9.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/24


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2012/24/UE

tat-8 ta’ Ottubru 2012

li temenda, għall-għan tal-adattament tad-dispożizzjonijiet tekniċi tagħha, id-Direttiva tal-Kunsill 86/297/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardjaw il-konnesjonijiet motorizzati ta’ tratturi u l-protezzjoni tagħhom

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti, il-karrijiet tagħhom u makkinarju irmunkat interkambjabbli, flimkien mas-sistemi tagħhom, komponenti u unitajiet tekniċi separati u r-revoka tad-Direttiva 74/150/KEE (1), u b’mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 19(1) tagħha,

Billi:

(1)

It-Taqsima 4.2 tal-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 86/297/KEE (2) tistipula dispożizzjonijiet ġenerali għal konnessjoni motorizzata (PTO) fuq quddiem. It-Tabella 2 ta’ dak l-Anness tistipula l-applikazzjoni tal-istandard ISO 8759-1:1998 għall-kategoriji ta’ tratturi mgħammra b’konnessjoni motorizzata fuq quddiem li jistabbilixxi wkoll dimensjonijiet għall-postazzjoni tal-PTO ta’ quddiem. Madankollu, dawn ir-rekwiżiti għall-postazzjoni mhumiex kompatibbli ma’ għadd kbir ta’ tratturi għall-agrikoltura u l-foresti minħabba r-rekwiżiti ġodda tad-disinn.

(2)

Ir-rekwiżiti għal konnessjoni motorizzata ta’ quddiem li huma stabbiliti fid-Direttiva 86/297/KEE jikkonċernaw biss kwistjonijiet ta’ sikurezza, jiġifieri, il-postazzjoni tal-PTO, ir-rekwiżiti ta’ lqugħ u ż-żona l-vojta (mhux iħallini ndaħħallek kumment allura ħa nniżlu hawn: fil-Euramis sibtha żona ta’ żgombru u togħġobni iktar wara li rajt xi tfisser eżattament “clearance zone”. F’idejk. Il-postazzjoni tal-PTO impost bid-Direttiva 86/297/KEE mhux kompatibbli ma’ diversi kategoriji ta’ tratturi li attwalment jinsabu fis-suq u l-għodod immuntati tagħhom. It-Tabella 2 tal-Anness I tad-Direttiva 86/297/KEE diġà teskludi l-kategoriji tat-tratturi T4.1 u T4.3 mir-rekwiżiti tal-postazzjoni.

(3)

Tratturi tal-kategoriji T1, T2, T3, T4.2 u T5, apparti dawk tal-kategoriji T4.1 u T4.3 li attwalment huma eżentati mir-rekwiżiti tal-klawsola 4.2 tal-istandard ISO 8759-1:1998, ma jistgħux ikunu konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti.

(4)

Bosta tratturi jistgħu jkunu mgħammra b’tipi ta’ konnessjoni motorizzata speċjali, li għalihom l-istandard ISO 8759-1:1998 ma japplikax.

(5)

Fil-każ ta’ tratturi tal-kategorija T3, l-istandard japplika biss meta t-trattur ikun mgħammar b’konnessjoni motorizzata kif speċifikat f’dak l-istandard. Madankollu, kategoriji oħra ta’ vetturi, bħat-tratturi T2 u ċerti tratturi T1 iżgħar, jistgħu jiġu mgħammra b’tipi ta’ konnessjonijiet motorizzati speċjali, li mhumiex koperti mill-istandard. Konsegwentement, l-eżenzjoni mir-rekwiżiti tal-istandard ISO 8759-1:1998 għandha tiġi estiża wkoll għal tratturi tal-kategoriji T1 u T2.

(6)

Hemm diffikultajiet tal-istess tip fil-kategoriji C korrispondenti.

(7)

Billi l-ispeċifikazzjonijiet tal-istandard ISO 8759-1:1998 bl-eċċezzjoni tal-klawsola 4.2, għandhom japplikaw għat-tratturi kollha tal-kategoriji T u C li huma mgħammra b’konnessjonijiet motorizzati ta’ quddiem, it-Tabella 2 ma tibqax meħtieġa u għaldaqstant għandha titħassar.

(8)

Għaldaqstant, id-Direttiva 86/297/KEE għandha tiġi emendata skont dan.

(9)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/37/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 86/297/KEE huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-punt 4.2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.2.   Dispożizzjonijiet għal konnessjonijiet motorizzati ta’ quddiem

L-ispeċifikazzjonijiet tal-ISO 8759-1:1998, bl-eċċezzjoni tal-klawsola 4.2. tiegħu, japplikaw għat-tratturi kollha tal-kategoriji T u C li huma mgħammra b’konnessjonijiet motorizzati kif speċifikat f’ dan l-istandard.”

(2)

It-Tabella 2 titħassar.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2013, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Novembru 2013.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 171, 9.7.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 186, 8.7.1986, p. 19.