18.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 348/16


DIRETTIVA TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI 2012/50/UE

tal-10 ta’ Ottubru 2012

li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għal applikazzjonijiet li fihom iċ-ċomb

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tipprojbixxi l-użu taċ-ċomb f’tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq.

(2)

Is-sostituzzjoni taċ-ċomb fil-materjali dielettriċi taċ-ċeramika bbażati fuq il-PZT f’kapasiters li jiffurmaw parti minn ċirkwiti integrati jew semikondutturi diskreti għadha mhux prattika mil-lat tekniku. L-użu taċ-ċomb f’dawk il-materjali għandu għalhekk jiġi eżentat mill-projbizzjoni.

(3)

Id-Direttiva 2011/65/UE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Jannar 2013. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.


ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, jiddaħħal il-punt 7(c)-IV li ġej:

“7(c)-IV

Ċomb fil-materjali dielettriċi taċ-ċeramika bbażati fuq il-PZT għal kapasiters li jiffurmaw parti minn ċirkwiti integrati jew semikondutturi diskreti

Tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2016”