22.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 256/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Lulju 2012

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi għall-Annessi II u III tal-Protokoll li jikkonċerna Żoni Protetti b’mod Speċjali u d-Diversità Bijoloġika fil-Mediterran tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun tal-Kosta Mediterranja adottati mis-sbatax-il laqgħa tal-Partijiet Kontraenti (Pariġi, Franza, 8-10 ta’ Frar 2012)

(2012/510/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni hija Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis, sussegwentement mogħtija l-isem ġdid Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun tal-Kosta Mediterranja (1) (“il-Konvenzjoni ta’ Barċellona”) u hija Parti għall-Protokoll li jikkonċerna żoni protetti b’mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran u l-annessi tiegħu (2) (“il-Protokoll”). L-Anness II tal-Protokoll fih il-lista tal-ispeċi li jinsabu f’periklu u mhedda u l-Anness III tal-Protokoll fih il-lista tal-ispeċi li l-isfruttament tagħhom huwa regolat.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, il-laqgħa tal-Partijiet Kontraenti hija l-korp deċiżjonali tal-Konvenzjoni, u fost is-setgħat mogħtija lilha hemm inkluża l-kapaċità li temenda l-annessi tal-Konvenzjoni u tal-protokolli tagħha, skont kif ikun meħtieġ. F’konformità mal-Artikolu 23(2) tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona u mal-Artikolu 14(1) tal-Protokoll, emenda tal-Annessi tal-Protokoll għandha tidħol fis-seħħ għall-Partijiet Kontraenti kollha għall-Protokoll hekk kif jiskadi perijodu deċiż mill-Partijiet Kontraenti rispettivi meta tiġi adottata l-emenda, għajr għal dawk li jinnotifikaw bil-miktub lid-Depożitarju li huma ma jistgħux japprovaw l-emenda f’dan il-perijodu ta’ żmien.

(3)

Fit-8 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ proposti għal emendi tal-Annessi II u III tal-Protokoll dwar Żoni Protetti b’mod Speċjali u d-Diversità Bijoloġika fil-Mediterran tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u r-Reġjun tal-Kosta Mediterranja fis-sbatax-il laqgħa tal-Partijiet Kontraenti (Pariġi, 8-10 ta’ Frar 2012). Minħabba ż-żmien magħżul meta ġiet preżentata l-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill ma kienx jista’ jqisha jew jaġixxi dwarha qabel il-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti u b’hekk il-pożizzjoni u l-interessi tal-Unjoni ma setgħux jiġu espressi jew difiżi b’mod adegwat.

(4)

Is-sbatax-il laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha adottat emendi għall-Annessi II u III tal-Protokoll permezz tad-Deċiżjoni IG.20/5 biex jipprovdu protezzjoni akbar għal għaxar speċi ta’ kelb il-baħar.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 23(2)(vi) tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, emenda għall-Annessi issir effettiva għall-Partijiet Kontraenti kollha kif jiskadi l-perijodu ddeterminat mill-Partijiet Kontraenti kkonċernati meta jadottaw l-emenda, ħlief għal dawk il-Partijiet Kontraenti li jinnotifikaw lid-Depożitarju li huma ma jistgħux japprovaw l-emenda. Is-sbatax-il laqgħa tal-Partijiet Kontraenti ddeterminat dan il-perijodu għal 180 jum; l-iskadenza biex tintbagħat notifika tagħlaq fit-8 ta’ Awwissu 2012. L-Unjoni għandha għalhekk tikkomunika lid-Depożitarju tal-Protokoll l-emendi li hija ma tapprovax f’dik l-iskadenza.

(6)

L-emendi għall-Protokoll ma jeħtieġu l-ebda bidla fil-liġi tal-Unjoni.

(7)

L-emendi dwar iż-żieda ta’ għaxar speċi fl-Anness II u t-tneħħija korrispondenti tagħhom mill-Anness III, adottati mis-sbatax-il laqgħa tal-Partijiet Kontraenti, huma xjentifikament validi, konsistenti mal-leġislazzjoni tal-Unjoni u mal-impenn tal-Unjoni favur il-kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità, u huma f’konformità kemm mal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (3) kif ukoll mal-mira miftiehma fil-Konferenza tal-Partijiet għal dik il-Konvenzjoni fl-2010 sabiex titnaqqas b’mod sinifikanti r-rata attwali tat-telf tal-bijodiversità sal-2020. L-Unjoni għandha għalhekk tapprova dawk l-emendi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Unjoni għandha tapprova l-emendi biex iżżid l-ispeċi li ġejjin fl-Anness II tal-Protokoll u biex tħassarhom mill-Anness III:

(a)

Galeorhinus galeus (Linnaeus, 1758);

(b)

Isurus oxyrinchus (Rafinesque, 1810);

(c)

Lamna nasus (Bonnaterre, 1788);

(d)

Leucoraja circularis (Couch, 1838);

(e)

Leucoraja melitensis (Clark, 1926);

(f)

Rhinobatos cemiculus (Saint-Hilaire, 1817);

(g)

Rhinobatos rhinobatos (Linnaeus, 1758);

(h)

Sphyrna lewini (Griffith & Smith, 1834);

(i)

Sphyrna mokarran (Rüppell, 1837);

(j)

Sphyrna zygaena (Linnaeus, 1758).

Artikolu 2

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnotifika lid-Depożitarju tal-Protokoll, bil-miktub, li l-Unjoni tapprova l-emendi speċifikati fl-Artikolu 1, f’konformità mal-Artikolu 23(2)(iv) tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona. Għandha tagħmel hekk qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ 180 jum mill-adozzjoni tal-emendi mis-sbatax-il laqgħa tal-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

V. SHIARLY


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/585/KEE tal-25 ta’ Lulju 1977 li tikkonkludi l-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis u l-Protokoll għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-Baħar Mediterran bir-rimi tal-iskart minn bastimenti u vetturi tal-ajru (ĠU L 240, 19.9.1977, p. 1). L-emendi għall-Konvenzjoni ġew aċċettati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/802/KE tat-22 ta’ Ottubru 1999 dwar l-aċċettazzjoni tal-emendi għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis u għall-Protokoll dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġis li jseħħ mir-Rimi tal-Vapuri u tal-Ajruplani (ĠU L 322, 14.12.1999, p. 32).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/800/KE tat-22 ta’ Ottubru 1999 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jikkonċerna żoni protetti b’mod speċjali u d-diversità bijoloġika fil-Mediterran, u dwar l-aċċettazzjoni tal-annessi ta’ dak il-Protokoll (Konvenzjoni ta’ Barċellona), ĠU L 322, 14.12.1999, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE tal-25 ta’ Ottubru 1993 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika (ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1).