19.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 349/66


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Diċembru 2012

dwar it-tielet kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE għall-2006 u l-2007 biex tiġi koperta n-nefqa mġarrba mill-Portugall bl-iskop li jinqered il-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (in-nematodu tal-injam tal-arżnu)

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 9356)

(It-test bil-Portugiż biss huwa awtentiku)

(2012/796/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23(6) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/923/KE (2) approvat kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal programm ta’ miżuri introdott mill-Portugall, li għandu l-għan li fl-2006 u l-2007 jikkontrolla t-tixrid tal-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (in-nematodu tal-injam tal-arżnu) fi Stati Membri oħra. Il-miżuri kienu jinkludu l-ħolqien ta’ faxxa li tkun ħielsa mis-siġar kollha ospitanti tal-vettur tan-nematodu tal-injam tal-arżnu, minn issa ‘l quddiem “il-faxxa ta’ konteniment fitosanitarju”.

(2)

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija bid-Deċiżjoni 2006/923/KE kienet imsejsa fuq il-programm għal aktar azzjonijiet għan-nematodu tal-injam tal-arżnu (minn issa ‘l quddiem: PWN) u l-istima tal-baġit li tirreferi għal dan il-programm kif imressaq mill-Portugall lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Lulju 2006.

(3)

Il-ħlasijiet finali lill-Portugall konnessi mal-azzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni 2006/923/KE saru f’Ġunju 2008.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/851/UE (3), ingħata kofinanzjament addizzjonali tal-Unjoni ta’ EUR 3 986 138,36 lill-Portugall biex tiġi koperta kull spiża li tisboq l-istima inizjali ta’ Lulju 2006.

(5)

Meta ngħata dak il-kofinanzjament addizzjonali tal-Unjoni, it-talba mressqa mill-Portugall ma inkludietx il-kontijiet kollha relatati mal-istabbiliment ta’ faxxa ta’ konteniment fitosanitarju.

(6)

Bl-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011, l-awtoritajiet Portugiżi introduċew talba riveduta għal EUR 15 000 932,08. Dik it-talba inkludiet EUR 4 915 405,87 li kien għadhom ma tħallsux meta saret il-verifika preċedenti ta’ Lulju 2010 (il-verifika SANCO/10/2010) u li ma setgħux jiġu ddikjarati eliġibbli għall-kofinanzjament dak iż-żmien. Il-bqija ta’ dik it-talba l-ġdida hija magħmula mill-kostijiet għat-twaqqigħ ta’ għadd akbar ta’ siġar koniferi kbar u minn nefqa separata għall-eliminazzjoni tas-siġar koniferi żgħar.

(7)

F’Marzu 2012, il-Kummissjoni wettqet verifika abbażi tat-tagħrif imressaq mill-Portugall fil-5 ta’ Diċembru 2011. Wara l-eżami tad-dokumenti ta’ sostenn kollha għat-talba addizzjonali, u abbażi tar-rapport dwar dik il-verifika, il-Kummissjoni kkonkludiet li seta’ jiġi kkunsidrat biss ammont eliġibbli ta’ EUR 5 044 839,72 ta’ fatturi mħallsa (inklużi l-kostijiet ta’ koordinazzjoni) Instab li l-bqija tan-nefqa mitluba mhix eliġibbli għall-kofinanzjament, billi tikkonċerna nefqa li diġà ġiet kofinanzjata bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/851/UE (EUR 2 024 128,16) u nefqa ta’ EUR 7 931 964,20 marbuta ma’ siġar żgħar, li l-bżonn għaliha ma ġiex ġustifikat kif xieraq mill-Portgall.

(8)

Billi l-miżuri inklużi fil-talba addizzjonali huma tal-istess natura u għandhom l-istess għan bħall-miżuri tad-Deċiżjoni 2006/923/KE, huwa xieraq li tiġi allokata l-istess rata ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni bħal fid-deċiżjoni, jiġifieri rata ta’ 75 %.

(9)

Skont l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (4), il-miżuri dwar is-saħħa tal-annimali huma ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija. Għal finijiet tal-kontroll finanzjarju ta’ dawn il-miżuri, għandhom japplikaw l-Artikoli 9, 36 u 37 tar-Regolament imsemmi hawn fuq.

(10)

Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5) u l-Artikolu 90(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6), l-impenn tan-nefqa mill-baġit tal-Unjoni għandu jkun ippreċedut minn deċiżjoni ta’ finanzjament adottata mill-istituzzjoni jew l-awtoritajiet li lilhom jkunu ġew iddelegati s-setgħat, filwaqt li jiġu stipulati l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi n-nefqa.

(11)

Id-deċiżjoni preżenti tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament għan-nefqa mressqa fit-talba ta’ kofinanzjament ippreżentati mill-Portugall.

(12)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-prinċipju

L-allokazzjoni tat-tielet kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni biex tiġi koperta n-nefqa mġarrba mill-Portugall fl-2006 u l-2007 marbuta mal-istabbiliment ta’ faxxa ta’ konteniment fitosanitarju u dan biex jiġi kkontrollat in-nematodu tal-injam tal-arżnu, hija hawnhekk approvata.

Artikolu 2

L-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1 hija ta’ EUR 3 783 629,79.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Portugall.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  ĠU L 354, 14.12.2006, p. 42.

(3)  ĠU L 335, 17.12.2011, p. 107.

(4)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.