1.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 142/1


DIRETTIVA 2012/13/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Mejju 2012

dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu b’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni stabbilixxiet għaliha stess l-għan li żżomm u tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Skont il-Konklużjonjiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f’Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, u b’mod partikolari l-punt 33 tagħhom, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet oħra ta’ awtoritajiet ġudizzjarji għandu jsir il-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali ġewwa l-Unjoni, minħabba li r-rikonoxximent reċiproku mtejjeb u l-approssimazzjoni neċessarja tal-leġislazzjoni jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali.

(2)

Fid-29 ta’ Novembru 2000, f’konformità mal-konklużjonijiet ta’ Tampere, il-Kunsill adotta programm ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet f’materji kriminali (3). L-introduzzjoni għall-programm tiddikjara li r-rikonoxximent reċiproku huwa “maħsub biex isaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri” iżda wkoll “biex itejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet individwali”.

(3)

L-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet f’materji kriminali tippresupponi li l-Istati Membri jafdaw fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin. Il-punt safejn jasal ir-rikonoxximent reċiproku jiddipendi ħafna fuq numru ta’ parametri, li jinkludu mekkaniżmi għas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ persuni suspettati jew akkużati u standards minimi komuni meħtieġa biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

(4)

Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet f’materji kriminali jista’ jaħdem b’mod effettiv biss fi spirtu ta’ fiduċja fejn, mhux biss l-awtoritajiet ġudizzjarji iżda l-atturi kollha fil-proċess kriminali jikkunsidraw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stati Membri oħra bħala ekwivalenti għal tagħhom, li jimplika mhux biss fiduċja fl-adegwatezza tar-regoli ta’ Stati Membri oħra, iżda wkoll fiduċja li dawk ir-regoli huma applikati korrettament.

(5)

L-Artikolu 47 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn issa “il-Karta”) u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (minn issa “il-KEDB”) jistabbilixxu d-dritt għal proċess ġust. L-Artikolu 48(2) tal-Karta jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tad-difiża.

(6)

L-Artikolu 6 tal-Karta u l-Artikolu 5 tal-KEDB jistabbilixxu d-dritt għal-libertà u s-sigurtà tal-persuna. Kwalunkwe restrizzjonijiet fuq dak id-dritt ma jistgħux jaqbżu dawk permessi skont l-Artikolu 5 KEDB u inferiti fil-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(7)

Minkejja li l-Istati Membri kollha huma parti għall-KEDB, l-esperjenza wriet li dak waħdu mhux dejjem jipprovdi livell biżżejjed ta’ fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra.

(8)

It-tisħiħ ta’ fiduċja reċiproka jeħtieġ regoli dettaljati dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u garanziji proċedurali li joħorġu mill-Karta u mill-KEDB.

(9)

L-Artikolu 82(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi l-istabbiliment ta’ regoli minimi applikabbli fl-Istati Membri sabiex ikunu faċilitati r-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u l-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali li jkollhom dimensjoni transkonfinali. Dak l-Artikolu jirriferi għad-“drittijiet tal-individwi fil-proċedura kriminali” bħala wieħed mill-oqsma li fihom jistgħu jiġu stabbiliti regoli minimi.

(10)

Regoli minimi komuni għandhom iwasslu għal żieda fil-fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri kollha, li bħala riżultat għandha twassal għal koperazzjoni ġudizzjarja aktar effiċjenti fi klima ta’ fiduċja reċiproka. Tali regoli minimi komuni għandhom jiġu stabbiliti fil-qasam tal-informazzjoni fi proċeduri kriminali.

(11)

Fit-30 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill adotta riżoluzzjoni dwar Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (4) (minn issa “il-Pjan Direzzjonali”). Filwaqt li jieħu approċċ ta’ pass b’pass, il-Pjan Direzzjonali talab li jiġu adottati miżuri dwar id-drittijiet għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni (miżura A), id-dritt għal informazzjoni dwar drittijiet u informazzjoni dwar l-akkużi (miżura B), id-dritt għal parir legali u għal għajnuna legali (miżura C), id-dritt għal komunikazzjoni mal-qraba, min jimpjega u l-awtoritajiet konsulari (miżura D), u salvagwardji speċjali għas-suspettati jew persuni akkużati li jkunu vulnerabbli (miżura E). Il-Pjan Direzzjonali jenfasizza li s-sekwenza tad-drittijiet huwa biss indikattiv u għaldaqstant jimplika li jista’ jinbidel f’konformità mal-prijoritajiet. Il-Pjan Direzzjonali huwa ntiż li jopera fl-intier tiegħu; huwa biss meta l-partijiet komponenti jiġu implimentati kollha li jinħass il-massimu tal-benefiċċju.

(12)

Fil-11 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-Pjan Direzzjonali u inkludieh bħala parti mill-Programm ta’ Stokkolma — Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (5) (punt 2.4). Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-karattru mhux eżawrjenti tal-Pjan Direzzjonali, billi stieden lill-Kummissjoni teżamina elementi ulterjuri tad-drittijiet proċedurali minimi għas-suspettati jew persuni akkużati, u biex tevalwa jekk elementi oħra bħal, pereżempju l-preżunzjoni tal-innoċenza, jeħtieġx li jiġu indirizzati, biex tkun promossa koperazzjoni aħjar f’dak il-qasam.

(13)

L-ewwel miżura adottata taħt il-Pjan Direzzjonali, il-miżura A, kienet id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għal interpretar u għal traduzzjoni fi proċeduri kriminali (6).

(14)

Din id-Direttiva tirrigwarda l-miżura B tal-Pjan Direzzjonali. Din tistabbilixxi standards minimi komuni li għandhom jiġu applikati fil-qasam tal-informazzjoni dwar id-drittijiet u dwar l-akkuża li tingħata lil persuni suspettati jew akkużati li kkommettew reat, bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Id-Direttiva tibni fuq id-drittijiet stabbiliti fil-Karta, u b’mod partikolari l-Artikoli 6, 47 u 48 tagħha, billi tibni fuq l-Artikoli 5 u 6 tal-KEDB kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-verżjoni Ingliża ta’ din id-Direttiva, it-terminu “akkuża” (accusation) jintuża sabiex jiddeskrivi l-istess kunċett tat-terminu “akkuża” (charge) użat fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

(15)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ April 2010 msejħa “Inwasslu spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja liċ-ċittadini tal-Ewropa — Pjan ta’ Azzjoni Implimentattiv tal-Programm ta’ Stokkolma”, il-Kummissjoni ħabbret li ser tippreżenta proposta dwar id-dritt ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u informazzjoni dwar l-akkużi fl-2010.

(16)

Din id-Direttiva għandha tapplika għas-suspettati u għall-persuni akkużati indipendentement mill-istatus legali, iċ-ċittadinanza u n-nazzjonalità tagħhom.

(17)

F’xi Stati Membri awtorità li ma tkunx qorti li jkollha ġurisdizzjoni f’kwistjonijiet kriminali għandha l-kompetenza li timponi sanzjonijiet fir-rigward ta’ reati relattivament żgħar. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, fir-rigward ta’ reati tat-traffiku li jitwettqu fuq skala kbira u li jistgħu jiġu stabbiliti wara xi kontroll tat-traffiku. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, ma jkunx raġonevoli li l-awtorità kompetenti tkun meħtieġa tiżgura d-drittijiet kollha skont din id-Direttiva. Fejn il-liġi ta’ Stat Membru tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fir-rigward ta’ reati żgħar minn din l-awtorità u jkun hemm jew id-dritt ta’ appell jew il-possibbiltà li b’xi mod ieħor il-każ jinġieb quddiem il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni f’kwistjonijiet kriminali, din id-Direttiva għandha għaldaqstant tapplika biss għal proċeduri li jinġiebu quddiem dik il-qorti wara tali appell jew rinviju.

(18)

Id-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali, li joħroġ mill-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għandu jiġi stabbilit b’mod espliċitu bid-Direttiva.

(19)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw fil-pront lis-suspettati jew lill-persuni akkużati b’dawk id-drittijiet, hekk kif japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, li huma essenzjali biex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri, jew bil-fomm jew bil-miktub, kif previst b’din id-Direttiva. Sabiex ikun jista’ jsir eżerċizzju prattiku u effikaċi minn dawk id-drittijiet, l-informazzjoni għandha tkun provduta fil-pront matul il-proċeduri u l-aktar tard qabel l-ewwel interrogazzjoni uffiċjali tal-persuna suspettata jew akkużata mill-pulizija jew minn awtorità kompetenti oħra.

(20)

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli minimi fir-rigward tal-informazzjoni dwar id-drittijiet tas-suspettati jew tal-persuni akkużati. Dan ma jippreġudikax l-informazzjoni li tingħata dwar drittijiet proċedurali oħrajn li joħorġu mill-Karta, il-KEDB, id-dritt nazzjonali u l-liġi tal-Unjoni applikabbli kif interpretati mill-qrati u t-tribunali rilevanti. Ladarba tkun ġiet provduta informazzjoni dwar dritt partikolari, l-awtoritajiet kompetenti m’għandhomx ikunu meħtieġa jtennuha, sakemm dan ma jkunx meħtieġ miċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ jew mir-regoli speċifiċi stabbiliti fil-liġi nazzjonali.

(21)

Ir-referenzi f’din id-Direttiva għal suspettati jew persuni akkużati li huma arrestati jew miżmuma, għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal kwalunkwe sitwazzjoni fejn, matul il-proċeduri kriminali, is-suspettati jew il-persuni akkużati huma privati mil-libertà tagħhom fis-sens tal-Artikolu 5(1)(c) tal-KEDB, kif interpretat mill-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(22)

Meta suspettati jew persuni akkużati jiġu arrestati jew miżmuma, għandha tingħata informazzjoni dwar id-drittijiet proċedurali applikabbli permezz ta’ Ittra tad-Drittijiet miktuba b’manjiera li tinftiehem malajr sabiex tgħin lill-persuni sabiex jifhmu d-drittijiet tagħhom. Tali Ittra tad-Drittijiet għandha tingħata fil-pront lil kull persuna arrestata meta din tkun privata mil-libertà permezz tal-intervent tal-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. Għandha tinkludi informazzjoni bażika dwar kwalunkwe possibilità sabiex tiġi kkontestata l-legalità tal-arrest, jinkiseb ir-rieżami tad-detenzjoni, jew tintalab il-libertà provviżorja fejn, u sa liema punt, tali dritt jeżisti fil-liġi nazzjonali. Sabiex jgħin lill-Istati Membri jifformulaw tali Ittra tad-Drittijiet, qed jiġi provdut mudell fl-Anness I. Dak il-mudell huwa indikattiv u jista’ jkun suġġett għal reviżjoni fil-kuntest tar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u wkoll meta l-miżuri tal-Pjan Direzzjonali jkunu daħlu fis-seħħ. L-Ittra tad-Drittijiet tista’ tinkludi drittijiet proċedurali oħra rilevanti li japplikaw fl-Istati Membri.

(23)

Kundizzjonijiet u regoli speċifiċi relatati mad-dritt tas-suspettati jew persuni akkużati li persuna oħra tiġi informata dwar l-arrest jew id-detenzjoni tagħhom għandhom jiġu determinati mill-Istati Membri fil-liġi nazzjonali tagħhom. Kif stabbilit fil-Pjan Direzzjonali, l-eżerċiżżju ta’ dak id-dritt ma għandux jippreġudika l-iżvolġiment xieraq tal-proċeduri kriminali.

(24)

Din id-Direttiva tapplika bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar is-sikurezza ta’ persuni li jibqgħu fl-istabbilimenti ta’ detenzjoni.

(25)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jipprovdu informazzjoni taħt din id-Direttiva, is-suspettati jew il-persuni akkużati jiġu provduti, jekk meħtieġ, bi traduzzjonijiet jew interpretazzjoni f’lingwa li huma jifhmu, f’konformità mal-istandards stabbiliti fid-Direttiva 2010/64/UE.

(26)

Meta tiġi provduta informazzjoni lis-suspettati jew persuni akkużati taħt din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-persuni li ma jkunux jistgħu jifhmu l-kontenut jew it-tifsira tal-informazzjoni, pereżempju minħabba l-età żgħira tagħhom, jew il-kondizzjoni mentali jew fiżika tagħhom.

(27)

Persuni akkużati li wettqu reat kriminali għandhom jingħataw kull informazzjoni meħtieġa dwar l-akkuża biex tgħinhom iħejju d-difiża tagħhom u sabiex tiġi ssalvagwardjata l-ġustizzja tal-proċeduri.

(28)

L-informazzjoni provduta lis-suspettati jew lill-persuni akkużati dwar ir-reat kriminali li huma jkunu ssuspettati jew akkużati li kkommettew għandha tingħata fil-pront, u mhux aktar tard minn qabel l-ewwel intervista uffiċjali tagħhom mill-pulizija jew awtorità kompetenti oħra, u mingħajr ma jippreġudika l-kors tal-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin. Deskrizzjoni tal-fatti, inkluż, fejn magħrufa, il-ħin u l-post, relatati mal-att kriminali li l-persuni jkunu ssuspettati jew akkużati li wettqu, u l-klassifikazzjoni legali possibbli tal-allegat reat għandhom jingħataw f’dettall suffiċjenti, filwaqt li jittieħed f’konsiderazzjoni l-istadju tal-proċeduri kriminali meta tingħata tali deskrizzjoni, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u sabiex jiġi permess l-eżerċizzju effikaċi tad-drittijiet tad-difiża.

(29)

Fejn, matul il-kors tal-proċeduri kriminali, id-dettalji tal-akkuża jinbidlu b’tali mod li l-pożizzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati tiġi sostanzjalment affettwata, dan għandu jiġi kkomunikat lilhom fejn ikun neċessarju sabiex tiġi ssalvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u fi żmien xieraq sabiex jiġi żgurat eżerċizzju effikaċi tad-drittijiet tad-difiża.

(30)

Dokumenti u, fejn xieraq, ritratti, reġistrazzjonijiet awdjo u vidjo, li huma essenzjali sabiex tiġi kkontestata b’mod effettiv il-legalità ta’ arrest jew detenzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati skont il-liġi nazzjonali, għandhom ikunu disponibbli għas-suspettati jew għall-persuni akkużati jew għall-avukat tagħhom mhux aktar tard minn qabel ma awtorità ġudizzjarja kompetenti tintalab tiddeċiedi dwar il-legalità tal-arrest jew id-detenzjoni skont l-Artikolu 5(4) tal-KEDB, u fi żmien xieraq sabiex jiġi żgurat eżerċizzju effikaċi tad-dritt li tiġi kkontestata l-legalità ta’ arrest jew detenzjoni.

(31)

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, l-aċċess għall-provi materjali, kif definita fil-liġi nazzjonali, kemm jekk favur jew kontra s-suspettat jew il-persuna akkużata, li jkunu fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti b’rabta mal-każ kriminali speċifiku, għandu jinkludi l-aċċess għal materjal bħal dokumenti u, fejn xieraq ritratti, u, reġistrazzjonijiet awdjo u vidjo. Tali materjal jista’ jkun kontenut fil-proċess tal-każ jew miżmum b’xi mod ieħor mill-awtoritajiet kompetenti fi kwalunkwe mod adatt f’konformità mal-liġi nazzjonali.

(32)

L-aċċess għall-provi materjali fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti, kemm jekk favur kif ukoll jekk kontra s-suspettat jew il-persuna akkużata, kif ipprovdut taħt din id-Direttiva, jista’ jiġi rrifjutat, skont il-liġi nazzjonali, fejn tali aċċess jista’ jwassal għal theddida serja għall-ħajja jew drittijiet fundamentali ta’ persuna oħra jew fejn ir-rifjut ta’ tali aċċess ikun strettament meħtieġ għas-salvagwardja ta’ interess pubbliku importanti. Kwalunkwe rifjut ta’ tali aċċess għandu jiġi miżun kontra d-drittijiet tad-difiża tas-suspettat jew tal-persuna akkużata, b’kont meħud tal-istadji differenti tal-proċeduri kriminali. Ir-restrizzjonijiet fuq tali aċċess għandhom jiġu nterpretati b’mod strett u f’konformità mal-prinċipju tad-dritt għal proċess ġust taħt il-KEDB u kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(33)

Id-dritt għal aċċess għall-materjal ta’ każ għandu japplika bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-post li fih jinsabu x-xhieda protetti.

(34)

L-aċċess għall-materjal tal-każ, kif previst f’din id-Direttiva, għandu jiġi pprovdut mingħajr ħlas, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jipprovdu għall-onorarju li għandu jitħallas sabiex id-dokumenti jiġu kkupjati mill-proċess tal-każ jew biex jintbagħat materjal lill-persuni kkonċernati jew lill-avukat tagħhom.

(35)

Fejn l-informazzjoni hija pprovduta f’konformità ma’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu nota ta’ dan f’konformità mal-proċeduri ta’ reġistrar eżistenti taħt il-liġi nazzjonali u m’għandhomx ikunu għal ebda obbligu sabiex jiġu introdotti mekkaniżmi ġodda jew għal kwalunkwe piż amministrattiv addizzjonali.

(36)

Is-suspettati jew persuni akkużati jew l-avukat tagħhom għandu jkollhom id-dritt li jikkontestaw, f’konformità mad-dritt nazzjonali, in-nuqqas jew ir-rifjut possibbli tal-awtoritajiet kompetenti li jipprovdu l-informazzjoni jew jiżvelaw ċertu materjal tal-każ f’konformità ma’ din id-Direttiva. Dak id-dritt ma jinvolvix l-obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu proċedura ta’ appell speċifika, mekkaniżmu separat, jew proċedura ta’ kwerela li permezz tagħhom dan in-nuqqas jew dan ir-rifjut jista’ jiġi kkontestat.

(37)

Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u għad-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura madwar l-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu jew jinkoraġġixxu taħriġ adegwat fir-rigward tal-objettivi ta’ din id-Direttiva għall-uffiċjali rilevanti fl-Istati Membri.

(38)

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. L-implimentazzjoni prattika u effettiva ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet bħall-obbligu li tiġi provduta informazzjoni lis-suspettati jew lill-persuni akkużati dwar id-drittijiet tagħhom b’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli tista’ tinkiseb b’mezzi differenti li jinkludu miżuri mhux leġislattivi bħal taħriġ adatt għall-awtoritajiet kompetenti jew permezz ta’ Ittra tad-Drittijiet imfassla b’lingwaġġ sempliċi u mhux tekniku biex tinftiehem faċilment minn persuna mhux esperta li ma jkollha l-ebda għarfien tal-liġi proċedurali kriminali.

(39)

Id-dritt għall-informazzjoni bil-miktub dwar id-drittijiet meta wieħed jiġi arrestat previsti f’din id-Direttiva għandhom ukoll japplikaw, mutatis mutandis, għall-persuni arrestati għall-iskop tal-eżekuzzjoni ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew taħt id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (7). Sabiex jgħin lill-Istati Membri jifformulaw Ittra tad-Drittijiet għal dawn il-persuni, mudell huwa provdut fl-Anness II tad-Direttiva. Dak il-mudell huwa indikattiv u jista’ jkun suġġett għal reviżjoni fil-kuntest tar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u wkoll meta l-miżuri kollha tal-Pjan Direzzjonali jkunu daħlu fis-seħħ.

(40)

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva sabiex jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni wkoll f’sitwazzjonijiet li mhumiex previsti b’mod espliċitu f’din id-Direttiva. Il-livell ta’ protezzjoni m’għandu qatt jinżel taħt l-istandards previsti mill-mill-KEDB kif interpretati fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(41)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tippromwovi d-dritt tal-libertà, id-dritt għal proċess ġust u d-drittijiet tad-difiża. Hija għandha tiġi implimentata skont dan.

(42)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, li jikkorrispondu għal drittijiet garantiti mill-KEDB, għandhom jiġu interpretati u implimentati b’mod konsistenti ma’ dawk id-drittijiet, kif interpretati fil-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(43)

Billi l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti standards komuni minimi dwar id-dritt għal informazzjoni fi proċeduri kriminali, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri billi jaġixxu unilateralment fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà fl-Artikolu 5 kif stabbilit fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(44)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawk l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(45)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Tratttat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u għalhekk mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati, dwar id-drittijiet tagħhom fi proċeduri kriminali u dwar l-akkuża kontrihom. Hija tistabbilixxi wkoll regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni ta’ persuni soġġetti għal Mandat ta’ Arrest Ewropew relatat mad-drittijiet tagħhom.

Artikolu 2

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika minn meta l-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk is-suspettat jew il-persuna akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali jew le, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.

2.   Meta l-liġi ta’ Stat Membru tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni rigward reati żgħar minn awtorità li ma tkunx qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali, u l-impożizzjoni ta’ din is-sanzjoni tista’ tkun suġġetta għal appell f’tali qorti, din id-Direttiva għandha tapplika biss għall-proċeduri quddiem dik il-qorti, wara tali appell.

Artikolu 3

Id-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jingħataw fil-pront informazzjoni dwar tal-anqas id-drittijiet proċedurali li ġejjin, kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet:

(a)

id-dritt ta’ aċċess għal avukat;

(b)

kwalunkwe dritt għal parir legali mingħajr ħlas u l-kondizzjonijiet biex jinkiseb tali parir;

(c)

id-dritt li l-persuna tkun informata bl-akkuża, f’konformità mal-Artikolu 6;

(d)

id-dritt għal interpretar u traduzzjoni;

(e)

id-dritt li persuna tibqa’ siekta.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni provduta taħt il-paragrafu 1 għandha tingħata bil-fomm jew bil-miktub, f’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli, b’kont meħud ta’ kwalunkwe bżonnijiet partikolari ta’ suspettati vulnerabbli jew ta’ persuni akkużati vulnerabbli.

Artikolu 4

Ittra tad-drittijiet mal-arrest

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li suspettati jew persuni akkużati, li jiġu arrestati jew detenuti jkunu provduti fil-pront b’Ittra tad-Drittijiet bil-miktub. Huma għandhom jingħataw l-opportunità li jaqraw l-Ittra tad-Drittijiet u għandhom jitħallew iżommuha fil-pussess tagħhom matul iż-żmien kollu li huma jkunu imċaħħdin mil-libertà.

2.   Barra mill-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 3, l-Ittra tad-Drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tinkludi informazzjoni dwar id-drittijiet li ġejjin hekk kif japplikaw fil-liġi nazzjonali:

(a)

id-dritt ta’ aċċess għall-materjal tal-każ;

(b)

id-dritt li l-awtoritajiet konsulari u persuna waħda jiġu informati;

(c)

id-dritt ta’ aċċess għal għajnuna medika urġenti;

(d)

in-numru massimu ta’ sigħat jew ġranet li s-suspettati jew il-persuni akkużati jistgħu jiġu mċaħħda mil-libertà qabel ma jittellgħu quddiem awtorità ġudizzjarja.

3.   L-Ittra tad-Drittijiet għandha tinkludi wkoll informazzjoni bażika dwar kwalunkwe possibiltà, taħt il-liġi nazzjonali, biex tiġi kkontestata l-legalità tal-arrest; li jinkiseb rieżami tad-detenzjoni jew issir talba għal-libertà provviżorja.

4.   L-Ittra tad-Drittijiet għandha tinkiteb b’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli. Mudell indikattiv tal-Ittra tad-Drittijiet jinsab fl-Anness I.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jirċievu l-Ittra tad-Drittijiet bil-miktub b’lingwa li jifhmu. Fejn l-Ittra tad-Drittijiet mhix disponibbli fil-lingwa xierqa, is-suspettati jew il-persuni akkużati għandhom jiġu informati bid-drittijiet tagħhom bil-fomm u b’lingwa li jifhmu. Imbagħad, għandha tingħatalhom Ittra tad-Drittijiet f’lingwa li jifhmu, mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 5

Ittra tad-drittijiet fil-Mandat ta’ Arrest Ewropew

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni li jiġu arrestati għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew jiġu provduti fil-pront b’Ittra ta’ Drittijiet xierqa li jkun fiha informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom skont il-liġi li timplimenta d-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

2.   L-Ittra tad-Drittijiet għandha tiġi abbozzata b’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli. Mudell indikattiv tal-Ittra tad-Drittijiet jinsab fl-Anness II.

Artikolu 6

Id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati tingħatalhom informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Dik l-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati li jiġu arrestati jew detenuti jiġu informati bir-raġunijiet għall-arrest jew id-detenzjoni tagħhom, inkluż bl-att kriminali li huma jkunu ssuspettati jew akkużati li wettqu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti, tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jiġu informati fil-pront dwar kwalunkwe bidliet fl-informazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu fejn dan ikun meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri.

Artikolu 7

Id-dritt tal-aċċess għall-materjal tal-każ

1.   Meta persuna tiġi arrestata u detenuta fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri kriminali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dokumenti relatati mal-każ speċifiku fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti u li jkunu essenzjali sabiex tiġi kkontestata b’mod effettiv skont il-liġi nazzjonali l-legalità tal-arrest jew tad-detenzjoni, isiru disponibbli għall-persuni arrestati jew lill-avukati tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata aċċess tal-anqas għall-materjal kollu fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti, kemm jekk favur jew kontra s-suspettati jew il-persuni akkużati, lil dawk il-persuni jew lill-avukat tagħhom sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u bi tħejjija għad-difiża tagħhom.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-aċċess għall-materjal imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jingħata fiż-żmien debitu biex ikun jista’ jsir l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża u mhux iktar tard mill-preżentazzjoni tal-merti tal-akkuża għall-eżami ta’ qorti. Fejn l-awtoritajiet kompetenti jiġu fil-pussess ta’ aktar provi materjali, għandu jingħata aċċess għalihom fi żmien debitu biex ikun jista’ jiġi kkunsidrat.

4.   B’deroga mill-paragrafi 2 u 3, sakemm dan ma jippreġudikax id-dritt għal proċess ġust, l-aċċess għal ċertu materjal jista’ jinċaħad jekk tali aċċess jista’ jwassal għal theddida serja għall-ħajja jew għad-drittijiet fundamentali ta’ persuna oħra jew jekk tali ċaħda tkun strettament meħtieġa biex jiġi salvagwardjat interess pubbliku importanti, bħal f’każijiet fejn l-aċċess ikun jista’ jippreġudika investigazzjoni li tkun għaddejja jew jikkawża ħsara serja għas-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru li fih jiġu mressqa l-proċeduri kriminali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’konformità mal-proċeduri fil-liġi nazzjonali, deċiżjoni li tiċħad l-aċċess għal ċertu materjal taħt dan il-paragrafu tittieħed minn awtorità ġudizzjarja jew tkun tal-inqas soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja.

5.   L-aċċess, kif imsemmi f’dan l-Artikolu għandu jingħata mingħajr ħlas.

Artikolu 8

Verifika u rimedji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta tingħata informazzjoni lis-suspettati jew lill-persuni akkużati f’konformità mal-Artikoli 3 sa 6 dan jiġi rreġistrat, bl-użu tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni speċifikata fil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jew l-avukat tagħhom ikollhom id-dritt ta’ kontestazzjoni, f’konformità mal-proċeduri fil-liġi nazzjonali, rigward in-nuqqas jew iċ-ċaħda possibbli tal-awtoritajiet kompetenti li jipprovdu l-informazzjoni f’konformità ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 9

Taħriġ

Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u d-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura fl-Unjoni kollha, l-Istati Membri għandhom jitolbu lil dawk responsabbli għat-taħriġ tal-imħallfin, il-prosekuturi, il-pulizija u l-persunal ġudizzjarju involuti fi proċeduri kriminali biex jipprovdu taħriġ xieraq fir-rigward tal-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 10

Non-rigressjoni

Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jiġi miftiehem bħala li jillimita jew jidderoga minn xi drittijiet jew salvagwardji proċedurali li huma żgurati taħt il-Karta, il-KEDB, dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-liġi internazzjonali jew il-liġi ta’ kwalunkwe Stat Membru li jipprovdu livell ta’ protezzjoni ogħla.

Artikolu 11

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tintlaħaq konformità ma’ din id-Direttiva sat-2 ta' Ġunju 2014.

2.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali riferiment waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif isir tali riferiment għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 12

Rapport

Il-Kummissjoni għandha, sat-2 ta' Ġunju 2015, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta l-punt safejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, jekk meħtieġ, flimkien ma’ proposti leġislattivi.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Mejju 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)  ĠU C 54, 19.2.2011, p. 48.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ April 2012.

(3)  ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.

(4)  ĠU C 295, 4.12.2009, p. 1.

(5)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(6)  ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1.

(7)  ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.


ANNESS I

Image

Mudell indikattiv ta’ Ittra tad-Drittijiet

L-iskop uniku ta’ dan il-mudell huwa li jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jifformulaw l-Ittra tad-Drittijiet tagħhom fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri mhumiex marbuta sabiex jużaw dan il-mudell. Meta jkunu qed jippreparaw l-Ittra tad-Drittijiet tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jemendaw dan il-mudell sabiex jallinjawh mar-regoli nazzjonali tagħhom u jżidu informazzjoni addizzjonali li tkun utli. L-Ittra tad-Drittijiet għandha tingħata mal-arrest jew detenzjoni. Dan mandankollu ma jipprojbixxix l-Istati Membri milli jagħtu lis-suspettati jew lill-persuni akkużati informazzjoni bil-miktub f’sitwazzjonijiet oħra matul il-proċeduri kriminali.

Inti għandek id-drittijiet li ġejjin meta tiġi arrestat jew detenut:

A.   ASSISTENZA MINN AVUKAT/DRITT GĦAL GĦAJNUNA LEGALI

Int għandek id-dritt li titkellem ma’ avukat b’mod kunfidenzjali. Avukat huwa indipendenti mill-pulizija. Itlob lill-pulizija jekk teħtieġ għajnuna biex titkellem ma’ avukat. Il-pulizija għandhom jgħinuk. F’ċerti każijiet, l-għajnuna tista’ tkun bla ħlas. Saqsi lill-pulizija għal iktar informazzjoni.

B.   INFORMAZZJONI DWAR L-AKKUŻA

Inti għandek id-dritt li tkun taf għalfejn ġejt arrestat jew detenut u x’inti ssuspettat li wettaqt.

C.   INTERPRETAZZJONI U TRADUZZJONI

Jekk inti ma titkellimx jew ma tifhimx il-lingwa mitkellma mill-pulizija jew mill-awtoritajiet kompetenti l-oħra, inti għandek dritt għal interpretu, mingħajr ħlas. L-interpretu jista’ jgħinek titkellem mal-avukat tiegħek u għandu jżomm il-kontenut ta’ dik il-komunikazzjoni konfidenzjali. Inti għandek id-dritt għal traduzzjoni ta’ mill-inqas is-siltiet rilevanti tad-dokumenti essenzjali, inklużi kwalunkwe ordni minn imħallef li tippermetti li tiġi arrestat jew li tinżamm f’kustodja, kwalunkwe imputazzjoni jew akkuża u kwalunkwe sentenza. Inti tista’ f’ċerti cirkustanzi tingħata traduzzjoni bil-fomm jew fil-qosor.

D.   ID-DRITT LI TIBQA’ SIEKET

Meta tiġi interrogat mill-pulizija jew l-awtoritajiet kompetenti l-oħra, inti m’għandekx għalfejn tirrispondi domandi dwar ir-reat allegat. L-avukat tiegħek jista’ jgħinek tiddeċiedi dwar dak.

E.   AĊĊESS GĦAD-DOKUMENTI

Meta tiġi arrestat u detentut, inti (jew l-avukat tiegħek) għandek id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti essenzjali neċessarji għall-kontestazzjoni tal-arrest jew d-detenzjoni. Jekk il-każ tiegħek jitressaq il-qorti inti (jew l-avukat tiegħek) għandek id-dritt ta’ aċċess għall-provi materjali favur jew kontra tiegħek.

F.   ID-DRITT LI TINFORMA LIL XI ĦADDIEĦOR BL-ARREST JEW ID- DETENZJONI TIEGĦEK/ID-DRITT LI TINFORMA L-KONSULAT JEW L- AMBAXXATA TIEGĦEK

Meta tiġi arrestat jew detentut, għandek tinforma lill-pulizija jekk trid tinforma lil xi ħadd bid-detenzjoni tiegħek, pereżempju membru tal-familja jew lil min iħaddmek. F’ċerti każijiet, id-dritt li tinforma lil persuna oħra bid-detenzjoni tiegħek jista’ jkun proviżorjament ristrett. F’tali każijiet, il-pulizija ser jinfurmawk b’dan.

Jekk inti barrani, informa lill-pulizija jekk trid li l-awtorità konsulari jew l-ambaxxata tiegħek tiġi informata bid-detenzjoni tiegħek. Jekk jogħġbok informa wkoll lill-pulizija jekk trid tikkuntattja uffiċjal tal-awtorità konsulari jew l-ambaxxata tiegħek.

G.   GĦAJNUNA MEDIKA URĠENTI

Meta tiġi arrestat jew detenut, inti għandek id-dritt għal għajnuna medika urġenti. Jekk jogħġbok informa lill-pulizija jekk inti fil-bżonn ta’ tali għajnuna.

H.   PERJODU TAĊ-ĊAĦDA TA’ LIBERTÀ

Wara l-arrest tiegħek inti tista’ tiċċaħħad mil-libertà tiegħek jew tiġi detenut għal perjodu massimu ta’ … [imla n-numru ta’ sigħat/ġranet applikabbli]. Fl-aħħar ta’ dak il-perjodu inti għandek tiġi liberat jew tinstema’ minn imħallef li jiddeċiedi fuq id-detenzjoni ulterjuri tiegħek. Itlob lill-avukat tiegħek jew lill-imħallef għal informazzjoni dwar il-possibilità li tikkontesta l-arrest tiegħek, li titlob għal rieżami tad-detenzjoni jew li titlob għal-libertà provviżorja.


ANNESS II

Image

Mudell indikattiv ta’ Ittra tad-Drittijiet għal persuni arrestati fuq il-bażi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewopew

L-uniku skop ta’ dan il-mudell huwa li jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jifformulaw l-Ittra tad-Drittijiet tagħhom fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri mhumiex marbuta sabiex jużaw dan il-mudell. Meta jkunu qed jippreparaw l-Ittra tad-Drittijiet tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jemendaw dan il-mudell sabiex jallinjawh mar-regoli nazzjonali tagħhom u jżidu informazzjoni addizzjonali li tkun utli.

Inti ġejt arrestat abbażi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew. Inti għandek id-drittijiet li ġejjin:

A.   INFORMAZZJONI DWAR IL-MANDAT TA’ ARREST EWROPEW

Inti għandek id-dritt li tiġi informat dwar il-kontenut tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew li abbażi tiegħu inti ġejt arrestat.

B.   L-ASSISTENZA MINN AVUKAT

Int għandek id-dritt li titkellem ma’ avukat b’mod kunfidenzjali. Avukat huwa indipendenti mill-pulizija. Itlob lill-pulizija jekk teħtieġ għajnuna biex titkellem ma’ avukat. Il-pulizija għandhom jgħinuk. F’ċerti każijiet, l-għajnuna tista’ tkun bla ħlas. Staqsi lill-pulizija għal iktar informazzjoni.

C.   INTERPRETAZZJONI U TRADUZZJONI

Jekk inti ma titkellimx jew ma tifhimx il-lingwa mitkellma mill-pulizija jew mill-awtoritajiet kompetenti l-oħra, inti għandek dritt għal interpretu mingħajr ħlas. L-interpretu jista’ jgħinek titkellem mal-avukat tiegħek u għandu jżomm il-kontenut tal-komunikazzjoni konfidenzjali. Inti għandek id-dritt għal traduzzjoni tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew f’lingwa li tifhem. Inti tista’ f’ċerti cirkustanzi tingħata traduzzjoni bil-fomm jew fil-qosor.

D.   IL-POSSIBBILTÀ TA’ KUNSENS

Inti tista’ tagħti l-kunsens tiegħek jew ma tagħtihx sabiex tiġi kkonsenjat lill-Istat li qed ifittxek. Il-kunsens tiegħek jgħaġġel il-proċeduri. [Addizzjoni possibbli ta’ ċerti Stati Membri: Jista’ jkun diffiċli jew anki impossibbli li tbiddel din id-deċiżjoni fi stadju aktar tard.] Staqsi lill-awtoritajiet jew lill-avukat tiegħek għal aktar informazzjoni.

E.   SMIGĦ

Jekk inti ma tagħtix il-kunsens tiegħek sabiex tiġi kkonsenjat, inti għandek dritt tinstema’ minn awtorità ġudizzjarja.