ekonomiku. |
(2) |
Filwaqt li diġà ttieħdu azzjonijiet biex jilqgħu kontra l-effetti negattivi tal-kriżi, inklużi emendi fil-qafas leġiżlattiv, l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali, fuq is-suq tax-xogħol u ċ-ċittadini qed jinħass ma’ kullimkien. Il-pressjoni fuq ir-riżorsi finanzjarji nazzjonali qed tiżdied u għandhom jittieħdu aktar miżuri biex tittaffa din il-pressjoni permezz tal-aqwa użu massimali tal-fondi mill-Fond Ewropew għas-Sajd. |
(3) |
B’konformità mal-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi għall-possibbiltà li tingħata għajnuna finanzjarja mill-Unjoni lil Stat Membru li għandu diffikultajiet jew li huwa mhedded serjament b’diffikultajiet gravi kkawżati inter alia minn okkorrenzi eċċezzjonali li ma jkunux fil-kontroll tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 (3) stabbilixxa mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni Finanzjarja bil-ħsieb li tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni. |
(4) |
Bid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE (4) u 2011/344/UE (5) rispettivament, l-Irlanda u l-Portugall ingħataw din l-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni. |
(5) |
Il-Greċja kienet diġà tinsab f’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħha qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 407/2010. L-għajnuna finanzjarja lill-Greċja ma setgħetx, għalhekk, tiġi bbażata fuq dak ir-Regolament. |
(6) |
Il-Ftehim bejn il-Kredituri u l-Ftehim dwar Faċilità ta’ Self għall-Greċja ffirmati fit-8 ta’ Mejju 2010 daħlu fis-seħħ fil-11 ta’ Mejju 2010. Il-Ftehim bejn il-Kredituri għandu jibqa’ fis-seħħ bis-sħiħ u b’effett għall-perjodu ta’ tliet snin sakemm ikun fadal ammonti li jridu jitħallsu skont il-Ftehim dwar Faċilità ta’ Self. |
(7) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (6) jipprovdi li l-Kunsill għandu jagħti għajnuna reċiproka f’każijiet fejn Stat Membru li ma adottax l-euro jkun f’diffikultà jew ikun serjament mhedded b’diffikultajiet fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti tiegħu. |
(8) |
Bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/102/KE (7), 2009/290/KE (8) u 2009/459/KE (9) rispettivament, l-Ungerija, il-Latvja u r-Rumanija ngħataw tali għajnuna finanzjarja mill-Unjoni. |
(9) |
Il-perjodu li matulu l-għajnuna finanzjarja kienet disponibbli għall-Irlanda, l-Ungerija, il-Latvja, il-Portugall u r-Rumanija huwa stipulat fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill rilevanti. Il-perjodu li matulu kienet disponibbli għajnuna finanzjarja lill-Ungerija skada fl-4 ta’ Novembru 2010. |
(10) |
Il-perjodu li matulu hija disponibbli għall-Greċja għajnuna finanzjarja taħt il-Ftehim bejn il-Kredituri u l-Ftehim dwar Faċilità ta’ Self huwa differenti għal kull Stat Membru li jipparteċipa f’dawk l-istrumenti. |
(11) |
Wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Ministri tal-finanzi tas-17-il Pajjiż Membru taż-żona euro iffirmaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà fil-11 ta’ Lulju 2011. Wara d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kapijiet ta’ Stat u Gvern taż-żona tal-euro fil-21 ta’ Lulju u d-9 ta’ Diċembru 2011, it-Trattat pie modifikat sabiex tittejjeb l-effettività tal-mekkaniżmu u ffirmat fit-2 ta’ Frar 2012. Taħt dan it-Trattat, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà se, sal-2013, jassumi l-kompiti li bħalissa qed jitwettqu mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja u mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja. Dan il-mekkaniżmu tal-futur għaldaqstant għandu diġà jiġi kkunsidrat f’dan ir-Regolament. |
(12) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill Ewropew jilqa’ l-ħsieb tal-Kummissjoni li ssaħħaħ is-sinerġiji bejn il-programm ta’ self għall-Greċja u l-fondi tal-Unjoni, u jappoġġa l-isforzi biex tiżdied il-kapaċità tal-Greċja li tassorbi l-fondi tal-Unjoni sabiex tistimula t-tkabbir u l-impjiegi billi tiffoka mill-ġdid fuq it-titjib tal-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi. Barra minn hekk, jilqa’ u jappoġġa l-preparazzjoni, mill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, ta’ programm komprensiv ta’ għajnuna teknika lill-Greċja. Dan ir-Regolament jikkontribwixxi għal dawn l-isforzi biex tiżdied is-sinerġija. |
(13) |
Sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tal-fondi tal-Unjoni, biex jitħaffu l-investimenti fl-Istati Membri u r-reġjuni u biex jiżdied l-impatt tal-fondi fuq l-ekonomija, huwa meħtieġ li jkun permess, f’każijiet ġustifikati, temporanjament u mingħajr preġudizzju għall-perjodu ta’ programmar 2014-2020, li jiżdiedu l-ħlasijiet interim mill-Fond Ewropew għas-Sajd b’ammont li jikkorrispondi għal għaxar punti perċentwali iktar mir-rata ta’ kofinanzjament applikabbli għal kull assi prijoritarju għall-Istati Membri li qed iħabbtu wiċċhom ma diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom u li talbu biex jibbenefikaw minn din il-miżura, b’riżultat ta’ tnaqqis korrispondenti fil-kontropoarti nazzjonali. Minħabba n-natura temporanja taż-żieda u sabiex jinżammu r-rati ta’ kofinanzjament oriġinali bħala l-punt ta’ referenza għall-kalkolu tal-ammonti miżjuda temporanjament, it-tibdiliet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-mekkaniżmu m’għandhomx ikunu riflessi fil-pjan finanzjarju inkluż fil-programmi operattivi. Madankollu, għandu jkun possibbli li l-programmi operattivi jiġu aġġornati sabiex il-fondi jiġu kkonċentrati fuq il-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi u biex il-miri u l-objettivi tagħhom jiġu allinjati mat-tnaqqis fil-finanzjament totali disponibbli. |
(14) |
Stat Membru li jagħmel talba lill-Kummissjoni biex jibbenefika minn deroga taħt dan ir-Regolament għandu jressaq l-informazzjoni kollha meħtieġa biex il-Kummissjoni, permezz ta’ data dwar is-sitwazzjoni makroekonomika u fiskali tal-Istati Membru, tkun tista’ tistabbilixxi li r-riżorsi għall-kontroparti nazzjonali ma jkunux disponibbli. Għandu wkoll juri li żieda fil-ħlasijiet li tirriżulta mill-għoti ta’ deroga hija meħtieġa biex tiġi salvagwardjata l-implimentazzjoni kontinwa tal-programmi operattivi u li l-problemi tal-kapaċità ta’ assorbiment jippersistu anki jekk jintużaw il-limiti massimi applikabbli għar-rati ta’ kofinanzjament, stabbiliti fl-Artikolu 53(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 (10). |
(15) |
L-Istat Membru li jagħmel talba lill-Kummissjoni biex igawdi minn deroga taħt dan ir-Regolament għandu wkoll jipprovdi r-referenza għad-Deċiżjoni tal-Kunsill rilevanti jew atti legali oħra li jagħmlu lill-Istat Membru eliġibbli biex jibbenefika mid-deroga. Jeħtieġ li l-Kummissjoni jkollha perjodu adegwat, li jibda mit-tressiq tat-talba tal-Istat Membru, biex tivverifika l-korrettezza tal-informazzjoni mressqa u biex tqajjem kwalunkwe oġġezzjoni. Sabiex id-deroga tkun effettiva u operattiva, għandu jkun hemm preżunzjoni li tali talba hija ġustifikata jekk il-Kummissjoni ma tqajjem ebda oġġezzjoni. Jekk il-Kummissjoni tqajjem oġġezzjoni għat-talba tal-Istat Membru, hija għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, deċiżjoni dwar dan fejn għandhom jingħataw ir-raġunijiet. |
(16) |
Ir-regoli tal-kalkolu tal-ħlasijiet interim u tal-ħlasijiet ta’ bilanċ finali għall-programmi operattivi matul il-perjodu li fih l-Istati Membri jirċievu l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni sabiex jiġu indirizzati diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom, għandhom jiġu riveduti skont dan. |
(17) |
Jeħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm rappurtar adegwat dwar l-użu tal-ammonti miżjuda magħmula disponibbli għall-Istati Membri li jibbenefikaw minn żieda temporanja fi ħlasijiet interim skont dan ir-Regolament. |
(18) |
Wara t-tmiem tal-perjodu li matulu kienet disponibbli l-għajnuna finanzjarja, jista’ jkun meħtieġ li l-evalwazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 iqisu, fost l-oħrajn, jekk it-tnaqqis ta’ kofinanzjament nazzjonali jwassalx għal tbegħid sinifikanti mill-għanijiet li kienu stabbiliti fil-bidu. Dawn l-evalwazzjonijiet jistgħu jwasslu għar-reviżjoni tal-programm operattiv. |
(19) |
Minħabba li l-kriżi finanzjarja globali ta’ bla preċedent u t-tnaqqis ta’ bla preċedent fir-ritmu ekonomiku kkawżaw ħsara serja fl-istabbiltà finanzjarja ta’ bosta Stati Membri teħtieġ rispons malajr sabiex jiġu affrontati l-effetti fuq l-ekonomija b’mod inġenerali, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr. Meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-Istati Membri kkonċernati, għandu japplika b’mod retroattiv, jew sa mis-sena baġitarja 2010 jew mid-data li fiha ssir disponibbli l-għajnuna finanzjarja, skont l-istatus tal-Istat Membru li jressaq it-talba, għall-perjodi li matulhom l-Istati Membri rċevew għajnuna finanzjarja mill-Unjoni jew minn Stati Membri oħra taż-żona euro sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom. |
(20) |
Meta titqies żieda temporanja fil-ħlasijiet interim, din iż-żieda temporanja għandha wkoll tiġi kkunsidrata fil-kuntest tar-restrizzjonijiet baġitarji li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri kollha, u dawk ir-restrizzjonijiet baġitarji għandhom ikunu riflessi kif xieraq fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, peress li l-għan ewlieni tal-mekkanżimu huwa li jiġu indirizzati diffikultajiet attwali, l-applikazzjoni tiegħu għandha tkun limitata fiż-żmien. Għalhekk, il-mekkaniżmu għandu jibda japplika fl-1 ta’ Jannar 2010 u għandu jopera għal perijodu limitat sal-31 ta’ Diċembru 2013. |
(21) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 huwa b’dan emendat kif ġej:
(1) |
L-Artikoli 76 u 77 jinbidlu b’dan li ġej: “Artikolu 76 Regoli għall-kalkolu ta’ ħlasijiet interim 1. Il-ħlasijiet interim għandhom jiġu kkalkulati bl-applikazzjoni - lill-kontribuzzjoni pubblika dikjarata fid-dikjarazzjoni ta’ nefqa ċertifikata mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni taħt kull assi prijoritarju u taħt kull objettiv ta’ konverġenza/mhux ta’ konverġenza - tar-rata ta’ kofinanzjament stabbilita taħt il-pjan attwali ta’ finanzjament għal dak l-assi prijoritarju u dak l-objettiv. 2. B’deroga mill-paragrafu 1, b’rispons għal talba speċifika u b’raġunijiet xierqa mill-Istat Membru, ħlas interim għandu jkun ikkalkulat bħala l-ammont tal-għajnuna mill-Unjoni mħallsa jew li jkun dovut lill-benefiċjarji fir-rigward tal-assi prijoritarju u tal-objettiv. Dan l-ammont għandu jiġi speċifikat mill-Istat Membru fid-dikjarazzjoni tan-nefqa. 3. B’deroga mill-Artikolu 53(3), fuq it-talba ta’ Stat Membru, il-ħlasijiet interim għandhom jiżdiedu b’ammont li jikkorrispondi għal għaxar punti perċentwali iktar mir-rata ta’ kofinanzjament applikabbli għal kull assi prijoritarju, sa massimu ta’ 100 %, li għandu jiġi applikat għall-ammont ta’ nefqa pubblika eliġibbli li tkun għadha kif ġiet dikjarata f’kull dikjarazzjoni tan-nefqa ċertifikata mressqa matul il-perjodu li fih l-Istat Membru iwettaq waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:
4. Għal finijiet tal-kalkolu tal-ħlasijiet interim wara li l-Istat Membru ma jibqax jibbenefika mill-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni imsemmija fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni ma għandhiex tqis l-ammonti miżjuda mħallsa skont dak il-paragrafu. Madankollu, dawk l-ammonti għandhom jitqiesu għall-fini tal-Artikolu 79(1). 5. Il-ħlasijiet interim miżjuda li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-paragrafu 3 għandhom fl-iqsar perjodu ta’ żmien ikunu disponibbli għall-awtorità amministrattiva u għandhom jintużaw biss biex isiru ħlasijiet b’rabta mal-implimentazzjoni tal-programm operattiv. 6. Fil-kuntest tar-rappurtar annwali skont l-Artikolu 67(1), l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni adatta dwar l-użu tad-deroga msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u juru kif l-ammonti miżjuda ta’ appoġġ ikkontribwixxew għall-promozzjoni tal-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi fl-Istat Membru kkonċernat. Din l-informazzjoni għandha titqies mill-Kummissjoni fit-tħejjija tar-rappurtar annwali previst fl-Artikolu 68(1). Artikolu 77 Regoli għall-kalkolu tal-ħlasijiet tal-bilanċ 1. Il-ħlasijiet tal-bilanċ għandhom ikunu limitati għal liema minn dawn iż-żewġ ammonti li ġejjin ikun l-iżgħar:
2. B’deroga mill-Artikolu 53(3), fuq it-talba ta’ Stat Membru, il-ħlasijiet tal-bilanċ tal-aħħar għandhom jiżdiedu b’ammont li jikkorrispondi għal għaxar punti perċentwali iktar mir-rata ta’ kofinanzjament applikabbli għal kull assi prijoritarju, sa massimu ta’ 100 %, li għandhom jiġu applikati għall-ammont ta’ nefqa pubblika eliġibbli li tkun għadha kif ġiet dikjarata f’kull dikjarazzjoni tan-nefqa ċertifikata mressqa matul il-perjodu li fih l-Istat Membru jissodisfa waħda mill-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 76(3): 3. Għal finijiet tal-kalkolu tal-ħlasijiet tal-bilanċ finali wara li l-Istat Membru ma jibqax jibbenefika mill-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 76(3), il-Kummissjoni ma għandhiex tqis l-ammonti miżjuda mħallsa skont dak il-paragrafu. |
(2) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 77a Limiti għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni permezz ta’ ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-bilanċ 1. Minkejja l-Artikoli 76(3) u 77(2), il-kontribuzzjoni tal-Unjoni permezz ta’ ħlasijiet interim u ħlasijiet tal-aħħar bilanċ, m’għandhiex tkun ogħla mill-kontribuzzjoni pubblika u l-ammont massimu ta’ għajnuna mill-FES għal kull assi prijoritarju u objettiv kif stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm operattiv. 2. Id-deroga, imsemmija fl-Artikoli 76(3) u 77(2), għandha tingħata mill-Kummissjoni fuq talba bil-miktub minn Stat Membru li jissodisfa waħda mill-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 76(3). Dik it-talba għandha titressaq sas-17 ta’ Lulju 2012 jew fi żmien xahrejn mid-data li fiha Stat Membru jissodisfa waħda mill-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 76(3). 3. Fit-talba tiegħu preżentata lill-Kummissjoni, l-Istat Membru għandu jiġġustifika l-ħtieġa tad-deroga, imsemmija fl-Artikoli 76(3) u 77(2), billi jipprovdi l-informazzjoni neċessarja biex jistabbilixxi:
Il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk l-informazzjoni mressqa tiġġustifikax l-għoti tad-deroga. Il-Kummissjoni għandha tqajjem kwalunkwe oġġezzjoni dwar l-informazzjoni mressqa sa tletin jum mid-data tat-tressiq tat-talba. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tqajjem oġġezzjoni għat-talba tal-Istat Membru, hija għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta deċiżjoni għal dan il-għan u tagħti r-raġunijiet. Jekk il-Kummissjoni ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni għat-talba tal-Istat Membru, din għandha tiġi kkunsidrata bħala ġustifikata. 4. It-talba tal-Istat Membru għandha tagħti dettalji wkoll dwar l-użu maħsub tad-deroga, imsemmija fl-Artikoli 76(3) u 77(2), u għandha tagħti informazzjoni dwar miżuri komplementari previsti sabiex il-fondi jikkonċentraw fuq il-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi, inkluż, fejn adatt, modifika tal-programmi operattivi. 5. Id-deroga msemmija fl-Artikoli 76(3) u 77(2) mgħandhiex tapplika għal dikjarazzjonijiet ta’ nefqa mressqa wara l-31 ta’ Diċembru 2013.”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Madankollu, huwa għandu japplika b’mod retroattiv għall-Istati Membri li ġejjin:
(a) |
fil-każijiet tal-Irlanda, il-Greċja u l-Portugall, b’effett mid-data li fiha l-għajnuna finanzjarja saret disponibbli għal dawk l-Istati Membri skont l-Artikolu 76(3); |
(b) |
fil-każijiet tal-Ungerija, il-Latvja u r-Rumanija b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010. |
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ April 2012.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
M. BØDSKOV
(1) ĠU C 24, 28.1.2012, p. 84.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 2012.
(3) ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.
(5) ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88.
(8) ĠU L 79, 25.3.2009, p. 39.
(9) ĠU L 150, 13.6.2009, p. 8.
(10) ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.