7.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 4/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 7/2012

tal-5 ta’ Jannar 2012

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 tat-18 ta’ Lulju 2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I ta’ mar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 jelenka l-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi koperti bl-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi skont ir-Regolament.

(2)

Fit-12 ta' Ottubru u fit-28 ta’ Novembru 2011 il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti approva aġġornamenti għal-lista tal-individwi u tal-entitajiet soġġetti għall-iffriżar tal-assi. L-Anness I għandu għalhekk jiġi emendat f'dan is-sens,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I ta’ mar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 hu b’dan emendat kif stabbilit fl-Anness ta' ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni, f’isem il-President,

Il-Kap tas-Servizz tal-Politika Estera Strumenti


(1)  ĠU L 193, 23.7.2005, p. 1.


ANNESS

L-Anness I ta’ mar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 huwa emendat kif ġej:

L-annotazzjonijiet li ġejjin jiżdiedu taħt l-intestatura ‘A. Persuni fiżiċi’:

(a)

‘Jamil Mukulu (alias (a) Il-Professur Musharaf, (b) Steven Alirabaki, (c) David Kyagulanyi (d) Musezi Talengelanimiro (e) Mzee Tutu (f) Abdullah Junjuaka (g) Alilabaki Kyagulanyi, (h) Hussein Muhammad (i) Nicolas Luumu (j) Talengelanimiro. Data tat-twelid: (a) 1965 (b) l-1 ta’ Jannar 1964. Post tat-twelid: Il-Villaġġ ta’ Ntoke, is-Sottokontea ta’ Ntenjeru, id-Distrett ta’ Kayunga, l-Uganda. Kariga: (a) Il-Kap tal-Allied Democratic Forces (ADF) (b) Il-Kmandant tal-Allied Democratic Forces. Nazzjonalità: Ugandiża. Tagħrif ieħor: Skont rappurtar ta' sors miftuħ u uffiċjali, inklużi r-rapporti tal-Grupp ta' Esperti tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC) DRC, Jamil Mukulu huwa l-mexxej militari tal-Allied Democratic Forces (ADF), grupp barrani armat li jopera fid-Repubblika Demokratika tal-Congo (DRC) li jimpedixxi d-diżarm u r-ripatrijazzjoni volontarja jew is-sistemazzjoni mill-ġdid ta' ġellieda tal-ADF, kif deskritt fil-paragrafu 4(b) tar-riżoluzzjoni 1857 (2008). Il-Grupp ta' Esperti tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-UNSC DRC irrapporta li Jamil Mukulu pprovda tmexxija u appoġġ materjali lill-ADF, grupp armat li jopera fit-territorju tad-DRC. Skont diversi sorsi, inklużi r-rapporti tal-Grupp ta' Esperti tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-UNSC DRC, Jamil Mukulu kompla wkoll iħaddem influwenza fuq il-linji ta' politika, jipprovdi finanzjament, u jżomm kmand u kontroll dirett fuq l-attivitajiet tal-forzi tal-ADF in loco, inkluża s-superviżjoni ta' rabtiet ma' netwerks terroristiċi internazzjonali. Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 5(1)(b): 12.10.2011.’

(b)

‘Ntabo Ntaberi Sheka. Data tat-twelid: l-4 ta’ April 1976. Post tat-twelid: It-territorju ta’ Walikale, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Kariga: Il-Kap Kmandant, l-iNduma Defence of Congo, il-grupp Mayi Mayi Sheka. Nazzjonalità: Kongoliża. Tagħrif ieħor: Ntabo Ntaberi Sheka, Kap Kmandant tal-fergħa politika tal-Mayi Mayi Sheka, huwa l-kap politiku ta' grupp armat Kongoliż li jimpedixxi d-diżarm, id-demobilizzazzjoni, jew is-sistemazzjoni mill-ġdid tal-ġellieda. Il-Mayi Mayi Sheka huwa grupp ta' milizzja bbażat fil-Kongo, li jopera minn bażijiet fit-territorju ta' Walikale fil-lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Il-grupp Mayi Mayi Sheka wettaq attakki fuq minjieri fil-lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, inkluż it-teħid tal-kontroll tal-minjieri ta' Bisiye u estorsjoni fuq persuni tal-lokal. Ntabo Ntaberi Sheka wettaq ukoll vjolazzjonijiet serji tal-liġi internazzjonali li kellhom it-tfal bħala mira. Ntabo Ntaberi Sheka ppjana u ordni sensiliet ta' attakki fit-territorju ta' Walikale mit-30 ta' Lulju sat-2 ta' Awwissu 2010, biex jikkastiga l-popolazzjonijiet lokali akkużati li kkollaboraw mal-forzi tal-Gvern Kongoliż. Matul l-attakki, tfal ġew stuprati u maħtufa, soġġetti għal xogħol furzat u soġġetti għal trattament krudili, inuman jew degradanti. Ukoll il-grupp ta' milizzja Mayi Mayi Sheka jirrekluta bil-forza lis-subien u jżomm tfal fl-iskjeramenti tagħhom minn dan ir-reklutaġġ furzat. Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 5(1)(b): 28.11.2011.’