23.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 227/11


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Awwissu 2012

skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata tad-dejta personali mir-Repubblika Orjentali tal-Urgugwaj fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat tad-dejta personali

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 5704)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/484/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta, (1) u b’ mod partikolari l-Artikolu 25(6) tagħha,

Wara li kkonsultat lill-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta (2)

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 95/46/KE, l-Istati Membri huma mitlubin jipprovdu li t-trasferiment ta’ dejta personali lejn pajjiż terz isir biss jekk il-pajjiż terz ikkonċernat ikun jassigura livell adegwat ta’ protezzjoni kif ukoll jekk ikun hemm konformità mal-liġijiet tal-Istati Membri li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva qabel ma jsir it-trasferiment.

(2)

Il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni. F’dak il-każ, id-dejta personali tista’ tiġi trasferita mill-Istati Membri mingħajr ma jkunu meħtieġa garanziji addizzjonali.

(3)

Skont id-Direttiva 95/46/KE, il-livell ta’ protezzjoni tad-dejta għandu jkun evalwat fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha li jikkonċernaw operazzjoni ta’ trasferiment ta’ dejta jew sensiela ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ dejta filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil ċerti elementi importanti għat-trasferiment u elenkati fl-Artikolu 25 tagħha.

(4)

Minħabba d-diversi metodi li pajjiżi terzi jużaw fir-rigward tat-trasferiment tad-dejta, il-valutazzjoni tal-adegwatezza għandha titwettaq, u kwalunkwe deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE għandha ssir u tkun infurzata, b’mod li ma tinħoloqx diskriminazzjoni arbitrarja jew mingħajr ġustifikazzjoni kontra jew bejn pajjiżi terzi li fihom ikun hemm kundizzjonijiet simili, u lanqas ma sservi ta’ ostaklu moħbi għall-kummerċ, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni għall-impenji internazzjonali attwali tal-Unjoni.

(5)

Il-Kostituzzjoni Politika tar-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj, li għaddiet fl-1967, ma tirrikonoxxix espressament id-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali. Madankollu, il-katalgu tad-drittijiet fundamentali mhux lista magħluqa peress li l-Artikolu 72 tal-Kostituzzjoni jistipula li l-elenkar tad-drittijiet, tal-obbligi u tal-garanziji magħmul mill-Kostituzzjoni ma jeskludix oħrajn li jkunu inerenti għall-personalità umana jew li jkunu jidderivaw mill-forma repubblikana tal-gvern. L-Artikolu 1 tal-Att Nru 18.331 dwar il-Protezzjoni tad-Dejta Personali u l-azzjoni “Habeas Data” tal-11 ta’ Awwissu 2008 (Ley No 18.331 de Protección de Datos Personales y Acción de “Habeas Data”) jistipulaw espressament li “d-dritt għall-protezzjoni tad-deja personali huwa inerenti fil-bniedem u għalhekk huwa inkluż fl-Artikolu 72 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika”. L-Artikolu 332 tal-Kostituzzjoni jistipula li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Kostituzzjoni li jirrikonoxxu d-drittijiet tal-individwi kif ukoll dawk li jagħtu drittijiet u jimponu obbligi fuq l-awtoritajiet pubbliċi, m’għandhiex tkun imxekkla minn nuqqas ta’ regolamentazzjoni speċifika; pjuttost, għandha tissejjes fuq il-prinċipji ġenerali tal-liġi u fuq id-dottrina aċċettata b’mod ġenerali, permezz tal-użu tal-prinċipji sottostanti ta’ liġijiet simili.

(6)

Fir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj l-istandards legali għall-protezzjoni tad-dejta personali huma prinċipalment imsejsa fuq l-istandards stipulati fid-Direttiva 95/46/KE u huma stipulati fl-Att Nru 18.331 dwar il-Protezzjoni tad-Dejta Personali u l-azzjoni ‘Habeas Data’ (Ley No 18.331 de Protección de Datos Personales y de Acción de “Habeas Data”) tal-11 ta’ Awwissu 2008. Din tkopri l-persuni fiżiċi u ġuridiċi.

(7)

L-Att huwa kkumplimentat ulterjorment bid-Digriet Nru 414/009 tal-31 ta’ Awwissu 2009, li ġie adottat sabiex jiċċara diversi aspetti tal-Att u sabiex jistipula r-regolament dettaljat dwar l-organizzazzjoni, is-setgħat u l-funzjonament tal-awtorità ta’ sorveljanza għall-protezzjoni tad-dejta; Il-Preambolu tad-Digriet jistipula li huwa xieraq li f’dak li jirrigwarda din il-kwistjoni s-sistema tal-liġi nazzjonali tiġi aġġustata skont l-iktar sistema legali aċċettata u komparabbli, essenzjalment dak li ġie stabbilit mill-pajjiżi Ewropej permezz tad-Direttiva 95/46/KE.

(8)

Id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta jinsabu wkoll f’għadd ta’ atti speċjali li joħolqu u jirregolaw bażijiet ta’ dejta, jiġifieri atti li jirregolaw ċerti reġistri pubbliċ (kuntratti pubbliċi, proprjetà industrijali u trade marks, atti personali, proprjetà immobbli, il-minjieri jew ir-rappurtar tal-krediti). L-Att Nru 18.331 japplika wkoll għal dawn l-atti fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet li ma jkunux regolati minn strumenti legali speċifiċi, skont l-Artikolu 332 tal-Kostituzzjoni.

(9)

L-istandards legali dwar il-protezzjoni tad-dejta applikabbli fir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj ikopru l-prinċipji bażiċi kollha neċessarji biex ikun hemm livell adegwat ta’ protezzjoni għall-persuni fiżiċi, u jagħmlu wkoll xi eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet sabiex jiġu protetti l-interessi pubbliċi importanti. Dawn l-istandards legali dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-eċċezzjonjiet jirriflettu l-prinċipji stipulati mid-Direttiva 95/46/KE.

(10)

L-applikazzjoni tal-istandards legali dwar il-protezzjoni tad-dejta hija ggarantita minn rimedji amministrattivi u ġudizzjarji, b’mod partikolari mill-azzjoni legali ‘habeas data’ li tippermetti li s-suġġett li lilu tkun tirrigwarda d-dejta jiftaħ kawża fil-qorti kontra l kontrollur tad-dejta sabiex jinforza d-dritt tiegħu ta’ aċċess, rettifika u tħassir, u permezz ta’ sorveljanza indipendenti mwettqa mill-awtorità ta’ sorveljanza, l-Unità għar-Regolamentazzjoni u l-Kontroll tad-Dejta Personali (Unidad Reguladora y de Control de Datos Personales (URCDP), li għandha s-setgħa li tinvestiga, tintervjeni u timmulta skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE, u li taġixxi b’mod kompletament indipendenti. Barra minn hekk, kwalunkwe parti interessata għandha d-dritt li titlob rimedju ġudizzjarju biex tiġi kkumpensata għal ħsarat imġarrba b’riżultat ta’ proċessar tad-dejta personali tagħha li ma jkunx sar skont il-liġi.

(11)

L-awtoritajiet tal-Urugwaj għall-protezzjoni tad-dejta taw spjegazzjonijiet u garanziji dwar kif għandha tiġi interpretata l-liġi Urugwajana, u taw garanziji li l-leġiżlazzjoni Urugwajana dwar il-protezzjoni tad-dejta tiġi implimentata f’konformità ma’ din l-interpretazzjoni. B’mod partikolari, l-awtoritajiet tal-Urugwaj għall-protezzjoni tad-dejta spjegaw li, skont l-Artikolu 332 tal-Kostituzzjoni, l-Att Nru 18.331 japplika wkoll għal atti speċjali li joħolqu u jirregolaw bażijiet ta’ dejta speċifiċi relatati ma’ dawk il-kwistjonijiet li mhumiex regolati minn dawn l-istrumenti legali speċifiċi. Iċċaraw ukoll li, fir-rigward tal-listi msemmija fl-Artikolu 9 C) tal-Att Nru 18.331, li ma jeħtiġux il-kunsens tas-suġġett tad-dejta biex jiġu pproċessati, l-Att japplika wkoll, jiġifieri l-prinċipji tal-proporzjonalità u tal-finalità, id-drittijiet tas-suġġetti li lilhom tkun tirrigwarda d-dejta u huma suġġetti għas-sorveljanza tal-awtorità għall-protezzjoni tad-dejta. F’dak li jirrigwarda l-prinċipju tat-trasparenza, l-awtoritajiet Urugwajani għall-protezzjoni tad-dejta infurmaw li l-obbligu li s-suġġett li lilu tkun tirrigwarda d-dejta jingħata l-informazzjoni meħtieġa, japplika fil-każijiet kollha. Fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess, l-awtorità għall-protezzjoni tad-dejta ċċarat li huwa biżżejjed li s-suġġett li lilu tkun tirrigwarda d-dejta jġib prova tal-identità tiegħu meta jagħmel talba. L-awtoritajiet Urugwajani għall-protezzjoni tad-dejta ċċaraw li ma jistax jiġi mifhum li l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet relatati mal-prinċipju dwar it-trasferimenti nazzjonali stipulati fl-Artikolu 23(1) tal-Att Nru 18.331 hija usa’ minn dik tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 95/46/KE.

(12)

Din id-Deċiżjoni tqis dawn l-ispjegazzjonijiet u garanziji, u hija msejsa fuqhom.

(13)

Ir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj hija wkoll firmatarja tal-Konvenzjoni Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem (“Patt ta’ San José de Costa Rica”) tat-22 ta’ Novembru 1969 u li ilha fis-seħħ mit-18 ta’ Lulju 1978 (3). L-Artikolu 11 ta’ din il-Konvenzjoni jistipula d-dritt għall-privatezza u l-Artikolu 30 jistipula li r-restrizzjonijiet li, skont din il-Konvenzjoni, jistgħu jiġu applikati fuq it-tgawdija jew l-eżerċizzju tad-drittijiet jew il-libertajiet rikonoxxuti mill-Konvenzjoni, ma jistgħux jiġu applikati ħlief skont il-liġijiet promulgati għal raġunijiet ta’ interess ġenerali u skont l-iskop li għalih ikunu ġew stabbiliti restrizzjonijiet ta’ dan it-tip (Artikolu 30). Barra minn hekk, ir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj aċċettat il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem. Barra minn hekk, fl-1118-il laqgħa tad-Deputati tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li saret fis-6 ta’ Lulju 2011, id-Deputati stiednu lir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj biex tiffirma l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Individwi f’dak li jirrigwarda l-Ipproċessar Awtomatizzat tad-Dejta Peronali (ETS Nru 108) u l-Protokoll Addizzjonali tagħha (ETS Nru 118), wara opinjoni favorevoli tal-Kumitat Konsultattiv rilevanti (4).

(14)

Għalhekk, ir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj għandha titqies bħala li tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni għad-dejta personali, kif imsemmi fid-Direttiva 95/46/KE.

(15)

Din id-Deċiżjoni għandha tikkonċerna l-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija fir-Repubblika Orjentali tal-Urugway bl-għan li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46/KE. M’għandhiex taffettwa kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet oħrajn li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħrajn ta’ dik id-Direttiva li jirrigwardaw l-ipproċessar ta’ dejta personali fl-Istati Membri.

(16)

Fl-interess tat-trasparenza u sabiex tiġi mħarsal-abilità tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom, huwa neċessarju li jiġu speċifikati ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali fejn tista’ tkun ġustifikata s-sospensjoni ta’ flussi speċifiċi ta’ dejta, minkejja li jinstab li jkun hemm protezzjoni adegwata.

(17)

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-funzjonament tad-Deċiżjoni u tirrapporta kwalunkwe sejbiet rilevanti lill-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE. Sorveljanza ta’ dan it-tip għandha tkopri, fost l-oħrajn, is-sistema tar-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj li hija applikabbli għat-trasferimenti fil-qafas tat-trattati internazzjonali.

(18)

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali stabbilit skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE ta opinjoni favorevoli dwar il-livell ta’ adegwatezza fir-rigward tal-protezzjoni ta’ dejta personali, li ġiet ikkunsidrata fit-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni (5).

(19)

Il-miżuri stipulati minn din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 95/46/KE.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-għanijiet tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, ir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj hija meqjusa bħala li tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni għad-dejta personali trasferita mill-Unjoni Ewropea.

2.   L-awtorità ta’ sorveljanza tar-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj li hija kompetenti biex jiġu applikati l-istandards legali dwar il-protezzjoni tad-dejta fir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj hija stipulata fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Mingħajr ħsara għas-setgħat tagħhom li jieħdu azzjoni biex jiżguraw li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dispożizzjonijiet oħrajn differenti mill-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw is-setgħat eżistenti tagħhom li jissospendu l-flussi ta’ dejta lil riċevitur fl-Istat tar-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj sabiex jiġu protetti l-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom fil-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn awtorità Urugwajana kompetenti tkun ikkonkludiet li r-riċevitur ikun jikser l-istandards applikabbli ta’ protezzjoni; jew

(b)

fejn ikun hemm probabbiltà sostanzjali li l-istandards tal-protezzjoni jkunu qed jiġu miksura, fejn ikun hemm motivi raġonevoli biex wieħed jaħseb illi l-awtorità kompetenti Urugwajana ma tkunx qed tieħu, jew ma tkunx se tieħu l-passi xierqa u fil-ħin sabiex jissolva l-każ ikkonċernat, fejn it-tkomplija tat-trasferiment tkun toħloq periklu imminenti ta’ ħsara kbira lis-suġġetti li lilhom tkun tirrigwarda d-dejta u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jkunu għamlu dak kollu xieraq fiċ-ċirkostanzi biex jinnotifikaw lill-parti responsabbli għall-ipproċessar li tkun stabbilita fir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj u jkunu tawha ċans biżżejjed biex tirrispondi.

2.   Is-sospensjoni tieqaf hekk kif l-istandards ta’ protezzjoni jkunu assigurati u l-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati tkun notifikata b’dan.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr l-ebda dewmien meta jiġu adottati miżuri msejsa fuq l-Artikolu 2.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni jinfurmaw lil xulxin bil-każijiet fejn l-azzjoni tal-korpi responsabbli biex jiżguraw il-konformità mal-istandards ta’ protezzjoni fir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj tonqos milli tiżgura din il-konformità.

3.   Jekk l-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 2 u skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu tipprovdi provi li xi korp responsabbli biex jiżgura konformità mal-istandards tal-protezzjoni fir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj ma jkunx qed jagħmel xogħlu b’mod effikaċi, il-Kummissjoni tinforma lill-awtorità Urugwajana kompetenti u, jekk ikun neċessarju, tippreżenta abbozzi ta’ miżuri skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 95/46/KE, bl-għan li tiġi revokata jew sospiża din id-Deċiżjoni, jew li jiġi limitat il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni tissorvelja l-funzjonament ta’ din id-Deċiżjoni u tirrapporta kwalunkwe konklużjonjiet pertinenti lill-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE, inkluża kull prova li tista’ taffettwa l-konklużjoni tal-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li l-protezzjoni fir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj hija adegwata skont it-tifsira tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE, u kwalunkwe prova li din id-Deċiżjoni tkun qed tiġi implimentata b’mod diskriminatorju.

Artikolu 5

L-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Awwissu 2012.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Viċi President


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  Ittra tal-31 ta’ Awwissu 2011.

(3)  L-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani; O.A.S, Serje ta’ Trattati, Nru 36, 1144 U.N.T.S. 123. http://www.oas.org/juridico/english/treaties/b-32.html

(4)  Il-Kunsill tal-Ewropa-: https://wcd.coe.int/wcd/ViewDoc.jsp?Ref=CM/Del/Dec(2011)1118/10.3&Language=lanEnglish&Ver=original&Site=CM&BackColorInternet=DBDCF2&BackColorIntranet=FDC864&BackColorLogged=FDC864

(5)  Opinjoni 6/2010 dwar il-livell ta’ protezzjoni ta’ dejta personali fir-Repubblika Orjentali tal-Urugwaj. Disponibbli f’http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/docs/wpdocs/2010/wp177_mt.pdf


ANNESS

L-Awtorità kompetenti ta’ sorveljanza msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni:

Unidad Reguladora y de Control de Datos Personales (URCDP),

Andes 1365, Piso 8

Tel. +598 2901 2929 Int. 1352

11.100 Montevideo

L-URUGWAJ

L-indirizz tal-posta elettronika: http://www.datospersonales.gub.uy/sitio/contactenos.aspx

Ilmenti onlajn: http://www.datospersonales.gub.uy/sitio/denuncia.aspx

Websajt: http://www.datospersonales.gub.uy/sitio/index.aspx