30.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 300/47


DEĊIŻJONI TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

tat-23 ta’ Ottubru 2012

dwar il-funzjonijiet ġudizzjarji tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja

(2012/671/UE)

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikoli 278, 279, 280 u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 299 tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u, b’mod partikolari, it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 81, l-Artikolu 157 u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 164 tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikoli 9a, 39 u 57 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ Settembru 2012, u, b’mod partikolari, l-Artikoli 10(3), 13 u 160 sa 166 tagħhom,

Billi:

(1)

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 39 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, is-setgħat imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jistgħu, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, jiġu eżerċitati mill-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(2)

Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, permezz ta’ deċiżjoni, tippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom il-Viċi President jissostitwixxi lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu.

(3)

Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ Settembru 2012, ser jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012.

(4)

Id-deċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet li fihom il-Viċi President jissostitwixxi lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu għandha tidħol fis-seħħ fl-istess jum.

TIDDEĊIEDI:

Artikolu 1

Il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jissostitwixxi lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 39 u fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tal-Artikolu 57 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fl-Artikoli 160 sa 166 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fil-każ ta’ impediment tal-Viċi President, il-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti għandhom jiġu eżerċitati minn wieħed mill-Presidenti ta’ awla b’ħames Imħallfin jew, jekk dan ma jkunx possibbli, minn wieħed mill-Presidenti ta’ awla bi tliet Imħallfin jew, jekk dan ma jkunx possibbli, minn wieħed mill-Imħallfin l-oħra, skont l-ordni stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regoli tal-Proċedura.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012.

Article 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta’ Ottubru 2012.

Ir-Reġistratur

A. CALOT ESCOBAR

Il-President

V. SKOURIS