10.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 311/14


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Novembru 2012

dwar miżuri li jipprevenu d-dħul u t-tixrid fl-Unjoni tal-ġeneru Pomacea (Perry)

(notifikata bid-dokument C(2012) 7803)

(2012/697/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari t-tielet sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Spanja għarrfet lill-Kummissjoni li Pomacea insularum huwa preżenti f’reġjun wieħed ta’ dak l-Istat Membru.

(2)

Jidher minn valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni abbażi ta’ analiżi tar-riskju tal-pesti li għamlet Spanja u ta’ opinjoni xjentifika (2) u dikjarazzjoni (3) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-ikel li l-ġeneru Pomacea (Perry) jikkawża effetti ta’ ħsara fuq il-pjanti akkwatiċi. Minħabba diffikultà fl-identifikazzjoni tassonomika tal-ispeċijiet differenti u l-fatt li ma jistax jiġi eskluż li l-ispeċijiet kollha huma ta’ ħsara, il-ġeneru Pomacea (Perry) jeħtieġ li jkun irregolat. Dak il-ġeneru la huwa elenkat fl-Anness I u lanqas fl-Anness II tad-Direttiva 2000/29/KE.

(3)

Minħabba r-riskju li l-organiżmu speċifikat jixtered fl-għelieqi u l-kanali tal-ilma u minħabba n-nuqqas ta’ miżuri anqas restrittivi li jiġġieldu b’mod effiċjenti kontra t-theddid li joħloq dan l-organiżmu, hemm bżonn li d-dħul u t-tixrid ta’ dan il-ġeneru fl-Unjoni jkunu pprojbiti.

(4)

Għandhom jiġu stabbiliti wkoll miżuri dwar id-dħul u l-moviment fl-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil, ħlief żrieragħ, li jistgħu jikbru biss fl-ilma jew f’ħamrija permanentament saturata bl-ilma.

(5)

Stħarriġiet għall-preżenza tal-ġeneru Pomacea (Perry) għandhom isiru f’żoni fejn l-organiżmu speċifiku x’aktarx jinstab u r-riżultati tagħhom għandhom jiġu notifikati.

(6)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu żoni demarkati f’każijiet fejn il-ġeneru Pomacea (Perry) jinstab preżenti f’għelieqi u kanali tal-ilma sabiex jinqerdu l-organiżmi konċernati u jkun żgurat monitoraġġ intensiv tal-preżenza tagħhom.

(7)

Jekk inhu meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni.

(8)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta sat-28 ta’ Frar 2015.

(9)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Projbizzjonijiet dwar il-ġeneru Pomacea (Perry)

Il-ġeneru Pomacea (Perry), minn hawn ’il quddiem “l-organiżmu speċifikat”, ma għandux jiddaħħal jew jixtered fl-Unjoni.

Artikolu 2

Id-dħul ta’ pjanti għat-tħawwil, ħlief żrieragħ, li jistgħu jikbru biss fl-ilma jew f’ħamrija permanentament saturata bl-ilma

Pjanti għat-tħawwil, ħlief żrieragħ, li jistgħu jikbru biss fl-ilma jew f’ħamrija permanentament saturata bl-ilma, minn hawn ’il quddiem “pjanti speċifikati”, li joriġinaw f’pajjiżi terzi jistgħu jiddaħħlu fl-Unjoni jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti, kif imniżżla fil-punt (1) tat-Taqsima 1 tal-Anness I.

Malli jidħlu fl-Unjoni, il-pjanti speċifikati għandhom jiġu spezzjonati mill-korp uffiċjali responsabbli skont il-punt (2) tat-Taqsima I tal-Anness I.

Artikolu 3

Il-moviment ta’ pjanti speċifikati fl-Unjoni

Pjanti speċifikati li joriġinaw f’żoni demarkati stabbiliti skont l-Artikolu 5 jistgħu jiċċaqilqu fl-Unjoni jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet kif stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness I.

Artikolu 4

Stħarriġiet u notifiki tal-organiżmu speċifikat

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu stħarriġiet kull sena għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat fuq il-pjanti tar-ross u, fejn xieraq, fuq pjanti speċifikati oħra fl-għelieqi u l-kanali tal-ilma.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bir-riżultati ta’ dawk l-istħarriġiet sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.

2.   Jekk l-organiżmu speċifikat jinstab jew huwa suspettat li jkun preżenti fl-għelieqi u l-kanali tal-ilma, dan għandu jiġi mgħarraf minnufih lill-korpi uffiċjali responsabbli.

Artikolu 5

Żoni demarkati, miżuri li jridu jittieħdu f’dawn iż-żoni, programmi biex tiżdied il-kuxjenza, u notifika

1.   Fejn abbażi tar-riżultati tal-istħarriġiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) jew ta’ evidenza oħra, Stat Membru jsib il-preżenza ta’ organiżmu speċifikat f’għalqa jew kanal tal-ilma fit-territorju tiegħu, liema preżenza ma kinitx magħrufa qabel, dak l-Istat Membru għandu mingħajr dewmien jistabbilixxi, jew jemenda fejn xieraq, żona demarkata li jkun fiha żona infestata u żona ta’ lqugħ, kif stipulat fit-Taqsima 1 tal-Anness II.

Fiż-żona demarkata, dan għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinqered l-organiżmu speċifikat. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu l-miżuri stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness II.

2.   Fejn żona demarkata trid tiġi stabbilita jew emendata skont il-paragrafu 1, l-Istat Membru konċernat għandu, fejn xieraq, iwaqqaf jew jemenda programm biex tiżdied il-kuxjenza.

3.   Fejn, fir-rigward ta’ żona demarkata, abbażi tal-istħarriġiet imsemmija fl-Artikolu 4(1), ma tkunx instabet il-preżenza tal-organiżmu speċifikat għal perjodu ta’ erba’ snin konsekuttivi, l-Istat Membru konċernat għandu jikkonferma li l-organiżmu ma għadux preżenti f’dik iż-żona u li ż-żona ma għadhiex demarkata.

4.   Fejn Stat Membru jieħu l-miżuri skont il-paragrafi 1, 2 u 3, dan għandu jgħarraf minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-lista ta’ żoni demarkati, b’tagħrif dwar id-delimitazzjoni tagħhom, inkluż b’mapep li juru l-lok tagħhom, u b’deskrizzjoni tal-miżuri applikati f’dawk iż-żoni demarkati.

Artikolu 6

Konformità

L-Istati Membri għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri li ħadu biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Reviżjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi rriveduta sat-28 ta’ Frar 2015.

Artikolu 8

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Maroš ŠEFČOVIČ

Viċi President


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  EFSA Journal 2012; 10(1):2552.

(3)  EFSA Journal 2012; 10(4):2645.


ANNESS I

ID-DĦUL U L-MOVIMENT TAL-PJANTI SPEĊIFIKATI

Taqsima 1

Rekwiżiti speċifiċi għad-dħul fl-Unjoni

(1)

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet imniżżla fid-Direttiva 2000/29/KE, pjanti speċifikati li joriġinaw f’pajjiż terz għandu jkollhom magħhom ċertifikat fitosanitarju, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-punt (ii) tal-Artikolu 13(1) ta’ dik id-Direttiva, li jinkludi taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni addizzjonali” it-tagħrif li pjanti speċifikati nstabu ħielsa minn dan l-organiżmu speċifikat eżatt qabel ħallew il-pajjiż terz konċernat.

(2)

Pjanti speċifikati li daħlu fl-Unjoni skont il-punt (1) għandhom jiġu spezzjonati fil-punt tad-dħul jew fil-post tad-destinazzjoni stabbilit skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE (1) sabiex ikun konfermat li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1.

Taqsima 2

Kundizzjonijiet għall-moviment

Pjanti speċifikati li joriġinaw f’oqsma demarkati fl-Unjoni jistgħu jiċċaqilqu minn żoni bħal dawn lejn żoni li mhumiex demarkati fl-Unjoni jekk dawn ikollhom magħhom passaport tal-pjanti mħejji u maħruġ skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE (2).


(1)  ĠU L 313, 12.10.2004, p. 16.

(2)  ĠU L 4, 8.1.1993, p. 22.


ANNESS II

ŻONI DEMARKATI U MIŻURI, KIF INHU STABBILIT FL-ARTIKOLU 5

Taqsima 1

L-istabbiliment u l-emenda ta’ żoni demarkati

(1)

Żoni demarkati, kif imsemmi fl-Artikolu 5, għandhom jikkonformaw mal-punti (2) u (3).

(2)

Iż-żona infestata għandha tinkludi l-postijiet fejn l-organiżmu speċifikat instab preżenti.

Fejn parti ta’ għalqa kkultivata tinsab f’żona infestata, il-bqija ta’ dik l-għalqa għandha tkun parti miż-żona infestata.

(3)

Żona ta’ lqugħ b’wisa’ ta’ mill-anqas 500 m għandha tkun stabbilita madwar iż-żona infestata. Madanakollu, dik iż-żona ta’ lqugħ għandha tinkludi biss kanal tal-ilma u żoni saturati b’ilma frisk.

Fejn iż-żona infestata tinkludi parti minn kanal tal-ilma, iż-żona ta’ lqugħ għandha tinkludi dak il-kanal tal-ilma għal tul ta’ mill-inqas 1 000 m ’l isfel u 500 m ’l fuq mil-lok fejn instab preżenti l-organiżmu speċifikat.

(4)

F’każijiet fejn bosta żoni ta’ lqugħ jirkbu fuq xulxin, għandha tiġi stabbilita żona demarkata li tinkludi ż-żona koperta miż-żoni demarkati rilevanti u ż-żoni ta’ bejniethom. F’każijiet oħra fejn huwa xieraq, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu żona demarkata li tinkludi bosta żoni demarkati u ż-żoni ta’ bejniethom.

(5)

Waqt l-istabbiliment taż-żona infestata u ż-żona ta’ lqugħ, l-Istati Membri għandhom iżommu f’rashom prinċipji xjentifiċi sodi filwaqt li jqisu dawn l-elementi: il-bijoloġija tal-organiżmi speċifikati, il-livell tal-infestazzjoni, id-distribuzzjoni tal-pjanti speċifikati, l-evidenza tal-istabbiliment tal-organiżmi speċifikati, il-kapaċità li għandhom l-organiżmi speċifikati biex jixterdu b’mod naturali.

(6)

Jekk l-organiżmu speċifikat instab preżenti fiż-żona ta’ lqugħ, id-delimitazzjoni taż-żona infestata u taż-żona ta’ lqugħ għandha tiġi emendata skont dan.

Taqsima 2

Miżuri f’żoni demarkati, kif inhu stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1)

Il-miżuri tal-qerda meħuda mill-Istati Membri f’żoni demarkati għandhom jinkludu:

(a)

it-tneħħija u l-qerda tal-organiżmu speċifikat;

(b)

monitoraġġ intensiv għall-preżenza tal-organiżmu speċifikat bi spezzjonijiet darbtejn fis-sena u b’attenzjoni speċifika fuq iż-żona ta’ lqugħ;

(c)

l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu protokoll tal-iġjene għal kull makkinarju użat fl-agrikultura u l-akkwakultura li seta’ mess mal-organiżmu speċifikat u li jista’ jxerrdu.