13.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/11


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 310/2012

tal-21 ta’ Diċembru 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1569/2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza għall-istandards tal-kontabbiltà applikati mill-emittenti tal-pajjiż terz ta’ titoli skont id-Direttiva 2003/71/KE u 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (1), partikolarment l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (2), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2004/109/KE jesiġi li l-Kummissjoni twaqqaf mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-informazzjoni meħtieġa skont din id-Direttiva. Il-Kummissjoni hi meħtieġa tadotta miżuri biex jistabbilixxi kriterji ġenerali tal-ekwivalenza fir-rigward ta’ standards tal-kontabbiltà relevanti għal emittenti ta’ iktar minn pajjiż wieħed. L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2004/109/KE jitlob ukoll lill-Kummissjoni tieħu deċiżjonijiet marbuta mal-ekwivalenza ta’ standards tal-kontabbiltà użati minn emittenti ta’ pajjiż terzi, u jippermetti lill-Kummissjoni tippermetti l-użu ta’ standards tal-kontabbiltà ta’ pajjiż terz tul perjodu tranżizzjonali xieraq. Minħabba l-interkonnessjoni mill-qrib tal-informazzjoni meħtieġa skont id-Direttiva 2004/109/KE mal-informazzjoni meħtieġa skont id-Direttiva 2003/71/KE, huwa xieraq li l-istess kriterji għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza japplikaw fil-qafas taż-żewġ Direttivi.

(2)

Għalhekk, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1569/2007 (3) stabbilixxa l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta’ standards tal-kontabbiltà ta’ pajjiż terz għal perjodu limitat taż-żmien li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2011.

(3)

Il-Kummissjoni evalwat l-utilità u t-tħaddim tal-mekkaniżmu tal-ekwivalenza u kkonkludiet li għandu jiġi estiż għal perjodu ta’ tliet snin sal-31 ta’ Diċembru 2014. Minħabba li l-perjodu li għalih il-Kummissjoni stabbilixxiet kundizzjonijiet għall-għoti tal-ekwivalenza tal-Prinċipji tal-Kontabbiltà Ġeneralment Aċċettati (GAAP) ta’ pajjiżi terzi skada fil-31 ta’ Diċembru 2011, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012. Dan huwa meħtieġa sabiex tingħata ċertezza legali lill-emittenti mill-pajjiżi terzi rilevanti elenkati fl-Unjoni u jiġi evitat ir-riskju li dawn jista’ jkollhom jirrikonċiljaw ir-rapporti finanzjarji tagħhom mal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS). Id-dispożizzjoni tar-retroattività hekk ittaffi kwalunkwe piż potenzjali fuq l-emittenti kkonċernati.

(4)

Sabiex tiżgura li determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-istandards tal-kontabbiltà ta’ pajjiż terz issir fil-każijiet kollha li huma rilevanti għas-swieq tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ekwivalenza tal-istandards tal-kontabbiltà tal-pajjiż terz jew fuq talba mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew awtorità responsabbli għall-istandards tal-kontabbiltà jew għas-superviżjoni tas-suq ta’ pajjiż terz, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) rigward l-aspetti tekniċi tal-valutazzjoni tal-ekwivalenza tal-istandards tal-kontabbiltà konċernati. L-emittenti mill-Unjoni għandhom ukoll jitħallew jużaw l-IFRS adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) fil-pajjiż terz ikkonċernat.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1569/2007 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1569/2007 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“Artiklou 4

Kundizzjonijiet biex jiġi aċċettati standards tal-kontabbiltà ta’ pajjiżi terzi għal perjodu limitat

1.   Emittenti minn pajjiżi terzi jistgħu jitħallew jużaw rapporti finanzjarji miktuba skont l-istandards tal-kontabbiltà ta’ pajjiż terz sabiex jikkonformaw mal-obbligi skont id-Direttiva 2004/109/KE, u b’deroga mill-Artikolu 35(5) tar-Regolament (KE) Nru 809/2004, biex jipprovdu informazzjoni finanzjarja storika skont dak ir-Regolament għall-perjodu li jibda fi kwalunkwe żmien wara l-31 ta’ Diċembru 2008 u jiskadi mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014 fil-każijiet li ġejjin:

(a)

l-awtorità ta’ pajjiż terz responsabbli mill-istandards tal-kontabbiltà nazzjonali konċernati tkun ħadet impenn pubbliku li tikkonverġi dawn l-istandards lejn l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014 u jkunu ssodisfati ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-awtorità tal-pajjiż terz responsabbli mill-istandards tal-kontabbiltà nazzjonali konċernati tkun stabbilixxiet programm ta’ konverġenza li jkun komprensiv u li jista’ jitlesta qabel il-31 ta’ Diċembru 2014;

(ii)

il-programm ta’ konverġenza jiġi implimentat effettivament, mingħajr dewmien, u jiġu allokati r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni tiegħu biex jitlesta;

(b)

l-awtorità ta’ pajjiż terz responsabbli mill-istandards tal-kontabbiltà nazzjonali kkonċernati tkun ħadet impenn pubbliku biex tadotta l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju qabel il-31 ta’ Diċembru 2014 u jittieħdu miżuri effettivi fil-pajjiż terz biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u fil-ħin tagħhom sa dik id-data.

2.   Kwalunkwe deċiżjoni skont il-paragrafu 1 li tippermetti li jibqgħu jintużaw rapporti finanzjarji miktuba skont l-istandards tal-kontabbiltà ta’ pajjiż terz għandha titwettaq skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/71/KE u l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/109/KE.

3.   Fejn il-Kummissjoni tippermetti li jibqgħu jintużaw rapporti finanzjarji mfassla skont l-istandards tal-kontabbiltà ta’ pajjiż terz skont il-paragrafu 1, hija għandha tirrevedi regolarment jekk il-kundizzjonijiet speċifikati fil-punt (a) jew (b) (kif ikun il-każ) għadhomx jiġu ssodisfati, u għandha tirraporta dwar dan lill-Parlament Ewropew.

4.   Jekk il-kundizzjonijiet fil-punt (a) jew (b) tal-paragrafu 1 ma jkunux għadhom jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/71/KE u l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/109/KE li temenda d-deċiżjoni tagħha skont il-paragrafu 1 fir-rigward ta’ dawn l-istandards tal-kontabbiltà.

5.   Meta tikkonforma ma’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tikkonsulta l-AETS dwar il-programm ta’ konverġenza jew dwar il-progress lejn l-adozzjoni tal-IFRS, skont il-każ.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.

(2)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

(3)  ĠU L 340, 22.12.2007, p. 66.

(4)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.