14.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/32


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Lulju 2012

li temenda d-Deċiżjoni 2009/11/KE li tawtorizza metodi għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fi Spanja

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 4711)

(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)

(2012/384/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u partikolarment l-Artikolu 43(m), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/11/KE (2), ġie awtorizzat l-użu ta’ erba’ metodi għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fi Spanja.

(2)

Spanja ddikjarat li minħabba żviluppi teknoloġiċi ġodda u l-iżvilupp ta’ verżjonijiet ġodda ta’ żewġ apparati awtorizzati fi Spanja jinħtieġ li jiġu kkalibrati dawk l-istrumenti ġodda sabiex jinkisbu formuli ġodda għall-użu tagħhom fi Spanja.

(3)

Fi grupp sinifikanti ta’ biċċeriji fi Spanja, ma jinqabiżx l-għadd ta’ 500 qatla ta’ majjali fil-ġimgħa fuq bażi medja annwali. Għaldaqstant, huwa meħtieġ metodu għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi tal-majjali xieraq għall-kapaċità tal-qatla tagħhom.

(4)

Spanja talbet lill-Kummissjoni biex tawtorizza tliet metodi ġodda għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fit-territorju tagħha u ppreżentat deskrizzjoni dettaljata tal-prova tad-dissezzjoni li tindika l-prinċipji li fuqhom huma bbażati dawk il-metodi, tar-riżultati tal-prova tad-dissezzjoni u l-ekwazzjonijiet użati biex issir stima tal-perċentwal ta’ laħam dgħif fil-Protokoll previst fl-Artikolu 23(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1249/2008 tal-10 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-iskali tal-Komunità għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi taċ-ċanga, tal-majjal, u tal-laħam tan-nagħaġ u r-rapportar tal-prezzijiet tagħhom (3).

(5)

Eżami ta’ dik it-talba żvela li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ dawk il-metodi ta’ klassifikazzjoni huma ssodisfati. Għalhekk, dawk il-metodi ta’ klassifikazzjoni għandhom jiġu awtorizzati fi Spanja.

(6)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2009/11/KE għandha tiġi emendata kif xieraq.

(7)

Il-modifiki tal-apparat jew il-metodi ta’ klassifikazzjoni ma għandhomx jiġu permessi, sakemm ma jkunux awtorizzati espliċitament bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2009/11/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 1

L-użu tal-metodi li ġejjin huwa awtorizzat għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali skont il-punt 1 tat-Taqsima B.IV tal-Anness V għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (*) fi Spanja:

(a)

l-apparat ‘Fat-O-Meat’er (FOM)’ u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fil-Parti 1 tal-Anness;

(b)

l-apparat ‘Fully automatic ultrasonic carcase grading (Autofom)’ u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fil-Parti 2 tal-Anness,

(c)

l-apparat ‘Ultrafom 300’ u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fil-Parti 3 tal-Anness.

(d)

l-apparat ‘Automatic vision system (VCS2000)’ u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fil-Parti 4 tal-Anness.

(e)

l-apparat ‘Fat-O-Meat’er II (FOM II)’ u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fil-Parti 5 tal-Anness.

(f)

l-apparat ‘AutoFOM III’ u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fil-Parti 6 tal-Anness.

(g)

il-‘metodu manwali (ZP)’ b’riga u l-metodi ta’ valutazzjoni relatati miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fil-Parti 7 tal-Anness.

Il-metodu manwali ZP b’riga, imsemmi fil-punt (g) tal-ewwel paragrafu, għandu jiġi awtorizzat biss għall-biċċeriji:

(a)

meta ma jinqabiżx l-għadd ta’ 500 qatla ta’ majjali fil-ġimgħa fuq bażi medja annwali; u

(b)

ikun hemm linja ta’ qatla b’kapaċità li tipproċessa aktar minn 40 majjal fis-siegħa.

(*)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.”"

(2)

L-Anness huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 6, 10.1.2009, p. 79.

(3)  ĠU L 337, 16.12.2008, p. 3.


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/11/KE, għandhom jiżdiedu l-Parti 5, 6 u 7 li ġejjin:

Parti 5

FAT-O-MEAT’ER (FOM II)

1.

Ir-regoli previsti f’din il-Parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-apparat magħruf bħala ‘Fat-O-Meat’er (FOM II)’.

2.

L-apparat huwa verżjoni ġdida tas-sistema tal-kejl FAT-O-Meat’er. Il-FOM II jikkonsisti f’sonda ottika b’sikkina, tagħmir għall-kejl tal-ħxuna li għandu distanza operattiva ta’ bejn 0 u 125 mm u bord tal-akkwist u l-analiżi tad-dejta — kompjuter Carometec Touch Panel i15 (Ingress Protection IP69K). Ir-riżultati tal-kejl jinqalbu f’kontenut tal-laħam dgħif stmat permezz tal-apparat FOM II stess.

3.

Il-kontenut tal-laħam dgħif ta’ karkassa għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

Ŷ = 64,53 – 0,876 × X1 + 0,181 × X2

fejn:

Ŷ

=

il-perċentwali tal-laħam dgħif stmat f’karkassa,

X1

=

il-ħxuna tax-xaħam tad-dahar (bil-ġilda ta’ barra) f’millimetri, imkejla b’mod perpendikulari sad-dahar tal-karkassa f’6 ċentimetri ‘l bogħod mil-linja tan-nofs tal-karkassa maqsuma, bejn it-tielet u r-raba’ kustilja tal-aħħar,

X2

=

il-ħxuna tal-muskolu dorsali f’millimetri, imkejla fl-istess ħin, fl-istess post u bl-istess metodu bħal X1.

Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kilogramm (piż tal-karkassa sħuna).

Parti 6

AUTOFOM III

1.

Ir-regoli previsti f’din il-Parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz ta’ apparat magħruf bħala ‘AutoFOM III’.

2.

L-apparat għandu jkun mgħammar b’sittax-il transdjuser ultrasoniku ta’ 2 MHz (Carometec A/S), b’distanza operattiva bejn it-transdjusers ta’ 25 mm. Id-dejta ultrasonika għandha tinkludi l-kejl tal-ħxuna tax-xaħam tad-dahar, il-ħxuna tal-muskolu u l-parametri relatati. Ir-riżultati tal-kejl jinqalbu fi stimi tal-perċentwali tal-laħam dgħif bl-użu tal-kompjuter.

3.

Il-kontenut tal-laħam dgħif ta’ karkass għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

Ŷ = 68,44293415 – (0,35254288 × R2P10) – (0,31514342 × R2P15) – (0,19383319 × R2P16) + (0,02067879 × R3P3) + (0,03303812 × R3P5) + (0,02479771 × R3P6) + (0,02710736 × R3P7) + (0,02310621 × R3P9) – (0,07075210 × R4P10)

fejn:

Ŷ

=

il-perċentwali tal-laħam dgħif stmat f’karkassa,

R2P10, R2P15, R2P16,R3P3, R3P5, R3P6, R3P7, R3P9 u R4P10 huma l-varjabbli mkejla minn AutoFOM III,

4.

Il-punti tal-kejl huma deskritti fil-Parti II tal-protokoll ippreżentat lill-Kummissjoni minn Spanja skont l-Artikolu 23(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1249/2008 (*).

Din il-formula hija valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kg (piż tal-karkassa sħuna).

Parti 7

METODU MANWALI (ZP)

1.

Ir-regoli pprovduti f’din il-Parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-‘metodu manwali (ZP)’ bil-kejl bir-riga.

2.

Il-metodu jista’ jiġi implimentat permezz ta’ riga, fejn il-klassifika tiġi determinata abbażi ta’ ekwazzjoni ta’ tbassir. Hija bbażata fuq il-kejl manwali tal-linja tan-nofs tal-karkassa maqsuma tal-ħxuna tax-xaħam u l-ħxuna tal-muskolu.

3.

Il-kontenut tal-laħam dgħif tal-karkassi għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

Ŷ = 59,89 – 0,821 × F + 0,157 × M

fejn:

Ŷ

=

il-perċentwal tal-laħam dgħif stmat fil-karkassa,

F

=

il-ħxuna minima tax-xaħam viżibbli (inkluża l-ġilda ta’ barra), f’millimetri, fuq il-linja tan-nofs tal-karkassa maqsuma f’millimetri, li tkopri l-M. gluteus medius,

M

=

il-ħxuna viżibbli tal-muskolu lumbari, f’millimetri, fuq il-linja tan-nofs tal-karkassa maqsuma, imkejla fuq l-iqsar konnessjoni bejn it-tarf ta’ quddiem (tal-kranju) tal-M. glutaeus medius u t-tarf ta’ fuq (dorsali) tal-kanal vertebrali.

Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kg (piż tal-karkass sħun).