28.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 231/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ Awwissu 2012

dwar l-emenda għall-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/490/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 jistabbilixxi regoli nondiskriminatorji dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għal sistemi tat-trażmissjoni ta’ gass naturali biex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass. Peress li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, id-duplikazzjoni tas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-gass la hi ekonomika u lanqas effiċjenti, huwa l-aċċess ta’ pajjiżi terzi għas-swieq tal-gass naturali li jistimola l-kompetizzoni fis-swieq tal-gass naturali billi jiftaħ l-infrastruttura għall-fornituri kollha b’mod trasparenti u nondiskriminatorju. L-okkorrenza frekwenti tal-konġestjoni kuntrattwali fejn l-utenti tan-netwerk ma jkunux jistgħu jiksbu aċċess għas-sistemi tat-trażmissjoni minkejja d-disponibbiltà fiżika tal-kapaċità hija ostaklu biex jitkompla jitlesta s-suq intern tal-enerġija.

(2)

Il-prattika wriet li minkejja l-applikazzjoni ta’ ċerti prinċipji tal-immaniġġjar tal-konġestjoni, bħall-offerta ta’ kapaċitajiet interrompibbli kif stipulat bir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Settembru 2005 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali (2) u bir-Regolament (KE) Nru 715/2009, il-konġestjoni kuntrattwali fin-netwerks tat-trażmissjoni tal-gass tal-Unjoni tibqa’ ostaklu għall-iżvilupp ta’ suq intern tal-gass li jiffunzjona tajjeb. Għalhekk jeħtieġ li jiġu emendati l-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-proċeduri għall-immaniġġjar tal-konġestjoni fil-każ ta konġestjoni kuntrattwali. F’konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 715/2009, il-linji gwida proposti għandhom jirriflettu d-differenzi bejn is-sistemi tal-gass naturali u jistgħu jistabbilixxu r-rekwiżiti minimi li għandhom jintlaħqu għall-kisba ta’ kondizzjonijiet ta’ aċċess għan-netwerk b’mod trasparenti u nondiskriminatorju fir-rigward tal-proċeduri għall-immaniġġjar tal-konġestjoni,

(3)

Il-proċeduri għall-immaniġġjar tal-konġestjoni għandhom japplikaw fil-każ ta’ konġestjoni kuntrattwali u huma mmirati biex jirrisolvu dawk l-avvenimenti billi jirritornaw il-kapaċità mhux użata lis-suq biex imbagħad tiġi allokata mill-ġdid matul il-proċessi tal-allokazzjoni regolari,

(4)

F’punt tal-interkonnessjoni fejn ta’ sikwit isseħħ konġestjoni fiżika, il-proċeduri għall-immaniġġjar tal-konġestjoni x’aktarx li ma jkunu jiswew xejn. F’dawk il-każijiet għandha tkun analizzata soluzzjoni mill-perspettiva tal-ippjanar tan-netwerk u tal-investiment,

(5)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament u tal-Kunsill (3), l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“l-Aġenzija”) għandha timmonitorja u tanalizza l-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida. Jeħtieġ li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jippubblikaw l-informazzjoni neċessarja għall-identifikazzjoni tal-okkorrenza ta’ konġestjoni kuntrattwali f’format faċli biex wieħed jaħdem fuqu,

(6)

Skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw il-konformità ma’ dawk il-linji gwida,

(7)

Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni l-aktar effettiva tal-proċeduri għall-immaniġġjar tal-konġestjoni fil-punti ta’ interkonnessjoni kollha u bil-għan li l-kapaċitajiet disponibbli jkunu massimizzati fis-sistemi kollha ta’ ħruġ u ta’ dħul kontigwi, hija ta’ importanza kbira li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni mill-Istati Membri differenti u fi ħdan l-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin u bejn xulxin. B’mod partikolari l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni għandhom iqisu l-aħjar prassi u għandhom ifittxu li jarmonizzaw il-proċessi għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida. Filwaqt li jaġixxu skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 l-Aġenzija u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li l-proċeduri għall-immaniġġjar tal-konġestjoni l-aktar effettivi jiġu implimenti fil-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ applikabbli madwar l-Unjoni,

(8)

Filwaqt li l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni għandhom f’idejhom informazzjoni dettaljata dwar l-użu fiżiku tas-sistema u jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jivvalutaw il-flussi tal-futur, xieraq li huma jiddeterminaw ammont ta’ kapaċità addizzjonali li għandha tkun disponibbli minbarra l-kapaċità teknika kkalkolata. Meta huma joffru aktar kapaċità kostanti minn dik li hija disponibbli teknikament billi jqisu x-xenarji ta’ flussi u kapaċitajiet ikkuntrattjati, l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni jieħdu riskju li għandu jkun ippremjat kif dovut. Madankollu, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-introjtu tal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni, tali kapaċità addizzjonali għandha tkun applikata biss fil-każ li l-kapaċità kollha l-oħra, inkluż il-kapaċità li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ proċeduri għall-immaniġġjar tal-konġestjoni, tkun ġiet allokata. L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jikkooperaw bejniethom mill-qrib biex jistabbilixxu l-kapaċità teknika. Sabiex tkun solvuta l-problema potenzjali ta’ konġestjoni fiżika l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom japplikaw il-miżura l-aktar kosteffettiva, inkluż ix-xiri lura tal-kapaċità jew it-teħid ta’ miżuri oħra tekniċi jew kummerċjali,

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

(10)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 51 tad-Direttiva Nru 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Awwissu 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

(2)  ĠU L 289, 3.11.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1.

(4)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94.


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 huwa emendat kif ġej:

1.

Il-Punt 2.2 huwa mibdul b’dan li ġej:

“2.2.   Proċeduri dwar l-amminstrazzjoni [l-immaniġġjar] tal-konġestjoni fil-każ ta’ konġestjoni kontrattwali

2.2.1.   Dispożizzjonijiet ġenerali

1.

Id-dispożizzjonijiet tal-punt 2.2 għandhom japplikaw għall-punti ta’ interkonnessjoni kollha bejn is-sistemi ta’ dħul u ta’ ħruġ kontigwi, irrispettivament minn jekk dawn humiex fiżiċi jew virtwali, bejn żewġ Stati Membri jew aktar jew fi ħdan l-istess Stat Membru safejn dawn il-punti huma soġġetti għall proċeduri ta’ prenotazzjoni minn utenti. Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu japplikaw ukoll għall-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ minn u lejn pajjiżi terzi, soġġett għad-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali rilevanti. Il-punti ta’ ħruġ għall-konsumaturi finali u għan-netwerks ta’ distribuzzjoni, il-punti ta’ dħul mit-terminals LNG u mill-faċilitajiet ta’ produzzjoni, u l-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ minn u lejn il-faċilitajiet ta’ ħażna mhumiex soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-punt 2.2.

2.

Abbażi tal-informazzjoni ppubblikata mill-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni skont it-Taqsima 3 ta’ dan l-Anness u, fejn xieraq, ivvalidata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-Aġenzija għandha tippubblika sal-1 ta’ Marzu ta’ kull sena, b’bidu mis-sena 2014, rapport ta’ monitoraġġ dwar il-konġestjoni fil-punti ta’ interkonnessjoni fir-rigward tal-prodotti ta’ kapaċità kostanti li jkunu nbiegħu fis-sena ta’ qabel filwaqt li tqis, safejn possibbli, in-negozjar ta’ kapaċità fis-suq sekondarju u l-użu ta’ kapaċità interrompibbli.

3.

Kull kapaċità addizzjonali li tkun saret disponibbli mill-applikazzjoni ta’ waħda mill-proċeduri tal-immaniġġjar tal-konġestjoni kif stipulat fil-punti 2.2.2, 2.2.3, 2.2.4 u 2.2.5 għandha tkun offruta mill-operatur(i) tas-sistema ta’ trażmissjoni rispettiv(i) fil-proċess tal-allokazzjoni regolari.

4.

Il-miżuri stipulati fil-punti 2.2.2, 2.2.4 u 2.2.5 għandhom ikunu implimentati b’seħħ mill-1 ta’ Ottubru 2013. Il-punt 2.2.3(1) sa 2.2.3(5) għandu japplika b’seħħ mill-1 ta’ Lulju 2016.

2.2.2.   Żieda tal-kapaċità permezz tal-iskema ta’ sottoskrizzjoni żejda u xiri lura

1.

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jipproponu u, wara l-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali, għandhom jimplimentaw skema ta’ sottoskrizzjoni żejda u xiri lura bbażata fuq l-inċentiv sabiex joffru kapaċità addizzjonali fuq bażi kostanti. Qabel l-implimentazzjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tikkonsulta mal-Istati Membri kontigwi u għandha tqis l-opinjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kontigwi. Il-kapaċità addizzjonali hija definita bħala l-kapaċità kostanti offruta b’żieda mal-kapaċità teknika ta’ punt ta’ interkonnessjoni kkalkulata fuq il-bażi tal-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-Regolament.

2.

L-iskema ta’ sottoskrizzjoni żejda u xiri lura għandha tipprovdi lill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni bl-inċentiv li jagħmlu disponibbli kapaċità addizzjonali billi jqisu l-kondizzjnijiet tekniċi, bħall-valur kalorifiku, it-temperatura u l-konsum mistenni tas-sistema rilevanti ta’ dħul u ta’ ħruġ u l-kapaċitajiet fin-netwerks kontigwi. L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom japplikaw approċċ dinamiku fir-rigward tal-kalkolu mill-ġdid tal-kapaċità teknika jew addizzjonali tas-sistema ta’ dħul u ta’ ħruġ.

3.

L-iskema ta’ sottoskrizzjoni żejda u xiri lura għandha tkun ibbażata fuq reġim ta’ inċentivi li jirrifletti r-riskji li jieħdu l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni billi joffru kapaċità addizzjonali. L-iskema għandha tkun strutturata b’tali mod li d-dħul mill-bejgħ ta’ kapaċità addizzjonali u l-ispejjeż li jirriżultaw mill-iskema tax-xiri lura jew mill-miżuri skont il-paragrafu 6 jinqasmu bejn l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-utenti tan-netwerk. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiddeċiedu dwar id-distribuzzjoni tad-dħul u tal-ispejjeż bejn l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-utent tan-netwerk.

4.

Għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dħul tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, il-kapaċità teknika, b’mod partikolari l-kapaċità irrinunzjata kif ukoll, fejn rilevanti, il-kapaċità li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi li jwasslu għat-telf ta’ kapaċità kostanti minn ġurnata bil-quddiem fil-każ ta’ kapaċita mhux użata [firm day-ahead use-it-or-lose-it], u għal telf ta’ kapaċita mhux użata fuq perjodu ta’ żmien twil [long term use-it-or-lose-it], għandhom jitqiesu bħala allokati qabel kwalunkwe kapaċità addizzjonali.

5.

Sabiex jistabbilixxi l-kapaċità addizzjonali, l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jqis ix-xenarji tal-istatistika għall-ammont probabbli ta’ kapaċità mhux użata fis-sens fiżiku fi kwalunkwe mument fil-punti ta’ interkonnesjoni. Huwa għandu jqis ukoll il-profil tar-riskju għall-offerta ta’ kapaċità addizzjonali li ma twassalx għal obbligu ta’ xiri lura eċċessiv. L-iskema ta’ sottoskrizzjoni żejda u xiri lura għandha tqis ukoll il-possibbiltà u l-ispejjeż tal-kapaċità tax-xiri lura fis-suq u għandha tirrifletti dan fl-ammont ta’ kapaċità addizzjonali li għandha tkun disponibbli.

6.

Fejn ikun meħtieġ li tinżamm l-integrità tas-sistema, l-oepraturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom japplikaw proċedura ta’ xiri lura bbażata fuq is-suq li permezz tagħha l-utenti tan-netwerk ikunu jistgħu joffru l-kapaċità. L-utenti tan-netwerk għandhom ikunu informati dwar il-proċedura tax-xiri lura applikabbli. L-applikazzjoni tal-proċedura tax-xiri lura hija bla ħsara għall-miżuri ta’ emerġenza applikabbli.

7.

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, għandhom qabel ma japplikaw proċedura tax-xiri lura, jivverifikaw jekk miżuri alternattivi tekniċi u kummerċjali, jistgħux isostnu l-integrità tas-sistema b’mod aktar kosteffiċjenti.

8.

Meta jipproponi skema ta’ sottoskrizzjoni żejda u xiri lura l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jipprovdi d-dejta, l-estimi u l-mudelli rilevanti kollha lill-awtorità regolatorja nazzjonali sabiex din tkun tista’ tivvaluta l-iskema. L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jirrapporta regolarment lill-awtorità regolatorja nazzjonali dwar il-funzjonament tal-iskema u, fuq it-talba tal-awtorità regolatorja nazzjonali, għandu jipprovdi d-dejta kollha rilevanti. L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ ttitlob lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni biex jirrevedi l-iskema tiegħu.

2.2.3.   Mekkaniżmu li jwassal għal telf ta’ kapaċità kostanti minn ġurnata bil-quddiem f’każ ta’ kapaċità mhux użata [Firm day-ahead use-it-or-lose-it mechanism]

1.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jesiġu li l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni japplikaw tal-anqas ir-regoli stabbiliti fil-paragrafu 3 għal kull utent tan-netwerk fil-punti ta’ interkonnessjoni fir-rigward tal-alterazzjoni tan-nominazzjoni inizjali fil-każ li, abbażi tar-rapport annwali ta’ monitoraġġ tal-Aġenzija f’konformità mal-punt 2.2.1(2), jintwera li f’punti ta’ interkonnessjoni d-domanda tkun ogħla mill-offerta, bil-prezz tar-riżerva meta jintużaw l-irkantijiet, matul il-proċeduri tal-allokazzjoni tal-kapaċità fis-sena koperta mir-rapport tal-monitoraġġ għall-prodotti għall-użu f’dik is-sena jew f’waħda mis-sentejn sussegwenti,

(a)

għal tal-anqas tliet prodotti ta’ kapaċità kostanti b’tul ta’ żmien ta’ xahar; jew

(b)

għal tal-anqas żewġ prodotti ta’ kapaċità kostanti b’tul ta’ żmien ta’ perjodu ta’ tliet xhur; jew

(c)

għal tal-anqas prodott wieħed ta’ kapaċità kostanti b’tul ta’ żmien ta’ sena jew aktar; jew

(d)

meta ma jkun ġie offurt l-ebda prodott ta’ kapaċità kostanti għal tul ta’ żmien ta’ xahar jew aktar.

2.

Fil-każ li, abbażi tar-rapport annwali ta’ monitoraġġ jintwera li ma hemmx il-probabbiltà li fit-tliet snin sussegwenti terġa’ sseħħ is-sitwazzjoni kif iddefinita fil-paragrafu 1, pereżempju b’riżultat tad-disponibbiltà tal-kapaċità minħabba l-espansjoni fiżika tan-netwerk jew minħabba t-terminazzjoni ta’ kuntratti fit-tul, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti jistgħu jiddeċiedi li jitterminaw il-mekkaniżmu li jwassal għal telf ta’ kapaċità kostanti minn ġurnata bil-quddiem f’każ ta’ kapaċità mhux użata [firm day-ahead use-it-or-lose-it mechanism].

3.

In-nominazzjoni mill-ġdid ta’ kapaċità kostanti hija permessa sa 90 % u minimu ta’ 10 % tal-kapaċità kkuntrattjata mill-utent tan-netwerk fil-punt ta’ interkonnessjoni. Madankollu, fil-każ li n-nominazzjoni tissupera t-80 % tal-kapaċità kkuntrattjata, nofs il-volum mhux innominat jista’ jerġa’ jiġi nnominat ’il fuq. Fil-każ li n-nominazzjoni ma tissuperax l-20 % tal-kapaċità rriservata, nofs il-volum mhux innominat jista’ jerġa’ jiġi nnominat ’l isfel. L-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu hija bla ħsara għall-miżuri ta’ emerġenza applikabbli.

4.

Id-detentur oriġinali tal-kapaċità kkuntrattjata jista’ jinnomina mill-ġdid il-parti ristretta tal-kapaċità kostanti kkuntrattjata fuq bażi interrompibbli.

5.

Il-paragrafu 3 ma għandux japplika għall-utenti tan-netwerk — persuni jew impriżi u l-impriżi li jikkontrolloaw skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 — li huma d-detenturi ta’ anqas minn 10 % tal-kapaċità teknika medja fis-sena preċedenti fil-punt ta’ interkonnessjoni.

6.

Fil-punti ta’ interkonnessjoni fejn jiġi applikat mekkaniżmu li jwassal għal telf ta’ kapaċità kostanti minn ġurnata bil-quddiem f’każ ta’ kapaċità mhux użata [firm day-ahead use-it-or-lose-it mechanism] skont il-paragrafu 3, għandha ssir evalwazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali tar-relazzjoni mal-iskema ta’ sottoskrizzjoni żejda u xiri lura skont il-punt 2.2.2. Dan jista’ jirriżulta f’deċiżjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tal-punt 2.2.2 f’dawk il-punti ta’ interkonnessjoni. Deċiżjoni bħal din għandha tkun innotifikata, mingħajr dewmien, lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni.

7.

Awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tiddeċiedi li timplimenta mekkaniżmu li jwassal għal telf ta’ kapaċità kostanti minn ġurnata bil-quddiem f’każ ta’ kapaċità mhux użata [firm day-ahead use-it-or-lose-it mechanism] skont il-paragrafu 3 f‘punt ta’ interkonnessjoni. Qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri kontigwi. Meta tadotta d-deċiżjoni tagħha, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tqis l-opinjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri kontigwi.

2.2.4.   Irrinunzjar ta’ kapaċità kkuntrattjata

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jaċċettaw kull ċediment ta’ kapaċità kostanti li hija kkuntrattjata mill-utent tan-netwerk f’punt ta’ interkonnessjoni, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tal-kapaċità b’tul ta’ żmien ta’ ġurnata jew anqas. L-utent tan-netwerk għandu jżomm id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skont il-kuntratt tal-kapaċità sakemm il-kapaċità tkun allokata mill-ġdid mill-operatur tat-trażmissjoni u safejn il-kapaċità ma tkunx allokata mill-ġdid mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni. Kapaċità irrinunzjata għandha titqies li hija allokata mill-ġdid biss wara li l-kapaċità kollha disponibbli tkun ġiet allokata. L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jinnotifika lill-utent tan-netwerk mingħajr dewmien dwar kwalunkwe allokazzjoni mill-ġdid tal-kapaċita rrinunzjata tiegħu. It-termini u l-kondizzjonijiet speċifiċi għar-rinunzjar tal-kapaċità, b’mod partikolari għall-każijiet fejn bosta utenti tan-netwerk jirrinunzjaw il-kapaċità tagħhom, għandhom ikunu approvati mill-awtorità regolatorja nazzjonali.

2.2.5.   Mekkaniżmu li jwassal għal telf ta’ kapaċità mhux użata fit-tul [Long-term use-it-or-lose-it mechanism]

1.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jirrikjedu lill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni li huma jirtiraw parzjalment jew bis-sħiħ u b’mod sistematiku l-kapaċità mhux użata kkuntrattjata f’punt ta’ interkonnessjoni minn utent tan-netwerk meta dan l-utent ma jkunx biegħ jew offra b’kundizzjonijiet raġonevoli, il-kapaċità mhux użata tiegħu u meta l-utenti l-oħra tan-netwerk jitolbu għal kapaċità kostanti. Il-kapaċità kkuntrattjata hija meqjusa bħala sottoutilizzata b’mod sistematiku partikolarment jekk:

(a)

l-utent tan-netwerk juża fuq medja anqas minn 80 % tal-kapaċità kkuntrattjata tiegħu kemm mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Settembru kif ukoll mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Marzu b’tul ta’ żmien effettiv tal-kuntratt ta’ aktar minn sena li għal dan ma tista’ tingħata l-ebda ġustifikazzjoni; jew

(b)

l-utent tan-netwerk jinnomina b’mod sistematiku qrib il-100 % tal-kapaċità kkuntrattjata tiegħu u jerġa’ jinnomina ’l isfel bil-għan li jevita r-regoli stabbiliti fil-punt 2.2.3(3).

2.

L-applikazzjoni tal-mekkaniżmu li jwassal għal telf ta’ kapaċità kostanti minn ġurnata bil-quddiem f’każ ta’ kapaċità mhux użata [firm day-ahead use-it-or-lose-it mechanism] ma għandhiex titqies bħala ġustifikazzjoni biex tkun evitata l-applikazzjoni tal-paragrafu 1.

3.

L-irtirar għandu jirriżulta fit-telf parzjali jew sħiħ min-naħa tal-utent tan-netwerk tal-kapaċità kuntrattjata tiegħu għal perjodu partikolari jew għall-bqija tat-terminu kuntrattwali effettiv. L-utent tan-netwerk għandu jżomm id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skont il-kuntratt tal-kapaċità sakemm il-kapaċità tkun allokata mill-ġdid mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u sakemm il-kapaċità ma tkunx allokata mill-ġdid mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

4.

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jipprovdu regolarment lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali bid-dejta kollha neċessarja għall-monitoraġġ tal-estent safejn jintużaw il-kapaċitajiet ikkuntrattjati b’tul ta’ żmien effettiv ta’ aktar minn sena jew ta’ perjodi rikorrenti ta’ tliet xhur li jkopru tal-anqas sentejn.”

2.

Il-punt 3.1.1(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (e) huwa mibdul b’li ġej:

“(e)

f’format li jista’ jitniżżel minn sit elettroniku li jkun ġie miftiehem bejn tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali — fuq il-bażi ta’ opinjoni f’format armonizzat li għandha tingħata mill-Aġenzija — u li jippermetti analiżijiet kwantitattivi;”

(b)

Jiżdied il-punt (h) li ġej:

“(h)

id-dejta kollha għandha tkun disponibbli mill-1 ta’ Ottubru 2013 f’pjattaforma ċentrali unika madwar l-Unjoni kollha, stabbilita mill-ENTSOG fuq bażi kosteffettiva.”

3.

Fil-punt 3.3(1) jiżdiedu l-punti (h), (i), (j), (k) u (l) li ġejjin:

“(h)

L-okkorrenza ta’ talbiet legalment validi u rrifjutati għal prodotti ta’ kapaċità kostanti b’tul ta’ żmien ta’ xahar jew aktar inkluż l-għadd u l-volum ta’ talbiet irrifjutati, u

(i)

fil-każ tal-irkantijiet, fejn u meta l-prodotti ta’ kapaċità kostanti b’tul ta’ żmien ta’ xahar jew aktar ikunu ġew ikklerjati bi prezzijiet ogħla mill-prezz tal-kapaċità riservata,

(j)

fil-każ li u meta ma jkun ġie offurt l-ebda prodott ta’ kapaċità kostanti għal tul ta’ żmien ta’ xahar jew aktar fil-process regolari tal-allokazzjoni.

(k)

il-kapaċità totali li tkun saret disponibbli permezz tal-applikazzjoni tal-proċeduri tal-immaniġġjar tal-konġestjoni stabbiliti fil-punti 2.2.2, 2.2.3, 2.2.4 u 2.2.5 għal kull proċedura tal-immaniġġjar tal-konġestjoni.

(l)

il-punti (h) sa (k) għandhom japplikaw mill-1 ta’ Ottubru 2013”.